LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 8/15 pp. 8-12
  • Huwa ż-Żwieġ l-Uniku Muftieħ Għall-Ferħ?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa ż-Żwieġ l-Uniku Muftieħ Għall-Ferħ?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Raġunijiet biex Inkunu Henjin
  • “Biss fil-​Mulej”
  • Ma Jistgħux Jiżżewġu “fil-​Mulej”
  • Il-​Muftieħ għall-​Kuntentizza Vera
  • “Xi Ħaġa Aħjar minn Ulied Subien u Wlied Bniet”
  • Iż-​Żwieġ Mhux l-​Uniku Muftieħ għall-​Kuntentizza
  • Ferħ Veru f’li Naqdu lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Parir Għaqli lill-Miżżewġin u lil Dawk li Mhumiex
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar Min Hu Single Jew Miżżewweġ?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 8/15 pp. 8-12

Huwa ż-​Żwieġ l-​Uniku Muftieħ Għall-​Ferħ?

“Hi ħielsa tiżżewweġ lil min trid hi, biss fil-​Mulej. Imma hi iktar hienja jekk tibqaʼ kif inhi.”​—1 KORINTIN 7:​39, 40.

1. L-​Iskrittura kif tiddeskrivi lil Jehovah, u x’għamel hu għall-​ħlejjaq tiegħu?

JEHOVAH huwa “dak Alla ferħan.” (1 Timotew 1:11) Bħala Dak li jipprovdi b’abbundanza “kull għotja tajba u kull rigal perfett”, hu jagħmel disponibbli għall-​ħlejjaq intelliġenti kollha tiegħu​—umani u spirti​—eżattament dak li jinħtieġu biex ikunu ferħanin fis-​servizz tiegħu. (Ġakbu 1:17) Jekk niġu f’dan, għasfur li jgħanni kemm jiflaħ, ġeru li jilgħab u jinbaħ, jew xi denfil li jitliegħeb fuq il-​mewġ tal-​baħar kollha jixhdu li Jehovah ħalaq lill-​annimali biex igawdu l-​ħajja fl-​ambjenti rispettivi tagħhom. Is-​salmista saħansitra jasal li jistqarr poetikament li “s-​siġar taʼ Jehovah huma mxebbgħin, iċ-​ċedri tal-​Libanu li hu ħawwel.”​—Salm 104:16.

2. (a) X’juri li Ġesù jsib kuntentizza f’li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru? (b) Id-​dixxipli taʼ Ġesù liema raġunijiet kellhom għall-​kuntentizza?

2 Ġesù Kristu huwa ‘rappreżentazzjoni eżatta tal-​istess eżistenza t’Alla.’ (Ebrej 1:3) Ma niskantawx, allura, li Ġesù għandu jissejjaħ “il-​Potenti hieni u uniku.” (1 Timotew 6:15) Hu jipprovdilna eżempju tal-​għaġeb taʼ kif it-​twettieq tar-​rieda taʼ Jehovah jistaʼ jkun iktar sodisfaċenti mill-​ikel, billi jipproduċi għaxqa kbira. Ġesù wkoll jurina li jistaʼ jkun hemm pjaċir meta naġixxu fil-​biżaʼ t’Alla, jiġifieri, b’reverenza profonda u biżaʼ bnin li ma nogħġbux Lilu. (Salm 40:8; Isaija 11:3; Ġwann 4:34) Meta 70 mid-​dixxipli ġew lura “bil-​ferħ” wara mawra taʼ ppridkar dwar is-​Saltna, Ġesù nnifsu “sar ferħan wisq fl-​ispirtu qaddis.” Wara li esprima l-​ferħ tiegħu lil Missieru fit-​talb, hu dar lejn id-​dixxipli u qal: “Henjin huma l-​għajnejn li jilmħu l-​affarijiet li qegħdin tilmħu intom. Għax ingħidilkom, Ħafna profeti u slaten xtaqu jaraw l-​affarijiet li qegħdin tilmħu intom imma ma rawhomx, u jisimgħu l-​affarijiet li qegħdin tisimgħu intom imma ma semgħuhomx.”​—Luqa 10:​17-24.

Raġunijiet biex Inkunu Henjin

3. Liema huma xi raġunijiet għall-​kuntentizza?

3 M’għandhomx il-​għajnejn tagħna jkunu henjin li jilmħu l-​affarijiet li naraw issa bi twettieq tal-​Kelma u l-​għanijiet taʼ Jehovah f’dan iż-​żmien tat-​tmiem? M’għandniex inkunu mimlijin bil-​ferħ li nifhmu l-​profeziji li profeti u slaten leali bħal Isaija, Danjel, u David ma setgħux jifhmuhom? M’aħniex ferħanin li naqdu lil Jehovah, lil Dak Alla ferħan, taħt it-​tmexxija tal-​Potenti hieni, is-​Sultan tagħna Ġesù Kristu? Daż-żgur li aħna!

4, 5. (a) Biex nibqgħu kuntenti fis-​servizz taʼ Jehovah, x’irridu nevitaw? (b) Liema huma xi affarijiet li jikkontribwixxu għall-​kuntentizza, u x’mistoqsija jqajjem dan?

4 Jekk irridu nibqgħu henjin fis-​servizz t’Alla, madankollu, ma rridux nibbażaw il-​livelli tagħna nfusna dwar x’ninħtieġu biex inkunu kuntenti fuq ideat dinjin. Dawn jistgħu faċilment iċajpru l-​ħarsa tagħna għaliex jinkludu ġid materjali, stil taʼ ħajja mimli fanfarunati, u affarijiet bħal dawn. Kwalunkwe “kuntentizza” bbażata fuq affarijiet bħal dawn se tkun taʼ ħajja qasira, għax din id-​dinja se tispiċċa.​—1 Ġwann 2:​15-17.

5 Il-​biċċa l-​kbira tal-​qaddejja ddedikati taʼ Jehovah jirrealizzaw illi li jilħqu miri dinjin ma jġibilhomx il-​vera kuntentizza. Missierna tas-​sema biss jipprovdi affarijiet spiritwali u materjali li jikkontribwixxu għall-​kuntentizza ġenwina tal-​qaddejja tiegħu. Kemm aħna grati tal-​ikel spiritwali li jagħtina permezz tal-​“irsir fidil u diskret”! (Mattew 24:​45-47) Aħna grati wkoll tal-​ikel fiżiku u affarijiet materjali oħrajn li nirċievu minn l-​id taʼ mħabba t’Alla. Imbagħad, ukoll, hemm il-​għotja taʼ l-​għaġeb taż-​żwieġ u l-​ferħ relatat tal-​ħajja tal-​familja. Mhux taʼ b’xejn li x-​xewqa mill-​qalb taʼ Naomi għan-​nisa romol taʼ wliedha kienet espressa b’dawn il-​kelmiet: “Jalla Jehovah jagħtikom għotja, u ssibu intom post taʼ mistrieħ kull waħda fid-​dar taʼ żewġha” (Rut 1:9) Mela iż-​żwieġ hu muftieħ li jistaʼ jiftaħ bieb għal kuntentizza kbira. Imma hu ż-​żwieġ l-​uniku muftieħ li jiftaħ it-​triq għal ħajja kuntenta? Iż-​żgħażagħ b’mod speċjali għandhom bżonn jeżaminaw bis-​serjetà jekk dan hux hekk.

6. Skond Ġenesi, x’kien l-​iskop ewlieni tal-​arranġament taż-​żwieġ?

6 Waqt li tirrakkonta l-​oriġini taż-​żwieġ, il-​Bibbja tistqarr: “Alla ssokta joħloq lir-​raġel fi xbieha tiegħu, fi xbieha t’Alla ħolqu; maskil u femminil ħalaqhom. Iktar minn hekk, Alla berikhom u qalilhom Alla: ‘Agħtu l-​frott u siru ħafna u imlew l-​art u rażżnuha.’” (Ġenesi 1:​27, 28) Billi Jehovah stabbilixxa ż-​żwieġ, Adam ġie wżat biex iġib iżjed ħlejjaq umani fl-​eżistenza, u b’hekk kabbar ir-​razza umana. Imma hemm wisq iktar minn dan fiż-​żwieġ.

“Biss fil-​Mulej”

7. Wieħed patrijarka leali għamel sforzi kbar biex iwettaq liema ħtieġa taż-​żwieġ?

7 Ladarba Jehovah huwa l-​Oriġinatur taż-​żwieġ, nistennew minnu li hu jwaqqaf livelli għar-​rabta taż-​żwieġ li jwasslu għall-​kuntentizza tal-​qaddejja tiegħu. Fi żmien il-​patrijarki, żwieġ maʼ dawk li ma kinux adoraturi taʼ Jehovah kien jiġi skuraġġit bil-​qawwa. Abraham ġiegħel lill-​qaddej tiegħu Elijeżer jaħlef b’Jehovah li ma kienx se jieħu mara għal Iżakk, bin il-​patrijarka, minn fost il-​Kangħaniti. Elijeżer għamel vjaġġ twil u bir-​reqqa segwa l-​istruzzjonijiet taʼ Abraham sabiex isib ‘il-​mara li lilha Jehovah attribwixxa għall-​iben taʼ sidu.’ (Ġenesi 24:​3, 44) Mela Iżakk iżżewweġ lil Rebekka. Meta binhom Eżaw għażel nisa minn fost il-​Ħittiti pagani, dawn in-​nisa “kienu sors taʼ mrar taʼ spirtu għal Iżakk u Rebekka.”​—Ġenesi 26:​34, 35; 27:​46; 28:​1, 8.

8. Liema restrizzjoni kienet imponuta fuq iż-​żwieġ mill-​patt tal-​Liġi, u għala?

8 Taħt il-​patt tal-​Liġi, żwieġ maʼ rġiel jew nisa li kienu jappartjenu lil ġnus Kangħaniti speċifiċi kienu ipprojbit. Jehovah istruwixxa lill-​poplu tiegħu: “Ma trid tifforma ebda alleanza taʼ żwieġ magħhom. Lil bintek ma tridx tagħtiha lil ibnu, u ma tridx tieħu lil bintu għal ibnek. Għax hu se jdawwar lil ibnek milli jsegwini, u huma ċertament li se jaqdu allat oħra; u r-​rabja taʼ Jehovah tabilħaqq se tixgħel kontra tiegħek, u hu ċertament li se jeqirdek għalkollox bil-​għaġla.”​—Dewteronomju 7:​3, 4.

9. Il-​Bibbja liema parir fuq iż-​żwieġ tagħti lill-​Kristjani?

9 Mhix sorpriża li restrizzjonijiet simili fuq żwieġ maʼ nies li m’humiex adoraturi taʼ Jehovah għandhom japplikaw fil-​kongregazzjoni Kristjana. L-​appostlu Pawlu ammonixxa lil sħabu fit-​twemmin: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux. Għax xi sħubija hemm bejn it-​tjieba u l-​ksur tal-​liġi? Jew x’għandu x’jaqsam id-​dawl mad-​dlam? Iktar minn hekk, x’armonija hemm bejn Kristu u Beljal? Jew x’sehem għandu wieħed leali maʼ wieħed li ma jemminx?” (2 Korintin 6:​14, 15) Dak il-​parir japplika f’modi diversi u ċertament li japplika għaż-​żwieġ. L-​istruzzjoni espliċita taʼ Pawlu lil-​qaddejja ddedikati kollha taʼ Jehovah hi li huma għandhom jikkunsidraw jekk jiżżewġux lil xi ħadd “biss jekk hu f’għaqda mal-​Mulej.”​—1 Korintin 7:​39, nota taʼ taħt.

Ma Jistgħux Jiżżewġu “fil-​Mulej”

10. Ħafna Kristjani mhux miżżewġin x’qegħdin jagħmlu, u x’mistoqsija tqum?

10 Ħafna Kristjani mhux miżżewġin għażlu li jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu billi jikkultivaw il-​għotja taċ-​ċelibat. Imbagħad jerġaʼ, minħabba li ma jistgħux fil-​preżent isibu sieħeb jew sieħba taʼ tjieba u b’hekk jiżżewġu “fil-​Mulej”, ħafna Kristjani leali poġġew il-​fiduċja tagħhom f’Jehovah u baqgħu ma żżewġux minflok ma żżewġu lil xi ħadd ma jemminx. L-​ispirtu t’Alla jipproduċi ġewwa fihom frott bħal ferħ, paċi, fidi, u kontroll fuqhom infushom, billi jgħinhom iżommu ċelibat b’kastità. (Galatin 5:​22, 23) Fost dawk li b’suċċess qegħdin jegħlbu din il-​prova taʼ devozzjoni lejn Alla hemm għadd mhux ħażin taʼ ħutna nisa Kristjani, li għalihom għandna l-​akbar stima. F’diversi pajjiżi, il-​għadd tagħhom hu akbar minn tal-​aħwa rġiel u għalhekk għandhom sehem ewlieni fix-​xogħol tal-​ippridkar. Tabilħaqq, “Jehovah innifsu jagħti l-​għajdut; in-​nisa li jgħidu l-​aħbar tajba huma armata ħafna.” (Salm 68:11) Attwalment, ħafna qaddejja t’Alla rġiel u nisa li m’humiex miżżewġin qegħdin iżommu l-​integrità għaliex ‘jafdaw f’Jehovah b’qalbhom kollha, u hu qed jagħmel dritti l-​passaġġi tagħhom.’ (Proverbji 3:​5, 6) Imma se jkunu mdejqin żgur dawk li fil-​preżent ma jistgħux jiżżewġu “fil-​Mulej”?

11. Kristjani li jibqgħu ma jiżżewġux b’rispett lejn il-​prinċipji tal-​Bibbja dwar liema ħaġa jistgħu jkunu żguri?

11 Ejjew niftakru li aħna Xhieda taʼ Dak Alla ferħan, Jehovah,u li qed naqdu taħt il-​Potenti hieni, Kristu Ġesù. Mela, jekk ir-​rispett tagħna għal-​restrizzjonijiet imqegħdin ċari fil-​Bibbja se jqanqalna biex nibqgħu ma niżżewġux għaliex ma insibu sieħeb jew sieħba “fil-​Mulej”, jagħmel sens li taħseb li Alla u Kristu se jħalluna mingħajr ferħ? Ċertament li le. Għaldaqstant, irridu nikkonkludu li huwa possibbli li nkunu ferħanin bħala Kristjani waqt li nibqgħu ma niżżewġux. Jehovah jistaʼ jagħmilna verament ferħanin kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk m’aħniex.

Il-​Muftieħ għall-​Kuntentizza Vera

12. Il-​każ tal-​anġli diżubbidjenti x’jindika rigward iż-​żwieġ?

12 Iż-​żwieġ m’huwiex l-​uniku muftieħ għall-​kuntentizza għall-​qaddejja t’Alla. Ħu, bħala eżempju, lill-​anġli. Qabel id-​Dulluvju, xi anġli kkultivaw xewqat mhux naturali għal ħlejjaq spirti, saru mhux sodisfatti li ma setgħux jiżżewġu, u mmaterjalizzaw iġsma tal-​laħam sabiex ħadu nisa għalihom. Minħabba li dawn l-​anġli b’hekk “abbandunaw il-​post xieraq tagħhom stess fejn igħammru,” Alla “rriżervahom bi rbit etern taħt dlam ċappa għall-​ġudizzju tal-​jum il-​kbir.” (Ġuda 6; Ġenesi 6:​1, 2) Jidher ċar li Alla qatt ma ppjana li l-​anġli jiżżewġu. Mela ż-​żwieġ sempliċement ma setax ikun il-​muftieħ għall-​kuntentizza tagħhom.

13. L-​anġli qaddisin għala huma ferħanin, u dan x’jindika għall-​qaddejja kollha t’Alla?

13 Iżda, l-​anġli leali huma kuntenti. Jehovah poġġa l-​pedamenti tal-​art “għall-​kunċert ferrieħi tal-​kwiekeb taʼ fil-​għodu u ċ-​ċapċip unanimu taʼ l-​ulied [anġeliċi] t’Alla.” (Ġob 38:​7, The New Jerusalem Bible) L-​anġli qaddisin għala huma ferħanin? Għaliex huma jinsabu f’attendenza kontinwa m’Alla Jehovah, billi “jisimgħu leħen il-​kelma tiegħu” sabiex iwettquha. Huma jitgħaxxqu f’li “jagħmlu l-​gost tiegħu.” (Salm 103:​20, 21, nota taʼ taħt) Iva, il-​kuntentizza tal-​anġli qaddisin tiġi milli jaqdu lil Jehovah bil-​fedeltà. Dak hu l-​muftieħ għall-​kuntentizza vera għall-​bnedmin ukoll. Jekk niġu f’dan, Kristjani midlukin miżżewġin li qegħdin jaqdu ferħanin lil Alla issa ma jiżżewġux meta jiġu rxoxtati għal ħajja fis-​sema , imma se jkunu ħenjin bħala ħlejjaq spirti li jagħmlu r-​rieda divina. Kemm jekk miżżewġin u kemm jekk le, allura, il-​qaddejja leali kollha taʼ Jehovah jistgħu jkunu ħenjin għaliex il-​bażi vera għall-​kuntentizza hi servizz leali lejn il-​Ħallieq.

“Xi Ħaġa Aħjar minn Ulied Subien u Wlied Bniet”

14. Liema wegħda profetika ngħatat lil ewnuki taʼ tjieba f’Iżrael tal-​qedem, u dan għala jistaʼ jidher ħaġa stramba?

14 Saħansitra jekk Kristjani leali qatt ma jiżżewweġ, Alla jistaʼ jiżżgura il-​kuntentizza tiegħu. Inkuraġġiment jistaʼ jittieħed minn dawn il-​kelmiet indirizzat b’mod profetiku lil ewnuki f’Iżrael tal-​qedem: “Dan hu dak li Jehovah qal lill-​ewnuki li jżommu s-​sabatijiet tiegħi u li għażlu dak li jien tgħaxxaqt bih u li qegħdin jaqbdu f’idejhom il-​patt tiegħi: ‘Jien se nagħti saħansitra lilhom fid-​dar tiegħi u ġewwa l-​ħitan tiegħi monument u isem, xi ħaġa aħjar minn ulied subien u wlied bniet. Isem għal żmien indefinit se nagħtihom, wieħed li mhux se jiġi maqtugħ’.’” (Isaija 56:​4, 5) Wieħed forsi setaʼ jistenna li huma kienu se jiġu mwegħdin mara u tfal biex isimhom jibqaʼ għal dejjem. Imma huma ġew imwegħdin “xi ħaġa aħjar minn ulied subien u ulied bniet”​—isem li jibqaʼ ġewwa d-​dar taʼ Jehovah.

15. X’jistaʼ jingħad dwar it-​twettieq taʼ Isaija 56:​4, 5?

15 Jekk dawn l-​ewnuki jittieħdu bħala stampa profetika li tinvolvi lill-​“Iżrael t’Alla,” huma jirrappreżentaw lil uħud midlukin li jirċievu post li jibqaʼ ġewwa d-​dar, jew tempju, spiritwali taʼ Jehovah. (Galatin 6:16) Bla dubju, din il-​profezija se jkollha applikazzjoni litterali għall-​ewnuki taʼ tjieba f’Iżrael tal-​qedem li jiġu rxoxtati. Jekk dawn jaċċettaw is-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Kristu u jkomplu jagħżlu dak li Jehovah jitgħaxxaq bih, se jirċievu “isem għal żmien indefinit” fid-​dinja ġdida taʼ Jehovah. Dan jistaʼ japplika wkoll għall dawk min-​“ngħaġ oħra” f’dan iż-​żmien tat-​tmiem li jgħaddu mingħajr żwieġ u mingħajr ma jsiru ġenituri sabiex jiddedikaw lilhom infushom iktar bis-​sħiħ għas-​servizz taʼ Jehovah. (Ġwann 10:16) Xi wħud minn dawn forsi jmutu mhux miżżewġin u bla tfal. Imma jekk ikunu leali, huma se jirċievu fl-​irxoxt “xi ħaġa aħjar minn ulied subien u wlied bniet”​—isem li “mhux se jiġi maqtugħ” fis-​sistema ġdida taʼ affarijiet.

Iż-​Żwieġ Mhux l-​Uniku Muftieħ għall-​Kuntentizza

16. Għala jistaʼ jingħad li ż-​żwieġ mhux dejjem iġib il-​kuntentizza?

16 Xi nies iħossu li l-​kuntentizza hija marbuta inseparabbilment maż-​żwieġ. Irridu nammettu, madankollu, li saħansitra fost qaddejja taʼ Jehovah illum, iż-​żwieġ mhux dejjem iġib kuntentizza. Iż-​żwieġ isolvi xi problemi imma taʼ spiss jikkaġuna problemi oħrajn li jistgħu jkunu iżjed ibsin biex tittratta magħhom minn dawk li jġarrbu nies mhux miżżewġin. Pawlu qal li ż-​żwieġ iġib ‘tribulazzjoni fil-​laħam.’ (1 Korintin 7:28) Hemm drabi meta wieħed miżżewweġ huwa “anzjuż” u “maqsum”. Hu jew hi taʼ spiss isibuha diffiċli biex ikunu f’“attendenza l-​ħin kollu fuq il-​Mulej mingħajr tfixkil.”​—1 Korintin 7:33​—35.

17, 18. (a) Xi indokraturi li jivvjaġġaw x’irrapportaw? (b) Pawlu x’parir ta, u għala huwa taʼ benefiċċju li tapplikah?

17 Kemm iż-​żwieġ kif ukoll iċ-​ċelibat huma għotjiet mingħand Alla. (Rut 1:9; Mattew 19:​10-12) Biex tirnexxi fihom it-​tnejn, madankollu, riflessjoni bit-​talba hija vitali. Indokraturi li jivvjaġġaw jirrapportaw li ħafna Xhieda qegħdin jiżżewġu żgħar wisq, billi taʼ spiss isiru ġenituri qabel ma jkunu lesti biex jerfgħu r-​responsabbiltajiet li jirriżultaw. Xi wħud minn dawn iż-​żwiġijiet jitkissru. Xi koppji oħra jlaħħqu mal-​problemi tagħhom, imma ż-​żwieġ tagħhom ma ġabilhomx ferħ. Kif kiteb id-​drammaturgu Ingliż William Congreve, dawk li jiżżewġu bil-​għaġla “jistgħu jindmu bil-​kumdità.”

18 Circuit overseers jirrapportaw ukoll li xi aħwa rġiel żgħażagħ iżommu lura milli japplikaw għal servizz f’Betel jew milli joffru ruħhom għall-​Iskola taʼ Taħriġ Ministerjali minħabba l-​ħtieġa li jibqgħu ma jiżżewġux għal xi żmien. Imma Pawlu jwissi kontra li wieħed jiżżewweġ qabel ma ‘jgħaddi l-​fjur taż-​żgħożija,’ jiġifieri, li jistenna sakemm il-​mewġa inizzjali taʼ tqanqil sesswali tkun naqset. (1 Korintin 7:​36-38) Is-​snin li wieħed igħix bħala adult mhux miżżewweġ jipprovdulu esperjenza u dehen prezzjużi, billi jpoġġuh f’pożizzjoni aħjar jew biex jagħżel sieħba jew biex jieħu d-​deċiżjoni meqjusa li jibqaʼ maʼ jiżżewwiġx.

19. Kif nistgħu nħarsu lejn l-​affarijiet jekk m’għandniex bżonn veru għaż-​żwieġ?

19 Xi wħud minna għaddew il-​fjur taż-​żgħożija, bit-​tqanqil qawwi tagħha għall-​intimità sesswali. Forsi kultant nirriflettu fuq il-​barkiet taż-​żwieġ imma fil-​fatt għandna l-​għotja taċ-​ċelibat. Jehovah forsi jara li aħna naqduh b’mod effettiv fl-​istat taʼ ċelibat u m’għandniex bżonn reali għaż-​żwieġ, li jistaʼ jirrikjedi li aħna nċedu xi privileġġi fis-​servizz tiegħu. Jekk iż-​żwieġ m’huwiex ħtieġa persunali u m’aħniex imberkin b’sieħeb jew sieħba, Alla jistaʼ jkollu xi ħaġa oħra maħżuna għalina. Ejjew għalhekk neżerċitaw fidi f’li hu se jipprovdi dak li għandna bżonn. L-​akbar hena tirriżulta billi bl-​umiltà naċċettaw dak li jidher li hu r-​rieda t’Alla għalina, saħansitra bħalma aħwa Lhud ‘aċċettaw u gglorifikaw lil Alla’ meta rrealizzaw li hu kien ta l-​indiema lill-​Ġentili sabiex huma setgħu jkollhom il-​ħajja.​—Atti 11:​1-18.

20. (a) Liema parir jingħata hawn lil Kristjani żgħażagħ dwar iċ-​ċelibat? (b) Liema punt fundamentali rigward il-​kuntentizza jibqaʼ veru?

20 Mela, allura, iż-​żwieġ jistaʼ jkun muftieħ għall-​ferħ, għalkemm jistaʼ wkoll jiftaħ il-​bieb għall-​problemi. Ħaġa hi ċerta: Iż-​żwieġ m’huwiex l-​unika triq biex issib il-​ferħ. Meta tqis kollox, ikun għalhekk għaqli, speċjalment għal Kristjani żgħażagħ, li jippruvaw jagħmlu wisgħa għal xi ftit snin mhux ħażin mingħajr żwieġ. Dawk is-​snin jistgħu jintużaw tajjeb biex jaqdu lil Jehovah u biex jipprogressaw fl-​ispiritwalità. Hi x’inhi l-​età jew il-​progress spiritwali, madankollu, dan il-​punt fundamentali jibqaʼ veru għal dawk kollha li huma ddedikati bla riżerva lil Alla: Kuntentizza vera tinsab f’servizz bil-​fedeltà lil Jehovah.

Kif Twieġeb Int?

◻ Il-​qaddejja taʼ Jehovah għal huma kuntenti?

◻ Iż-​żwieġ għala m’huwiex il-​muftieħ għall-​akbar kuntentizza?

◻ Fil-​għażla taʼ sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ, x’inhu meħtieġ mill-​poplu taʼ Jehovah?

◻ Għala huwa loġiku li temmen li Kristjani li jibqgħu ma jiżżewġux jistgħu jkunu ferħanin?

◻ X’irridu nammettu dwar iż-​żwieġ u l-​kuntentizza?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja