Kapitlu Tlieta
Żewġ Ċwievet Għal Żwieġ Dejjiemi
1, 2. (a) Iż-żwieġ għal kemm żmien kien iddisinjat li jdum? (b) Dan kif inhu possibbli?
META Alla għaqqad lill-ewwel raġel u mara fiż-żwieġ, ma kien hemm ebda indikazzjoni li l-unjoni kellha tkun temporanja biss. Adam u Eva kellhom jibqgħu flimkien għal għomorhom. (Ġenesi 2:24) Il-livell t’Alla għal żwieġ onorabbli huwa li jingħaqdu flimkien raġel wieħed u mara waħda. Immoralità sesswali sfaċċata biss min-naħa taʼ wieħed jew iż-żewġ imseħbin tipprovdi bażi Skritturali għal divorzju bil-possibiltà taʼ żwieġ mill-ġdid.—Mattew 5:32.
2 Huwa possibbli li żewġ individwi jgħixu flimkien henjin għal żmien twil indefinittivament? Iva, u l-Bibbja tidentifika żewġ fatturi, jew ċwievet, vitali li jgħinu biex dan isir possibbli. Jekk kemm ir-raġel u kemm il-mara jagħmlu użu minnhom, se jkollhom aċċess għall-hena u ħafna barkiet. X’inhuma dawn iċ-ċwievet?
L-EWWEL ĊAVETTA
3. Liema tliet tipi taʼ mħabba għandhom jiġu kkultivati mill-imseħbin fiż-żwieġ?
3 L-ewwel ċavetta hija l-imħabba. Taʼ interess, hemm tipi differenti taʼ mħabba identifikati fil-Bibbja. Wieħed huwa affezzjoni kordjali u persunali lejn xi ħadd, it-tip taʼ mħabba li teżisti bejn ħbieb tal-qalb. (Ġwann 11:3) Ieħor huwa l-imħabba li titkattar bejn membri tal-familja. (Rumani 12:10) It-tielet huwa l-imħabba romantika li xi ħadd jistaʼ jkollu lejn membru tas-sess oppost. (Proverbji 5:15-20) M’għandniex xi ngħidu, dawn kollha għandhom jiġu kkultivati minn raġel u mara miżżewġin. Imma hemm ir-rabaʼ tip taʼ mħabba, iktar importanti mill-oħrajn.
4. Liema huwa r-rabaʼ tip taʼ mħabba?
4 Fil-lingwa oriġinali taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana, il-kelma għal dan ir-rabaʼ tip taʼ mħabba hija a·gaʹpe. Dik il-kelma hija wżata fl-1 Ġwann 4:8, fejn jintqalilna: “Alla hu mħabba.” Tabilħaqq, “aħna nħobbu, għax [Alla] ħabbna l-ewwel.” (1 Ġwann 4:19) Kristjan jikkultiva mħabba bħal din l-ewwel għal Alla Jehovah u mbagħad għal bnedmin sħabu. (Mark 12:29-31) Il-kelma a·gaʹpe hija wżata wkoll f’Efesin 5:2, li jistqarr: “Imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina.” Ġesù qal li dan it-tip taʼ mħabba kellu jidentifika lis-segwaċi veri tiegħu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba [a·gaʹpe] bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Innota, ukoll, l-użu taʼ a·gaʹpe fl-1 Korintin 13:13: “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba [a·gaʹpe].”
5, 6. (a) L-imħabba għala hija akbar mill-fidi u t-tama? (b) Liema huma xi raġunijiet għala l-imħabba se tgħin f’li żwieġ tagħmlu dejjiemi?
5 X’inhu li jagħmel lil din l-imħabba a·gaʹpe akbar mill-fidi u t-tama? Hija ggvernata minn prinċipji—prinċipji taʼ tjieba—misjubin fil-Kelma t’Alla. (Salm 119:105) Huwa tħassib altruista biex tagħmel lil oħrajn dak li huwa sewwa u tajjeb min-naħa t’Alla, kemm jekk ir-riċevitur jidher li jistħoqqlu dan u kemm jekk le. Permezz taʼ mħabba bħal din l-imseħbin fiż-żwieġ jistgħu jsegwu l-parir tal-Bibbja: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Koppji miżżewġin li jħobbu għandhom u jikkultivaw “imħabba [a·gaʹpe] sħiħa lejn [xulxin], għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) Innota li l-imħabba tgħatti l-iżbalji. Ma teliminahomx, ladarba l-ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jkun ħieles mill-iżball.—Salm 130:3, 4; Ġakbu 3:2.
6 Meta din l-imħabba għal Alla u għal xulxin tiġi kkultivata minn koppja miżżewġa, iż-żwieġ tagħhom se jkun dejjiemi u hieni, għax “l-imħabba ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:8) L-imħabba hija “rabta perfetta t’unjoni.” (Kolossin 3:14, NW) Jekk int miżżewweġ, kif tistgħu int u l-parti l-oħra tikkultivaw dan it-tip taʼ mħabba? Aqraw il-Kelma t’Alla flimkien, u tkellmu dwarha. Studjaw l-eżempju taʼ mħabba taʼ Ġesù u ipprovaw imitawh, aħsbu u aġixxu bħalu. Iżjed minn hekk, morru għal-laqgħat Kristjani, fejn tiġi mgħallma l-Kelma t’Alla. U itolbu għall-għajnuna t’Alla biex tiżviluppaw dan it-tip elevat taʼ mħabba, li hija frotta taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla.—Proverbji 3:5, 6; Ġwann 17:3; Galatin 5:22; Lhud 10:24, 25.
IT-TIENI ĊAVETTA
7. X’inhu r-rispett, u min għandu juri rispett fiż-żwieġ?
7 Jekk tnejn min-nies miżżewġin tassew iħobbu lil xulxin, allura se jkollhom ukoll rispett lejn xulxin, u r-rispett huwa t-tieni ċavetta għal żwieġ hieni. Ir-rispett huwa definit bħala “li tagħti konsiderazzjoni lil oħrajn, billi tonorahom.” Il-Kelma t’Alla tagħti parir lill-Kristjani kollha, inklużi rġiel u nisa miżżewġin: “Fittxu li tistmaw lil xulxin.” (Rumani 12:10) L-appostlu Pietru kiteb: “Intom ukoll, irġiel, għammru bil-għaqal man-nisa tagħkom; agħtuhom il-ġieh li ħaqqhom, . . . għax huma aktar dgħajfa minnkom.” (1 Pietru 3:7) Il-mara jingħatalha l-parir biex “[i]ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:33) Jekk trid tonora lil xi ħadd, int se turi qalb tajba lejn dik il-persuna, tirrispetta l-opinjonijiet espressi u d-dinjità tagħha, u tkun lest li twettaq kwalunkwe rikjesta raġonevoli li ssirlek.
8-10. Liema huma xi modi kif ir-rispett se jgħin biex jagħmel l-unjoni taż-żwieġ stabbli u hienja?
8 Dawk li jixtiequ jgawdu żwieġ hieni juru rispett lejn l-imseħbin tagħhom billi ‘ma jfittxux li jaqblilhom, imma li jaqbel lill-imseħbin tagħhom.’ (Filippin 2:4) Ma jikkunsidrawx dak li huwa tajjeb għalihom infushom biss—li kienet tkun ħaġa egoista. Minflok, jikkunsidraw dak li huwa l-aħjar ukoll għall-parti l-oħra. Tabilħaqq, huma jagħtu l-prijorità lil dan.
9 Ir-rispett se jgħin lill-imseħbin fiż-żwieġ biex jirrikonoxxu d-differenzi f’dik li hija opinjoni. M’huwiex raġonevoli li tistenna li tnejn min-nies ikollhom ideat identiċi dwar kollox. Dak li jistaʼ jkun taʼ importanza għar-raġel jistaʼ ma jkunx daqshekk importanti għall-mara, u dak li jogħġob lill-mara jistaʼ ma jkunx dak li jogħġob lir-raġel. Imma kull wieħed għandu jirrispetta l-ideat u l-għażliet tal-parti l-oħra, sakemm dawn ikunu ġewwa l-limiti tal-liġijiet u l-prinċipji taʼ Jehovah. (1 Pietru 2:16; qabbel Filemon 14.) Barra minn hekk, kull wieħed għandu jirrispetta d-dinjità tal-parti l-oħra billi ma jagħmilx lil din il-parti l-mira taʼ kummenti jew ċajt li jbaxxu, kemm jekk fil-pubbliku u kemm jekk fil-privat.
10 Iva, l-imħabba lejn Alla u lejn xulxin u r-rispett reċiproku huma żewġ ċwievet vitali għal żwieġ li jirnexxi. Kif jistgħu jiġu applikati f’xi ftit mill-aspetti iktar importanti tal-ħajja miżżewġa?
STAT TAʼ KAP BĦAL TAʼ KRISTU
11. Skritturalment, min hu l-kap fi żwieġ?
11 Il-Bibbja tgħidilna li r-raġel kien maħluq b’attributi li kellhom jagħmluh kap tal-familja li jirnexxi. Bħala tali, ir-raġel kellu jkun responsabbli quddiem Jehovah għall-benesseri spiritwali u fiżiku taʼ martu u wliedu. Kellu jieħu deċiżjonijiet ibbilanċjati li jirriflettu r-rieda taʼ Jehovah u jkun eżempju tajjeb taʼ kondotta devota. “Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja [“kap tal-kongregazzjoni,” NW].” (Efesin 5:22, 23) Madankollu, il-Bibbja tgħid li r-raġel miżżewweġ ukoll għandu kap, Wieħed b’awtorità fuqu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Irridkom tkunu tafu li r-ras taʼ kull raġel huwa Kristu, u ras il-mara huwa r-raġel, u ras Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Ir-raġel miżżewweġ għaqli jitgħallem kif jeżerċita l-istat taʼ kap billi jimita lill-kap tiegħu stess, Kristu Ġesù.
12. Ġesù liema eżempju mill-aħjar stabbilixxa kemm f’li juri sottomissjoni u kemm f’li jeżerċita l-istat taʼ kap?
12 Ġesù wkoll għandu kap, lil Jehovah, u hu suġġett b’mod xieraq Lejh. Ġesù qal: “Jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda taʼ min bagħatni.” (Ġwann 5:30) X’eżempju eċċellenti! Ġesù hu “l-kbir fost il-ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15) Hu sar il-Messija. Kellu jkun il-Kap tal-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin u s-Sultan magħżul tas-Saltna t’Alla, ’il fuq mill-anġli kollha. (Filippin 2:9-11; Lhud 1:4) Minkejja pożizzjoni għolja bħal din u prospetti elevati bħal dawn, il-bniedem Ġesù ma kienx aħrax, inflessibbli, jew esiġenti żżejjed. Ma kienx xi tirann, il-ħin kollu jfakkar lid-dixxipli tiegħu li kellhom jobduh. Ġesù kien iħobb u jagħder, speċjalment lil dawk maħqurin. Hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jien taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” (Mattew 11:28-30) Kienet għaxqa li tkun fil-kumpanija tiegħu.
13, 14. Raġel miżżewweġ li jħobb kif se jeżerċita l-istat taʼ kap tiegħu, b’imitazzjoni taʼ Ġesù?
13 Ir-raġel miżżewweġ li jixtieq ħajja tal-familja hienja jagħmel sewwa li jikkunsidra l-kwalitajiet mill-aħjar taʼ Ġesù. Raġel tajjeb ma jkunx aħrax u dittatur, billi b’mod żbaljat juża l-istat tiegħu taʼ kap bħala għasluġ biex isawwat lil martu. Minflok, hu jħobbha u jonoraha. Jekk Ġesù kien “umli,” ir-raġel għandu saħansitra iktar raġuni biex ikun hekk għaliex, kuntrarju għal Ġesù, hu jagħmel l-iżbalji. Meta jagħmilhom, ikun irid li martu tifhmu. Għalhekk, ir-raġel umli jammetti l-iżbalji tiegħu, avolja l-kelmiet, “Jiddispjaċini; kellek raġun,” jistgħu jkunu diffiċli biex tgħidhom. Mara se ssibha ferm eħfef li tirrispetta l-istat taʼ kap taʼ raġel modest u umli milli dak taʼ wieħed kburi u stinat. Mill-banda l-oħra, il-mara li turi rispett titlob apoloġija wkoll meta tkun fl-iżball.
14 Alla ħalaq lill-mara b’attributi mill-aħjar li tistaʼ tużahom f’li tikkontribwixxi għal żwieġ hieni. Raġel għaqli se jirrikonoxxi dan u m’huwiex se joħnoqha. Ħafna nisa għandhom it-tendenza li jkollhom mogħdrija u sensittività akbar, kwalitajiet li huma meħtiġin f’li tieħu ħsieb familja u f’li ttejjeb ir-relazzjonijiet umani. Ġeneralment, il-mara tinqalaʼ ġmielha f’li d-dar tagħmilha post pjaċevoli biex wieħed jgħix fiha. Il-“mara taʼ ħila” deskritta fi Proverbji kapitlu 31 kellha ħafna kwalitajiet taʼ l-għaġeb u talenti eċċellenti, u l-familja tagħha bbenefikat bis-sħiħ minnhom. Għala? Għaliex qalb żewġha “fuqha tistrieħ.”—Proverbji 31:10, 11.
15. Raġel kif jistaʼ juri mħabba u rispett bħal taʼ Kristu lejn martu?
15 F’xi kulturi, l-awtorità taʼ raġel miżżewweġ hija enfasizzata żżejjed, u b’hekk li saħansitra tistaqsih mistoqsija huwa kkunsidrat bħala nuqqas taʼ rispett. Hu għandu mnejn jittratta lil martu kważi bħal irsira. Eżerċitar żbaljat bħal dan taʼ l-istat taʼ kap jirriżulta f’relazzjoni fqira mhux biss maʼ martu imma wkoll m’Alla. (Qabbel 1 Ġwann 4:20, 21.) Mill-banda l-oħra, xi rġiel jonqsu li jieħdu t-tmexxija, billi jħallu lin-nisa tagħhom jiddominaw fid-dar. Ir-raġel li hu sottomess b’mod xieraq lejn Kristu ma jisfruttax lil martu jew iċaħħadha mid-dinjità. Minflok, jimita l-imħabba li tissagrifika lilha nfisha taʼ Ġesù u jagħmel bħalma ta parir Pawlu: “Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja [“kongregazzjoni,” NW] u ta ħajtu għaliha.” (Efesin 5:25) Kristu Ġesù tant ħabb lis-segwaċi tiegħu li miet għalihom. Raġel tajjeb se jipprova jimita dik l-attitudni mhix egoista, billi jfittex it-tajjeb taʼ martu, minflok ma jkun esiġenti magħha. Meta raġel hu sottomess lejn Kristu u juri mħabba u rispett bħal taʼ Kristu, martu se tkun imqanqla biex tissottometti ruħha lejh.—Efesin 5:28, 29, 33.
SOTTOMISSJONI BĦALA MARA MIŻŻEWĠA
16. Mara liema kwalitajiet għandha turi fir-relazzjoni tagħha maʼ żewġha?
16 Ftit wara li kien maħluq Adam, il-“Mulej Alla qal: ‘Mhux sewwa li l-bniedem jibqaʼ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih [“bħala komplement tiegħu,” NW].’” (Ġenesi 2:18) Alla ħalaq lil Eva bħala “komplement,” mhux bħala kompetitriċi. Iż-żwieġ ma kellux ikun qisu bastiment b’żewġ kaptani li jikkompetu maʼ xulxin. Ir-raġel kellu jeżerċita stat taʼ kap bl-imħabba, u l-mara kellha turi mħabba, rispett, u sottomissjoni minn jeddha.
17, 18. Liema huma xi modi kif mara tistaʼ tkun ajjutanta vera għal żewġha?
17 Madankollu, mara tajba hi iktar minn sottomessa biss. Tipprova tkun ajjutanta vera, billi tappoġġja lil żewġha fid-deċiżjonijiet li jieħu. M’għandniex xi ngħidu, dan huwa iktar faċli għaliha meta taqbel mad-deċiżjonijiet tiegħu. Imma saħansitra meta ma taqbilx, l-appoġġ attiv tagħha jistaʼ jgħin lid-deċiżjoni tiegħu biex ikollha riżultat iktar taʼ suċċess.
18 Mara tistaʼ tgħin lil żewġha biex ikun kap tajjeb b’modi oħrajn. Tistaʼ tesprimi apprezzament għall-isforzi tiegħu f’li jieħu t-tmexxija, minflok ma tikkritikah jew iġġagħlu jħoss li qatt ma jistaʼ jissodisfaha. F’li tittratta maʼ żewġha b’mod pożittiv, għandha tiftakar li “spirtu ġwejjed taʼ sliem . . . hu prezzjuż ħafna quddiem Alla,” mhux biss f’għajnejn żewġha. (1 Pietru 3:3, 4, KŻ; Kolossin 3:12) X’jiġri jekk ir-raġel m’huwiex kredent? Kemm jekk hu u kemm jekk mhux, l-Iskrittura tinkuraġġixxi lin-nisa biex “iħobbu lil żwieġhom u lil uliedhom; ikunu meqjusa, safja, nisa tad-dar, twajba, ubbidjenti għal żwieġhom, ħalli l-kelma taʼ Alla ma titkasbarx.” (Titu 2:4, 5) Jekk iqumu kwistjonijiet taʼ kuxjenza, raġel mhux kredent x’aktarx li iktar se jirrispetta l-pożizzjoni taʼ martu jekk tiġi ppreżentata bil-“ħlewwa u bir-rispett.” Xi rġiel li m’humiex kredenti ‘ntrebħu, mhux bil-kliem, imma bl-imġiba tan-nisa tagħhom, xħin rawhom iġibu ruħhom kif jixraq magħhom u bir-rispett.’—1 Pietru 3:1, 2, 15; 1 Korintin 7:13-16.
19. X’jiġri jekk raġel jitlob lil martu biex tikser il-liġi t’Alla?
19 X’jiġri jekk raġel jitlob lil martu biex tagħmel xi ħaġa pprojbita minn Alla? Jekk jiġri hekk, hi trid tiftakar li Alla hu l-Ħakkiem suprem tagħha. Hi tieħu bħala eżempju dak li għamlu l-appostli meta kienu mitlubin mill-awtoritajiet biex jiksru l-liġi t’Alla. Atti 5:29 jirrakkonta: “Pietru, flimkien maʼ l-appostli, wieġeb u qal: ‘Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli ’il-bnedmin.’”
KOMUNIKAZZJONI TAJBA
20. Liema huwa aspett vitali li fih l-imħabba u r-rispett huma essenzjali?
20 L-imħabba u r-rispett huma essenzjali f’aspett ieħor taż-żwieġ—il-komunikazzjoni. Ir-raġel li jħobb se jitkellem maʼ martu dwar l-attivitajiet tagħha, il-problemi tagħha, l-ideat tagħha dwar diversi kwistjonijiet. Hi għandha bżonnu dan. Raġel li jieħu l-ħin biex jitkellem maʼ martu u tassew jagħti widen għal dak li tgħid juri l-imħabba u r-rispett tiegħu lejha. (Ġakbu 1:19) Xi nisa jilmentaw li żwieġhom iqattgħu ftit ferm ħin f’diskursati magħhom. Dan huwa taʼ swied il-qalb. Veru, f’dawn iż-żminijiet fejn kulħadd għandu ħafna x’jagħmel, l-irġiel għandhom mnejn jaħdmu sigħat twal ’il barra mid-dar, u ċirkostanzi ekonomiċi jistgħu jirriżultaw f’li xi nisa jkollhom jaħdmu wkoll. Imma koppja miżżewġa jeħtieġ li jirriservaw il-ħin għal xulxin. Inkella, għandhom mnejn isiru indipendenti minn xulxin. Il-fatt li jħossuhom imġegħlin ifittxu sħubija simpatetika ’l barra mill-arranġament taż-żwieġ jistaʼ jwassal għal problemi serji.
21. Id-diskors xieraq kif se jgħin biex lil żwieġ iżommu hieni?
21 Il-mod kif in-nisa u l-irġiel jikkomunikaw huwa importanti. “Il-kliem ħelu . . . hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.” (Proverbji 16:24) Kemm jekk sieħeb hu kredent u kemm jekk le, japplika l-parir tal-Bibbja: “Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, imħawra bil-melħ tal-għerf,” jiġifieri, b’togħma tajba. (Kolossin 4:6) Meta xi ħadd ikun għadda minn jum diffiċli, ftit kelmiet b’qalb tajba u bis-simpatija mingħand il-parti l-oħra jistgħu jagħmlu ħafna ġid. “Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha.” (Proverbji 25:11) It-ton tal-leħen u l-għażla tal-kliem huma importanti ferm. Per eżempju, b’manjiera irritanti u arroganti, wieħed jistaʼ jgħid lill-parti l-oħra: “Agħlaq dak il-bieb!” Imma kemm iktar ‘imħawrin bil-melħ tal-għerf’ huma l-kelmiet, imlissnin b’leħen kalm u simpatetiku, “Jimporta tagħlaq il-bieb, jekk jogħġbok?”
22. Il-koppji liema attitudnijiet jeħtieġu sabiex iżommu komunikazzjoni tajba?
22 Il-komunikazzjoni tajba tiffjorixxi meta jkun hemm kliem mitkellem b’ġentilezza, ħars u ġesti grazzjużi, qalb tajba, komprensjoni, u tenerezza. Billi jaħdmu iebes biex iżommu komunikazzjoni tajba, kemm ir-raġel u kemm il-mara se jħossuhom liberi li jagħmlu l-ħtiġijiet tagħhom magħrufin, u jistgħu jkunu sorsi taʼ faraġ u għajnuna għal xulxin fi żminijiet taʼ diżappunt jew stress. “Lissnu kliem li jikkonsla lill-erwieħ dipressi,” tħeġġeġ il-Kelma t’Alla. (1 Tessalonkin 5:14, NW) Se jkun hemm drabi meta r-raġel ikun qalbu maqtugħa u drabi meta l-mara tkun hekk. Huma jistgħu ‘jlissnu kliem li jikkonsla,’ billi jibnu lil xulxin.—Rumani 15:2.
23, 24. L-imħabba u r-rispett kif se jgħinu meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil? Agħti eżempju.
23 Imseħbin fiż-żwieġ li juru mħabba u rispett m’humiex se jaraw kull nuqqas taʼ qbil bħala sfida. Se jaħdmu iebes biex ma jkunux “iebsa” maʼ xulxin. (Kolossin 3:19) It-tnejn li huma għandhom jiftakru li “kelma tajba ttaffi l-korla.” (Proverbji 15:1) Oqgħod attent biex ma ċċekkinx jew tikkundanna lill-parti l-oħra li tesprimi sentimenti mill-qalb. Minflok, qis espressjonijiet bħal dawn bħala opportunità biex tikseb dehen dwar l-opinjoni tal-parti l-oħra. Flimkien, ipprovaw solvu d-differenzi u aslu għal konklużjoni armonjuża.
24 Ġib quddiem għajnejk l-okkażjoni meta Sarah irrikkmandat lil żewġha, Abraham, soluzzjoni għal ċerta problema u din ma qablitx mas-sentimenti tiegħu. Madankollu, Alla qal lil Abraham: “Ismaʼ minn kliemha.” (Ġenesi 21:9-12) Abraham hekk għamel, u kien imbierek. Bl-istess mod, jekk mara tissuġġerixxi xi ħaġa differenti minn dak li żewġha għandu f’moħħu, hu għandu taʼ l-inqas jagħtiha widen. Fl-istess waqt, mara m’għandhiex tiddomina l-konversazzjoni imma għandha tagħti widen għal dak li għandu x’jgħid żewġha. (Proverbji 25:24) Li r-raġel jew il-mara jinsistu biex tgħaddi tagħhom il-ħin kollu huwa nieqes mill-imħabba u mir-rispett.
25. Komunikazzjoni tajba kif se twassal għall-hena fl-aspetti intimi taʼ ħajja miżżewġa?
25 Komunikazzjoni tajba hija importanti wkoll fir-relazzjoni sesswali taʼ koppja. L-egoiżmu u n-nuqqas taʼ li wieħed jikkontrolla lilu nnifsu jistgħu jagħmlu ħsara serja lil din ir-relazzjoni mill-iktar intima fiż-żwieġ. Komunikazzjoni miftuħa, flimkien mal-paċenzja, hija essenzjali. Meta kull wieħed ifittex bla egoiżmu l-benesseri tal-parti l-oħra, is-sess rari jkun problema serja. F’din il-kwistjoni bħal f’oħrajn, “ħadd ma għandu jqis qiesu, iżda qies ħaddieħor.”—1 Korintin 7:3-5; 10:24.
26. Avolja kull żwieġ se jkollu l-mumenti tajbin u ħżiena tiegħu, li jagħtu widen għall-Kelma t’Alla kif se jgħin lil koppji miżżewġin isibu l-hena?
26 X’parir mill-aħjar toffri l-Kelma t’Alla! Veru, kull żwieġ se jkollu l-mumenti tajbin u ħżiena tiegħu. Imma meta l-miżżewġin jissottomettu ruħhom għall-ħsieb t’Alla, bħalma huwa rrivelat fil-Bibbja, u jibbażaw ir-relazzjoni tagħhom fuq imħabba u rispett bi prinċipju, jistgħu jkunu fiduċjużi li ż-żwieġ tagħhom se jkun dejjiemi u hieni. Huma b’hekk se jonoraw mhux biss lil xulxin imma wkoll lill-Oriġinatur taż-żwieġ, Alla Jehovah.
DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LIL KOPPJA BIEX IGAWDU ŻWIEĠ DEJJIEMI U HIENI?
Il-veri Kristjani jħobbu lil xulxin.—Ġwann 13:35.
Il-Kristjani huma lesti li jaħfru lil xulxin.—Kolossin 3:13.
Hemm ordni xieraq taʼ l-istat taʼ kap.—1 Korintin 11:3.
Huwa importanti li tgħid il-ħaġa xierqa bil-mod xieraq.—Proverbji 25:11.
[Stampa f’paġna 28]
Imħabba u rispett reċiproċi jwasslu għal suċċess fiż-żwieġ