Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb!
“B’mod setgħan il-kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tegħleb.”−ATTI 19:20.
1. X’se jiġi diskuss f’dan l-istudju tal-ktieb Bibliku tal-Atti tal-Appostli?
JEHOVAH kien qed jiftaħ bieb taʼ attività. B’mod speċjali kellu Pawlu, “appostlu tal-ġnus” jiftaħ dak ix-xogħol. (Rumani 11:13) Tabilħaqq, l-istudju tagħna li jkompli fuq l-Atti tal-Appostli jsibu okkupat fi vjaġġi missjunarji eċċitanti.—Atti 16:6-19:41.
2. (a) L-appostlu Pawlu kif qeda taʼ kittieb spirat b’mod divin minn madwar is-sena 50 E.K. sas-sena 56 E.K.? (b) X’ġara hekk kif Alla bierek il-ministeru taʼ Pawlu u dak taʼ oħrajn?
2 Pawlu kien ukoll kittieb spirat b’mod divin. Minn madwar is-sena 50 E.K. sas-sena 56 E.K., hu kiteb l-1 u t-2 Tessalonkin minn Korintu, lill-Galatin minn dik il-belt jew minn Antijokija tas-Sirja, l-1 Korintin minn Efesu, it-2 Korintin mill-Maċedonja u lir-Rumani minn Korintu. U hekk kif Alla bierek il-ministeru taʼ Pawlu u dak taʼ oħrajn, “b’mod setgħan il-kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tegħleb.”−Atti 19:20.
Mill-Asja għall-Ewropa
3. Pawlu u sħabu kif taw eżempju mill-aħjar f’konnessjoni maʼ direzzjoni mill-ispirtu qaddis?
3 Pawlu u sħabu jagħtuna eżempju mill-aħjar f’li jaċċettaw id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis. (16:6-10) Forsi permezz taʼ rivelazzjonijiet li jinstemgħu, ħolm, jew viżjonijiet, l-ispirtu żammhom milli jippridkaw fid-distrett tal-Asja u l-provinċja taʼ Bitinja, li ntlaħqu wara bl-aħbar tajba. (Atti 18:18-21; 1 Pietru 1:1, 2) L-ispirtu għala żamm id-dħul iżjed bikri? Il-ħaddiema kienu ftit, u l-ispirtu kien qed jiggwidahom f’oqsma iżjed fertili fl-Ewropa. L-istess illum, jekk it-triq tkun magħluqa għal ġo territorju wieħed, ix-Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw band’oħra, ċerti li l-ispirtu t’Alla jiggwidahom lejn uħud bħal ngħaġ.
4. X’kien ir-rispons għall-viżjoni taʼ Pawlu taʼ raġel mill-Maċedonja jitlob għall-għajnuna?
4 Pawlu u sħabu mbagħad ‘għaddew minn ħdejn’ Misja, reġjun fl-Asja Minuri, bħala qasam missjunarju. F’viżjoni, madankollu, Pawlu ra raġel mill-Maċedonja jitlob għall-għajnuna. Għalhekk il-missjunarji malajr marru l-Maċedonja, reġjun tal-Peninsula Balkana. B’mod simili, ħafna Xhieda huma diretti mill-ispirtu qaddis biex jaqdu issa fejn il-ħtieġa għal xandara tas-Saltna hi kbira.
5. (a) Għala jistaʼ jingħad li l-kelma taʼ Jehovah għelbet ġewwa Filippi? (b) B’liema mod huma ħafna mix-Xhieda taż-żmien modern bħal Lidja?
5 Il-kelma taʼ Jehovah għelbet fil-Maċedonja. (16:11-15) Filippi, kolonja abitata fil-biċċa l-kbira minn ċittadini Rumani, milli jidher kellha ftit Lhud u l-ebda sinagoga. Għalhekk l-aħwa marru f’“post tat-talb” maġenb xmara barra l-belt. Fost dawk li nstabu hemm kien hemm Lidja, wisq probabbli prożelita Lhudija minn Tijatira, belt fl-Asja Minuri magħrufa għall-industrija tagħha taʼ żebgħa tal-ħwejjeġ. Hi kienet tbigħ żebgħa tal-porpra jew drappijiet u ħwejjeġ miżbugħin biha. Wara li Lidja u n-nies taʼ darha tgħammdu, hi offriet ospitalità b’tant ħeġġa li Luqa kiteb: “Sempliċement ġegħlitna niġu.” Aħna grati għal aħwa nisa taʼ dik ix-xorta llum.
Kalzrier Isir Wieħed li Jemmen
6. Attività demonika kif wasslet għat-tfigħ il-ħabs taʼ Pawlu u Silas ġo Filippi?
6 Satana bil-fors li kien irrabjat minħabba l-iżviluppi spiritwali ġewwa Filippi, għax attività demonika hemmhekk wasslet biex Pawlu u Silas intefgħu l-ħabs. (16:16-24) Għal ġranet sħaħ huma ġew segwiti minn tfajla li kellha “demonju taʼ tbassir” (litteralment, “spirtu taʼ piton”). Id-demonju setaʼ ppersonifika lil Apollo Pitanu, wieħed alla li suppost qatel serpent jismu pyʹthon. It-tfajla ġabet ħafna qliegħ lis-sidien tagħha billi tipprattika l-arti tat-teħbir. Iva, forsi kienet tgħid lill-bdiewa meta jħawlu, lix-xebbiet meta jiżżewġu, u lill-ħaddiema tal-minjieri fejn ifittxu d-deheb! Hi baqgħet tiġri wara l-aħwa u tgħajjat: “Dawn l-irġiel huma rsiera t’Alla l-Iktar Għoli, li qed jippublikawlkom il-mogħdija tas-salvazzjoni.” Id-demonju forsi ġagħalha tgħid dan biex taparsi t-teħbir tagħha kien imnebbaħ b’mod divin, imma d-demonji ma għandhom ebda dritt jagħmlu proklamazzjonijiet dwar Jehovah u dwar il-provvediment tiegħu għas-salvazzjoni. Meta Pawlu ddejjaq bis-sitwazzjoni, hu keċċa lid-demonju f’isem Ġesù. Peress li l-qliegħ tagħhom ġie rrovinat, is-sidien tat-tfajla kaxkru lil Pawlu u lil Silas lejn is-suq, fejn ġew imsawtin bl-oħtra. (2 Korintin 11:25) Imbagħad ġew mitfugħin il-ħabs u saqajhom imqegħdin fil-qjud. Dan l-apparat setaʼ jiġi rranġat b’tali mod li jisforza s-saqajn ’il bogħod minn xulxin, biex jikkaġuna wġiegħ kbir.
7. Għal min u kif il-priġunerija taʼ Pawlu u Silas ġo Filippi rriżultat f’barkiet?
7 Din il-priġunerija rriżultat f’barkiet għall-kalzrier u l-familja tiegħu. (16:25-40) Madwar nofs il-lejl Pawlu u Silas kienu qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-kant, ċerti li hu kien magħhom. (Salm 42:8) F’daqqa waħda, terremot fetaħ il-bibien beraħ u ħall l-irbit kollu hekk kif il-ktajjen inqatgħu minn mat-travi jew minn mal-ħitan. Il-kalzrier kien beżgħan li jingħata l-piena tal-mewt għaliex kienu ħarbulu l-priġunieri tiegħu. Kien kważi se jikkommetti suwiċidju meta Pawlu għajjat: “Tweġġax lilek innifsek, għax aħna kollha qegħdin hawn!” Billi ħareġ lil Pawlu u lil Silas barra, il-kalzrier staqsa kif setaʼ jsalva. “Emmen fil-Mulej Ġesù,” kienet it-tweġiba. Meta semaʼ l-kelma taʼ Jehovah, “hu u tiegħu tgħammdu bla dewmien.” X’ferħ ġab dak!
8. X’azzjoni ħadu l-maġistrati ċivili taʼ Filippi, u x’setaʼ jinkiseb jekk huma jirrikonoxxu l-iżball tagħhom fil-pubbliku?
8 Il-għada, maġistrati ċivili bagħtu messaġġ biex Pawlu u Silas jinħelsu. Imma Pawlu qal: ‘Flaġellawna bla kundanna, meta aħna rġiel Rumani, u tefgħuna ġewwa l-ħabs. Se jixħtuna ’l barra baxx baxx? Ħallihom jiġu huma u joħorġuna.’ Jekk il-maġistrati rrikonoxxew l-iżball tagħhom fil-pubbliku, huma forsi kienu se jżommu lura milli jsawtu u jitfgħu l-ħabs lil xi Kristjani oħra. Billi ma setgħux ikeċċu lil ċittadini Rumani, il-maġistrati ġew u talbu lill-aħwa biex jitilqu, imma dawn għamlu hekk biss wara li nkuraġġew lil sħabhom fit-twemmin. Interess bħal dan issa jqanqal lil membri tal-Ġemgħa li Tiggverna u lil rappreżentanti oħra li jivvjaġġaw biex iżuru u jinkuraġġixxu lill-poplu t’Alla mal-art kollha.
Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Tessalonika u f’Berea
9. B’liema metodu, li għadu jintuża mix-Xhieda taʼ Jehovah, Pawlu ‘spjega u ta prova’ li l-Messija kellu jbati u jqum mill-mewt?
9 Il-kelma t’Alla mbagħad għelbet f’Tessalonika, il-kapitali u l-port ewlieni tal-Maċedonja. (17:l-9) Hemm Pawlu rraġuna maʼ xi Lhud, billi ‘spjega u ta prova’ li l-Messija kellu jbati u jqum mill-mewt. (Pawlu għamel dan billi qabbel profeziji maʼ ġrajjiet bi twettieq, kif jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah.) B’hekk xi Lhud, ħafna prożeliti, u oħrajn saru jemmnu. Meta xi Lhud għajjurin iffurmaw marmalja imma ma setgħux isibu lil Pawlu u lil Silas, huma ħadu lil Ġason u aħwa oħra għand il-ħakkiema tal-belt u akkużawhom b’tixwix kontra l-istat, akkuża falza li għadha tiġi wżata kontra l-poplu taʼ Jehovah. Madankollu, l-aħwa nħelsu wara li ħallsu “pleġġ suffiċjenti.”
10. Lhud fil-Berea f’liema sens ‘eżaminaw bir-reqqa’ l-Iskrittura?
10 Pawlu u Silas imbagħad marru lejn il-belt taʼ Berea. (17:10-15) Hemm il-Lhud ‘eżaminaw bir-reqqa’ l-Iskrittura, kif ix-Xhieda taʼ Jehovah jinkuraġġixxu lin-nies biex jagħmlu llum. Dawk il-Bereani ma ddubitawx lil Pawlu imma għamlu riċerka bi prova li Ġesù kien il-Messija. Ir-riżultat? Ħafna Lhud u ftit Griegi (forsi prożeliti) saru jemmnu. Meta xi Lhud minn Tessalonika xewxu lill-folol, l-aħwa waslu maʼ Pawlu sax-xatt, fejn xi wħud mill-grupp tiegħu forsi kienu rikbu vapur għal Pireus (Piraiévs tal-lum), il-belt port taʼ Ateni.
Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Ateni
11. (a) Pawlu kif ta xiehda bil-qlubija f’Ateni, imma min tkellem miegħu b’mod kontroversjali? (b) Xi wħud x’implikaw meta qalu li Pawlu kien “lablabi”?
11 Xiehda qalbiena ngħatat f’Ateni. (17:16-21) Minħabba l-kliem taʼ Pawlu dwar Ġesù u l-irxoxt, xi filosfi tkellmu miegħu b’mod kontroversjali. Xi wħud kienu Epikureani, li kienu jenfasizzaw il-pjaċiri. Oħrajn kienu Stojċi, li jenfasizzaw dixxiplina persunali. ‘X’jixtieq igħid dan il-lablabi?’ staqsew xi wħud. “Lablabi” (litteralment “wieħed li jiġbor iż-żerriegħa”) kien jimplika li Pawlu kien bħal għasfur jiġbor iż-żerriegħa u jqassam biċċiet żgħar taʼ għarfien imma nieqes mill-għerf. Oħrajn qalu: “Donnu li hu pubblikatur taʼ allat barranin.” Din kienet ħaġa serja, għax Sokrate tilef ħajtu fuq akkuża bħal din. Malajr Pawlu ttieħed lejn l-Areopagus (Il-Għolja taʼ Marte), x’aktarx fejn kienet tiltaqaʼ fil-beraħ il-qorti suprema ħdejn l-Akropolis.
12. (a) Liema aspetti taʼ diskors pubbliku tajjeb huma evidenti fit-taħdita taʼ Pawlu fuq l-Areopagus? (b) Liema punti għamel Pawlu rigward Alla, u b’liema riżultati?
12 It-taħdita taʼ Pawlu fuq l-Areopagus kienet eżempju eċċellenti taʼ waħda b’introduzzjoni effettiva, bi żvolġiment loġiku, u b’argumenti konvinċenti—kif jiġi mgħallem fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tax-Xhieda taʼ Jehovah. (17:22-34) Hu qal li n-nies taʼ Ateni kienu iżjed reliġjużi minn oħrajn. Iva, huma saħansitra kellhom artal “Lil Alla Mhux Magħruf,” forsi biex jevitaw li joffendu lil xi alla! Pawlu tkellem dwar il-Ħallieq li “għamel minn bniedem wieħed kull ġens taʼ bnedmin” u “waqqaf b’digriet iż-żminijiet maħtura u qiegħed il-limiti taʼ fejn joqogħdu l-bnedmin,” bħal meta qaċċat minn posthom lill-Kangħaniti. (Ġenesi 15:13-21; Danjel 2:21; 7:12) Dan Alla jistaʼ jinstab, “għax aħna wkoll nislu,” qal Pawlu, billi alluda għall-ħolqien tal-bniedem minn Jehovah u kkwota lilll-poeti tagħhom Aratus u Kleantes. Bħala n-nisel t’Alla, m’għandniex naħsbu li l-Ħallieq perfett hu bħal xi idolu magħmul minn bniedem imperfett. Alla darba għalaq għajnejh għal din l-injoranza imma kien issa qed igħid lill-bnedmin biex jindmu, għax hu kien waqqaf jum biex jiġġudika lin-nies permezz taʼ Wieħed li hu ħatar. Peress li Pawlu kien qed “jiddikjara l-aħbar tajba dwar Ġesù,” l-udjenza tiegħu kienet taf li ried ifisser li Kristu kien se jkun dak l-Imħallef. (Atti 17:18; Ġwann 5:22, 30) Kliem dwar l-indiema dejjaq lill-Epikureani, u l-filosfi Griegi setgħu jaċċettaw rimarki dwar l-immoralità imma mhux dwar mewt u l-irxoxt. Milli jidher, bħal ħafna li issa ma jiħdux l-aħbar tajba bis-serjetà, xi wħud qalu: ‘Se nisimgħuk darb’oħra.’ Imma l-imħallef Dijonisju u oħrajn saru jemmnu.
Il-Kelma t’Alla Tegħleb f’Korintu
13. Pawlu kif sostna lilu nnifsu fil-ministeru, u liema xebh taż-żmien modern insibu?
13 Pawlu baqaʼ sejjer lejn Korintu, il-kapitali tal-provinċja tal-Akaja. (18:1-11) Hemm hu sab lil Akwila, u Prixilla, li kienu marru hemm meta Ċesri Klawdju ordna lil Lhud li ma kinux ċittadini Rumani biex jitilqu minn Ruma. Biex isostni lilu nnifsu fil-ministeru, Pawlu kien jagħmel it-tined maʼ din il-koppja Kristjana. (1 Korintin 16:19; 2 Korintin 11:9) Li taqtaʼ u tħit drapp iebes tax-xagħar tal-mogħoż kien xogħol iebes. B’mod simili, ix-Xhieda taʼ Jehovah jipprovdu għall-bżonnijiet materjali tagħhom permezz tax-xogħol sekulari, imma l-vokazzjoni tagħhom hi l-ministeru.
14. (a) Iffaċċjat minn oppożizzjoni persistenti minn Lhud f’Korintu, Pawlu x’għamel? (b) Pawlu kif kien żgurat li għandu jibqaʼ f’Korintu, imma l-poplu taʼ Jehovah kif jiġi dirett illum?
14 Il-Lhud taʼ Korintu baqgħu jitkellmu b’abbuż hekk kif Pawlu xandar li Ġesù kien il-Messija. Għalhekk hu farfar ħwejġu biex juri li mhux iżjed responsabbli lejhom u beda jżomm il-laqgħat fid-dar taʼ Titjus Ġustus, probabbli xi Ruman. Ħafna nies (inkluż Krispus, dak li qabel kien l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga u n-nies taʼ daru) saru jemmnu u tgħammdu. Jekk il-mibgħeda tal-Lhud ġagħlet lil Pawlu jaħsibha jekk jibqax f’Korintu, żgur li kull dubju sparixxa meta l-Mulej qallu f’viżjoni: ‘Tibżax. Ibqaʼ tkellem, għax jien miegħek u ebda bniedem ma se jagħmillek ħsara. Jien għandi ħafna nies f’din il-belt.’ Mela Pawlu baqaʼ jgħallem il-kelma t’Alla hemm b’kollox għal sena u sitt xhur. Għalkemm il-poplu taʼ Jehovah issa ma jkollux viżjonijiet, it-talb kif ukoll id-direzzjoni mill-ispirtu qaddis igħinuhom biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin simili li jeffettwaw l-interessi tas-Saltna.
15. X’ġara meta Pawlu ttieħed quddiem il-Prokonslu Galljo?
15 Il-Lhud ħadu lil Pawlu għand il-Prokonslu Ġunjus Galljo. (18:12-17) Huma implikaw li Pawlu kien qed jipprożelitizza illegalment—akkuża falza li l-kleru Grieg issa qed jagħmel kontra x-Xhieda taʼ Jehovah. Galljo kien konxju li Pawlu ma kienx ħati taʼ kondotta kriminali u li l-Lhud ma tantx jimpurtahom minn Ruma u l-liġi tagħha, u għalhekk hu bagħathom ’il barra. Meta xi nies li kienu raw x’ġara taw xebgħa lil Sostenes, I-uffiċjal ġdid li jippresiedi tas-sinagoga, Galljo ma ndaħalx, forsi għax ħaseb li dak li milli jidher mexxa l-marmalja kontra Pawlu kien qed jieħu li ħaqqu.
16. Għala kien aċċettabbli għal Pawlu li jaqtaʼ xagħru f’konnessjoni maʼ wegħda?
16 Pawlu baħħar mill-port Eġean taʼ Kenkre lejn Efesu, belt fl-Asja Minuri. (18:18-22) Qabel dak il-vjaġġ ‘hu qataʼ x-xagħar taʼ rasu qasir, għax kellu wegħda.’ Ma jintqalx jekk Pawlu għamilx il-wegħda qabel ma sar segwaċi taʼ Ġesù jew jekk dan kienx il-bidu jew it-tmiem tal-perijodu tal-wegħda. Il-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi, imma hi kienet mogħtija minn Alla u qaddisa, u ma kien hemm xejn midneb dwar wegħda bħal din. (Rumani 6:14; 7:6, 12; Galatin 5:18) F’Efesu, Pawlu rraġuna mal-Lhud, billi wegħidhom li jirritorna jekk kienet ir-rieda t’Alla. (Dik il-wegħda ġiet imwettqa iktar tard.) Ir-ritorn tiegħu lejn Antijokija tas-Sirja temm it-tieni mawra missjunarja tiegħu.
Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb f’Efesu
17. Rigward il-magħmudija, liema struzzjoni kienu jeħtieġu Apollos u oħrajn?
17 Pawlu malajr beda t-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu (ċ. 52-56 E.K.). (18:23-19:7) Sadattant f’Efesu, Apollos għallem dwar Ġesù imma kien jaf biss bil-magħmudija taʼ Ġwanni b’simbolu tal-indiema għad-dnubiet kontra l-patt tal-Liġi. Prixilla u Akwila “fissrulu l-mogħdija t’Alla b’mod iktar korrett,” wisq probabbli billi spjegawlu li biex titgħammed bħalma għamel Ġesù kien jinkludi li wieħed jiġi mgħaddas fl-ilma u jirċievi t-tferriegħ tal-ispirtu qaddis. Wara li seħħet il-magħmudija bl-ispirtu qaddis f’Pentekoste tat-33 E.K., kulmin kien imgħammed bil-magħmudija taʼ Ġwanni ried jerġaʼ jitgħammed f’isem Ġesù. (Mattew 3:11, 16; Atti 2:38) Iktar tard f’Efesu, madwar 12-il raġel Lhudi li kienu ħadu l-magħmudija taʼ Ġwanni “tgħammdu fl-isem tal-Mulej Ġesù” fl-uniku każ taʼ magħmudija mill-ġdid imsemmija fl-Iskrittura. Meta Pawlu poġġa jdejh fuqhom, huma ħadu spirtu qaddis u żewġ indikazzjonijiet mirakolużi li ġew aċċettati mis-sema—li jitkellmu bl-ilsna u li jipprofetizzaw.
18. Pawlu fejn ta xiehda waqt li kien Efesu, u b’liema riżultati?
18 Pawlu kien ċertament imħabbat f’Efesu, belt b’madwar 300,000 residenti. (19:8-10) It-tempju tagħha tal-alla mara Artemis kien wieħed mis-sebaʼ egħġubijiet tad-dinja tal-qedem, u t-teatru tagħha kien jesgħa 25,000 persuna bil-qiegħda. Fis-sinagoga, Pawlu ‘uża l-perżważjoni’ billi ppreżenta argumenti konvinċenti imma dabbar rasu meta xi wħud tkellmu b’abbuż dwar Il-Mogħdija, jew mod taʼ ħajja bbażata fuq fidi fi Kristu. Għal sentejn, Pawlu tkellem kuljum fis-sala tal-iskola taʼ Tirannus, u l-“kelma” nfirxet mad-distrett kollu tal-Asja.
19. X’ġara f’Efesu li ġiegħel ‘il-kelma taʼ Jehovah tibqaʼ tikber u tegħleb’ hemm?
19 Alla wera l-approvazzjoni għall-attività taʼ Pawlu billi għenu jwettaq fejqan u jkeċċi d-demonji. (19:11-20) Imma s-sebaʼ wlied subien tal-qassis ewlieni Xeva ma rnexxilhomx ikeċċu demonju bl-użu taʼ isem Ġesù għaliex ma kinux jirrappreżentaw lil Alla u lil Kristu. Ġew saħansitra mweġġgħin mir-raġel ippussessat mid-demonju! Dan ġiegħel lin-nies jibżgħu, u “l-isem tal-Mulej Ġesù kompla jiġi mmanjifikat.” Dawk li saru jemmnu ċaħdu d-drawwiet tal-okkult tagħhom u pubblikament ħarqu l-kotba tagħhom li milli jidher kien fihom għanjiet u reċitazzjonijiet tal-maġija. “B’hekk,” kiteb Luqa, “b’mod setgħan il-kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tegħleb.” Illum, ukoll, il-qaddejja t’Alla jgħinu biex in-nies jinħelsu mid-demoniżmu.—Dewteronomju 18:10-12.
Intolleranza Reliġjuża Ma Tirnexxix
20. Il-ħaddiema tal-fidda taʼ Efesu għala qabbdu rewwixta, u kif intemmet?
20 Ix-Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss iffaċċjaw marmalji rrabjati, u hekk ġralhom xi Kristjani f’Efesu. (19:2l-41) Hekk kif dawk li emmnu żdiedu, Demetrius u ħaddiema oħra tal-fidda tilfu l-flus għaliex inqas nies bdew jixtru n-niċeċ tal-fidda tagħhom tal-alla mara tal-fertilità b’ħafna isdra, Artemis. Imxewxa minn Demetrius, marmalja ħadet lil sħab Pawlu, Gajjus u Aristarkus fit-teatru, imma d-dixxipli ma ħallewx lil Pawlu jidħol ġewwa. Saħansitra xi uffiċjali tal-festi tal-logħob talbuh biex ma jiħux dak ir-riskju. Għal madwar sagħtejn, il-marmalja għajtet: “Kbira hi Artemis tal-Efesin!” Fl-aħħar, l-uffiċjal tal-belt (li kien il-kap tal-gvern muniċipali) qal li l-ħaddiema tas-sengħa setgħu jippreżentaw l-akkużi tagħhom lil xi prokonslu, li kien awtorizzat li jieħu deċiżjonijiet ġudizzjarji, jew inkella l-każ tagħhom setaʼ jiġi deċiż minn “assemblea regulari” taʼ ċittadini. Inkella, Ruma setgħet takkuża lil dawk f’din l-assemblea rregulari b’rewwixta. B’dan, hu bagħathom ’il barra.
21. B’liema mod Alla bierek ix-xogħol taʼ Pawlu u kif ibierek dak tax-Xhieda taʼ Jehovah illum?
21 Alla għen lil Pawlu biex jiffaċċja provi diversi u bierek l-isforzi tiegħu biex igħin lin-nies jirrifjutaw tagħlim reliġjuż żbaljat u jħaddnu l-verità. (Qabbel Ġeremija 1:9, 10.) Kemm aħna grati li Missierna tas-sema bl-istess mod ibierek ix-xogħol tagħna! B’hekk issa bħal fl-ewwel seklu, ‘il-kelma taʼ Jehovah qed tikber u tegħleb.’
Kif Se Twieġeb?
◻ X’eżempju jagħti l-appostlu Pawlu f’li aċċetta direzzjoni mill-ispirtu qaddis?
◻ B’liema metodu, li għadu jiġi wżat mill-qaddejja taʼ Jehovah, Pawlu ‘spjega u ta prova’ tal-affarijiet?
◻ Liema xebh hemm bejn ir-rispons għad-diskors taʼ Pawlu fuq l-Areopagus u l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah?
◻ Pawlu kif sostna lilu nnifsu fil-ministeru, u liema xebh modern għandu dan?
◻ Bħalma għamel lix-xogħol taʼ Pawlu, Alla kif bierek ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah illum?