LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 10/1 pp. 14-19
  • Is-Sabar Waqt il-Provi Jġib Tifħir lil Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Is-Sabar Waqt il-Provi Jġib Tifħir lil Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Leali Waqt il-​Provi
  • “Troddu lil Ħadd Deni b’Deni”
  • Il-​Ferħ li Jiġi Milli Nqaddsu l-​Isem taʼ Jehovah
  • Persegwitati Minħabba s-Sewwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ibqaʼ Leali Meta Jippersegwitawk
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kif Għandna Nqisuhom il-Provi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ibqaʼ qrib l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 10/1 pp. 14-19

Is-​Sabar Waqt il-​Provi Jġib Tifħir lil Jehovah

“Jekk tagħmlu t-​tajjeb u ssofru t-​tbatija bis-​sabar, din tkun grazzja quddiem Alla.”​—1 PIETRU 2:​20.

1. Ladarba l-​Kristjani veri jagħmlu l-​almu tagħhom biex jgħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħhom, liema mistoqsija trid tiġi kunsidrata?

IL-​KRISTJANI huma dedikati lil Jehovah u jridu jagħmlu r-​rieda tiegħu. Biex jgħixu skond id-​dedikazzjoni tagħhom, huma jagħmlu l-​almu kollu tagħhom biex isegwu l-​passi taʼ Ġesù Kristu, ix-​Xempju tagħhom, u jagħtu xiehda għall-​verità. (Mattew 16:24; Ġwanni 18:37; 1 Pietru 2:​21) Madankollu, Ġesù u wħud leali oħra taw ħajjithom u mietu bħala martri għat-​twemmin tagħhom. Ifisser dan li l-​Kristjani kollha jistennew li għad imutu għat-​twemmin tagħhom?

2. Il-​Kristjani kif iqisuhom il-​provi u t-​tbatijiet?

2 Bħala Kristjani, aħna niġu mħeġġin biex inkunu leali sal-​mewt, u mhux neċessarjament biex immutu għat-​twemmin tagħna. (2 Timotju 4:7; Apokalissi 2:​10) Dan ifisser li filwaqt li aħna lesti li nsofru​—u, jekk ikun hemm bżonn, li mmutu​—għat-​twemmin tagħna, mhix xi ħaġa li nieħdu gost nagħmluha. Mhix l-​għaxqa tagħna li nbatu u lanqas ma nieħdu pjaċir bl-​uġigħ jew bl-​umiljazzjonijiet. Iżda, ladarba nistennew li ngħaddu mill-​provi u l-​persekuzzjoni, jeħtieġ li nikkunsidraw bil-​għaqal kif nistgħu naġixxu meta dawn jiġu fuqna.

Leali Waqt il-​Provi

3. Liema eżempji Bibliċi taʼ kif tkampa mal-​persekuzzjoni tistaʼ tirrakkonta? (Ara l-​kaxxa “Kif Kampaw mal-​Persekuzzjoni,” fil-​paġna li jmiss.)

3 Fil-​Bibbja nsibu diversi rakkonti li juru kif aġixxew il-​qaddejja t’Alla tal-​passat meta ġew wiċċ imbwiċċ maʼ sitwazzjonijiet li kienu taʼ theddida għal ħajjithom. Il-​modi differenti kif huma ffaċċjawhom jipprovdu gwida għall-​Kristjani llum f’każ li huma jkollhom iħabbtu wiċċhom maʼ sfidi simili. Ikkunsidra r-​rakkonti fil-​kaxxa “Kif Kampaw mal-​Persekuzzjoni,” u ara x’tistaʼ titgħallem minnhom.

4. X’jistaʼ jingħad dwar il-​mod kif irreaġixxew Ġesù u qaddejja leali oħra t’Alla meta dawn kienu għaddejjin minn xi prova?

4 Għalkemm Ġesù u qaddejja leali oħra t’Alla rreaġixxew b’mod differenti għall-​persekuzzjoni, skond iċ-​ċirkustanzi tagħhom, jidher ċar li huma ma kinux jipperikolaw ħajjithom bla bżonn. Meta sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet perikolużi, huma kienu kuraġġużi imma fl-​istess ħin għaqlin. (Mattew 10:16, 23) Il-​mira tagħhom kienet li jkomplu jżidu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u jżommu l-​integrità tagħhom lejn Jehovah. Il-​mod kif irreaġixxew f’diversi sitwazzjonijiet jipprovdi eżempji għal dawk il-​Kristjani li llum jiffaċċjaw provi u persekuzzjoni.

5. Liema persekuzzjoni qamet fil-​Malawi fis-​snin sittin, u x-​Xhieda t’hemmhekk kif irreaġixxew?

5 Fi żmienna, in-​nies taʼ Jehovah spiss sabu ruħhom f’kundizzjonijiet taʼ tbatija ħarxa u neqsin mill-​affarijiet essenzjali minħabba gwerer, projbizzjonijiet, jew persekuzzjoni diretta. Per eżempju, fis-​snin sittin tas-​seklu l-​ieħor, ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Malawi kienu persegwitati bl-​aħrax. Is-​Swali tas-​Saltna, id-​djar, l-​ikel, u n-​negozji tagħhom​—prattikament dak kollu li kellhom​—ġew meqrudin. Huma ġew imsawtin u għaddew minn ħafna esperjenzi koroh. Dawn l-​aħwa kif irreaġixxew? Eluf minnhom kellhom jaħarbu mill-​irħula tagħhom. Oħrajn sabu l-​kenn fil-​boskijiet, waqt li oħrajn kellhom jaħarbu lejn il-​Możambik, pajjiż fil-​qrib. Għalkemm ħafna wħud leali tilfu ħajjithom, oħrajn għażlu li jaħarbu miż-​żona tal-​periklu, li milli jidher dan kien pass għaqli f’dawk iċ-​ċirkustanzi. Meta għamlu dan, l-​aħwa kienu qed isegwu l-​eżempju li ħallew Ġesù u Pawlu.

6. Ix-​Xhieda fil-​Malawi x’ma warrbux minkejja lpersekuzzjoni ħarxa li kienu għaddejjin minnha?

6 Avolja l-​aħwa tal-​Malawi kellhom jitilqu minfejn kienu jew kellhom jistaħbew, huma xorta fittxew u segwew id-​direzzjoni teokratika u komplew bl-​attivitajiet Kristjani bil-​moħbi mill-​aħjar li setgħu. X’kien ir-​riżultat? Intlaħqet quċċata taʼ 18,519-il pubblikatur tas-​Saltna preċiż qabel il-​projbizzjoni fl-​1967. Għalkemm kienu għadhom taħt projbizzjoni u ħafna kienu ħarbu lejn il-​Możambik, sa l-​1972 ġiet rapportata quċċata ġdida taʼ 23,398 pubblikatur. Il-​medja tas-​sigħat fil-​ministeru kull xahar kienet taʼ 16-il siegħa. Bla ebda dubju, l-​għemejjel tagħhom ġabu tifħir lil Jehovah, u l-​barka taʼ Jehovah kienet fuq dawn l-​aħwa leali tul dak iż-​żmien tant diffiċli.a

7, 8. Xi wħud għal liema raġunijiet jagħżlu li ma jaħarbux mill-​pajjiż, avolja l-​oppożizzjoni tkun qed toħolqilhom problemi kbar?

7 Mill-​banda l-​oħra, f’pajjiżi fejn ikun hemm il-​problemi minħabba l-​oppożizzjoni, xi aħwa għandhom mnejn jiddeċiedu li ma jitilqux mill-​pajjiż, avolja jkunu jistgħu jagħmlu dan. Il-​fatt li jitilqu jistaʼ jsolvilhom ċerti problemi, imma joħolqilhom sfidi oħra. Per eżempju, se jkunu jistgħu jibqgħu f’kuntatt maʼ ħuthom il-​Kristjani u ma jiġux iżolati spiritwalment? Se jkunu jistgħu jżommu r-​rutina spiritwali tagħhom hekk kif jissieltu biex jissetiljaw fejn imorru, forsi f’xi pajjiż iktar sinjur jew f’pajjiż li jipprovdilhom iktar opportunitajiet biex itejbu l-​qagħda materjali tagħhom?​—1 Timotju 6:9.

8 Oħrajn jagħżlu li ma jitilqux mill-​pajjiż għaliex ikunu mħassbin dwar il-​ġid spiritwali taʼ ħuthom. Dawn jagħżlu li jibqgħu fil-​pajjiż u jiffaċċjaw is-​sitwazzjoni sabiex ikomplu jippridkaw fit-​territorju tagħhom u sabiex ikunu jistgħu jinkuraġġixxu lill-​Kristjani sħabhom. (Filippin 1:​14) Billi għażlu li jagħmlu dan, xi wħud irnexxielhom jikkontribwixxu għal rebħiet legali f’pajjiżhom.b

9. Liema fatturi jrid jikkunsidra xi ħadd meta jkun se jiddeċiedi jekk jibqax joqgħod fejn kien jew jitlaqx minn hemm minħabba l-​persekuzzjoni?

9 Jekk nibqgħux jew inkella nitilqux xi mkien ieħor​—din ċertament hi deċiżjoni persunali. M’għandniex xi ngħidu, deċiżjonijiet bħal dawn irridu niħduhom biss wara li nkunu tlabna lil Jehovah għad-​direzzjoni. Madankollu, tkun xi tkun id-​deċiżjoni li nagħżlu li nieħdu, irridu niftakru fil-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:12) Bħalma ġie notat qabel, dak li Jehovah jirrikjedi hu li l-​qaddejja tiegħu kollha jibqgħu leali f’kull ċirkustanza. Xi wħud mill-​qaddejja tiegħu llum diġà qed iħabbtu wiċċhom maʼ provi u persekuzzjonijiet, u forsi għada pitgħada jmiss lill-​oħrajn ukoll. Ilkoll se jgħaddu minn provi b’xi mod jew ieħor, u ħadd m’għandu jistenna li se jkun l-​eċċezzjoni. (Ġwanni 15:19, 20) Bħala qaddejja dedikati taʼ Jehovah, ma nistgħux naħarbu l-​kwistjoni universali li tinvolvi t-​taqdis taʼ l-​isem taʼ Jehovah u l-​ivvindikar tas-​sovranità tiegħu.​—Eżekjel 38:23; Mattew 6:​9, 10.

“Troddu lil Ħadd Deni b’Deni”

10. Liema preċedent importanti ħallewlna Ġesù u l-​appostli dwar kif nistgħu nkampaw mal-​pressjonijiet u l-​oppożizzjoni?

10 Prinċipju importanti ieħor li nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù u l-​appostli rreaġixxew meta kienu taħt pressjoni hu li qatt m’għandna nirritaljaw kontra dawk li jippersegwitawna. Imkien fil-​Bibbja ma nsibu l-​idea li Ġesù u s-​segwaċi tiegħu organizzaw lilhom infushom f’xi moviment taʼ reżistenza jew użaw il-​vjolenza sabiex jiġġieldu kontra dawk li ppersegwitawhom. Għall-​kuntrarju, “troddu lil ħadd deni b’deni,” wissa l-​appostlu Pawlu lill-​Kristjani. “Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-​korla taʼ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: ‘Għalija l-​vendetta, jiena nħallas, jgħid il-​Mulej.’” Iktar minn hekk, “tħallix il-​ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.”​—Rumani 12:17-​21; Salm 37:​1-4; Proverbji 20:22.

11. Ċertu kittieb taʼ l-​istorja x’jgħid dwar l-​attitudni tal-​Kristjani tal-​bidu lejn l-​Istat?

11 Il-​Kristjani tal-​bidu ħadu dan il-​parir bis-​serjetà. Fil-​ktieb tiegħu The Early Church and the World, il-​kittieb taʼ l-​istorja Cecil J. Cadoux jiddeskrivi l-​attitudni tal-​Kristjani lejn l-​Istat matul il-​perijodu taʼ bejn is-​sena 30 u s-​sena 70 E.K. Hu jikteb: “M’għandna l-​ebda evidenza diretta li qatt sar xi sforz min-​naħa tal-​Kristjani taʼ dan il-​perijodu biex jieqfu kontra l-​persekuzzjoni billi jużaw il-​forza. L-​iktar li waslu biex jagħmlu kien li jikkundannaw dak li għamlu l-​ħakkiema tagħhom jew inkella kienu jħalluhom miblugħin billi jaħarbu minn dak il-​pajjiż. Madankollu, il-​mod kif il-​Kristjani normalment aġixxew għall-​persekuzzjoni kien billi sempliċement irrifjutaw b’mod sod li jobdu l-​ordnijiet tal-​gvern li huma ħassew li kienu qed imorru kontra l-​ubbidjenza tagħhom lejn Kristu.”

12. Għala huwa aħjar li tissaporti t-​tbatija milli tirritalja?

12 Huwa dan il-​mod li jidher li hu passiv verament prattiku? Ma jkunux dawk li jirreaġixxu b’dan il-​mod qed jagħmluha iktar faċli għall-​għedewwa tagħhom biex jeqirduhom? Ma jkunx iktar għaqli li jiddefendu lilhom infushom? Mill-​mod kif jaraha l-​bniedem hekk jidher. Iżda, bħala qaddejja taʼ Jehovah, aħna fiduċjużi li jkun aħjar għalina jekk insegwu d-​direzzjoni taʼ Jehovah fil-​kwistjonijiet kollha. Aħna nżommu f’moħħna l-​kliem taʼ Pietru: “Jekk tagħmlu t-​tajjeb u ssofru t-​tbatija bis-​sabar, din tkun grazzja quddiem Alla.” (1 Pietru 2:20) Aħna fiduċjużi li Jehovah jaf eżatt x’inhi s-​sitwazzjoni u m’huwiex se jħalli l-​affarijiet jibqgħu sejrin hekk għal dejjem. Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Lin-​nies tiegħu li kienu fil-​jasar fil-​Babilonja, Jehovah iddikjara: ‘Min imiss lilkom imiss il-​mimmi taʼ għajnejja.’ (Żakkarija 2:12 [2:8, NW]) Min minna se jħalli lil xi ħadd imisslu l-​mimmi t’għajnejh għal żmien twil? Jehovah se jipprovdi serħan f’waqtu. Dwar dan, m’għandna l-​ebda dubju.​—2 Tessalonikin 1:​5-8.

13. Ġesù għala b’sottomissjoni ħalla lill-​għedewwa jarrestawh?

13 F’dan ir-​rigward, aħna rridu nimxu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù. Meta hu ħalla lill-​għedewwa tiegħu jarrestawh fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, dan m’għamlux għax ma setax jiddefendi ruħu. Fil-​fatt, hu qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Taħsbu intom li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-​iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?’ (Mattew 26:53, 54) It-​twettiq tar-​rieda taʼ Jehovah kien l-​iktar ħaġa importanti għal Ġesù, saħansitra jekk dan kien ifisser li kellu jbati. Hu kellu fiduċja sħiħa fil-​kliem tas-​salm profetiku taʼ David: “Int ma titlaqnix fl-​imwiet, ma tħallix il-​maħbub tiegħek jara l-​qabar.” (Salm 16:10) Snin wara, l-​appostlu Pawlu qal dan dwar Ġesù: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta zokk tat-​tortura, billi stmerr l-​għajb, u qagħad bil-​qiegħda fuq il-​leminija tat-​tron t’Alla.”—Lhud 12:2, NW.

Il-​Ferħ li Jiġi Milli Nqaddsu l-​Isem taʼ Jehovah

14. X’kien il-​ferħ li sostna lil Ġesù waqt il-​provi kollha tiegħu?

14 X’kien il-​ferħ li sostna lil Ġesù waqt l-​eħrex prova li qatt tistaʼ timmaġina? Fost il-​qaddejja kollha taʼ Jehovah, Ġesù, l-​Iben il-​maħbub t’Alla, żgur li kien il-​mira prinċipali taʼ Satana. Għalhekk, il-​fatt li Ġesù żamm l-​integrità waqt il-​prova kellu jkun l-​aqwa risposta għall-​akkuża li Satana għamel kontra Jehovah. (Proverbji 27:11) Tistaʼ timmaġina l-​ferħ u s-​sodisfazzjon li ħass Ġesù meta ġie rxoxtat? Min jaf kemm kien ferħan x’ħin beda jirrealizza li kien wettaq l-​irwol li kien ngħata biex iwettaq bħala bniedem perfett fil-​kwistjoni taʼ l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah u t-​taqdis taʼ Ismu! Barra minn hekk, il-​fatt li kien bil-​qiegħda ‘fuq il-​lemin’ tat-​tron t’Alla huwa bla ebda dubju unur taʼ l-​għaġeb u l-​aqwa sors taʼ ferħ għal Ġesù.​—Salm 110:​1, 2; 1 Timotju 6:​15, 16.

15, 16. Liema persekuzzjoni kiefra ssaportew ix-​Xhieda f’Sachsenhausen, u minfejn kisbu s-​saħħa biex jagħmlu dan?

15 Bl-​istess mod, il-​Kristjani huma ferħanin li jistgħu jqaddsu l-​isem taʼ Jehovah billi jibqgħu jissaportu l-​provi u l-​persekuzzjonijiet, waqt li jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. Eżempju taʼ dan kien l-​esperjenza tax-​Xhieda li sofrew fil-​kamp tal-​konċentrament infami taʼ Sachsenhausen u rnexxielhom isalvaw mill-​mixja lejn il-​mewt tant kiefra fi tmiem it-​Tieni Gwerra Dinjija. Matul din il-​mixja mietu eluf taʼ priġunieri minħabba l-​mard, il-​ġuħ, u l-​kesħa kbira li kienu esposti għaliha. Oħrajn inqatlu bl-​akbar ħruxija mis-​suldati taʼ l-​SS, waqt li kienu mexjin fit-​triq. Ix-​Xhieda, il-​230 kollha kemm huma, salvaw billi baqgħu flimkien u għenu lil xulxin b’riskju għal ħajjithom stess.

16 Dawn ix-​Xhieda minfejn kisbu dik is-​saħħa biex jissaportu din il-​persekuzzjoni kiefra kollha? Malli sabu ruħhom salvi, huma esprimew il-​ferħ u l-​gratitudni tagħhom lejn Jehovah permezz taʼ dokument intitolat “Ir-​riżoluzzjoni taʼ 230 xhud taʼ Jehovah minn sitt nazzjonalitajiet, li nġabru ġo foresta qrib Schwerin, f’Mecklenburg.” Fiha, huma stqarrew: “Perijodu twil u iebes taʼ ttestjar issa hu xi ħaġa tal-​passat, u dawk li tħallew ħajjin, bħallikieku maħtufin minn forn jaqbad, lanqas biss għandhom ir-​riħa taʼ ħruq fuqhom. (Ara Danjel 3:94 [3:​27, NW].) Għall-​kuntrarju, huma mimlijin saħħa u qawwa mingħand Jehovah u qegħdin jistennew bil-​ħerqa l-​kmandi ġodda mingħand is-​Sultan biex ikomplu jġibu ’l quddiem l-​interessi Teokratiċi.”c

17. Liema tip taʼ provi qed jiffaċċjaw in-​nies t’Alla issa?

17 Bħal dawk il-​230 uħud leali, aħna wkoll jistaʼ jkollna l-​fidi tagħna testjata, avolja għad ma ‘wasalniex sal-​punt li nxerrdu demmna.’ (Lhud 12:4) Imma hemm ħafna tipi differenti taʼ testijiet. Forsi t-​tfal tal-​klassi jwaqqgħuna għaċ-​ċajt, jew ikollna pressjoni minn dawk taʼ mparna biex nikkommettu l-​immoralità jew xi ħażen ieħor. Barra minn hekk, id-​determinazzjoni tagħna li ma niħdux demm, li niżżewġu biss fil-​Mulej, jew li rrabbu lit-​tfal fil-​verità f’dar maqsuma reliġjożament tistaʼ xi drabi toħolqilna pressjonijiet u provi ħorox.​—Atti 15:29; 1 Korintin 7:​39; Efesin 6:4; 1 Pietru 3:​1, 2.

18. Liema wegħda taċċertana li nistgħu nissaportu saħansitra l-​iktar prova ħarxa?

18 Madankollu, tkun xi tkun il-​prova li tistaʼ tiġi fuqna, aħna nafu li qed insofru għaliex poġġejna lil Jehovah u s-​Saltna tiegħu l-​ewwel f’ħajjitna, u aħna nħossuna verament onorati u ferħanin li nagħmlu dan. Dan il-​kliem inkuraġġanti taʼ Pietru jimliena bil-​kuraġġ: “Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-​isem taʼ Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-​Ispirtu tal-​glorja, li hu l-​Ispirtu taʼ Alla.” (1 Pietru 4:​14) Bil-​qawwa taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah, aħna niksbu s-​saħħa biex nissaportu saħansitra l-​iktar provi ħorox, kollox għall-​glorja u t-​tifħir tiegħu.​—2 Korintin 4:7; Efesin 3:​16; Filippin 4:​13.

[Noti taʼ taħt]

a Il-​ġrajjiet tas-​snin sittin kienu biss il-​bidu minn serje taʼ persekuzzjonijiet ħorox u qattiela li x-​Xhieda fil-​Malawi kellhom jissaportu għal kważi tletin sena. Għal rakkont dettaljat, ara n-​1999 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 171-​212.

b Ara l-​artiklu “Il-​Qorti Suprema Tappoġġa l-​Qima Vera fl-​‘Art taʼ Ararat,’” fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’April, 2003, paġni 11-​14.

c Din ir-​riżoluzzjoni hija mniżżla kollha fin-​1974 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 208-9. Rakkont minn individwu li baqaʼ ħaj wara l-​mixja tal-​mewt jinsab f’The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1998, paġni 25-​9.

Tistaʼ Tispjega?

• Il-​Kristjani kif iqisuhom it-​tbatija u l-​persekuzzjoni?

• X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif irreaġixxew Ġesù u oħrajn leali meta kienu għaddejjin mill-​provi?

• Għala hu għaqli li ma nirritaljawx meta nkunu qed niġu persegwitati?

• Liema ferħ sostna lil Ġesù tul il-​provi li kellu, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 15]

Kif Kampaw mal-​Persekuzzjoni

• Qabel ma laħqu waslu s-​suldati taʼ Erodi f’Betlehem biex joqtlu lit-​tfal subien kollha taʼ minn sentejn ’l isfel, Ġużeppi u Marija, li ġew imwissijin mill-​anġlu dwar dan, ħadu liċ-​ċkejken Ġesù u ħarbu lejn l-​Eġittu.​—Mattew 2:​13-​16.

• Matul il-​ministeru taʼ Ġesù, l-​għedewwa tiegħu kemm-il darba pprovaw joqtluh minħabba x-​xiehda qawwija li kien jagħti. Ġesù rnexxielu jiżgiċċa kull darba.​—Mattew 21:45, 46; Luqa 4:​28-​30; Ġwanni 8:​57-​59.

• Meta s-​suldati u l-​għases marru fil-​ġnien tal-​Ġetsemani biex jarrestaw lil Ġesù, hu bla ħabi taʼ xejn identifika lilu nnifsu u qalilhom: “Jiena hu.” Hu saħansitra waqqaf lis-​segwaċi tiegħu milli jipprovaw jiddefenduh u ħalla lil dawk li ġew għalih jiħduh magħhom.​—Ġwanni 18:​3-​12.

• F’Ġerusalemm, Pietru u oħrajn ġew arrestati, imsawtin, u ordnati biex ma jitkellmux dwar Ġesù. Iżda, malli nħelsu huma “ħarġu . . . u kuljum, fit-​tempju u [“fid-​djar,” Saydon], kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-​Messija.”—Atti 5:​39-​42.

• Meta Sawl, li iktar tard sar l-​appostlu Pawlu, sar jaf li l-​Lhud f’Damasku kienu għamlu komplott biex joqtluh, l-​aħwa poġġewh f’qoffa u niżżluh bil-​lejl minn ġo fetħa fis-​sur, u ħarab.​—Atti 9:​22-​25.

• Xi snin wara, Pawlu għażel li jappella lil Ċesari, avolja l-​Gvernatur Festu u s-​Sultan Agrippa sabu li “ma għamel xejn li jistħoqqlu l-​mewt jew il-​ktajjen.”​—Atti 25:10-​12, 24-​27; 26:30-​32.

[Stampi f’paġna 16, 17]

Għalkemm eluf taʼ Xhieda fil-​Malawi ġew imġagħlin jaħarbu minħabba l-​persekuzzjoni ħarxa, huma komplew jaqdu bil-​ferħ fis-​servizz tas-​Saltna

[Stampi f’paġna 17]

Il-​ferħ taʼ li jġibu glorja fuq isem Jehovah sostna lil dawn l-​uħud leali fil-​mixja lejn il-​mewt u fil-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi

[Sors]

Il-​mixja lejn il-​mewt: KZ-Gedenkstätte Dachau, courtesy of the USHMM Photo Archives

[Stampi f’paġna 18]

Il-​provi u l-​pressjonijiet jistgħu jiġu f’ħafna forom differenti

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja