LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 9/15 pp. 7-11
  • Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mill-​Asja għall-​Ewropa
  • Kalzrier Isir Wieħed li Jemmen
  • Il-​Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Tessalonika u f’Berea
  • Il-​Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Ateni
  • Il-​Kelma t’Alla Tegħleb f’Korintu
  • Il-​Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Efesu
  • Intolleranza Reliġjuża Ma Tirnexxix
  • “Ejja l-Maċedonja”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “Ibqaʼ Tkellem u Taqtax Qalbek”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Hu “Rraġuna Magħhom mill-Iskrittura”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “Jinfirex Ħafna u Jeffettwa Iktar u Iktar Nies” Minkejja l-Oppożizzjoni
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 9/15 pp. 7-11

Il-​Kelma taʼ Jehovah Tegħleb!

“B’mod setgħan il-​kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tegħleb.”−ATTI 19:20.

1. X’se jiġi diskuss f’dan l-​istudju tal-​ktieb Bibliku tal-​Atti tal-​Appostli?

JEHOVAH kien qed jiftaħ bieb taʼ attività. B’mod speċjali kellu Pawlu, “appostlu tal-​ġnus” jiftaħ dak ix-​xogħol. (Rumani 11:13) Tabilħaqq, l-​istudju tagħna li jkompli fuq l-​Atti tal-​Appostli jsibu okkupat fi vjaġġi missjunarji eċċitanti.—Atti 16:6-19:41.

2. (a) L-​appostlu Pawlu kif qeda taʼ kittieb spirat b’mod divin minn madwar is-​sena 50 E.K. sas-​sena 56 E.K.? (b) X’ġara hekk kif Alla bierek il-​ministeru taʼ Pawlu u dak taʼ oħrajn?

2 Pawlu kien ukoll kittieb spirat b’mod divin. Minn madwar is-​sena 50 E.K. sas-​sena 56 E.K., hu kiteb l-​1 u t-​2 Tessalonkin minn Korintu, lill-​Galatin minn dik il-​belt jew minn Antijokija tas-​Sirja, l-​1 Korintin minn Efesu, it-​2 Korintin mill-​Maċedonja u lir-​Rumani minn Korintu. U hekk kif Alla bierek il-​ministeru taʼ Pawlu u dak taʼ oħrajn, “b’mod setgħan il-​kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tegħleb.”−Atti 19:20.

Mill-​Asja għall-​Ewropa

3. Pawlu u sħabu kif taw eżempju mill-​aħjar f’konnessjoni maʼ direzzjoni mill-​ispirtu qaddis?

3 Pawlu u sħabu jagħtuna eżempju mill-​aħjar f’li jaċċettaw id-​direzzjoni tal-​ispirtu qaddis. (16:6-10) Forsi permezz taʼ rivelazzjonijiet li jinstemgħu, ħolm, jew viżjonijiet, l-​ispirtu żammhom milli jippridkaw fid-​distrett tal-​Asja u l-​provinċja taʼ Bitinja, li ntlaħqu wara bl-​aħbar tajba. (Atti 18:18-21; 1 Pietru 1:1, 2) L-​ispirtu għala żamm id-​dħul iżjed bikri? Il-​ħaddiema kienu ftit, u l-​ispirtu kien qed jiggwidahom f’oqsma iżjed fertili fl-​Ewropa. L-​istess illum, jekk it-​triq tkun magħluqa għal ġo territorju wieħed, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw band’oħra, ċerti li l-​ispirtu t’Alla jiggwidahom lejn uħud bħal ngħaġ.

4. X’kien ir-​rispons għall-​viżjoni taʼ Pawlu taʼ raġel mill-​Maċedonja jitlob għall-​għajnuna?

4 Pawlu u sħabu mbagħad ‘għaddew minn ħdejn’ Misja, reġjun fl-​Asja Minuri, bħala qasam missjunarju. F’viżjoni, madankollu, Pawlu ra raġel mill-​Maċedonja jitlob għall-​għajnuna. Għalhekk il-​missjunarji malajr marru l-​Maċedonja, reġjun tal-​Peninsula Balkana. B’mod simili, ħafna Xhieda huma diretti mill-​ispirtu qaddis biex jaqdu issa fejn il-​ħtieġa għal xandara tas-​Saltna hi kbira.

5. (a) Għala jistaʼ jingħad li l-​kelma taʼ Jehovah għelbet ġewwa Filippi? (b) B’liema mod huma ħafna mix-​Xhieda taż-​żmien modern bħal Lidja?

5 Il-​kelma taʼ Jehovah għelbet fil-​Maċedonja. (16:11-15) Filippi, kolonja abitata fil-​biċċa l-​kbira minn ċittadini Rumani, milli jidher kellha ftit Lhud u l-​ebda sinagoga. Għalhekk l-​aħwa marru f’“post tat-​talb” maġenb xmara barra l-​belt. Fost dawk li nstabu hemm kien hemm Lidja, wisq probabbli prożelita Lhudija minn Tijatira, belt fl-​Asja Minuri magħrufa għall-​industrija tagħha taʼ żebgħa tal-​ħwejjeġ. Hi kienet tbigħ żebgħa tal-​porpra jew drappijiet u ħwejjeġ miżbugħin biha. Wara li Lidja u n-​nies taʼ darha tgħammdu, hi offriet ospitalità b’tant ħeġġa li Luqa kiteb: “Sempliċement ġegħlitna niġu.” Aħna grati għal aħwa nisa taʼ dik ix-​xorta llum.

Kalzrier Isir Wieħed li Jemmen

6. Attività demonika kif wasslet għat-​tfigħ il-​ħabs taʼ Pawlu u Silas ġo Filippi?

6 Satana bil-​fors li kien irrabjat minħabba l-​iżviluppi spiritwali ġewwa Filippi, għax attività demonika hemmhekk wasslet biex Pawlu u Silas intefgħu l-​ħabs. (16:16-24) Għal ġranet sħaħ huma ġew segwiti minn tfajla li kellha “demonju taʼ tbassir” (litteralment, “spirtu taʼ piton”). Id-​demonju setaʼ ppersonifika lil Apollo Pitanu, wieħed alla li suppost qatel serpent jismu pyʹthon. It-​tfajla ġabet ħafna qliegħ lis-​sidien tagħha billi tipprattika l-​arti tat-​teħbir. Iva, forsi kienet tgħid lill-​bdiewa meta jħawlu, lix-​xebbiet meta jiżżewġu, u lill-​ħaddiema tal-​minjieri fejn ifittxu d-​deheb! Hi baqgħet tiġri wara l-​aħwa u tgħajjat: “Dawn l-​irġiel huma rsiera t’Alla l-​Iktar Għoli, li qed jippublikawlkom il-​mogħdija tas-​salvazzjoni.” Id-​demonju forsi ġagħalha tgħid dan biex taparsi t-​teħbir tagħha kien imnebbaħ b’mod divin, imma d-​demonji ma għandhom ebda dritt jagħmlu proklamazzjonijiet dwar Jehovah u dwar il-​provvediment tiegħu għas-​salvazzjoni. Meta Pawlu ddejjaq bis-​sitwazzjoni, hu keċċa lid-​demonju f’isem Ġesù. Peress li l-​qliegħ tagħhom ġie rrovinat, is-​sidien tat-​tfajla kaxkru lil Pawlu u lil Silas lejn is-​suq, fejn ġew imsawtin bl-​oħtra. (2 Korintin 11:25) Imbagħad ġew mitfugħin il-​ħabs u saqajhom imqegħdin fil-​qjud. Dan l-​apparat setaʼ jiġi rranġat b’tali mod li jisforza s-​saqajn ’il bogħod minn xulxin, biex jikkaġuna wġiegħ kbir.

7. Għal min u kif il-​priġunerija taʼ Pawlu u Silas ġo Filippi rriżultat f’barkiet?

7 Din il-​priġunerija rriżultat f’barkiet għall-​kalzrier u l-​familja tiegħu. (16:25-40) Madwar nofs il-​lejl Pawlu u Silas kienu qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-​kant, ċerti li hu kien magħhom. (Salm 42:8) F’daqqa waħda, terremot fetaħ il-​bibien beraħ u ħall l-​irbit kollu hekk kif il-​ktajjen inqatgħu minn mat-​travi jew minn mal-​ħitan. Il-​kalzrier kien beżgħan li jingħata l-​piena tal-​mewt għaliex kienu ħarbulu l-​priġunieri tiegħu. Kien kważi se jikkommetti suwiċidju meta Pawlu għajjat: “Tweġġax lilek innifsek, għax aħna kollha qegħdin hawn!” Billi ħareġ lil Pawlu u lil Silas barra, il-​kalzrier staqsa kif setaʼ jsalva. “Emmen fil-​Mulej Ġesù,” kienet it-​tweġiba. Meta semaʼ l-​kelma taʼ Jehovah, “hu u tiegħu tgħammdu bla dewmien.” X’ferħ ġab dak!

8. X’azzjoni ħadu l-​maġistrati ċivili taʼ Filippi, u x’setaʼ jinkiseb jekk huma jirrikonoxxu l-​iżball tagħhom fil-​pubbliku?

8 Il-​għada, maġistrati ċivili bagħtu messaġġ biex Pawlu u Silas jinħelsu. Imma Pawlu qal: ‘Flaġellawna bla kundanna, meta aħna rġiel Rumani, u tefgħuna ġewwa l-​ħabs. Se jixħtuna ’l barra baxx baxx? Ħallihom jiġu huma u joħorġuna.’ Jekk il-​maġistrati rrikonoxxew l-​iżball tagħhom fil-​pubbliku, huma forsi kienu se jżommu lura milli jsawtu u jitfgħu l-​ħabs lil xi Kristjani oħra. Billi ma setgħux ikeċċu lil ċittadini Rumani, il-​maġistrati ġew u talbu lill-​aħwa biex jitilqu, imma dawn għamlu hekk biss wara li nkuraġġew lil sħabhom fit-​twemmin. Interess bħal dan issa jqanqal lil membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna u lil rappreżentanti oħra li jivvjaġġaw biex iżuru u jinkuraġġixxu lill-​poplu t’Alla mal-​art kollha.

Il-​Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Tessalonika u f’Berea

9. B’liema metodu, li għadu jintuża mix-​Xhieda taʼ Jehovah, Pawlu ‘spjega u ta prova’ li l-​Messija kellu jbati u jqum mill-​mewt?

9 Il-​kelma t’Alla mbagħad għelbet f’Tessalonika, il-​kapitali u l-​port ewlieni tal-​Maċedonja. (17:l-9) Hemm Pawlu rraġuna maʼ xi Lhud, billi ‘spjega u ta prova’ li l-​Messija kellu jbati u jqum mill-​mewt. (Pawlu għamel dan billi qabbel profeziji maʼ ġrajjiet bi twettieq, kif jagħmlu x-​Xhieda taʼ Jehovah.) B’hekk xi Lhud, ħafna prożeliti, u oħrajn saru jemmnu. Meta xi Lhud għajjurin iffurmaw marmalja imma ma setgħux isibu lil Pawlu u lil Silas, huma ħadu lil Ġason u aħwa oħra għand il-​ħakkiema tal-​belt u akkużawhom b’tixwix kontra l-​istat, akkuża falza li għadha tiġi wżata kontra l-​poplu taʼ Jehovah. Madankollu, l-​aħwa nħelsu wara li ħallsu “pleġġ suffiċjenti.”

10. Lhud fil-​Berea f’liema sens ‘eżaminaw bir-​reqqa’ l-​Iskrittura?

10 Pawlu u Silas imbagħad marru lejn il-​belt taʼ Berea. (17:10-15) Hemm il-​Lhud ‘eżaminaw bir-​reqqa’ l-​Iskrittura, kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah jinkuraġġixxu lin-​nies biex jagħmlu llum. Dawk il-​Bereani ma ddubitawx lil Pawlu imma għamlu riċerka bi prova li Ġesù kien il-​Messija. Ir-​riżultat? Ħafna Lhud u ftit Griegi (forsi prożeliti) saru jemmnu. Meta xi Lhud minn Tessalonika xewxu lill-​folol, l-​aħwa waslu maʼ Pawlu sax-​xatt, fejn xi wħud mill-​grupp tiegħu forsi kienu rikbu vapur għal Pireus (Piraiévs tal-​lum), il-​belt port taʼ Ateni.

Il-​Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Ateni

11. (a) Pawlu kif ta xiehda bil-​qlubija f’Ateni, imma min tkellem miegħu b’mod kontroversjali? (b) Xi wħud x’implikaw meta qalu li Pawlu kien “lablabi”?

11 Xiehda qalbiena ngħatat f’Ateni. (17:16-21) Minħabba l-​kliem taʼ Pawlu dwar Ġesù u l-​irxoxt, xi filosfi tkellmu miegħu b’mod kontroversjali. Xi wħud kienu Epikureani, li kienu jenfasizzaw il-​pjaċiri. Oħrajn kienu Stojċi, li jenfasizzaw dixxiplina persunali. ‘X’jixtieq igħid dan il-​lablabi?’ staqsew xi wħud. “Lablabi” (litteralment “wieħed li jiġbor iż-​żerriegħa”) kien jimplika li Pawlu kien bħal għasfur jiġbor iż-​żerriegħa u jqassam biċċiet żgħar taʼ għarfien imma nieqes mill-​għerf. Oħrajn qalu: “Donnu li hu pubblikatur taʼ allat barranin.” Din kienet ħaġa serja, għax Sokrate tilef ħajtu fuq akkuża bħal din. Malajr Pawlu ttieħed lejn l-​Areopagus (Il-Għolja taʼ Marte), x’aktarx fejn kienet tiltaqaʼ fil-​beraħ il-​qorti suprema ħdejn l-​Akropolis.

12. (a) Liema aspetti taʼ diskors pubbliku tajjeb huma evidenti fit-​taħdita taʼ Pawlu fuq l-​Areopagus? (b) Liema punti għamel Pawlu rigward Alla, u b’liema riżultati?

12 It-​taħdita taʼ Pawlu fuq l-​Areopagus kienet eżempju eċċellenti taʼ waħda b’introduzzjoni effettiva, bi żvolġiment loġiku, u b’argumenti konvinċenti—kif jiġi mgħallem fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku tax-​Xhieda taʼ Jehovah. (17:22-34) Hu qal li n-​nies taʼ Ateni kienu iżjed reliġjużi minn oħrajn. Iva, huma saħansitra kellhom artal “Lil Alla Mhux Magħruf,” forsi biex jevitaw li joffendu lil xi alla! Pawlu tkellem dwar il-​Ħallieq li “għamel minn bniedem wieħed kull ġens taʼ bnedmin” u “waqqaf b’digriet iż-​żminijiet maħtura u qiegħed il-​limiti taʼ fejn joqogħdu l-​bnedmin,” bħal meta qaċċat minn posthom lill-​Kangħaniti. (Ġenesi 15:13-21; Danjel 2:21; 7:12) Dan Alla jistaʼ jinstab, “għax aħna wkoll nislu,” qal Pawlu, billi alluda għall-​ħolqien tal-​bniedem minn Jehovah u kkwota lilll-poeti tagħhom Aratus u Kleantes. Bħala n-​nisel t’Alla, m’għandniex naħsbu li l-​Ħallieq perfett hu bħal xi idolu magħmul minn bniedem imperfett. Alla darba għalaq għajnejh għal din l-​injoranza imma kien issa qed igħid lill-​bnedmin biex jindmu, għax hu kien waqqaf jum biex jiġġudika lin-​nies permezz taʼ Wieħed li hu ħatar. Peress li Pawlu kien qed “jiddikjara l-​aħbar tajba dwar Ġesù,” l-​udjenza tiegħu kienet taf li ried ifisser li Kristu kien se jkun dak l-​Imħallef. (Atti 17:18; Ġwann 5:22, 30) Kliem dwar l-​indiema dejjaq lill-​Epikureani, u l-​filosfi Griegi setgħu jaċċettaw rimarki dwar l-​immoralità imma mhux dwar mewt u l-​irxoxt. Milli jidher, bħal ħafna li issa ma jiħdux l-​aħbar tajba bis-​serjetà, xi wħud qalu: ‘Se nisimgħuk darb’oħra.’ Imma l-​imħallef Dijonisju u oħrajn saru jemmnu.

Il-​Kelma t’Alla Tegħleb f’Korintu

13. Pawlu kif sostna lilu nnifsu fil-​ministeru, u liema xebh taż-​żmien modern insibu?

13 Pawlu baqaʼ sejjer lejn Korintu, il-​kapitali tal-​provinċja tal-​Akaja. (18:1-11) Hemm hu sab lil Akwila, u Prixilla, li kienu marru hemm meta Ċesri Klawdju ordna lil Lhud li ma kinux ċittadini Rumani biex jitilqu minn Ruma. Biex isostni lilu nnifsu fil-​ministeru, Pawlu kien jagħmel it-​tined maʼ din il-​koppja Kristjana. (1 Korintin 16:19; 2 Korintin 11:9) Li taqtaʼ u tħit drapp iebes tax-​xagħar tal-​mogħoż kien xogħol iebes. B’mod simili, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovdu għall-​bżonnijiet materjali tagħhom permezz tax-​xogħol sekulari, imma l-​vokazzjoni tagħhom hi l-​ministeru.

14. (a) Iffaċċjat minn oppożizzjoni persistenti minn Lhud f’Korintu, Pawlu x’għamel? (b) Pawlu kif kien żgurat li għandu jibqaʼ f’Korintu, imma l-​poplu taʼ Jehovah kif jiġi dirett illum?

14 Il-​Lhud taʼ Korintu baqgħu jitkellmu b’abbuż hekk kif Pawlu xandar li Ġesù kien il-​Messija. Għalhekk hu farfar ħwejġu biex juri li mhux iżjed responsabbli lejhom u beda jżomm il-​laqgħat fid-​dar taʼ Titjus Ġustus, probabbli xi Ruman. Ħafna nies (inkluż Krispus, dak li qabel kien l-​uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga u n-​nies taʼ daru) saru jemmnu u tgħammdu. Jekk il-​mibgħeda tal-​Lhud ġagħlet lil Pawlu jaħsibha jekk jibqax f’Korintu, żgur li kull dubju sparixxa meta l-​Mulej qallu f’viżjoni: ‘Tibżax. Ibqaʼ tkellem, għax jien miegħek u ebda bniedem ma se jagħmillek ħsara. Jien għandi ħafna nies f’din il-​belt.’ Mela Pawlu baqaʼ jgħallem il-​kelma t’Alla hemm b’kollox għal sena u sitt xhur. Għalkemm il-​poplu taʼ Jehovah issa ma jkollux viżjonijiet, it-​talb kif ukoll id-​direzzjoni mill-​ispirtu qaddis igħinuhom biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin simili li jeffettwaw l-​interessi tas-​Saltna.

15. X’ġara meta Pawlu ttieħed quddiem il-​Prokonslu Galljo?

15 Il-​Lhud ħadu lil Pawlu għand il-​Prokonslu Ġunjus Galljo. (18:12-17) Huma implikaw li Pawlu kien qed jipprożelitizza illegalment—akkuża falza li l-​kleru Grieg issa qed jagħmel kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah. Galljo kien konxju li Pawlu ma kienx ħati taʼ kondotta kriminali u li l-​Lhud ma tantx jimpurtahom minn Ruma u l-​liġi tagħha, u għalhekk hu bagħathom ’il barra. Meta xi nies li kienu raw x’ġara taw xebgħa lil Sostenes, I-uffiċjal ġdid li jippresiedi tas-​sinagoga, Galljo ma ndaħalx, forsi għax ħaseb li dak li milli jidher mexxa l-​marmalja kontra Pawlu kien qed jieħu li ħaqqu.

16. Għala kien aċċettabbli għal Pawlu li jaqtaʼ xagħru f’konnessjoni maʼ wegħda?

16 Pawlu baħħar mill-​port Eġean taʼ Kenkre lejn Efesu, belt fl-​Asja Minuri. (18:18-22) Qabel dak il-​vjaġġ ‘hu qataʼ x-​xagħar taʼ rasu qasir, għax kellu wegħda.’ Ma jintqalx jekk Pawlu għamilx il-​wegħda qabel ma sar segwaċi taʼ Ġesù jew jekk dan kienx il-​bidu jew it-​tmiem tal-​perijodu tal-​wegħda. Il-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi, imma hi kienet mogħtija minn Alla u qaddisa, u ma kien hemm xejn midneb dwar wegħda bħal din. (Rumani 6:14; 7:6, 12; Galatin 5:18) F’Efesu, Pawlu rraġuna mal-​Lhud, billi wegħidhom li jirritorna jekk kienet ir-​rieda t’Alla. (Dik il-​wegħda ġiet imwettqa iktar tard.) Ir-​ritorn tiegħu lejn Antijokija tas-​Sirja temm it-​tieni mawra missjunarja tiegħu.

Il-​Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Efesu

17. Rigward il-​magħmudija, liema struzzjoni kienu jeħtieġu Apollos u oħrajn?

17 Pawlu malajr beda t-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu (ċ. 52-56 E.K.). (18:23-19:7) Sadattant f’Efesu, Apollos għallem dwar Ġesù imma kien jaf biss bil-​magħmudija taʼ Ġwanni b’simbolu tal-​indiema għad-​dnubiet kontra l-​patt tal-​Liġi. Prixilla u Akwila “fissrulu l-​mogħdija t’Alla b’mod iktar korrett,” wisq probabbli billi spjegawlu li biex titgħammed bħalma għamel Ġesù kien jinkludi li wieħed jiġi mgħaddas fl-​ilma u jirċievi t-​tferriegħ tal-​ispirtu qaddis. Wara li seħħet il-​magħmudija bl-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tat-​33 E.K., kulmin kien imgħammed bil-​magħmudija taʼ Ġwanni ried jerġaʼ jitgħammed f’isem Ġesù. (Mattew 3:11, 16; Atti 2:38) Iktar tard f’Efesu, madwar 12-il raġel Lhudi li kienu ħadu l-​magħmudija taʼ Ġwanni “tgħammdu fl-​isem tal-​Mulej Ġesù” fl-​uniku każ taʼ magħmudija mill-​ġdid imsemmija fl-​Iskrittura. Meta Pawlu poġġa jdejh fuqhom, huma ħadu spirtu qaddis u żewġ indikazzjonijiet mirakolużi li ġew aċċettati mis-​sema—li jitkellmu bl-​ilsna u li jipprofetizzaw.

18. Pawlu fejn ta xiehda waqt li kien Efesu, u b’liema riżultati?

18 Pawlu kien ċertament imħabbat f’Efesu, belt b’madwar 300,000 residenti. (19:8-10) It-​tempju tagħha tal-​alla mara Artemis kien wieħed mis-​sebaʼ egħġubijiet tad-​dinja tal-​qedem, u t-​teatru tagħha kien jesgħa 25,000 persuna bil-​qiegħda. Fis-​sinagoga, Pawlu ‘uża l-​perżważjoni’ billi ppreżenta argumenti konvinċenti imma dabbar rasu meta xi wħud tkellmu b’abbuż dwar Il-​Mogħdija, jew mod taʼ ħajja bbażata fuq fidi fi Kristu. Għal sentejn, Pawlu tkellem kuljum fis-​sala tal-​iskola taʼ Tirannus, u l-​“kelma” nfirxet mad-​distrett kollu tal-​Asja.

19. X’ġara f’Efesu li ġiegħel ‘il-​kelma taʼ Jehovah tibqaʼ tikber u tegħleb’ hemm?

19 Alla wera l-​approvazzjoni għall-​attività taʼ Pawlu billi għenu jwettaq fejqan u jkeċċi d-​demonji. (19:11-20) Imma s-​sebaʼ wlied subien tal-​qassis ewlieni Xeva ma rnexxilhomx ikeċċu demonju bl-​użu taʼ isem Ġesù għaliex ma kinux jirrappreżentaw lil Alla u lil Kristu. Ġew saħansitra mweġġgħin mir-​raġel ippussessat mid-​demonju! Dan ġiegħel lin-​nies jibżgħu, u “l-​isem tal-​Mulej Ġesù kompla jiġi mmanjifikat.” Dawk li saru jemmnu ċaħdu d-​drawwiet tal-​okkult tagħhom u pubblikament ħarqu l-​kotba tagħhom li milli jidher kien fihom għanjiet u reċitazzjonijiet tal-​maġija. “B’hekk,” kiteb Luqa, “b’mod setgħan il-​kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tegħleb.” Illum, ukoll, il-​qaddejja t’Alla jgħinu biex in-​nies jinħelsu mid-​demoniżmu.—Dewteronomju 18:10-12.

Intolleranza Reliġjuża Ma Tirnexxix

20. Il-​ħaddiema tal-​fidda taʼ Efesu għala qabbdu rewwixta, u kif intemmet?

20 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss iffaċċjaw marmalji rrabjati, u hekk ġralhom xi Kristjani f’Efesu. (19:2l-41) Hekk kif dawk li emmnu żdiedu, Demetrius u ħaddiema oħra tal-​fidda tilfu l-​flus għaliex inqas nies bdew jixtru n-​niċeċ tal-​fidda tagħhom tal-​alla mara tal-​fertilità b’ħafna isdra, Artemis. Imxewxa minn Demetrius, marmalja ħadet lil sħab Pawlu, Gajjus u Aristarkus fit-​teatru, imma d-​dixxipli ma ħallewx lil Pawlu jidħol ġewwa. Saħansitra xi uffiċjali tal-​festi tal-​logħob talbuh biex ma jiħux dak ir-​riskju. Għal madwar sagħtejn, il-​marmalja għajtet: “Kbira hi Artemis tal-​Efesin!” Fl-​aħħar, l-​uffiċjal tal-​belt (li kien il-​kap tal-​gvern muniċipali) qal li l-​ħaddiema tas-​sengħa setgħu jippreżentaw l-​akkużi tagħhom lil xi prokonslu, li kien awtorizzat li jieħu deċiżjonijiet ġudizzjarji, jew inkella l-​każ tagħhom setaʼ jiġi deċiż minn “assemblea regulari” taʼ ċittadini. Inkella, Ruma setgħet takkuża lil dawk f’din l-​assemblea rregulari b’rewwixta. B’dan, hu bagħathom ’il barra.

21. B’liema mod Alla bierek ix-​xogħol taʼ Pawlu u kif ibierek dak tax-​Xhieda taʼ Jehovah illum?

21 Alla għen lil Pawlu biex jiffaċċja provi diversi u bierek l-​isforzi tiegħu biex igħin lin-​nies jirrifjutaw tagħlim reliġjuż żbaljat u jħaddnu l-​verità. (Qabbel Ġeremija 1:9, 10.) Kemm aħna grati li Missierna tas-​sema bl-​istess mod ibierek ix-​xogħol tagħna! B’hekk issa bħal fl-​ewwel seklu, ‘il-​kelma taʼ Jehovah qed tikber u tegħleb.’

Kif Se Twieġeb?

◻ X’eżempju jagħti l-​appostlu Pawlu f’li aċċetta direzzjoni mill-​ispirtu qaddis?

◻ B’liema metodu, li għadu jiġi wżat mill-​qaddejja taʼ Jehovah, Pawlu ‘spjega u ta prova’ tal-​affarijiet?

◻ Liema xebh hemm bejn ir-​rispons għad-​diskors taʼ Pawlu fuq l-​Areopagus u l-​ippridkar tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

◻ Pawlu kif sostna lilu nnifsu fil-​ministeru, u liema xebh modern għandu dan?

◻ Bħalma għamel lix-​xogħol taʼ Pawlu, Alla kif bierek ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah illum?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja