Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù taʼ Devozzjoni Lejn Alla
“Is-sigriet sagru taʼ din id-devozzjoni lejn Alla nammetu li hu Kbir: ‘Hu [Ġesù] ntgħamel jidher fil-laħam.’”—1 TIMOTEW 3:16.
1. (a) Liema mistoqsija baqgħet bla tweġiba għal iktar minn 4,000 sena? (b) Meta u kif ingħatat it-tweġiba?
KIENET mistoqsija li baqgħet bla tweġiba għal iktar minn 4,000 sena. Minn mindu l-ewwel raġel, Adam, naqas li jżomm l-integrità, il-mistoqsija kienet: Kif tistaʼ d-devozzjoni lejn Alla tintwera fost il-bnedmin? Fl-aħħar, fl-ewwel seklu E.K., bil-miġja tal-Iben t’Alla fuq l-art, ingħatat it-tweġiba. F’kull ħsieb, kull kelma, u kull għemil, Ġesù Kristu wera r-rabta persunali tiegħu maʼ Jehovah. Hu b’hekk kixef is-‘sigriet sagru tad-devozzjoni lejn Alla,’ billi wera t-triq għal bnedmin iddedikati biex iżommu din id-devozzjoni.—1 Timotew 3:16.
2. F’li niġru wara d-devozzjoni lejn Alla, għala għandna nikkunsidraw mill-qrib l-eżempju taʼ Ġesù?
2 F’li niġru wara d-devozzjoni lejn Alla bħala Kristjani ddedikati u mgħammdin aħna nagħmlu tajjeb li ‘nikkunsidraw mill-qrib’ l-eżempju taʼ Ġesù. (Ebrej 12:3) Għala? Għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, l-eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna nikkultivaw devozzjoni lejn Alla. Ġesù kien jaf lil Missieru aħjar minn kwalunkwe ieħor. (Ġwann 1:18) U tant Ġesù imita mill-qrib il-mogħdijiet u l-kwalitajiet taʼ Jehovah li hu setaʼ jgħid: “Dak li ra lili ra lill-Missier ukoll.” (Ġwann 14:9) Permezz tal-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù, mela, aħna nistgħu niksbu apprezzament iktar profond għall-kwalitajiet teneri taʼ Jehovah, billi b’hekk insaħħu r-rabta persunali tagħna mal-Ħallieq tagħna taʼ mħabba. It-tieni, l-eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna f’li nuru devozzjoni lejn Alla. Hu waqqaf eżempju perfett taʼ kondotta billi wera devozzjoni lejn Alla. Aħna b’hekk nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw kif aħna nistgħu ‘nilbsu lil Kristu,’ jiġifieri, niħduh bħala mudell, nimitaw l-eżempju tiegħu.—Rumani 13:14.
3. X’għandu jinkludi l-programm tagħna taʼ studju persunali tal-Bibbja, u għala?
3 Mhux kull ħaġa li Ġesù qal jew għamel ġiet ippreservata fil-kitba. (Ġwann 21:25) Għalhekk, l-affarijiet li ġew miktubin taħt spirazzjoni divina għandhom ikunu taʼ nteress partikulari għalina. Programm taʼ studju persunali tal-Bibbja għandu għalhekk jinkludi qari regulari tar-rakkonti tal-Vanġelu dwar il-ħajja taʼ Ġesù. Iżda biex dan il-qari se jgħinna fil-ġiri tagħna wara d-devozzjoni lejn Alla, irridu nieħdu ż-żmien biex nirriflettu b’apprezzament fuq dak li naqraw. Irridu wkoll inkunu attenti biex infittxu fil-fond taʼ dak li naqraw.
Bħall-Missier, l-Iben
4. (a) X’juri li Ġesù kien persuna taʼ mogħdrija u taʼ mħabba? (b) Liema inizjattiva ħa Ġesù f’li jitratta maʼ oħrajn?
4 Ikkunsidra eżempju, Ġesù kien raġel taʼ sentimenti profondi taʼ mħabba. Innota minn Mark l0 1, 10, 13, 17, u 35 li nies taʼ kull età u minn kull settur tal-ħajja setgħu javviċinawh. F’iktar minn okkażjoni waħda, hu ħa t-tfal f’dirgħajh. (Mark 9:36; 10:16) In-nies, saħansitra t-tfal, għala kienu jħossuhom tant komdi maʼ Ġesù? Minħabba l-interess sinċier u ġenwin tiegħu fihom. (Mark 1:40, 41) Dan kien evidenti f’li hu taʼ spiss ħa l-inizjattiva biex javviċina oħrajn fil-bżonn. B’hekk, naqraw li hu “lemaħ” l-armla taʼ Najin li binha mejjet kien qed jittieħed ’il barra. Hu mbagħad “resaq” u qajjem lit-tifel, u m’hemmx imsemmi li xi ħadd talbu biex jagħmel dan. (Luqa 7:13-15) Ukoll, mingħajr ma ġie mitlub ħa l-inizjattiva biex ifejjaq mara mmankata u raġel li kellu l-ilma.—Luqa 13:1l-13; 14:l-4.
5. Dawn ir-rakkonti tal-ministeru taʼ Ġesù x’igħallmuna dwar il-kwalitajiet u l-mogħdijiet taʼ Jehovah?
5 Meta taqra dwar ġrajjiet bħal dawn, ieqaf u staqsi lilek innifsek: ‘Ladarba Ġesù imita b’mod perfett lil Missieru, dawn ir-rakkonti x’igħiduli dwar il-kwalitajiet u l-mogħdijiet taʼ Jehovah?’ Huma għandhom jiżgurawna li Jehovah hu Alla taʼ mħabba u sentimenti profondi. Il-kobor tal-interess dejjiemi tiegħu fil-familja umana qanqlu biex jieħu l-inizjattiva f’li jitratta magħhom. Hu ma kellux bżonn jiġi mġiegħel f’li jagħti lil Ibnu bħala “rahan bi bdil maʼ ħafna.” (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) Hu jfittex għal opportunitajiet biex ‘isir qrib lejn’ dawk li jridu jaqdu mill-imħabba. (Dewteronomju 10:15) Kif tgħid il-Bibbja: “Għajnejn Jehovah qed iżebbġu mal-art kollha biex juri saħħtu f’isem dawk li qalbhom hija sħiħa lejh.”—2 Kronaki 16:9.
6. X’jirriżulta meta aħna nirriflettu fuq l-imħabba u l-mogħdrija taʼ Jehovah kif ġew murija minn Ibnu?
6 Billi tirrifletti b’dan il-mod fuq l-imħabba u s-sentimenti profondi taʼ Jehovah, kif ġew murija minn Ibnu, se jqanqallek qalbek u ssir mimlija b’apprezzament akbar għall-kwalitajiet teneri u li jiġbduk Tiegħu. Dan, imbagħad, se jressqek lejh. Se tiġi mqanqal biex tavviċinah liberalment fit-talb f’kull ħin u taħt kwalunkwe ċirkustanza. (Salm 65:2) Se jsaħħaħ ir-rabta persunali tiegħek miegħu.
7. Wara li tirrifletti fuq l-imħabba u l-mogħdrija taʼ Jehovah, x’għandek tistaqsi lilek innifsek, u għala?
7 Ftakar, iżda, li d-devozzjoni lejn Alla tinvolvi iktar minn sempliċement sentimenti taʼ qima. Kif jinnota l-istudjuż tal-Bibbja R. Lenski, hija “tinkludi l-attitudni reverenti u taʼ qima tagħna kollha kemm hi u l-azzjonijiet li joħorġu minnha.” (Korsiv tagħna.) Għalhekk wara li tirrifletti fuq l-imħabba u l-mogħdrija taʼ Jehovah kif ġew murija minn Ġesù, staqsi lilek innifsek: ‘Kif nistaʼ nkun iżjed bħal Jehovah f’dan ir-rigward? Oħrajn iħossubom liberi li javviċinawni?’ Jekk int ġenitur, int trid tkun disponibbli għal uliedek. U jekk int anzjan tal-kongregazzjoni, ċertament li għandek tkun disponibbli. X’inhu, mela, li se jagħmlek iktar avviċinabbli? Imħabba u mogħdrija. Int trid tikkultiva nteress ġenwin u sinċier f’oħrajn. Meta int veru jinteressak f’oħrajn u tkun lest li tagħti minnek innifsek għalihom, huma se jħossu dan u jinġibdu lejk.
8. (a) X’għandek iżżomm f’moħħok hekk kif taqra rakkonti tal-Bibbja dwar Ġesù? (b) X’nitgħallmu dwar Jehovah mir-rakkonti ċitati fin-nota taʼ taħt?
8 Għalhekk hekk kif taqra rakkonti tal-Bibbja dwar Ġesù, żomm f’moħħok li int tistaʼ titgħallem ħafna dwar Jehovah bħala persuna mill-affarijiet li qal u għamel Ġesù.a U meta l-apprezzament għall-kwalitajiet t’Alla, kif riflessi minn Ġesù, iqanqluk biex tipprova tkun iktar bħalU, int qed tagħti evidenza tad-devozzjoni tiegħek lejn Alla.
Nipprattikaw Devozzjoni lejn Alla Maʼ Membri tal-Familja
9, 10. (a) L-imħabba u l-interess taʼ Ġesù għal ommu, Marija, kif ġew murija biss ftit mumenti qabel ma miet? (b) Għala, milli jidher, Ġesù fada l-ħarsien taʼ Marija lill-appostlu Ġwanni u mhux lil xi wieħed mill-aħwa tal-laħam tiegħu stess?
9 Il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù Kristu jirrivelaw ħafna dwar kif id-devozzjoni lejn Alla għandha tintwera. Eżempju li jqanqlek hu mniżżel fi Ġwann 19:25-27, fejn naqraw: “Ħdejn iz-zokk tat-tortura taʼ Ġesù, madankollu, kien hemm bil-wieqfa ommu u oħt ommu; Marija mart Klopas, u Marija Maddalena. Għalhekk Ġesù, meta ra lil ommu u lid-dixxiplu [Ġwanni] li kien iħobb weqfin ħdejh, qal lil ommu: ‘Mara, ara! Ibnek!’ Wara qal lid-dixxiplu: ‘Ara! Ommok!’ U minn dik is-siegħa ’l quddiem id-dixxiplu ħadha lejn daru stess.”
10 Immaġina daqxejn! Biss ftit mumenti qabel ma ċeda l-ħajja tiegħu tal-art, l-imħabba u l-interess taʼ Ġesù qanqluh biex jafda l-ħarsien taʼ ommu, Marija, (li milli jidher kienet romlot sa dak iż-żmien) lill-appostlu wisq maħbub Ġwanni. Iżda għala lil Ġwanni u mhux wieħed mill-aħwa tal-laħam taʼ Ġesù stess? Għaliex Ġesù kien ikkonċernat mhux biss dwar il-bżonnijiet fiżiċi u materjali taʼ Marija iżda iktar b’mod speċjali dwar il-ħarsien spiritwali tagħha. U l-appostlu Ġwanni (possibilment il-kugin taʼ Ġesù) kien ta prova tal-fidi tiegħu, fil-waqt li m’hemmx indikazzjoni li l-aħwa tal-laħam taʼ Ġesù kienu, sa dak iż-żmien, jemmnu.—Mattew 12:46-50; Ġwann 7:5.
11. (a) Skond Pawlu, kif jistaʼ Kristjan jipprattika devozzjoni lejn Alla f’daru stess? (b) Il-Kristjan ġenwin għala jagħmel provvedimenti għal ġenituri anzjani?
11 Issa, dan kif kien turija taʼ devozzjoni lejn Alla? L-appostlu Pawlu jispjega: “Onora lir-romol li huma romol tassew. Iżda jekk xi armla għandha l-ulied jew ulied l-ulied, ħalli lil dawn jitgħallmu l-ewwel jipprattikaw id-devozzjoni lejn Alla f’darhom stess u jibqgħu jħallsu kumpens xieraq lill-ġenituri u lin-nanniet tagħhom, għax dan hu aċċettabbli fil-ħarsa t’Alla.” (1 Timotew 5:3, 4) Li tonora l-ġenituri tiegħek billi tipprovdi għajnuna materjali meta dik issir neċessarja hi, kif igħid Pawlu, espressjoni taʼ devozzjoni lejn Alla. Dan kif? Jehovah, Dak li oriġina l-arranġament tal-familja, jikkmanda lit-tfal biex jonoraw lill-ġenituri tagħhom. (Efesin 3:14, 15; 6:l-3) Għaldaqstant, il-Kristjan ġenwin jagħraf li t-twettieq taʼ din ir-responsabbiltà tal-familja mhux biss juri mħabba lejn il-ġenituri tiegħu iżda juri wkoll reverenza għal Alla u ubbidjenza għall-kmandi tiegħu.—Qabbel Kolossin 3:20.
12. Kif tistaʼ tipprattika devozzjoni lejn Alla maʼ ġenituri anzjani, u x’għandu jkun il-mottiv?
12 Kif, mela, tistaʼ tipprattika devozzjoni lejn Alla maʼ membri tal-familja? Dan ċertament ikun jinkludi li jsir arranġament biex jiġu provduti l-bżonnijiet spiritwali u materjali taʼ ġenituri anzjani, bħalma għamel Ġesù. Nuqqas li jsir dan se jirrivela nuqqas taʼ devozzjoni lejn Alla. (Qabbel 2 Timotew 3:2, 3, 5.) Il-Kristjan iddedikat jipprovdi għal ġenituri fil-bżonn mhux sempliċement bi ħniena jew b’dover iżda għaliex hu jħobb lill-familja tiegħu, u jagħraf l-istima għolja li Jehovah ipoġġi fuq it-twettieq taʼ din ir-responsabbiltà. B’hekk, li hu jieħu ħsieb tal-ġenituri anzjani hija espressjoni taʼ devozzjoni lejn Alla.b
13. Missier Kristjan kif jistaʼ jipprattika devozzjoni lejn Alla mal-familja tiegħu stess?
13 Id-devozzjoni lejn Alla tistaʼ tiġi pprattikata fid-dar f’modi oħra. Per eżempju, missier Kristjan għandu responsabbiltà biex jipprovdi għall-familja tiegħu materjalment, emozzjonalment, u spiritwalment. Għalhekk, minbarra li jipprovdi għajnuna materjali, hu b’imħabba jirranġa għal studju regulari tal-Bibbja mal-familja. Hu jwarrab il-ħin biex jieħu sehem regulari fil-ministeru tal-għalqa mal-familja tiegħu. Huwa bbilanċjat, billi jagħraf il-bżonn tagħhom għall-mistrieħ u r-rikreazzjoni wkoll. U hu b’mod għaqli jagħżel xi jpoġġi l-ewwel, billi ma jħallix attività tal-kongregazzjoni li ġġagħlu jitraskura l-familja tiegħu. (1 Timotew 3:5, 12) Għala jagħmel dan kollu? Mhux sempliċement b’sens taʼ dover iżda sforz l-imħabba għall-familja tiegħu. Hu jagħraf l-importanza li Jehovah ipoġġi fuq il-ħarsien tal-familja taʼ dak li jkun. Billi b’dan il-mod iwettaq ir-responsabbiltà tiegħu bħala raġel miżżewweġ u missier, hu qed jipprattika d-devozzjoni lejn Alla.
14. Mara miżżewġa Kristjana kif tistaʼ turi devozzjoni lejn Alla fid-dar?
14 Nisa miżżewġin Kristjani wkoll għandhom responsabbiltà li jipprattikaw id-devozzjoni lejn Alla fid-dar. Kif? Il-Bibbja tgħid li mara miżżewġa trid ‘tkun sottomessa’ għal żewġha u għandu jkollha “rispett profond” lejh. (Efesin 5:22, 33) Saħansitra jekk żewġha ma jemminx, hi għandha ‘tkun sottomessa’ lejh. (1 Pietru 3:1) Il-mara Kristjana turi din is-sottomissjoni billi tappoġġa lil żewġha fid-deċiżjonijiet li jagħmel dment li dawn ma jmorrux kontra l-liġijiet t’Alla. (Atti 5:29) U hi għala taċċetta din il-pożizzjoni? Mhux biss għaliex hi tħobb lil żewġha iżda b’mod speċjali għaliex hi tagħraf li hekk hu “xieraq fil-Mulej”−jiġifieri, huwa l-arranġament t’Alla għall-familja. (Kolossin 3:18) Is-sottomissjoni tagħha minn rajha għal żewġha hi b’hekk espressjoni tad-devozzjoni tagħha lejn Alla.
“Għal Dan il-Għan li Jien Ħriġt”
15. B’liema mod tal-għaġeb Ġesù wera d-devozzjoni lejn Alla?
15 Wieħed mill-iktar modi tal-għaġeb li Ġesù wera devozzjoni lejn Alla kien billi ‘jiddikjara l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.’ (Luqa 4:43) Wara l-magħmudija tiegħu fil-Ġordan fid-29 E.K., Ġesù qattaʼ t-tliet snin u nofs taʼ wara okkupat intensament f’dan ix-xogħol mill-iktar importanti. “Hu għal dan il-għan li jien ħriġt,” hu spjega. (Mark 1:38; Ġwann 18:37) Iżda dan kif kien turija tad-devozzjoni tiegħu lejn Alla?
16, 17. (a) X’qanqal lil Ġesù biex ikun okkupat intensament fl-ippridkar u fit-tagħlim? (b) Il-ministeru taʼ Ġesù taʼ pridkar u tagħlim għala kien turija tad-devozzjoni tiegħu lejn Alla?
16 Ftakar li d-devozzjoni lejn Alla tinvolvi li tgħix b’tali mod li jogħġob lil Alla għaliex int tħobbu u tapprezza fil-fond il-kwalitajiet taʼ għożża tiegħu. X’kien, mela, li qanqal lil Ġesù li jqattaʼ l-aħħar snin tiegħu fuq l-art okkupat intensament fl-ippridkar u t-tagħlim? Sempliċi sens taʼ dover jew obbligu? M’hemmx dubju li hu kien jitħasseb għan-nies. (Mattew 9:35, 36) U hu rrealizza bis-sħiħ li d-dlik tiegħu bl-ispirtu qaddis ħatru u nkarigah biex iwettaq il-ministeru tiegħu. (Luqa 4:16-21) Madankollu, il-mottivi tiegħu kienu iktar profondi.
17 “Jien inħobb lill-Missier,” Ġesù qal b’mod ċar lill-appostli tiegħu fl-aħħar lejla taʼ ħajtu fuq l-art. (Ġwann 14:31) Dik l-imħabba hija bbażata fuq għarfien intimu u profond ħafna tal-kwalitajiet taʼ Jehovah. (Luqa 10:22) Imqanqal minn qalb mimlija b’apprezzament profond, Ġesù sab għaxqa f’li jagħmel ir-rieda taʼ Alla. (Salm 40:8) Kien l-“ikel” tiegħu—tant neċessarju għall-ħajja, tant sodisfaċenti. (Ġwann 4:34) Hu waqqaf l-eżempju perfett f’li ‘jfittex l-ewwel is-saltna’ minflok ipoġġi lilu nnifsu l-ewwel. (Mattew 6:33) Għalhekk ma kienx biss dak li għamel jew saħansitra kemm għamel iżda għala għamlu li għamel il-ministeru tiegħu taʼ pridkar u tagħlim espressjoni tad-devozzjoni tiegħu lejn Alla.
18. Għala li tieħu xi sehem fil-ministeru mhux neċessarjament turija taʼ devozzjoni lejn Alla?
18 Kif nistgħu nsegwu l-eżempju tal-“mudell,” Ġesù, f’dan ir-rigward? (1 Pietru 2:21) Dawk kollha li jwieġbu għall-istedina taʼ Ġesù biex ‘jiġu u jsiru segwaċi tiegħu’ għandhom kariga divina biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u biex jagħmlu dixxipli. (Luqa 18:22; Mattew 24:14; 28:19, 20) Ifisser dan li billi jkollna xi sehem f’li niddikjaraw l-aħbar tajba, inkunu qed niġru wara d-devozzjoni lejn Alla? Mhux neċessarjament. Li kellna nieħdu sehem fil-ministeru f’manjiera superfiċjali jew tal-isem, jew sabiex sempliċement nogħġbu lil xi membri tal-familja jew oħrajn, dan ma jkunx meqjus bħala ‘għemil taʼ devozzjoni lejn Alla.’—2 Pietru 3:11.
19. (a) X’għandha tkun ir-raġuni ewlenija għal dak li nagħmlu fil-ministeru? (b) X’jirriżulta meta aħna nkunu mqanqlin minn imħabba b’għeruq fil-fond għal Alla?
19 Bħal fil-każ taʼ Ġesù, il-mottivi tagħna jridu jkunu iktar profondi. Ġesù qal: “Int trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha [bl-emozzjonijiet, bix-xewqat, u bis-sentimenti tal-persuna ġewwinija] u b’ruħek kollha [b’ħajtek u b’kollok kemm int] u b’moħħok kollu [bil-fakultajiet intellettwali tiegħek] u b’saħħtek kollha.” Għal dan, skrib taʼ dehen żied igħid: “Din . . . tiswa ferm iktar mill-offerti maħruqa kollha u mis-sagrifiċċji kollha.” (Mark 12:30, 33, 34) Għalhekk mhux biss dak li nagħmlu li jimporta iżda wkoll għala nagħmluh. Imħabba bil-għeruq fil-fond għal Alla li tinvolvi kulma fina trid tkun ir-raġuni ewlenija għal dak li nagħmlu fil-ministeru. Meta dak ikun il-każ, mhux se nkunu kuntenti b’sempliċi sehem tal-isem, iżda se nkunu mqanqlin biex nuru kemm hi kbira d-devozzjoni tagħna lejn Alla billi nagħmlu ħilitna kollha. (2 Timotew 2:15) Fl-istess waqt, meta l-imħabba għal Alla hija l-mottiv tagħna, mhux se nikkritikaw, billi nqabblu l-ministeru tagħna maʼ dak taʼ oħrajn.—Galatin 6:4.
20. Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ mill-eżempju taʼ Ġesù f’li niġru wara d-devozzjoni lejn Alla?
20 Kemm għandna għax inkunu grati li Jehovah irrivelalna s-sigriet sagru tad-devozzjoni lejn Alla! Billi nistudjaw bir-reqqa l-affarijiet li qal u għamel Ġesù u billi nippruvaw nimitawh, se niġu mgħejjunin biex nikkultivaw u kif ukoll nuru devozzjoni lejn Alla b’ammont iktar bis-sħiħ. Jehovah se jberikna bil-kbir hekk kif insegwu l-eżempju taʼ Ġesù f’li niġru wara d-devozzjoni lejn Alla bħala Kristjani ddedikati u mgħammdin.—1 Timotew 4:7, 8.
[Noti taʼ taħt]
a Għal xi eżempji oħra, ikkunsidra x’nitgħallmu dwar Jehovah mir-rakkonti li ġejjin: Mattew 8:2, 3. Mark 14:3-9; Luqa 21:l-4; u Ġwann 11:33-36.
b Ġħal diskussjoni sħiħa dwar x’inhu nvolut f’li tipprattika d-devozzjoni lejn Alla maʼ ġenituri anzjani, ara The Watchtower tal-1 taʼ Ġunju, 1987, paġni 13-18.
Tiftakar?
◻ F’li niġru wara d-devozzjoni lejn Alla għala għandna nikkunsidraw l-eżempju taʼ Ġesù?
◻ X’nitgħallmu dwar Jehovah mill-imħabba u l-mogħdrija murija minn Ġesù?
◻ Kif nistgħu nuru devozzjoni lejn Alla mal-membri tal-familja?
◻ X’għandu jkun il-mottiv tagħna sabiex il-ministeru tagħna jkun espressjoni tad-devozzjoni lejn Alla?
[Stampa f’paġna 14]
“Iżda jekk xi armla għandha l-ulied jew ulied l-ulied, ħalli lil dawn . . . jibqgħu jħallsu kumpens xieraq lill-ġenituri u lin-nanniet tagħhom.”