LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 8/15 pp. 4-7
  • “Il-Mewt Tinbelaʼ għal Dejjem”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-Mewt Tinbelaʼ għal Dejjem”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Mmutu?
  • “Id-​Dnub Daħal fid-​Dinja”
  • “It-​Tifla . . . Rieqda”
  • Fehma dwar il-​Mewt Tagħti Skop lil Ħajjitna
  • “Mewt, Fejn Hi t-​Tingiża Tiegħek?”
  • Il-mewt mhix it-tmiem taʼ kollox!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • X’Tama Hemm għall-Maħbubin Tagħna li Mietu?
    X’Tama Hemm għall-Maħbubin Mejtin?
  • Fejn Huma l-​Mejtin?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • X’Jiġrilhom il-Maħbubin Mejtin Tagħna?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 8/15 pp. 4-7

“Il-​Mewt Tinbelaʼ għal Dejjem”

IMMAĠINA li qed taqra gazzetta b’titlu bħal dak t’hawn fuq minflok ma qed taqra dwar tifla żgħira li kkommettiet suwiċidju. M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda gazzetta ma qatt għamlet stqarrija bħal din. Iżda l-​kliem t’hawn fuq jidher fi ktieb li ilu jeżisti eluf taʼ snin—il-​Bibbja.

Fl-Iskrittura l-​mewt hija spjegata b’mod ċar. Barra minn hekk, il-​Bibbja mhux biss tirrivela għala mmutu imma tispjega wkoll il-​kundizzjoni tal-​mejtin u toffri tama għall-​maħbubin tagħna li mietu. Fl-​aħħar, titkellem dwar żmien sinifikanti meta se jkun possibbli li ngħidu: “Il-​mewt tinbelaʼ għal dejjem.”​—1 Korintin 15:54.

Il-Bibbja tispjega l-​mewt bħala xi ħaġa li nistgħu nifhmuha minflok bħala xi ħaġa misterjuża. Per eżempju, spiss tirreferi għall-​mewt bħala “raqda,” u tiddeskrivi lil uħud mejtin bħala li huma “reqdin fil-​mewt.” (Salm 13:4 [13:​3, NW]; 1 Tessalonikin 4:​13; Ġwanni 11:​11-​14) Il-​mewt hija spjegata wkoll bħala “għadu.” (1 Korintin 15:26) Iktar importanti, il-​Bibbja tgħinna nifhmu għala l-​mewt hi bħal raqda, għala taħkem lill-​bniedem, u kif dan l-​għadu fl-​aħħar mill-​aħħar se jiġi meqrud.

Għala Mmutu?

L-​ewwel ktieb tal-​Bibbja jirrakkonta kif Alla għamel l-​ewwel bniedem, Adam, u poġġieh f’ġenna taʼ l-​art. (Ġenesi 2:​7, 15) Fil-​bidu tal-​ħajja tiegħu, Adam ngħata xi inkarigi flimkien maʼ projbizzjoni stretta. Dwar ċerta siġra fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, Alla qallu: “La tikolx minnha, għax dak in-​nhar li tiekol minnha żgur li tmut.”a (Ġenesi 2:​17) Għalhekk, Adam fehem li setaʼ jmut. Il-​mewt kienet ir-​riżultat dirett għall-​ksur tal-​liġi divina.

Sfortunatament, Adam u martu Eva m’obdewx. Huma għażlu li jinjoraw ir-​rieda tal-​Ħallieq tagħhom, u għalhekk ħasdu l-​konsegwenzi. “Għax trab int, u fit-​trab terġaʼ tmur,” hekk qal Alla meta kellimhom dwar x’kien se jkun ir-​riżultat jekk jidinbu. (Ġenesi 3:​19) Huma saru difettużi serjament—imperfetti. L-​imperfezzjoni tagħhom, jew dnubiethom, kienet se twassal għall-​mewt tagħhom.

Dan id-​difett—id-​dnub—ġie wkoll mgħoddi lit-​tfal taʼ Adam u Eva, ir-​razza umana kollha. F’ċertu sens, kien bħal marda ereditarja. Mhux talli Adam tilef l-​opportunità li jgħix ħajja ħielsa mill-​kundanna tal-​mewt, iżda hu għadda wkoll l-​imperfezzjoni lin-​nisel tiegħu. Il-​familja umana saret ilsira tad-​dnub. Il-​Bibbja tgħid: “Huwa għalhekk li bħalma permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.”​—Rumani 5:12.

“Id-​Dnub Daħal fid-​Dinja”

Dan id-​difett ereditarju, jew id-​dnub, ma tistax tarah taħt mikroskopju. “Id-​dnub” jirreferi għal nuqqas morali u spiritwali li ġie mgħoddi lilna mill-​ewwel ġenituri tagħna, u dan għandu konsegwenzi fiżiċi. Madankollu, il-​Bibbja tirrivela li Alla pprovda rimedju. L-​appostlu Pawlu jispjega: “Għax il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt, imma l-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rumani 6:​23) Fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​Korintin, Pawlu żied assiguranza li kienet tfisser ħafna għalih: “Għax bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.”​—1 Korintin 15:22.

Bla dubju, Ġesù Kristu għandu rwol vitali f’li jneħħi d-​dnub u l-​mewt. Hu qal li ġie fuq l-​art biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Is-​sitwazzjoni tistaʼ titqabbel maʼ ħtif, fejn l-​ostaġġ jistaʼ jiġi meħlus biss bi ħlas speċifiku. F’dan il-​każ, il-​fidwa li tistaʼ teħlisna mid-​dnub u l-​mewt hija l-​ħajja perfetta taʼ Ġesù.b​—Atti 10:​39-​43.

Sabiex jipprovdi fidwa, Alla bagħat lil Ġesù fuq l-​art biex jissagrifika ħajtu. “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih . . . ikollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:​16) Qabel ma miet mewta taʼ sagrifiċċju, Kristu ‘ta xiehda għall-​verità.’ (Ġwanni 18:37) U waqt il-​ministeru pubbliku tiegħu, hu ħa vantaġġ minn ċerti okkażjonijiet biex jikxef il-​verità dwar il-​mewt.

“It-​Tifla . . . Rieqda”

Ġesù kien familjari mal-​mewt meta kien fuq l-​art. Hu ħass in-​niket taʼ meta kien jitlef lil xi wħud madwaru fil-​mewt, u hu kien jaf li kien se jmut mewta prematura. (Mattew 17:​22, 23) Milli jidher xi ftit xhur qabel ma Ġesù ġie maqtul, il-​ħabib tiegħu Lazzru miet. Dan l-​avveniment jgħinna nifhmu kif Ġesù kien iħares lejn il-​mewt.

Għalhekk, wara li sar jaf bil-​mewt taʼ Lazzru, Ġesù qal: “Il-​ħabib tagħna Lazzru mar jistrieħ, imma jien se mmur inqajmu mill-​irqad.” Id-​dixxipli assumew li la Lazzru kien qiegħed biss jistrieħ, hu kien se jħossu aħjar. Għalhekk Ġesù qal ċar u tond: “Lazzru miet.” (Ġwanni 11:​11-​14) Ovvjament, Ġesù kien iħares lejn il-​mewt bħala raqda. Filwaqt li għandu mnejn li huwa diffiċli għalina biex nifhmu x’inhi l-​mewt, aħna nifhmu x’inhu l-​irqad. Meta norqdu raqda tajba bil-​lejl, aħna ma nkunux konxji taʼ kemm qed jgħaddi ħin u x’qiegħed jiġri madwarna għax għal ftit tal-​ħin inkunu f’ċertu sens mitlufin minn sensina. Dan huwa eżatt kif il-​Bibbja tispjega l-​kundizzjoni tal-​mejtin. Koħèlet 9:5 jgħid: “Il-​mejtin ma jafu xejn.”

Ukoll, Ġesù qabbel il-​mewt maʼ raqda għax in-​nies jistgħu jitqajmu mill-​mewt, grazzi għall-​qawwa t’Alla. F’okkażjoni minnhom, Ġesù żar id-​dar taʼ familja mnikkta li esperjenzat il-​mewt tat-​tifla żgħira tagħhom. “It-​tifla mhix mejta imma rieqda,” qal Ġesù. Imbagħad resaq lejn it-​tifla mejta u qabdilha idha u hi “qamet.” Fi kliem ieħor, hi qamet mill-​mewt.—Mattew 9:​24, 25.

Bl-istess mod, Ġesù qajjem lill-​ħabib tiegħu Lazzru mill-​mewt. Iżda qabel ma wettaq dan il-​miraklu, hu farraġ lil Marta, oħt Lazzru, billi qal: “Ħuk iqum.” Hi b’fiduċja qaltlu: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġwanni 11:​23, 24) Bla ebda dubju, hi kienet qed tistenna li l-​qaddejja kollha t’Alla kienu se jiġu rxoxtati f’xi żmien fil-​futur.

Eżattament, xi jfisser l-​irxoxt? Il-​kelma Griega għal “irxoxt” (anastasis) letteralment tfisser “tqum bil-​wieqfa.” Tfisser qawmien mill-​mewt. Dan forsi jgħaġġeb lil ħafna, madankollu wara li qal li l-​mejtin se jisimgħu l-​vuċi tiegħu, Ġesù qal: “Tistagħġbux b’dan.” (Ġwanni 5:​28) L-​irxoxt li Ġesù stess wettaq fuq l-​art jagħtina tama fil-​wegħda tal-​Bibbja li tgħid li Alla se jqajjem mir-​“raqda” lil dawk il-​mejtin li qegħdin fil-​memorja tiegħu. Rivelazzjoni 20:13 jipprofetizza: “Il-​baħar radd il-​mejtin li kienu fih, u l-​mewt u Ħades [il-qabar komuni tal-​bniedem] raddew il-​mejtin li kienu fihom.”

Dawn l-​uħud irxoxtati għall-​ħajja se jispiċċaw jixjieħu u jmutu għal darb’oħra, bħalma ġara lil Lazzru? Dan m’huwiex l-​iskop t’Alla. Il-​Bibbja tassigurana li għad jasal żmien meta “ma jkunx hemm iżjed mewt,” u għalhekk ħadd ma se jixjieħ u jmut.​—Rivelazzjoni 21:4.

Il-mewt hija għadu. Ir-​razza umana għandha ħafna għedewwa komuni oħra, bħalma huma l-​mard u x-​xjuħija, li wkoll jikkaġunaw ħafna sofferenza. Alla jwiegħed li jeqridhom kollha, billi fl-​aħħarnett jgħaddi sentenza fuq l-​akbar għadu tal-​bniedem. “Bħala l-​aħħar għadu, il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.”​—1 Korintin 15:26.

B’dik il-​wegħda mwettqa, il-​bnedmin se jgawdu ħajja perfetta, li ma tkunx imtebbgħa bid-​dnub u l-​mewt. Sadanittant, nistgħu nitfarrġu f’li nkunu nafu li l-​għeżież maħbubin mejtin tagħna qegħdin jistrieħu, u jekk huma fil-​memorja t’Alla, se jiġu rxoxtati fiż-​żmien stabbilit tiegħu.

Fehma dwar il-​Mewt Tagħti Skop lil Ħajjitna

Fehma ċara tal-​mewt u t-​tama li hemm għall-​mejtin tistaʼ tbiddlilna l-​ħarsa tagħna lejn il-​ħajja. Meta kellu fuq l-​20 sena, Ian, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, tgħallem dwar l-​ispjegazzjoni li tagħti l-​Bibbja dwar il-​mewt. “Minn dejjem kelli tama żgħira li missieri kien qiegħed xi mkien,” jgħid hu. “Għalhekk, meta tgħallimt li hu kien sempliċement rieqed fil-​mewt, għall-​ewwel bdejt inħossni mdejjaq.” Madankollu, meta Ian qara dwar il-​wegħda t’Alla li se jirxoxta l-​mejtin, kien ferħan se jtir li se jkun jistaʼ jerġaʼ jara lil missieru. “Għall-​ewwel darba f’ħajti ħassejt ċertu serħan,” jgħid hu. Fehma ċara tal-​mewt ġabitlu paċi tal-​moħħ li kkalmatu.

Clive u Brenda tilfu t-​tifel tagħhom, Steven, li kellu 21 sena fl-​aċċident fatali li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel. Għalkemm kienu jafu dwar dak li l-​Bibbja tgħid dwar il-​mewt, huma xorta kienu qalbhom maqsuma bit-​telfa għal għarrieda li kellhom. Wara kollox, il-​mewt hija għadu, u t-​tingiża tagħha hi taʼ wġigħ. Bil-​mod il-​mod, l-​għarfien Skritturali tagħhom dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin taffielhom l-​uġigħ. Brenda tgħid: “Il-​fehma tagħna tal-​mewt għenitna biex nirkupraw u nibqgħu mexjin ’il quddiem. M’għandniex xi ngħidu, ma tgħaddix ġurnata li ma naħsbux dwar dak iż-​żmien meta Steven se jitqajjem mir-​raqda fonda tiegħu.”

“Mewt, Fejn Hi t-​Tingiża Tiegħek?”

Bla dubju, il-​fatt li nifhmu l-​kundizzjoni tal-​mejtin jistaʼ jgħinna biex ikollna ħarsa bilanċjata tal-​ħajja. Il-​mewt m’għandhiex għalfejn tkun misteru. Nistgħu nieħdu gost bil-​ħajja mingħajr ma nibżgħu mill-​għadu tagħha li qed jheddidna. U jekk nirrealizzaw li l-​mewt mhux bilfors se ttemmilna ħajjitna għal dejjem, ix-​xewqa li jistaʼ jkollna biex ngħixu ħajja taʼ pjaċir minħabba li naħsbu li l-​“ħajja hija qasira wisq” se tispiċċa. Meta nsiru nafu li l-​maħbubin mejtin tagħna, li huma fil-​memorja t’Alla, huma reqdin fil-​mewt u li se jiġu rxoxtati, se nitfarrġu u nitħeġġu sabiex nibqgħu għaddejjin b’ħajjitna.

Iva, nistgħu nħarsu b’fiduċja lejn il-​futur meta Alla Ġeħova, id-​Donatur tal-​ħajja, se jidfen il-​mewt għal dejjem. X’barka se tkun meta nkunu nistgħu ngħidu: “Mewt, fejn hi r-​rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-​tingiża tiegħek?”​—1 Korintin 15:55.

[Noti taʼ taħt]

a Din hija l-​ewwel referenza dwar il-​mewt fil-​Bibbja.

b Il-prezz li tħallas għall-​fidwa kien ħajja umana perfetta għax dik kienet li tilef Adam. Id-​dnub ikkontamina lill-​bnedmin kollha, u għalhekk l-​ebda bniedem imperfett ma setaʼ jkun taʼ fidwa. B’hekk, Alla bagħat lil Ibnu mis-​sema għal dan l-​iskop. (Salm 49:​8-10 [49:​7-9, NW]) Għal iktar informazzjoni dwar dan is-​suġġett, ara kapitlu 7 tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 5]

Id-​diżubbidjenza taʼ Adam u Eva wasslet għall-​mewt

[Stampa f’paġna 6]

Ġesù qabad id it-​tifla u hi qamet

[Stampa f’paġna 7]

Ħafna jistennew dak iż-​żmien meta l-​maħbubin mejtin tagħhom se jqumu mill-​irqad, bħalma għamel Lazzru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja