Kapitlu 14
L-Awtorità taʼ Min Għandek Int Tirrikonoxxi?
1, 2. Huma l-forom kollha t’awtorità taʼ detriment? Spjega.
“AWTORITÀ” hija kelma kerha għal ħafna nies. Wieħed jistaʼ jifhmu dan, għax l-awtorità hija taʼ spiss abbużata—fuq ix-xogħol, fil-familja, u minn gvernijiet. Il-Bibbja b’mod realistiku tgħid: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” (Koħelet 8:9) Iva, ħafna ddominaw lil oħrajn billi aġixxew b’manjiera tirannika u li taqbel lilhom.
2 Imma mhux l-awtorità kollha hija taʼ detriment. Per eżempju, jistaʼ jingħad li ġisimna jeżerċita awtorità fuqna. “Jordnalna” biex nieħdu n-nifs, nieklu, nixorbu, u norqdu. Huwa dan oppressiv? Le. Li nċedu għal dawn it-talbiet insistenti huwa għall-ġid tagħna. Waqt li sottomissjoni lejn il-ħtiġijiet taʼ ġisimna tistaʼ tkun involontarja, hemm forom oħrajn t’awtorità li jirrikjedu s-sottomissjoni tagħna minn jeddna. Ikkunsidra xi eżempji.
L-AWTORITÀ SUPREMA
3. Jehovah għala hu bi dritt imsejjaħ “Mulej Sovran”?
3 ’Il fuq minn 300 darba fil-Bibbja, Jehovah jissejjaħ “Mulej Sovran.” [NW] Sovran hu wieħed li jippossiedi awtorità suprema. X’inhu dak li jagħti lil Jehovah id-dritt għal dan l-istatus? Apokalissi 4:11 iwieġeb: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-ġieh u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.”
4. Jehovah kif jagħżel li jeżerċitaha l-awtorità tiegħu?
4 Bħala l-Ħallieq tagħna, Jehovah għandu d-dritt li jeżerċita l-awtorità tiegħu skond kif jagħżel hu. Dan jistaʼ jidher tal-biżaʼ, speċjalment meta nikkunsidraw li Alla għandu “abbundanza t’enerġija dinamika.” Hu jissejjaħ “Alla li jistaʼ kollox”—terminu li fl-Ebrajk jagħti l-idea taʼ saħħa li tegħleb. (Isaija 40:26, NW; Ġenesi 17:1) Madankollu, Jehovah juri s-saħħa tiegħu b’mod benevolenti, għax il-kwalità dominanti tiegħu hija l-imħabba.—1 Ġwann 4:16.
5. Għala m’huwiex diffiċli li wieħed jissottometti ruħu lejn l-awtorità taʼ Jehovah?
5 Għalkemm Jehovah wissa li kellu jġib kastig fuq uħud li għamlu l-ħażen u ma nidmux, Mosè kien jafu prinċipalment bħala “Alla [“veru,” NW]; Alla taʼ kelmtu, li jżomm il-għaqda tiegħu, u t-tjieba tiegħu, sa l-elf nisel, maʼ dawk li jħobbuh, u jħarsu l-kmandamenti tiegħu.” (Dewteronomju 7:9, KŻ) Immaġina ftit! L-Awtorità Suprema taʼ l-univers ma jisforzaniex biex naqduh. Minflok, aħna ninġibdu lejh minħabba l-imħabba tiegħu. (Rumani 2:4; 5:8) Li nissottomettu rwieħna lejn l-awtorità taʼ Jehovah huwa saħansitra taʼ pjaċir, għax il-liġijiet tiegħu dejjem ikunu għall-benefiċċju aħħari tagħna.—Salm 19:8, 9 [19:7, 8, NW].
6. Kif qamet il-kwistjoni dwar l-awtorità fil-ġnien t’Għeden, u b’liema riżultat?
6 L-ewwel ġenituri tagħna ċaħdu s-sovranità t’Alla. Huma riedu li jiddeċiedu għalihom infushom dak li kien tajjeb u dak li kien ħażin. (Ġenesi 3:4-6) Bħala riżultat, ġew mitfugħin ’il barra mid-dar Ġenna tagħhom. Jehovah minn dak in-nhar ’il quddiem ħalla lill-bnedmin joħolqu strutturi t’awtorità li kellhom jgħinuhom biex jgħixu f’soċjetà t’ordni, għalkemm imperfetta. Liema huma xi wħud minn dawn l-awtoritajiet, u Alla sa liema punt jistenna li aħna nissottomettu ruħna lejhom?
“L-AWTORITAJIET SUPERJURI”
7. Min huma “l-awtoritajiet superjuri,” u l-pożizzjoni tagħhom kif inhi relatata maʼ l-awtorità t’Alla?
7 L-appostlu Pawlu kiteb: “Kull bniedem għandu jobdi lil l-awtorità taʼ fuqu [“l-awtoritajiet superjuri,” NW]. Ma hemmx awtorità jekk m’hix ġejja minn Alla.” Min huma l-“awtoritajiet superjuri”? Il-kliem taʼ Pawlu fil-versi taʼ wara juri li huma awtoritajiet governattivi umani. (Rumani 13:1-7; Titu 3:1) Jehovah m’oriġinax l-awtoritajiet governattivi tal-bniedem, imma jeżistu bil-permess tiegħu. Mela Pawlu setaʼ jikteb: “L-awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-ordni taʼ Alla.” Dan x’jindika dwar awtorità taʼ l-art bħal din? Li hija subordinata, jew inferjuri, għall-awtorità t’Alla. (Ġwann 19:10, 11) Għalhekk, meta jkun hemm konflitt bejn il-liġi tal-bniedem u l-liġi t’Alla, il-Kristjani jridu jiġu ggwidati mill-kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-Bibbja. Huma ‘jeħtieġ jobdu aktar lil Alla milli ’l-bnedmin.’—Atti 5:29.
8. Int kif tibbenefika mill-awtoritajiet superjuri, u kif tistaʼ turi s-sottomissjoni tiegħek lejhom?
8 Fil-parti l-kbira, madankollu, l-awtoritajiet governattivi superjuri jaġixxu bħala “l-ministri taʼ Alla għall-ġid tiegħek.” (Rumani 13:4) B’liema modi? Sewwa, aħseb dwar is-servizzi numerużi li l-awtoritajiet superjuri jipprovdu, bħalma huma t-tqassim tal-posta, il-protezzjoni tal-pulizija u min-nar, is-sanità, u l-edukazzjoni. ‘Għalhekk ukoll tħallsu t-taxxi,’ kiteb Pawlu, “għax . . . huma uffiċjali taʼ Alla għal dan ix-xogħol.” (Rumani 13:6) Inkwantu għat-taxxi jew xi obbligu legali ieħor, għandna “nġibu ruħna sewwa.”—Lhud 13:18.
9, 10. (a) L-awtoritajiet superjuri kif jiffittjaw fl-arranġament t’Alla? (b) Għala jkun żbaljat li topponi lill-awtoritajiet superjuri?
9 Kultant, l-awtoritajiet superjuri jużaw ħażin il-poter tagħhom. Iħollna dan mir-responsabbiltà tagħna li nibqgħu f’sottomissjoni lejhom? Le, ma jħollniex. Jehovah jara l-għemejjel ħżiena taʼ dawn l-awtoritajiet. (Proverbji 15:3) Li hu jittollera l-ħakma mill-bniedem ma jfissirx li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni tagħha; lanqas ma jistenna li aħna nagħmlu hekk. Tabilħaqq, Alla dalwaqt se ‘jfarrak u jtemm is-saltniet l-oħra kollha,’ billi flokhom jagħmel il-ħakma tal-gvern tiegħu stess taʼ tjieba. (Danjel 2:44) Imma sa ma jseħħ dan, l-awtoritajiet superjuri jaqdu skop siewi.
10 Pawlu spjega: “Dawk li jeħduha kontra l-awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-ordni [“l-arranġament,” NW] mwaqqaf minn Alla.” (Rumani 13:2) L-awtoritajiet superjuri huma “l-arranġament” t’Alla f’li jippreservaw miżura t’ordni, li mingħajru kieku jirrenjaw il-kaos u l-anarkija. Li wieħed jopponihom ma jkunx skritturali u jkun bla sens. Biex nagħtu tixbieha: Immaġina li għamilt operazzjoni u jkollok il-ponti biex jagħlqu l-ferita. Għalkemm il-ponti huma barranin għall-ġisem, dawn jaqdu skop għal żmien limitat. Li jitneħħew qabel iż-żmien jistaʼ jkun taʼ ħsara. Bl-istess mod, l-awtoritajiet governattivi umani ma kinux parti mill-iskop oriġinali t’Alla. Sakemm is-Saltna tiegħu tkun qiegħda taħkem l-art kompletament, madankollu, il-gvernijiet umani jżommu lis-soċjetà magħquda, billi jwettqu inkarigu li huwa fi qbil mar-rieda t’Alla għaż-żmien preżenti. Aħna għandna b’hekk nibqgħu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri, waqt li nagħtu prijorità lil-liġi u lill-awtorità t’Alla.
AWTORITÀ FIL-FAMILJA
11. Kif tispjegah int il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap?
11 Il-familja hija l-bażi tas-soċjetà umana. Ġewwa fiha raġel u mara miżżewġin jistgħu jsibu sħubija premjanti, u t-tfal jistgħu jiġu ssalvagwardjati u mħarrġin sakemm isiru adulti. (Proverbji 5:15-21; Efesin 6:1-4) Arranġament nobbli bħal dan jeħtieġ li jkun organizzat b’mod li jġiegħel lill-membri tal-familja jgħixu fil-paċi u fl-armonija. Il-mod li bih Jehovah iwettaq dan huwa permezz tal-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap, miġbur f’dawn il-kelmiet misjubin fl-1 Korintin 11:3: “[I]r-ras taʼ kull raġel huwa Kristu, u ras il-mara huwa r-raġel, u ras Kristu hu Alla.”
12, 13. Min hu l-kap tal-familja, u wieħed x’jistaʼ jitgħallem mill-mod kif Ġesù eżerċita l-istat taʼ kap?
12 Ir-raġel hu l-kap tal-familja. Madankollu, hemm kap fuqu—Ġesù Kristu. Pawlu kiteb: “Irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha.” (Efesin 5:25) Raġel jirrifletti s-sottomissjoni tiegħu lejn Kristu meta jittratta lil martu bil-mod li Ġesù dejjem ittratta lill-kongregazzjoni tiegħu. (1 Ġwann 2:6) Awtorità kbira ġiet mogħtija lil Ġesù, imma hu jeżerċitaha bl-akbar ġentilezza, imħabba, u raġonevolezza. (Mattew 20:25-28) Bħala bniedem, Ġesù qatt m’abbuża mill-pożizzjoni tiegħu t’awtorità. Hu kien “taʼ qalb ħelwa u umli” u sejjaħ lis-segwaċi tiegħu “ħbieb” minflok “qaddejja.” “Jiena nserraħkom,” hu wegħedhom, u hekk għamel.—Mattew 11:28, 29; Ġwann 15:15.
13 L-eżempju taʼ Ġesù jgħallem lill-irġiel miżżewġin li l-istat taʼ kap Kristjan m’huwiex pożizzjoni taʼ dominanza ħarxa. Minflok, dan huwa wieħed taʼ rispett u mħabba li tissagrifika lilha nfisha. Dan kellu jeskludi b’mod ċar l-immaltrattar taʼ sieħba fiżikament jew verbalment. (Efesin 4:29, 31, 32; 5:28, 29; Kolossin 3:19) Jekk raġel Kristjan kellu jimmaltratta b’dan il-mod lil martu, ix-xogħlijiet tajbin l-oħrajn tiegħu kellhom ikunu bla valur, u t-talb tiegħu kellu jkun imfixkel.—1 Korintin 13:1-3; 1 Pietru 3:7.
14, 15. L-għarfien dwar Alla kif jistaʼ jgħin lil mara biex tkun sottomessa lejn żewġha?
14 Meta raġel jimita l-eżempju taʼ Kristu, huwa iktar faċli għal martu biex taġixxi fi qbil mal-kliem t’Efesin 5:22, 23: “Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja.” Sewwa sew bħalma raġel irid ikun sottomess lejn Kristu, mara trid tkun sottomessa lejn żewġha. Il-Bibbja tagħmilha ċara wkoll li nisa kapaċi jixirqilhom unur u tifħir għall-għerf divin u l-bżulija tagħhom.—Proverbji 31:10-31.
15 Is-sottomissjoni taʼ mara Kristjana lejn żewġha hija relattiva. Dan ifisser li Alla iktar milli l-bniedem irid jiġi obdut jekk li tissottometti ruħha f’ċerta kwistjoni se jirriżulta f’li tikser il-liġi divina. Saħansitra f’dak il-każ, il-waqfa soda taʼ mara għandha tkun imħawra b’“qalb ħelwa u twajba.” Għandu jkun evidenti li l-għarfien dwar Alla għamilha mara aħjar. (1 Pietru 3:1-4) L-istess jgħodd għal raġel Kristjan li l-mara tiegħu ma temminx bħalu. Li jaġixxi fi qbil maʼ prinċipji Bibliċi għandu jagħmlu raġel aħjar.
16. It-tfal kif jistgħu jimitaw l-eżempju li Ġesù stabbilixxa meta kien żagħżugħ?
16 Efesin 6:1 jispjega l-irwol tat-tfal, billi jistqarr: “Isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, dan hu s-sewwa.” It-tfal Kristjani jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù, li baqaʼ sottomess lejn il-ġenituri tiegħu waqt li kien qiegħed jikber. Bħala tifel ubbidjenti, hu “baqaʼ jikber fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.”—Luqa 2:51, 52.
17. Il-mod li bih il-ġenituri jeżerċitaw l-awtorità jistaʼ jkollu liema effett fuq it-tfal tagħhom?
17 Il-mod li bih il-ġenituri jimmaniġġaw ir-responsabbiltajiet tagħhom jistaʼ jkollu influwenza fuq jekk it-tfal tagħhom humiex se jirrispettaw l-awtorità jew humiex se jirribellaw kontra tagħha. (Proverbji 22:6) Mela l-ġenituri jagħmlu tajjeb jekk jistaqsu lilhom infushom, ‘Neżerċita jien l-awtorità tiegħi b’imħabba jew bi ħruxija? Jien permissiv?’ Ġenitur devot hu mistenni li juri mħabba u konsiderazzjoni, u madankollu jkun sod f’li jżomm maʼ prinċipji divini. Bix-xieraq, Pawlu kiteb: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom [litteralment, ‘tipprovokawhomx għall-korla’]; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.”—Efesin 6:4; Kolossin 3:21.
18. Id-dixxiplina tal-ġenituri kif għandha tiġi amministrata?
18 Il-ġenituri għandhom jiflu l-metodi tagħhom taʼ taħriġ, speċjalment jekk jixtiequ li t-tfal tagħhom ikunu ubbidjenti u b’hekk iġibulhom il-ferħ. (Proverbji 23:24, 25) Fil-Bibbja, id-dixxiplina hija primarjament forma taʼ struzzjoni. (Proverbji 4:1; 8:33) Hija marbuta maʼ l-imħabba u l-ħlewwa, mhux mar-rabja u l-brutalità. Għalhekk, ġenituri Kristjani jeħtieġ li jaġixxu bil-għerf u jżommu lilhom infushom imrażżnin meta jkunu qegħdin jiddixxiplinaw lit-tfal tagħhom.—Proverbji 1:7.
AWTORITÀ FIL-KONGREGAZZJONI
19. Alla kif ipprovda għall-bonordni fil-kongregazzjoni Kristjana?
19 Ladarba Jehovah hu Alla t’ordni, huwa raġonevoli li kien se jipprovdi tmexxija awtorevoli u organizzata tajjeb għall-poplu tiegħu. Fi qbil maʼ dan, hu ħatar lil Ġesù bħala l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. (1 Korintin 14:33, 40; Efesin 1:20-23) Taħt it-tmexxija inviżibbli taʼ Kristu, Alla awtorizza arranġament li bih anzjani maħturin f’kull kongregazzjoni jirgħu l-merħla ħerqanin, minn jeddhom, u bl-imħabba. (1 Pietru 5:2, 3) Il-qaddejja ministerjali jgħinuhom b’diversi modi u jagħtu servizz prezzjuż ġewwa l-kongregazzjoni.—Filippin 1:1.
20. Għala għandna nkunu sottomessi lejn anzjani Kristjani maħturin, u dan għala huwa taʼ benefiċċju?
20 Rigward l-anzjani Kristjani, Pawlu kiteb: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-dmir bil-ferħ, u mhux bi swied il-qalb; għax dan ma jkun jiswielkom taʼ ebda ġid.” (Lhud 13:17) Bil-għerf kollu, Alla fada f’idejn indokraturi Kristjani r-responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali taʼ dawk fil-kongregazzjoni. Dawn l-anzjani ma jifformawx klassi tal-kleru. Huma qaddejja u rsiera t’Alla, li jimministraw għall-ħtiġijiet t’adoraturi sħabhom, sewwa sew bħalma għamel Sidna Ġesù Kristu. (Ġwann 10:14, 15) Li nafu li rġiel ikkwalifikati Skritturalment jieħdu interess fil-progress u l-maturità spiritwali tagħna jinkuraġġina biex nuru koperazzjoni u sottomissjoni.—1 Korintin 16:16.
21. Anzjani maħturin kif ifittxu li jgħinu spiritwalment lil Kristjani sħabhom?
21 Kultant, xi ngħaġ jistgħu jintilfu jew jidħlu f’xi periklu minn elementi dinjin taʼ ħsara. Taħt it-tmexxija tar-Ragħaj Ewlieni, l-anzjani bħala sotto-ragħajja huma attenti għall-ħtiġijiet taʼ dawk li tagħhom qegħdin jieħdu ħsieb u b’mod ħabrieki jagħtuhom attenzjoni persunali. (1 Pietru 5:4) Huma jżuru lil membri tal-kongregazzjoni u joffru kliem taʼ inkuraġġiment. Billi jafu li x-Xitan qiegħed ifittex biex iħarbat il-paċi tal-poplu t’Alla, l-anzjani jeżerċitaw l-għerf minn fuq f’li jittrattaw maʼ kwalunkwe problemi. (Ġakbu 3:17, 18) Huma jaħdmu iebes biex iżommu l-unità u l-għaqda fil-fidi, xi ħaġa li għaliha talab Ġesù nnifsu.—Ġwann 17:20-22; 1 Korintin 1:10.
22. Liema għajnuna jipprovdu l-anzjani f’xi każi t’għemil ħażin?
22 Xi ngħidu jekk Kristjan iġarrab xi ħsara, jew isir skuraġġit minħabba li kkommetta xi dnub? Pariri li jaħju mill-Bibbja u talb bil-qalb mill-anzjani għan-nom tiegħu jistgħu jgħinu biex jirrestawrawh għal saħħa spiritwali. (Ġakbu 5:13-15) Dawn l-irġiel, maħturin mill-ispirtu qaddis, għandhom ukoll l-awtorità biex jamministraw id-dixxiplina u jċanfru lil kwalunkwe wieħed li jsegwi korsa taʼ ħażen jew li hu taʼ periklu għall-indafa spiritwali u morali tal-kongregazzjoni. (Atti 20:28; Titu 1:9; 2:15) Sabiex il-kongregazzjoni tinżamm nadifa, jistaʼ jkun neċessarju għal individwi li jirrapportaw att taʼ ħażen serju. (Levitiku 5:1) Jekk Kristjan li kkommetta dnub gravi jaċċetta d-dixxiplina u t-twiddib Skritturali u jagħti evidenza taʼ ndiema ġenwina, hu se jiġi mgħejjun. M’għandniex xi ngħidu, uħud li b’mod persistenti u bla ndiema jiksru l-liġi t’Alla jiġu maqtugħin mis-sħubija.—1 Korintin 5:9-13.
23. Indokraturi Kristjani x’jipprovdu għall-ġid tal-kongregazzjoni?
23 Il-Bibbja bassret li taħt Ġesù Kristu bħala Sultan, irġiel maturi spiritwalment kellhom jinħatru biex jipprovdu faraġ, protezzjoni u rifreskar għall-poplu t’Alla. (Isaija 32:1, 2) Kellhom ikunu minn taʼ quddiem bħala evanġelizzaturi, ragħajja, u għalliema sabiex jippromwovu t-tkabbir spiritwali. (Efesin 4:11, 12, 16) Għalkemm indokraturi Kristjani jistgħu xi drabi jċanfru, iwissu, u jwiddbu lil kredenti sħabhom, l-applikar tat-tagħlim li jsaħħaħ mill-anzjani bbażat fuq il-Kelma t’Alla jgħin biex iżomm lil kulħadd fit-triq tal-ħajja.—Proverbji 3:11, 12; 6:23; Titu 2:1.
AĊĊETTA L-ĦARSA TAʼ JEHOVAH LEJN L-AWTORITÀ
24. Fuq liema kwistjoni qegħdin niġu ttestjati kuljum?
24 L-ewwel raġel u mara ġew ittestjati dwar il-kwistjoni taʼ sottomissjoni lejn l-awtorità. M’huwiex sorprendenti li test simili jiffaċċjana kuljum. Satana x-Xitan ippromwova spirtu taʼ rvell fost l-umanità. (Efesin 2:2) Il-korsa taʼ indipendenza tintgħamel tidher superjuri b’mod attraenti għal dik tas-sottomissjoni.
25. X’inhuma l-benefiċċji taʼ li nirrifjutaw l-ispirtu ribelluż tad-dinja u taʼ li nkunu sottomessi lejn l-awtorità li Alla jeżerċita jew jippermetti?
25 Irridu, madankollu, nirrifjutaw l-ispirtu ribelluż tad-dinja. F’li nagħmlu hekk, se nsibu li sottomissjoni devota ġġib premjijiet għonja. Per eżempju, se nevitaw l-anzjetajiet u l-frustrazzjonijiet komuni għal dawk li jistiednu l-inkwiet maʼ l-awtoritajiet sekulari. Se nnaqqsu n-nuqqas taʼ qbil li huwa prevalenti f’ħafna familji. U se ngawdu l-benefiċċji taʼ sħubija kordjali u taʼ mħabba maʼ sħabna l-kredenti Kristjani. Fuq kollox, is-sottomissjoni devota tagħna se tirriżulta f’relazzjoni tajba maʼ Jehovah, l-Awtorità Suprema.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
Jehovah kif jeżerċita l-awtorità tiegħu?
Min huma “l-awtoritajiet superjuri,” u kif nibqgħu sottomessi lejhom?
Il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap liema responsabbiltà jpoġġi fuq kull membru tal-familja?
Kif nistgħu nuru sottomissjoni fil-kongregazzjoni Kristjana?
[Kaxxa f’paġna 134]
SOTTOMESSI, MHUX SOVVERSIVI
Permezz taʼ l-attività tagħhom taʼ ppridkar pubbliku, ix-Xhieda taʼ Jehovah jippontaw lejn is-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-paċi u s-siġurtà veri għall-umanità. Imma dawn ix-xandâra żelużi tas-Saltna t’Alla m’huma bl-ebda mod sovversivi lejn il-gvernijiet li taħthom huma jgħixu. Għall-kuntrarju, ix-Xhieda huma fost iċ-ċittadini li l-iktar juru rispett u jobdu l-liġi. “Kieku d-denominazzjonijiet reliġjużi kollha kienu bħax-xhieda taʼ Jehovah,” qal uffiċjal f’pajjiż Afrikan wieħed, “ma kienx ikollna qtil, serq, delinkwenza, priġunieri, u bombi atomiċi. Il-bibien ma kinux ikunu msakkrin jum wara l-ieħor.”
Billi jirrikonoxxu dan, uffiċjali f’ħafna pajjiżi ħallew ix-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda jibqaʼ sejjer mingħajr xkiel. F’pajjiżi oħrajn, projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ġew imneħħijin meta l-awtoritajiet irrealizzaw li x-Xhieda taʼ Jehovah huma influwenza għat-tajjeb. Dan huwa bħalma kiteb l-appostlu Pawlu dwar li wieħed jobdi l-awtoritajiet superjuri: “Agħmel it-tajjeb, u jkollok it-tifħir minn għandhom.”—Rumani 13:1, 3.