Il-Mod Kif Jaħkem Satana Żgur Se Jfalli
“Lill-ħażin żgur mhux se jaħbatlu tajjeb.”—EKK. 8:13.
1. Il-ġudizzju tal-ħżiena għala hu aħbar taʼ faraġ?
ILLUM jew għada l-ħżiena se jkollhom jiffaċċjaw ġudizzju. Se jinżammu responsabbli għal dak li għamlu. (Prov. 5:22; Ekk. 8:12, 13) Din l-aħbar hi taʼ faraġ, speċjalment għal dawk li jħobbu s-sewwa u li batew l-inġustizzja u l-ħsara minn uħud mill-agħar. Wieħed minn taʼ quddiem nett fost il-ħżiena li se jiffaċċja ġudizzju hu l-missier tal-ħażen, Satana x-Xitan.—Ġw. 8:44.
2. Għala kien hemm bżonn taż-żmien biex titranġa l-kwistjoni li qamet fl-Għeden?
2 Lura fl-Għeden, Satana, mikul b’sentimenti taʼ kburija, ġiegħel lill-bnedmin jiċħdu l-mod kif Ġeħova jaħkem. Minħabba f’hekk, l-ewwel ġenituri tagħna ngħaqdu maʼ Satana f’li jisfidaw l-awtorità bi dritt li għandu Ġeħova u saru midinbin f’għajnejn Alla. (Rum. 5:12-14) M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova kien jaf fejn l-aġir bla rispett u ribelluż tagħhom kien se jwassalhom. Madankollu, dan ir-riżultat li ma tistax taħrab minnu kellu jsir ovvju għall-ħlejjaq intelliġenti kollha. B’hekk, kien hemm bżonn taż-żmien biex titranġa l-kwistjoni u biex jintwera b’mod konvinċenti li r-ribelli kienu żbaljati għall-aħħar.
3. Kif għandna nqisu l-gvernijiet umani?
3 Ladarba l-bnedmin ċaħdu t-tmexxija taʼ Ġeħova, kellhom jistabbilixxu tipi taʼ gvernijiet għalihom stess. Meta l-appostlu Pawlu kiteb lil sħabu fit-twemmin li kienu f’Ruma, hu tkellem dwar dawn il-gvernijiet bħala “l-awtoritajiet superjuri.” Fi żmien Pawlu, l-awtoritajiet superjuri kienu primarjament il-gvern taʼ Ruma taħt l-Imperatur Neruni, li mexxa mis-sena 54-68 E.K. Pawlu qal li dawn l-awtoritajiet “tqiegħdu fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla.” (Aqra Rumani 13:1, 2.) Ifisser dan li Pawlu kien qed jippromwovi l-idea li l-ħakma umana hi superjuri mill-mod kif imexxi Alla? Bl-ebda mod. Minflok, sempliċement kien qed jgħid li sakemm Ġeħova jħalli din il-ħakma teżisti, il-Kristjani għandhom jirrispettaw dan “l-arranġament t’Alla” u jaċċettaw lil dawn il-ħakkiema.
Triq li Twassal Għal Diżastru
4. Spjega għala l-ħakma umana żgur se tfalli.
4 Xorta waħda, il-ħakma umana influwenzata minn Satana żgur se tfalli. Għala? Raġuni waħda hi għax mhijiex ibbażata fuq l-għerf divin. Ġeħova biss għandu l-għerf perfett. Għalhekk, hu l-uniku mexxej taʼ min jafdah għax jaf x’hemm bżonn biex tmexxija tkun taʼ suċċess. (Ġer. 8:9; Rum. 16:27) Kuntrarju għall-bnedmin li spiss jitgħallmu bl-iżbalji, Ġeħova dejjem jaf l-aħjar mod kif għandu jaġixxi. Kwalunkwe ħakma li ma ssegwix il-gwida tiegħu żgur li hi inferjuri. Għal din ir-raġuni biss—biex ma nsemmux il-motiv mill-agħar involut—il-mod l-ieħor kif Satana jaħkem permezz tal-ħakma umana kien ċert li jfalli sa mill-bidu.
5, 6. Milli jidher x’wassal lil Satana biex imur kontra Ġeħova?
5 Xi ħadd li jirraġuna ġeneralment mhux se jidħol għal xi biċċa xogħol li jaf li mhix se tirnexxi. Jekk jinsisti li jidħol għaliha, maż-żmien se jkollu jammetti l-iżball tiegħu. Darba wara l-oħra, l-istorja wriet li hu għalxejn li tmur kontra l-Ħallieq li jistaʼ kollox. (Aqra Proverbji 21:30.) Madankollu, Satana, mogħmi b’sentimenti taʼ kburija u superjorità, ta dahru lil Ġeħova. B’hekk, ix-Xitan minn jeddu għażel triq li twassal biss għal diżastru.
6 L-istess spirtu prużuntuż li wera Satana reġaʼ ntwera minn ħakkiem Babiloniż li fil-Bibbja hu mniżżel li ftaħar: “Se nitlaʼ sas-smewwiet. ’Il fuq mill-kwiekeb t’Alla se ngħollih it-tron tiegħi, u se npoġġi bil-qiegħda fuq il-muntanja tal-laqgħa, fl-iktar partijiet imbegħdin tat-tramuntana. Se nitlaʼ ’l fuq mill-postijiet għoljin tas-sħab; se nsir nixbah lill-Iktar Għoli.” (Is. 14:13-15) L-attentat bla sens taʼ dan il-ħakkiem falla, u d-dinastija Babiloniża ġiet fi tmiem t’għajb. Bl-istess mod, Satana u d-dinja tiegħu dalwaqt se jfallu bl-ikrah.
Għala Ppermetta Dan Kollu?
7, 8. X’inhuma xi benefiċċji li ġew minħabba li Ġeħova ppermetta l-ħażen għal xi żmien?
7 Ħafna għandhom mnejn jitħassbu għala Ġeħova ma waqqafx lill-bnedmin milli jingħaqdu maʼ Satana u milli jsegwu pjan ieħor għal tmexxija li żgur kien se jfalli. Bħala Alla li Jistaʼ Kollox ċertament li setaʼ jagħmel dan. (Eżo. 6:3) Xorta waħda hu żamm lura. Bl-għerf tiegħu għaraf li jekk għal xi żmien iżomm lura milli jaġixxi kontra r-ribelljoni tal-bnedmin, fl-aħħar mill-aħħar, dan kien se jirriżulta għall-aħjar. Maż-żmien, kien se jintwera b’mod ċar li Ġeħova hu Ħakkiem ġust u mimli mħabba, u bnedmin leali kienu se jibbenefikaw mid-deċiżjoni t’Alla.
8 Kemm setgħu skansaw miżerja l-familja umana kieku l-bnedmin ċaħdu t-tentazzjoni taʼ Satana u m’għażlux li jiħduha kontra l-ħakma t’Alla biex ikunu indipendenti minnha! Xorta waħda, id-deċiżjoni taʼ Ġeħova biex jippermetti lill-bnedmin jaħkmu lilhom infushom għal xi żmien kellha l-benefiċċji tagħha. Uriet biċ-ċar lil dawk li għandhom attitudni xierqa kemm hu għaqli li jisimgħu minn Alla u jafdaw fih. Matul is-sekli l-bnedmin ipprovaw diversi tipi taʼ gvernijiet, imma l-ebda wieħed ma wera li kien ideali. Dan il-fatt saħħaħ il-konvinzjoni tal-aduraturi t’Alla li l-mod kif Ġeħova jaħkem hu tassew l-aħjar mod. M’għandniex xi ngħidu, il-fatt li Ġeħova ppermetta l-ħakma mill-agħar taʼ Satana wassal għal tbatijiet fuq l-umanità, inkluż fuq dawk li lealment jaqdu lil Alla. Xorta waħda, dawn l-aduraturi leali kellhom ukoll benefiċċji minħabba li l-ħażen tħalla temporanjament.
Ribelljoni li Serviet Biex Tigglorifika lil Ġeħova
9, 10. Spjega kif il-ħakma taʼ Satana ssarraf fi glorja għal Ġeħova.
9 Bl-ebda mod ma tnaqqset il-fiduċja fil-mod kif imexxi Ġeħova minħabba li ħalla l-bnedmin jiġu influwenzati minn Satana u jaħkmu lilhom infushom. Għall-kuntrarju, l-istorja turi biċ-ċar kemm hija minnha l-istqarrija taʼ Ġeremija, imlissna taħt ispirazzjoni, dwar kemm il-bnedmin mhumiex kapaċi jmexxu lilhom infushom. (Aqra Ġeremija 10:23.) Flimkien maʼ dan, ir-ribelljoni taʼ Satana tat lil Ġeħova opportunità biex juri l-kwalitajiet mill-aħjar Tiegħu b’mod li jispikka saħansitra iktar. Kif?
10 Minħabba r-riżultat diżastruż tal-ħakma taʼ Satana nistgħu naraw kif il-kwalitajiet perfetti taʼ Ġeħova jispikkaw saħansitra iktar milli kieku l-affarijiet kienu ġraw mod ieħor. B’dan il-mod, hu kiber fl-istima taʼ dawk li jħobbuh. Għalkemm jistaʼ jinstemaʼ kontradittorju, il-mod kif jaħkem Satana fil-fatt sewa biex jigglorifika lil Alla. Wera biċ-ċar il-mod superlattiv kif Ġeħova ttratta din l-isfida tas-sovranità tiegħu. Biex nuru kemm dan huwa minnu, ejja nikkunsidraw fil-qosor ftit mill-kwalitajiet taʼ Ġeħova u naraw kif il-ħakma mill-agħar taʼ Satana qanqlet lil Ġeħova biex juri dawn il-kwalitajiet b’modi oħrajn.
11. Kif intweriet l-imħabba taʼ Ġeħova?
11 L-Imħabba. L-Iskrittura tgħidilna li “Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8) Il-ħolqien tal-bniedem kien, fih innifsu, turija tal-imħabba t’Alla. Iktar minn hekk, il-mod li jqanqal il-biżaʼ u tal-għaġeb kif aħna magħmulin jixhed għall-imħabba t’Alla. Bi mħabba, Ġeħova wkoll ipprovda lill-bnedmin b’dar mill-isbaħ mimlija b’dak kollu li għandhom bżonn biex ikunu ferħanin. (Ġen. 1:29-31; 2:8, 9; Salm 139:14-16) Imma ladarba l-ħażen daħal fil-familja umana, Ġeħova wera l-imħabba b’modi ġodda. Kif? L-appostlu Ġwanni jikkwota lil Ġesù meta qal: “Għax Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) Setaʼ Alla juri mħabbtu għall-umanità b’mod iktar straordinarju milli meta bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art biex jifdi lill-midinbin? (Ġw. 15:13) Din it-turija hekk kbira tal-imħabba wkoll swiet bħala eżempju għall-bnedmin billi tathom l-opportunità li juru l-istess imħabba t’Alla bla egoiżmu fil-ħajja taʼ kuljum, l-istess bħalma għamel Ġesù.—Ġw. 17:25, 26.
12. B’liema mod tintwera l-qawwa taʼ Ġeħova?
12 Il-Qawwa. Huwa biss ‘Alla li Jistaʼ Kollox’ li għandu l-qawwa biex jagħti l-ħajja. (Riv. 11:17; Salm 36:9) Fit-twelid il-bniedem ikun bħallikieku karta vojta. Fil-mewt ikun mela dik il-karta vojta bid-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet, u l-esperjenzi taʼ matul ħajtu li jkunu sawru l-individwalità u l-personalità tiegħu. Din l-informazzjoni tistaʼ tinżamm maħżuna fil-memorja taʼ Ġeħova. Fiż-żmien xieraq, Ġeħova jistaʼ jerġaʼ jagħti l-ħajja lill-individwu. Dan se jkun komplut bid-dettalji uniċi tal-ħajja tiegħu. (Ġw. 5:28, 29) Għalhekk, għalkemm il-mewt mhijiex l-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin, din tat lil Ġeħova l-opportunità biex juri li għandu l-qawwa biex saħansitra jqajjem lill-mejtin. Ġeħova tassew hu ‘Alla li Jistaʼ Kollox.’
13. Kif intweriet il-ġustizzja perfetta taʼ Ġeħova permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù?
13 Il-Ġustizzja. Ġeħova la jigdeb u lanqas ma jaġixxi b’mod inġust. (Dt. 32:4; Titu 1:2) Hu dejjem iżomm mal-ogħla livelli taʼ verità u ġustizzja, anki meta jidher li biex jagħmel hekk ikun taʼ żvantaġġ għalih. (Rum. 8:32) Min jaf kemm kien taʼ wġigħ għal Ġeħova meta ra lil Ibnu l-maħbub imut fuq zokk tat-tortura bħallikieku Ġesù kien xi midgħi żleali! Madankollu, sforz l-imħabba li għandu għall-bnedmin imperfetti, Ġeħova kien lest li jħalli din il-ġrajja taʼ wġigħ isseħħ biex iżomm mal-livell perfett taʼ ġustizzja tiegħu stess. (Aqra Rumani 5:18-21.) Dinja mimlija inġustizzja tat lil Ġeħova l-opportunità biex juri li hu l-eżempju perfett tal-ġustizzja.
14, 15. X’inhuma ftit mill-modi kif intwerew l-għerf u l-paċenzja superlattivi taʼ Ġeħova?
14 L-Għerf. Immedjatament wara li Adam u Eva dinbu, Ġeħova wera kif kien se jneħħi l-effetti ħżiena kollha kaġunati mir-ribelljoni tagħhom. (Ġen. 3:15) Kemm din l-azzjoni li ttieħdet daqstant fil-pront kif ukoll il-fatt li b’mod progressiv Ġeħova għarraf dettalji dwar dan l-iskop lill-qaddejja tiegħu għamlu l-għerf tiegħu jidher iktar ċar. (Rum. 11:33) Xejn ma jistaʼ jtellef l-abbiltà t’Alla biex jirranġa l-affarijiet b’suċċess. F’dinja tant mimlija bl-immoralità, il-gwerer, in-nuqqas taʼ rraġunar, id-diżubbidjenza, in-nuqqas taʼ ħniena, il-parzjalità, u l-ipokrisija, Ġeħova kellu ħafna opportunitajiet biex juri lill-ħlejjaq tiegħu x’inhu l-għerf veru. Id-dixxiplu Ġakbu qal: “L-għerf li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita.”—Ġak. 3:17.
15 Il-Paċenzja u s-Sabar fit-Tul. Il-kwalitajiet taʼ Ġeħova tal-paċenzja u s-sabar fit-tul ma kinux se jispikkaw daqstant li kieku ma sarx neċessarju għalih li jkampa mal-imperfezzjonijiet, id-dnubiet, u n-nuqqasijiet tal-bnedmin. Il-fatt li Ġeħova kien lest li jagħmel dan għal eluf taʼ snin juri li għandu dawn il-kwalitajiet meraviljużi b’mod perfett, u għal dan għandna nkunu grati għall-aħħar. L-appostlu Pietru sewwa stqarr meta qal li għandna ‘nqisu l-paċenzja tal-Mulej tagħna bħala salvazzjoni.’—2 Pt. 3:9, 15.
16. Għala niksbu ferħ kbir minħabba li Ġeħova lest li jaħfer?
16 Lest li Jaħfer. Aħna lkoll midinbin u lkoll nitfixklu ħafna drabi. (Ġak. 3:2; 1 Ġw. 1:8, 9) Kemm għandna nkunu grati li Ġeħova lest li jaħfer “bil-kbir”! (Is. 55:7) Ikkunsidra wkoll dan: Ladarba twelidna bħala midinbin imperfetti, aħna qegħdin f’pożizzjoni li nesperjenzaw il-ferħ profond li jiġi meta Alla jaħfer in-nuqqasijiet tagħna. (Salm 51:5, 9, 17) Il-fatt li nistgħu nesperjenzaw personalment din il-karatteristika taʼ Ġeħova li tqawwi l-qalb isaħħaħ imħabbitna lejh u jinkuraġġina nsegwu l-eżempju tiegħu fil-mod kif nittrattaw lil oħrajn.—Aqra Kolossin 3:13.
Għala d-Dinja Hija Marida
17, 18. B’liema modi falla l-mod kif jaħkem Satana?
17 Is-sistema dinjija taʼ Satana kollha kemm hi—prodott tal-mod kif jaħkem—falliet darba wara l-oħra u b’mod konsistenti tul is-sekli. Fl-1991, il-gazzetta The European stqarret: “Hija d-dinja marida? Iva, tabilħaqq, imma . . . Alla mhux il-kaġun—il-mard tad-dinja ġie kaġunat min-nies tagħha.” Kemm huwa minnu dan! Taħt l-influwenza taʼ Satana, l-ewwel ġenituri tagħna għażlu l-ħakma tal-bniedem minflok taʼ Ġeħova. B’hekk, taw bidu għal ħakma li żgur kienet se tfalli. L-uġigħ u l-miżerja li jġarrbu n-nies madwar id-dinja huma sinjali li l-ħakma umana hi milquta minn marda kiefra.
18 Il-ħakma taʼ Satana hija bbażata fuq l-egoiżmu u tinkuraġġixxi lil oħrajn ikunu egoisti. Madankollu, l-egoiżmu qatt ma jistaʼ jirbaħ fuq l-imħabba, li hi l-bażi għall-mod kif jaħkem Ġeħova. Il-ħakma taʼ Satana naqset milli ġġib l-istabbilità, il-ferħ, jew is-sigurtà. Il-ħakma taʼ Ġeħova ntweriet li hi sewwa u ġusta. Għandna evidenza fi żmienna taʼ dan? Iva, bħalma ħa naraw fl-artiklu li jmiss.
X’Tgħallimna Dwar il-Ħakma mill-Qari taʼ . . .
[Stampi f’paġna 25]
Il-ħakma taʼ Satana qatt m’għamlet ġid lill-umanità
[Sorsi]
U.S. Army photo
WHO photo by P. Almasy
[Stampa f’paġna 26]
Ġeħova għandu l-qawwa biex saħansitra jqajjem lill-mejtin
[Stampa f’paġna 27]
L-imħabba u l-ġustizzja taʼ Ġeħova ntwerew permezz tas-sagrifiċċju t’Ibnu