LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • uw kap. 24 pp. 184-191
  • L-Iskop taʼ Jehovah Jikseb Suċċess Glorjuż

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Iskop taʼ Jehovah Jikseb Suċċess Glorjuż
  • Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​POŻIZZJONI FFAVORITA TAʼ IŻRAEL
  • JEHOVAH JGĦAQQAD LILL-​POPLU TIEGĦU
  • JINĠABRU “L-​AFFARIJIET FUQ L-​ART”
  • L-Iskop taʼ Jehovah Jirnexxi b’Mod Glorjuż
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Kulħadd Se Jkun Ħieles
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Dan Huwa Kif Alla Ħabbna”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Jehovah—Alla li Jgħallem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
uw kap. 24 pp. 184-191

Kapitlu 24

L-​Iskop taʼ Jehovah Jikseb Suċċess Glorjuż

1, 2. (a) X’inhu l-​iskop taʼ Jehovah rigward il-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu? (b) Min kien inkluż fil-​familja magħquda t’adoraturi t’Alla? (ċ) Rigward dan, liema mistoqsija persunali jixirqilha konsiderazzjoni?

IL-​ĦOLQIEN intelliġenti kollu magħqud fil-​qima vera u lkoll kemm huma jgawdu l-​libertà glorjuża taʼ tfal t’Alla​—dak huwa l-​iskop għaref u taʼ mħabba taʼ Jehovah. Huwa wkoll dak li jixtiequ bis-​serjetà dawk li jħobbu t-​tjieba.

2 Jehovah beda jwettaq dan l-​iskop grandjuż meta ta bidu għax-​xogħlijiet tiegħu taʼ ħolqien. L-​ewwel ħolqien tiegħu kien Iben, wieħed li ta prova li kien “[i]r-riflessjoni tal-​glorja tiegħu u r-​rappreżentazzjoni eżatta taʼ l-​istess esseri tiegħu.” (Eb. 1:​1-3) Dan il-​wieħed kien uniku, billi ġie maħluq minn Alla waħdu. Permezz tiegħu ġew fl-​eżistenza wlied oħrajn​—l-​ewwel, anġli fis-​smewwiet, imbagħad il-​bniedem fuq l-​art. (Ġob 38:7; Luqa 3:38) Dawn l-​ulied kollha fformaw familja waħda universali. Għalihom ilkoll Jehovah kien Alla, l-​uniku wieħed li kellu jkun meqjum. Kien is-​Sovran Universali. Kien ukoll il-​Missier tagħhom kollu mħabba. Huwa bl-​istess mod Missierek, u int wieħed mit-​tfal tiegħu? X’relazzjoni prezzjuża tistaʼ tkun dik!

3. (a) Fit-​twelid għala ħadd minna ma kien iben t’Alla? (b) Imma Jehovah liema provvediment taʼ mħabba għamel għan-​nisel t’Adam?

3 Minkejja dan, irridu niffaċċjaw il-​fatt li meta l-​ewwel ġenituri umani tagħna ġew ikkundannati għall-​mewt bħala midinbin għax riedu huma, ġew żgumbrati minn Għeden u miċħudin minn Alla. Ma baqgħux parti mill-​familja universali taʼ Jehovah. (Ġen. 3:​22-24; qabbel Dewteronomju 32:​4, 5.) Ilkoll kemm aħna, minħabba li aħna dixxendenti tal-​midneb Adam, twelidna b’tendenzi midinbin. Ladarba aħna n-​nisel taʼ ġenituri li ġew imkeċċijin mill-​familja t’Alla, ma nistgħux insostnu li aħna wlied Alla sempliċement fuq il-​bażi taʼ twelid uman. Imma Jehovah kien jaf li xi wħud minn fost id-​dixxendenti taʼ Adam kellhom iħobbu t-​tjieba, u Hu b’imħabba għamel provvediment li bih dawn setgħu jiksbu l-​libertà glorjuża taʼ tfal t’Alla.​—Rum. 8:​20, 21.

IL-​POŻIZZJONI FFAVORITA TAʼ IŻRAEL

4. (a) L-​Iżraeliti fuq liema bażi kienu “wlied” Alla? (b) Dan x’ma kienx ifisser?

4 Xi 2,500 sena wara l-​ħolqien taʼ Adam, Jehovah wassal mill-​ġdid lil ċerti bnedmin il-​privileġġ li jkollhom relazzjoni miegħu bħala wliedu. F’armonija mal-​patt tiegħu m’Abraham, Jehovah għażel lil Iżrael biex ikun il-​poplu tiegħu. Għalhekk, maʼ Farawni taʼ l-​Eġittu, hu tkellem dwar Iżrael bħala “ibni.” (Eżo. 4:​22, 23; Ġen. 12:​1, 2) Iktar tard ta lil Iżrael il-​Liġi tiegħu fuq il-​Muntanja Sinaj, ifforma lil dak il-​poplu f’ġens u wżahom f’konnessjoni maʼ l-​iskop tiegħu. Minn pożizzjoni nazzjonali, minħabba li kienu l-​“propjetà speċjali” taʼ Jehovah, kienu jissejħu “wlied” Alla. (Dewt. 14:​1, 2; Isa. 43:1) Ukoll, minħabba l-​aġir speċjali tiegħu maʼ ċerti individwi f’dak il-​ġens, Jehovah irrefera għalihom bħala wlied. (1 Kron. 22:​9, 10) Din il-​waqfa kienet ibbażata fuq relazzjoni taʼ patt m’Alla. Ma kenitx tfisser, madankollu, li huma gawdew il-​libertà glorjuża li Adam kien gawda bħala iben t’Alla. Kienu għadhom imjassrin għad-​dnub u l-​mewt.

5. Iżrael kif tilef il-​waqfa speċjali tiegħu quddiem Alla?

5 Minkejja dan, bħala wlied kellhom waqfa ffavorita m’Alla. Kellhom ukoll ir-​responsabbiltà li jirrispettaw lil Missierhom u li jaħdmu f’armonija maʼ l-​iskop tiegħu. Ġesù enfasizza l-​importanza taʼ li jwettqu dak l-​obbligu​—mhux biss li jistqarru li Alla hu Missierhom, imma li ‘jagħtu prova tagħhom infushom’ li kienu wliedu. (Matt. 5:​43-48; Mal. 1:6) Madankollu, il-​Lhud bħala ġens naqsu li jagħmlu dan. Għalhekk, matul is-​sena finali tal-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, meta l-​Lhud li kienu qegħdin ifittxu li joqtlu lil Ġesù ddikjaraw, “Għandna Missier wieħed, Alla,” Ġesù indika b’mod sod li l-​azzjonijiet tagħhom u l-​ispirtu li wrew giddbu din l-​istqarrija. (Ġwn. 8:​41, 44, 47) Fis-​sena 33 E.K. l-​patt tal-​Liġi ġie mitmum minn Alla, u l-​bażi għar-​relazzjoni speċjali li Iżrael kien gawda ntemmet. Madankollu, Jehovah ma waqafx milli jkollu fost l-​umanità lil dawk li hu aċċetta bħala wlied.

JEHOVAH JGĦAQQAD LILL-​POPLU TIEGĦU

6. Pawlu ddeskriva liema “amministrazzjoni” f’​Efesin 1:​9, 10, u x’inhu l-​oġġettiv tagħha?

6 Lil Kristjani f’Efesu l-​appostlu Pawlu kiteb dwar il-​programm taʼ Jehovah biex jgħaqqad lill-​poplu tiegħu​—l-​arranġament t’Alla li bih dawk li jeżerċitaw fidi jistgħu jsiru membri maħbubin tad-​dar Tiegħu, billi qal: “[Alla] għarrfilna s-​sigriet sagru tar-​rieda tiegħu. Huwa skond il-​pjaċir tajjeb tiegħu li hu ħoloq skop fih innifsu għal amministrazzjoni [tmexxija taʼ dar] mal-​limitu sħiħ taż-​żminijiet maħturin, jiġifieri, li jiġbor l-​affarijiet kollha flimkien mill-​ġdid fil-​Kristu, l-​affarijiet fis-​smewwiet u l-​affarijiet fuq l-​art.” (Ef. 1:​9, 10) Din l-​“amministrazzjoni” tiċċentra madwar Ġesù Kristu. Permezz tiegħu, il-​bnedmin jinġiebu f’kundizzjoni approvata quddiem Alla​—uħud bil-​prospett li jkunu fis-​sema; oħrajn, fuq l-​art—​biex jaqdu f’unità maʼ l-​ulied anġeliċi t’Alla li taw prova li kienu leali lejn Jehovah.

7. X’inhuma “l-​affarijiet fis-​smewwiet,” u x’ifisser għalihom li jkunu miġburin flimkien?

7 L-​ewwelnett, minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​attenzjoni ngħatat lill-​“affarijiet fis-​smewwiet,” jiġifieri, dawk li kellhom ikunu werrieta sħab maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema. Fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fil-​valur tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma ġew iddikjarati twajbin minn Alla. (Rum. 5:​1, 2) Imbagħad ġew ‘imweldin mill-​ġdid,’ jew imweldin bħala wlied Alla bil-​prospett taʼ ħajja fis-​sema. (Ġwn. 3:3; 1:​12, 13) Maʼ dawn bħala ġens spiritwali Alla għamel il-​patt il-​ġdid. Maż-​żmien, kemm il-​Lhud u kemm il-​Ġentili kellhom ikunu inklużi, u dawn kellhom jammontaw għal 144,000.​—Gal. 3:​26-29; Riv. 14:1.

8. Ir-​relazzjoni tal-​werrieta tas-​Saltna mal-​Missier kif titqabbel maʼ dik tal-​Lhud taħt il-​Liġi Mosajka?

8 Għalkemm għadhom imperfetti fil-​ġisem, il-​fdal taʼ werrieta bħal dawn tas-​Saltna tas-​sema jgawdu relazzjoni prezzjuża u intima mal-​Missier. Dwar dan, Pawlu kiteb: “Issa għaliex intom ulied, Alla bagħat l-​ispirtu taʼ Ibnu fi qlubna u dan jgħajjat: ‘Abba, Missier!’ Mela, allura, int m’għadekx iktar irsir imma iben; u jekk iben, werriet ukoll permezz t’Alla.” (Gal. 4:​6, 7) Dik l-​espressjoni bl-​Aramajk “Abba” tfisser “missier,” imma hija forma għażiża taʼ kif tindirizza lil xi ħadd​—it-​tip użat minn tifel żgħir lil missieru. Minħabba s-​superjorità tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla stess, dawn il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu jgawdu relazzjoni m’Alla li hija iktar intima minn kwalunkwe waħda li kienet possibbli għal bnedmin imperfetti taħt il-​Liġi. Madankollu, dak li hemm fil-​futur għalihom huwa saħansitra iktar taʼ l-​għaġeb.

9. X’ifisser it-​twettiq sħiħ taʼ l-​istat tagħhom taʼ iben?

9 Jekk jagħtu prova li huma leali sal-​mewt, jirċievu t-​twettiq sħiħ taʼ l-​istat tagħhom taʼ iben billi jiġu rxoxtati għal ħajja immortali fis-​smewwiet. Hemmhekk se jkunu pprivileġġati li jaqdu f’unità fl-​istess preżenza t’Alla Jehovah. Relattivament numru żgħir biss minn dawn l-​ulied t’Alla għadhom fuq l-​art.​—Rum. 8:​14, 23; 1 Ġwn. 3:​1, 2.

JINĠABRU “L-​AFFARIJIET FUQ L-​ART”

10. (a) X’inhuma “l-​affarijet fuq l-​art,” u minn meta bdew jinġabru flimkien f’unità taʼ qima? (b) X’inhi r-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah?

10 L-​istess “amministrazzjoni” li tagħmel possibbli li bnedmin jiġu miġburin fid-​dar t’Alla bil-​prospett taʼ ħajja fis-​sema ddawwar ukoll l-​attenzjoni lejn “l-​affarijiet fuq l-​art.” B’mod partikulari mill-​1935 E.K. ’l hawn persuni b’fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu ġew miġburin bil-​prospett taʼ ħajja eterna fuq l-​art. Spalla maʼ spalla maʼ l-​uħud li fadal mill-​klassi midluka, huma jgħollu l-​isem taʼ Jehovah u jeżaltaw il-​qima tiegħu. (Sof. 3:9; Isa. 2:​2, 3) B’rispett profond dawn, ukoll, jindirizzaw lil Jehovah bħala “Missier,” billi jirrikonoxxuh bħala s-​Sors tal-​ħajja, u bis-​serjetà jħabirku biex jirriflettu l-​kwalitajiet tiegħu bħalma hu jistenna li jagħmlu wliedu. Huma jgawdu waqfa approvata quddiemu fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fid-​demm imxerred taʼ Ġesù. (Matt. 6:9; Riv. 7:​9, 14) Imma huma jafu li l-​ferħ taʼ li jkunu rrikonoxxuti bis-​sħiħ minn Alla bħala t-​tfal tiegħu għadu ġej fil-​futur għalihom.

11. (a) Rumani 8:​19-21 liema wegħda joffri lill-​umanità? (b) X’inhu l-​“kxif taʼ wlied Alla” li huma jistennew bil-​ħerqa?

11 Bħalma huwa muri f’​Rumani 8:​19-21, huma qegħdin jistennew bil-​ħerqa għall-​“kxif taʼ wlied Alla,” għaliex imbagħad se jiġi ż-​żmien għal dawn tal-​ħolqien uman biex ‘jinħelsu mill-​jasar għall-​korruzzjoni.’ Dak il-​“kxif” se jseħħ meta l-​bnedmin hawnhekk fuq l-​art jaraw evidenza li l-​ulied t’Alla midlukin bl-​ispirtu li jkunu kisbu l-​premju tagħhom tas-​sema marru fl-​azzjoni bħala mseħbin tal-​Mulej igglorifikat tagħhom, Ġesù Kristu. Dan se jkun jidher fil-​qerda tas-​sistema t’affarijiet kollha kemm hi, biex tiġi segwita mill-​barkiet tar-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu li fih dawn ‘ulied Alla’ se jieħdu sehem miegħu bħala slaten u qassisin.​—Riv. 2:​26, 27; 20:6.

12. Wara t-​tribulazzjoni l-​kbira, f’liema għanja taʼ tifħir se jingħaqdu l-​ulied midlukin bl-​ispirtu u vittorjużi t’Alla, u dan x’ifisser?

12 Kemm se jkun taʼ ferħ kbir meta tkun għaddiet it-​tribulazzjoni l-​kbira u dawk l-​ulied t’Alla li ġew magħqudin maʼ Kristu jgħaqqdu l-​vuċijiet tagħhom f’tifħir lil Alla, billi jipproklamaw bil-​ferħ: “Kbar u taʼ l-​għaġeb huma x-​xogħlijiet tiegħek, Alla Jehovah, li Tistaʼ Kollox. Taʼ tjieba u veri huma l-​mogħdijiet tiegħek, Sultan taʼ l-​eternità. Min mhux tassew se jibżaʼ minnek, Jehovah, u jigglorifika lil ismek, għaliex int waħdek leali? Għax il-​ġnus kollha se jiġu u jqimu quddiemek, għaliex id-​digrieti taʼ tjieba tiegħek intgħamlu jidhru”! (Riv. 15:​3, 4) Iva, l-​umanità kollha, magħmula minn persuni minn dawk kollha li qabel kienu ġnus, se tingħaqad fil-​qima taʼ dak Alla veru. Saħansitra dawk fl-​oqbra tal-​mafkar se jiġu rxoxtati u jingħataw l-​opportunità li jgħaqqdu l-​vuċijiet tagħhom f’tifħir lil Jehovah.

13. Liema libertà meraviljuża se tkun gawduta minnufih minn dawk li jsalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira?

13 Satana x-​Xitan qatt iktar ma se jkun “l-​alla taʼ din is-​sistema t’affarijiet.” L-​adoraturi taʼ Jehovah hawn fuq l-​art qatt iktar ma se jkollhom għalfejn jissieltu maʼ l-​influwenza vili tiegħu. (2 Kor. 4:4; Riv. 20:​1-3) Ir-​reliġjon falza qatt iktar ma se tirrappreżenta ħażin lil Alla kollu mħabba tagħna u sservi taʼ influwenza li tifred fis-​soċjetà umana. Il-​qaddejja taʼ dak Alla veru qatt iktar ma se jġarrbu inġustizzji u sfruttament f’idejn irġiel f’karigi governattivi. X’libertà meraviljuża se tissinjifika dik għal dawk li jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira!

14. B’liema mod se jkunu ġew illiberati mid-​dnub u mill-​effetti kollha tiegħu?

14 Bħala l-​“Ħaruf t’Alla li jneħħi d-​dnub tad-​dinja,” Ġesù Kristu se japplika l-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu sabiex jikkanċella d-​dnubiet tal-​passat taʼ l-​umanità. (Ġwn. 1:29) Fuq l-​art, meta Ġesù ddikjara li d-​dnubiet taʼ wieħed raġel kienu maħfurin, hu wkoll fejjaq lil dak li ġie maħfur bħala prova taʼ dan il-​fatt. (Matt. 9:​1-7) Bl-​istess manjiera, mis-​sema b’mod mirakoluż hu se jfejjaq lill-​għomja, lit-​torox, lill-​muti, lil dawk immankati fiżikament, lil dawk li qegħdin isofru mentalment u lil dawk bi kwalunkwe marda oħra. Bil-​mod il-​mod, billi jagħġnu lilhom infushom għall-​mogħdijiet taʼ tjieba t’Alla, dawk kollha li jkunu jridu u li jobdu minn qalbhom se jkollhom ‘il-​liġi tad-​dnub’ annullata kompletament fihom infushom sabiex l-​azzjonijiet kollha tagħhom, il-​ħsibijiet tagħhom u x-​xewqat taʼ qlubhom se jkunu jogħġbu kemm lilhom infushom u kemm lil Alla. (Rum. 7:​21-23; qabbel Isaija 25:​7, 8 u Rivelazzjoni 21:​3, 4.) Qabel it-​tmiem tal-​Millennju, huma se jkunu ġew mgħejjunin għal perfezzjoni umana sħiħa. Se jkunu kompletament meħlusin mid-​dnub u mill-​effetti taʼ niket kollha tiegħu. Se jirriflettu b’mod xieraq ‘ix-​xbiha u x-​xebh t’Alla’ f’nofs Ġenna taʼ l-​art li tħaddan il-​globu kollu kemm hu.​—Ġen. 1:26.

15. Fi tmiem il-​Millennju, Kristu liema azzjoni se jieħu, u b’liema oġġettiv?

15 Meta Kristu jkun wassal lill-​umanità għall-​perfezzjoni, hu mbagħad se jrodd lura lil Missieru l-​awtorità li kienet ngħatatlu għal dan ix-​xogħol. Bħalma huwa mbassar fl-​1 Korintin 15:28: “Meta l-​affarijiet kollha se jkunu ġew issuġġettati lejh [lejn l-​Iben], imbagħad l-​Iben innifsu wkoll se jissuġġetta lilu nnifsu lejn il-​Wieħed li ssuġġetta l-​affarijiet kollha lejh, biex Alla jistaʼ jkun l-​affarijiet kollha għal kulħadd.”

16. Il-​bnedmin perfetti kollha issa se jkunu suġġetti għal liema ħaġa, u għala?

16 Issa l-​bnedmin ipperfezzjonati se jingħataw l-​opportunità li juru li l-​għażla li ma titbiddilx tagħhom hija li jaqdu lill-​uniku Alla ħaj u veru għal dejjem. Għalhekk, qabel ma jadottahom bħala wliedu permezz taʼ Ġesù Kristu, Jehovah se jissuġġetta lil dawk il-​bnedmin kollha pperfezzjonati għal prova finali, kompluta. Satana u d-​demonji tiegħu se jiġu maħlulin mill-​abbiss. Dan ma se jirriżulta f’ebda ħsara dejjiema għal dawk li verament iħobbu lil Jehovah. Imma dawk kollha li b’nuqqas taʼ lealtà jħallu lilhom infushom jiġu mmexxijin għal diżubbidjenza lejn Jehovah se jiġu meqrudin għal dejjem flimkien mar-​ribell oriġinali u d-​demonji tiegħu.​—Riv. 20:​7-10.

17. Bi twettiq taʼ l-​iskop taʼ Jehovah, liema sitwazzjoni se teżisti għal darb’oħra fost il-​ħlejjaq intelliġenti kollha tiegħu?

17 Jehovah issa b’imħabba se jadotta bħala wliedu permezz taʼ Kristu lill-​bnedmin kollha pperfezzjonati li jżommu sod kontra dik il-​prova finali u deċiżiva. Huma mbagħad se jieħdu sehem bis-​sħiħ fil-​“libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.” (Rum. 8:21) Fl-​aħħar se jsiru parti mill-​familja universali u magħquda t’Alla, li għalihom kollha Jehovah se jkun għal dejjem l-​uniku Alla, is-​Sovran Universali, u l-​Missier kollu mħabba tagħhom. Imbagħad il-​ħolqien intelliġenti kollu taʼ Jehovah, fis-​sema u fuq l-​art, se jkun għal darb’oħra magħqud fil-​qima taʼ l-​uniku Alla veru.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

● Qabel l-​irvell f’Għeden, l-​adoraturi kollha taʼ Jehovah liema relazzjoni kellhom miegħu?

● Liema responsabbiltà għandhom dawk li huma wlied Alla?

● Min illum huma wlied Alla? Min għad irid isir tfal t’Alla, u dan kif inhu relatat maʼ l-​iskop taʼ Jehovah rigward il-​qima magħquda?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja