Qiegħed Int Tirreżisti l-Ispirtu tad-Dinja?
“Aħna rċevejna, mhux l-ispirtu tad-dinja, imma l-ispirtu li hu mingħand Alla.”—1 KORINTIN 2:12.
1, 2. Liema traġedja li tinvolvi gass velenuż seħħet f’Bhopal, ġewwa l-Indja, imma liema “gass” iktar qattiel qiegħed jinbelaʼ bħala nifs madwar id-dinja?
F’LEJL frisk taʼ Diċembru fl-1984, xi ħaġa li tkexkex ġrat f’Bhopal, ġewwa l-Indja. F’dik il-belt, hemm impjant kimiku, u f’dak il-lejl taʼ Diċembru, valv iffunzjona ħażin f’wieħed mit-tankijiet li fihom jiġi maħżun il-gass. F’daqqa waħda, tunnellati taʼ methyl isocyanate bdew ħerġin fl-arja. Imbuttat mir-riħ, dan il-gass qattiel daħal fi djar u fuq familji li kienu reqdin. Dawk li mietu ammontaw għal eluf, u ħafna iktar ġew immankati. Din kienet l-agħar disgrazzja industrijali sa dak iż-żmien.
2 In-nies tnikktu meta semgħu dwar Bhopal. Imma kien kemm kien qattiel, il-gass li ħareġ hemmhekk qatel ferm inqas nies milli jiġu maqtulin spiritwalment minn “gass” li nies madwar id-dinja kollha jibilgħu bħala nifs kull ġurnata. Il-Bibbja ssejjaħlu “l-ispirtu tad-dinja.” Dan huwa dik l-atmosfera qattiela li l-appostlu Pawlu għamel kuntrast tagħha maʼ l-ispirtu minn Alla meta qal: “Issa aħna rċevejna, mhux l-ispirtu tad-dinja, imma l-ispirtu li hu mingħand Alla, biex nistgħu nkunu nafu l-affarijiet li ġew b’qalb tajba mogħtijin lilna minn Alla.”—1 Korintin 2:12.
3. “L-ispirtu tad-dinja” x’inhu?
3 “L-ispirtu tad-dinja” x’inhu eżattament? Skond The New Thayer’s Greek English Lexicon of the New Testament, tifsira ġenerali tal-kelma “spirtu” (Grieg, pneuʹma) hija “d-dispożizzjoni jew l-influwenza li timla u tiggverna r-ruħ taʼ kulħadd.” Persuna tistaʼ jkollha spirtu, jew dispożizzjoni, tajjeb jew ħażin. (Salm 51:10; 2 Timotew 4:22) Grupp taʼ nies ukoll jistaʼ jkollu spirtu, jew dispożizzjoni dominanti. L-appostlu Pawlu kiteb lill-ħabib tiegħu Filemon: “Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej Ġesù Kristu tkun maʼ l-ispirtu li turu intom.” (Filemon 25) Bl-istess mod—imma fuq skala ferm akbar—id-dinja inġenerali għandha dispożizzjoni predominanti, u dan hu “l-ispirtu tad-dinja” li Pawlu rrefera għalih. Skond il-Word Studies in the New Testament taʼ Vincent, “il-frażi tfisser il-prinċipju tal-ħażen li jqanqal lid-dinja li ma tirriformax ruħha.” Hija t-tendenza midinba li tippenetra l-ħsieb taʼ din id-dinja u tinfluwenza b’mod qawwi l-manjiera taʼ kif jaġixxu n-nies.
4. Min hu s-sors taʼ l-ispirtu tad-dinja, u dan l-ispirtu x’effett għandu fuq il-bnedmin?
4 Dan l-ispirtu huwa velenuż. Għala? Għaliex jissokta mingħand “[i]l-ħakkiem taʼ din id-dinja,” Satana. Tabilħaqq, huwa msejjaħ “il-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja, l-ispirtu li issa jopera f’ulied id-diżubbidjenza.” (Ġwann 12:31; Efesin 2:2) Huwa iebes biex tiskansa minn din “l-arja,” jew “spirtu li issa jopera f’ulied id-diżubbidjenza.” Tinsab kullimkien fis-soċjetà umana. Jekk nibilgħuha bħala nifs, nibdew nadottaw l-attitudnijiet tagħha, il-miri tagħha. L-ispirtu tad-dinja jinkuraġġik biex ‘tgħix fi qbil mal-laħam,’ jiġifieri, fi qbil maʼ l-imperfezzjoni midinba tagħna. Dan iġib il-mewt, “għax jekk tgħixu fi qbil mal-laħam żgur li se tmutu.”—Rumani 8:13.
Nevitaw L-Ispirtu Taʼ Din Id-Dinja
5. Wieħed Xhud kif aġixxa bil-għaqal matul id-diżastru f’Bhopal?
5 Matul id-diżastru f’Bhopal, wieħed Xhud taʼ Jehovah ġie mqajjem mis-sireni u mir-riħa punġenti tal-gass velenuż. Mingħajr ma qagħad jaħsibha qajjem lill-familja tiegħu u ħariġhom bil-ħeffa ’l barra fit-triq. Billi waqaf għal mument biex jara ’l fejn kien qed jonfoħ ir-riħ, hu ssielet biex jiftaħ triq minn ġol-folol imħawdin u mexxa lill-familja tiegħu lejn il-quċċata taʼ għolja barra l-belt. Hemmhekk huma setgħu jimlew il-pulmuni tagħhom b’arja friska u nadifa li nefħet minn għadira fil-qrib.
6. Fejn nistgħu mmorru aħna biex niskansaw mill-ispirtu tad-dinja?
6 Hemm xi post elevat fejn aħna nistgħu mmorru għal refuġju mill-“arja” velenuża taʼ din id-dinja? Il-Bibbja tgħid li hemm. Billi ħares ’il quddiem lejn żmienna, il-profeta Isaija kiteb: “[I]rid iseħħ fil-parti finali tal-jiem li l-muntanja tad-dar taʼ Jehovah se tiġi stabbilita fis-sod ’il fuq mill-quċċata tal-muntanji, u ċertament li se tintrafaʼ ’l fuq mill-għoljiet; u lejha l-ġnus kollha jridu jiġru bħal xmara. U ħafna popli ċertament li se jmorru u jgħidu: ‘Ejjew u ħalli nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah, lejn id-dar taʼ dak Alla taʼ Ġakobb; u hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.’ Għax minn Sijon il-liġi se toħroġ, u l-kelma taʼ Jehovah minn Ġerusalemm.” (Isaija 2:2, 3) Il-post elevat taʼ qima pura, il-“muntanja tad-dar taʼ Jehovah” merfugħa ’l fuq, huwa l-uniku lok fuq din il-pjaneta ħieles mill-ispirtu velenuż li jifgak taʼ din id-dinja. Huwa hemmhekk li l-ispirtu taʼ Jehovah jiġri bħal xmara bla xkiel fost Kristjani leali.
7. Bosta nies kif ġew skansati mill-ispirtu tad-dinja?
7 Ħafna li qabel belgħu bħala nifs l-ispirtu taʼ din id-dinja gawdew serħan simili għal dak imġarrab minn dak ix-Xhud f’Bhopal. Wara li jitkellem dwar “ulied id-diżubbidjenza” li jibilgħu bħala nifs l-arja, jew spirtu, taʼ din id-dinja, l-appostlu Pawlu jgħid: “Fosthom aħna lkoll darba ġibna rwieħna fi qbil max-xewqat taʼ laħamna, nagħmlu l-affarijiet li jridu l-laħam u l-ħsibijiet, u konna min-natura wlied il-korla saħansitra bħall-bqija. Imma Alla, li hu għani fil-ħniena, għall-imħabba kbira tiegħu li biha ħabbna, għamilna ħajjin flimkien mal-Kristu.” (Efesin 2:3-5) Dawk li ma jibilgħu xejn bħala nifs ħlief l-arja vvelenata taʼ din is-sistema taʼ affarijiet huma mejtin f’sens spiritwali. Madankollu, grazzi għal Jehovah, miljuni llum qegħdin jaħarbu lejn il-post għoli spiritwali u qegħdin jiskansaw minn dik il-kundizzjoni fatali.
Manifestazzjonijiet Taʼ “L-Ispirtu Tad-Dinja”
8, 9. (a) Liema ħaġa turi li aħna rridu nkunu fuq għassa kostanti kontra l-ispirtu tad-dinja? (b) L-ispirtu taʼ Satana kif jistaʼ jikkorrompina?
8 L-arja taʼ Satana li ġġib il-mewt għadha tagħqad madwarna. Irridu noqogħdu għassa u qatt ma nintelqu ’l isfel mal-kurrent, lura fid-dinja, forsi biex niġu fgati spiritwalment. Dan jirrikjedi attenzjoni kostanti. (Luqa 21:36; 1 Korintin 16:13) Ikkunsidra, per eżempju, dan il-fatt. Il-Kristjani kollha huma familjari mal-livelli taʼ moralità taʼ Jehovah u qatt ma se jaqblu li prattiċi m’humiex nodfa bħall-adulterju, il-fornikazzjoni, u l-omosesswalità huma aċċettabbli. Madankollu, kull sena madwar 40,000 individwu jiġu maqtugħin mis-sħubija mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Għala? F’bosta każi minħabba dawn il-prattiċi egoisti li m’humiex nodfa. Dak kif jistaʼ jiġri?
9 Għaliex aħna lkoll imperfetti. Il-laħam hu dgħajjef, u rridu niġġieldu l-ħin kollu kontra inklinazzjonijiet ħżiena li jfeġġu f’qalbna. (Ekkleżjasti 7:20; Ġeremija 17:9) Madankollu, dawk l-inklinazzjonijiet ħżiena jiġu inkuraġġiti mill-ispirtu tad-dinja. Ħafna f’din id-dinja ma jaraw xejn ħażin fl-immoralità, u l-idea li kollox jgħaddi hija parti mill-inklinazzjoni mentali tas-sistema taʼ affarijiet taʼ Satana. Jekk nesponu lilna nfusna għal ħsieb bħal dan, iva, hemm ċans kbir li se nibdew naħsbu bħad-dinja. Fi żmien qasir, ħsibijiet bħal dawn li m’humiex nodfa jistgħu jipproduċu xewqat ħżiena li se jirriżultaw fi dnub serju. (Ġakbu 1:14, 15) Se nkunu tlaqna minn fuq il-muntanja tal-qima pura taʼ Jehovah ’l isfel lejn il-postijiet fil-baxx imniġġsin tad-dinja taʼ Satana. Ħadd li jibqaʼ hemm għax irid ma se jiret il-ħajja taʼ dejjem.—Efesin 5:3-5, 7.
10. Liema hi manifestazzjoni waħda taʼ l-arja taʼ Satana, u l-Kristjani għala għandhom jevitawha din?
10 L-ispirtu tad-dinja huwa evidenti madwarna kullimkien. Per eżempju, hemm l-attitudni sarkastika u xejn serja li biha ħafna javviċinaw il-ħajja. Diżillużi minn politikanti korrotti jew inkompetenti u minn mexxejja reliġjużi immorali u rgħiba, huma jitkellmu bl-addoċċ dwar saħansitra affarijiet serji. Il-Kristjani jirreżistu din it-tendenza. Waqt li jistaʼ jkollna sens umoristiku bnin, aħna nevitaw li ndaħħlu ġewwa l-kongregazzjoni spirtu sarkastiku taʼ nuqqas taʼ rispett. Id-diskors taʼ Kristjan jirrifletti biżaʼ minn Jehovah u safa tal-qalb. (Ġakbu 3:10, 11; qabbel Proverbji 6:14.) Kemm jekk aħna żgħar u kemm jekk aħna kbar, id-diskors tagħna għandu jkun ‘dejjem bil-grazzja, imħawwar bil-melħ, biex inkunu nafu kif għandna nagħtu tweġiba lil kull wieħed.’—Kolossin 4:6.
11. (a) Liema huwa t-tieni aspett taʼ l-ispirtu tad-dinja? (b) Il-Kristjani għala huma differenti minn dawk li jirriflettu dan l-aspett?
11 Inklinazzjoni komuni oħra li tirrifletti l-ispirtu taʼ din id-dinja hija l-mibgħeda. Id-dinja hi maqsuma b’mibgħeda u ostilità bbażati fuq differenzi razzjali, etniċi, nazzjonali, u saħansitra persunali. Kemm huma aħjar l-affarijiet fejn l-ispirtu t’Alla huwa attiv! L-appostlu Pawlu kiteb: “Troddu ħażen għal ħażen lil ħadd. Ipprovdu affarijiet mill-aħjar quddiem il-bnedmin kollha. Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha. Tivvendikawx erwieħkom, maħbubin, imma agħmlu post għall-korla; għax hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien se nħallas lura, jgħid Jehovah.’ Imma, ‘jekk l-għadu tiegħek hu bil-ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-għatx, agħtih xi ħaġa x’jixrob; għax billi tagħmel dan int se tiġmaʼ faħam jaqbad fuq rasu.’ Tħallix lilek innifsek tiġi kkonkwistat mill-ħażen, imma ibqaʼ ikkonkwista lill-ħażen bit-tajjeb.”—Rumani 12:17-21.
12. Il-Kristjani għala jevitaw il-materjaliżmu?
12 L-ispirtu taʼ din id-dinja jistimula wkoll il-materjaliżmu. Inkuraġġiti mid-dinja kummerċjali, ħafna huma ossessjonati biex jixtru l-aħħar oġġett, l-aħħar moda, l-aħħar mudell taʼ karozza. Huma mjassrin mix-“xewqa taʼ l-għajnejn.” (1 Ġwann 2:16) Il-biċċa l-kbira jkejlu s-suċċess tagħhom fil-ħajja minn kemm hi kbira d-dar tagħhom jew il-kont tagħhom fil-bank. Il-Kristjani, li qegħdin jibilgħu bħala nifs arja spiritwali fuq il-muntanja elevata tal-qima pura taʼ Jehovah, jirreżistu din l-inklinazzjoni. Huma jafu li ġiri determinat wara affarijiet materjali jistaʼ jkun taʼ rovina. (1 Timotew 6:9, 10) Ġesù fakkar lid-dixxipli tiegħu: “Saħansitra meta wieħed għandu abbundanza l-ħajja tiegħu ma tirriżultax mill-affarijiet li jippossjedi.”—Luqa 12:15.
13. Liema huma xi manifestazzjonijiet oħrajn taʼ l-ispirtu taʼ din id-dinja?
13 Hemm manifestazzjonijiet oħrajn taʼ l-“arja” marida taʼ din id-dinja. Waħda minnhom hi l-ispirtu taʼ l-irvell. (2 Timotew 3:1-3) Innotajt int li bosta nies m’għadhomx jikkoperaw maʼ l-awtorità? Osservajt int fix-xogħol sekulari tiegħek il-prattika mifruxa maʼ kullimkien taʼ li wieħed ma jaħdimx jekk ma jkunx hemm xi ħadd li qiegħed jarah? Kemm taf nies li kisru liġijiet—forsi qarrqu fit-taxxi tagħhom jew serqu minn fuq il-post tax-xogħol? Jekk għadek tmur l-iskola, qatt ġejt skuraġġit milli tagħmel l-aqwa tiegħek għaliex sħabek tal-klassi jħarsu bi stmerrija lejn dawk li jirnexxu fl-eżamijiet? Dawn kollha huma manifestazzjonijiet taʼ l-ispirtu tad-dinja li l-Kristjani jridu jirreżistu.
Kif Għandek Tirreżisti L-Ispirtu Taʼ Din Id-Dinja
14. Il-Kristjani b’liema modi huma differenti minn dawk li m’humiex Kristjani?
14 Kif, iżda, nistgħu nirreżistu l-ispirtu tad-dinja meta attwalment ngħixu fid-dinja? Irridu niftakru li aħna fejn aħna fiżikament, spiritwalment m’aħna ebda parti mid-dinja. (Ġwann 17:15, 16) Il-miri tagħna m’humiex il-miri taʼ din id-dinja. Il-mod kif inħarsu lejn l-affarijiet huwa differenti. Aħna nies spiritwali, billi nitkellmu u naħsbu “mhux b’kelmiet mgħallmin mill-għerf uman, imma b’dawk mgħallmin mill-ispirtu, hekk kif nikkombinaw kwistjonijiet spiritwali maʼ kelmiet spiritwali.”—1 Korintin 2:13.
15. Kif nistgħu aħna nirreżistu l-ispirtu tad-dinja?
15 X’jistaʼ jagħmel wieħed jekk isib ruħu f’inħawi mniġġsa b’gass velenuż? Jistaʼ jew jilbes maskra tal-gass imqabbda maʼ provista taʼ arja nadifa, jew jistaʼ fiżikament jitlaq lil hemm minn dawk l-inħawi. Il-mod kif għandek tevita l-arja taʼ Satana jikkombina dawn il-metodi. Kemm jistaʼ jkun possibbli, aħna nipprovaw nitilqu fiżikament minn kull ħaġa li permezz tagħha l-ispirtu tad-dinja jeffettwa l-ħsieb tagħna. B’hekk, nevitaw sħubija ħażina, u ma nesponux lilna nfusna għal kwalunkwe xorta taʼ divertiment li jġib ’il quddiem il-vjolenza, l-immoralità, l-ispiritiżmu, l-irvell, jew kwalunkwe xogħol ieħor tal-laħam. (Galatin 5:19-21) Madankollu, ladarba ngħixu fid-dinja, ma nistgħux nevitaw għalkollox li nesponu ruħna għal dawn l-affarijiet. Mela aħna qegħdin naġixxu bil-għaqal jekk nikkonnettjaw maʼ provista taʼ arja friska spiritwali. Aħna nimlew il-pulmuni spiritwali tagħna, bħal li kieku, billi nattendu b’mod regulari l-laqgħat, bl-istudju persunali, bl-attività u s-sħubija Kristjana, u bit-talb. B’dan il-mod, jekk xi arja taʼ Satana tidħol fil-pulmuni spiritwali tagħna, l-ispirtu t’Alla jsaħħaħna biex niċħduha.—Salm 17:1-3; Proverbji 9:9; 13:20; 19:20; 22:17.
16. Kif nagħtu evidenza aħna li għandna l-ispirtu t’Alla?
16 L-ispirtu t’Alla jittrasforma lil Kristjan f’persuna li tispikka bħala differenti minn dawk li huma parti minn din id-dinja. (Rumani 12:1, 2) Pawlu qal: “Il-frott taʼ l-ispirtu hu mħabba, ferħ, paċi, sabar fit-tul, qalb tajba, tjubija, fidi, ħlewwa, kontroll fuqek innifsek. Kontra dawn l-affarijiet ma hemm ebda liġi.” (Galatin 5:22, 23) L-ispirtu t’Alla wkoll jagħti lil Kristjan fehma iktar profonda taʼ l-affarijiet. Qal Pawlu: “Ħadd ma sar jaf l-affarijiet t’Alla, ħlief l-ispirtu t’Alla.” (1 Korintin 2:11) F’sens ġenerali, “l-affarijiet t’Alla” jinkludu veritajiet bħalma huma s-sagrifiċċju tar-rahan, is-Saltna t’Alla taħt Ġesù Kristu, it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem, u t-tneħħija imminenti taʼ din id-dinja mill-agħar. Bil-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla, il-Kristjani jafu u jaċċettaw dawn l-affarijiet bħala verità, u dan jagħmel il-ħarsa tagħhom lejn il-ħajja differenti minn dik taʼ nies tad-dinja. Huma kuntenti li jsibu l-ferħ tagħhom f’li jaqdu lil Jehovah issa, bil-prospett taʼ li jaqduh għal eternità li ġejja.
17. Min ta eżempju superlattiv f’li rreżista l-ispirtu tad-dinja, u kif?
17 Ġesù kien mudell taʼ rwol superlattiv għal dawk li jirreżistu l-ispirtu taʼ din id-dinja. Malajr wara l-magħmudija taʼ Ġesù, Satana pprova jdawru lil hinn milli jaqdi lil Jehovah billi ppreżenta tliet tentazzjonijiet. (Mattew 4:1-11) Il-waħda finali kienet tinvolvi l-possibiltà li Ġesù setaʼ jikseb ħakma tad-dinja kollha għall-prezz taʼ sempliċement att taʼ qima wieħed lil Satana. Ġesù setaʼ rraġuna: ‘Sewwa, se nagħmel l-att taʼ qima, u mbagħad wara li nikseb il-ħakma tad-dinja, nindem u nirritorna lejn li nqim lil Jehovah. Bħala ħakkiem tad-dinja, se nkun f’pożizzjoni ferm aħjar biex nibbenefika lill-umanità milli jien issa bħala mastrudaxxa minn Nazzaret.’ Ġesù ma rraġunax b’dak il-mod. Kien lest li jistenna sakemm Jehovah jagħtih il-ħakma tad-dinja. (Salm 2:8) F’dik l-okkażjoni, u fl-okkażjonijiet l-oħrajn kollha fil-ħajja tiegħu, hu rreżista l-influwenza velenuża taʼ l-arja taʼ Satana. B’hekk, hu kkonkwista lil din id-dinja mniġġsa spiritwalment.—Ġwann 16:33.
18. Il-fatt li nirreżistu l-ispirtu tad-dinja kif iġib tifħir lil Alla?
18 L-appostlu Pietru qal li aħna għandna nsegwu mill-qrib il-passi taʼ Ġesù. (1 Pietru 2:21) Liema mudell aħjar setaʼ jkollna? F’dawn l-aħħar jiem, influwenzati mill-ispirtu tad-dinja, il-bnedmin qegħdin jegħrqu iktar u iktar fil-fond fil-korruzzjoni morali. X’ħaġa taʼ l-għaġeb li f’nofs dinja bħal din, il-post elevat tal-qima taʼ Jehovah jinstab stabbilit fis-sod, pur u nadif! (Mikea 4:1, 2) Ċertament, il-qawwa taʼ l-ispirtu t’Alla hija osservata għaliex miljuni qegħdin jiġru bħal xmara ’l fuq lejn il-post taʼ qima t’Alla, billi jirreżistu l-ispirtu imferrex maʼ kullimkien taʼ din id-dinja u billi jġibu unur u tifħir lil Jehovah! (1 Pietru 2:11, 12) Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nibqgħu f’dak il-post elevat sakemm is-Sultan midluk taʼ Jehovah iwarrab min-nofs lil din id-dinja mill-agħar u jitfaʼ fl-abbiss lil Satana x-Xitan u lid-demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 19:19–20:3) Imbagħad, l-ispirtu taʼ din id-dinja mhux se jeżisti iktar. Xi żmien imbierek se jkun dak! (w94 4/1)
Tistaʼ Tispjega?
◻ L-ispirtu tad-dinja x’inhu?
◻ L-ispirtu taʼ din id-dinja x’effett għandu fuq xi individwi?
◻ X’inhuma xi manifestazzjonijiet taʼ l-ispirtu tad-dinja, u kif nistgħu nevitawh?
◻ Aħna kif nuru li għandna l-ispirtu t’Alla?
◻ Liema barkiet jiġu għand dawk li jirreżistu l-ispirtu tad-dinja?