-
Insiru Nafu “l-Moħħ taʼ Kristu”It-Torri tal-Għassa—2000 | Frar 15
-
-
Insiru Nafu “l-Moħħ taʼ Kristu”
“Min hu dak li jistaʼ jifhem il-ħsieb [“il-moħħ,” “NW”] tal-Mulej biex ikun jistaʼ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb [“il-moħħ,” “NW”] taʼ Kristu.”—1 KORINTIN 2:16.
1, 2. Fil-Kelma tiegħu, Jehovah ħass li hu xieraq li jirrivela liema ħaġa dwar Ġesù?
X’Aspett kellu Ġesù? X’lewn kien xagħru? il-ġilda tiegħu? għajnejh? Kemm kien twil? Kemm kien jiżen? Matul is-sekli, rappreżentazzjonijiet artistiċi taʼ Ġesù varjaw bejn dak li hu raġunevoli u dak li hu estrem. Xi wħud irrappreżentawh bħala raġel b’saħħtu u attiv, filwaqt li oħrajn pinġewh bħala fraġli u pallidu.
2 Madankollu, il-Bibbja ma tiffokax l-attenzjoni fuq id-dehra fiżika taʼ Ġesù. Minflok, Jehovah ħass li kien xieraq li jirrivela xi ħaġa ferm iżjed sinjifikanti: it-tip taʼ persuna li kien Ġesù. Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju ma jirrapportawx biss dak li Ġesù qal u għamel iżda jirrivelaw ukoll is-sentimenti profondi tiegħu u l-mod kif kien jaħseb meta kien jitkellem jew jaġixxi. Dawn l-erbaʼ rakkonti mnebbħin jgħinuna niflu bir-reqqa “l-moħħ taʼ Kristu,” bħalma jirreferi għalih l-appostlu Pawlu. (1 Korintin 2:16, NW) Huwa importanti li nsiru midħla tal-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-personalità taʼ Ġesù. Għala? Minn taʼ l-inqas għal żewġ raġunijiet.
3. Li nsiru midħla tal-moħħ taʼ Kristu jistaʼ jgħinna biex ikollna liema dehen?
3 L-ewwel, il-moħħ taʼ Kristu jgħinna nittawlu fil-moħħ t’Alla Jehovah. Ġesù tant kien midħla sewwa taʼ Missieru li setaʼ jgħid: “Ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.” (Luqa 10:22) Huwa bħallikieku Ġesù qed jgħid, ‘Jekk trid tkun taf kif inhu Jehovah, ħares lejja.’ (Ġwann 14:9) Għalhekk, meta nistudjaw dak li l-Evanġelji jirrivelaw dwar il-mod kif kien jaħseb u jħoss Ġesù, fil-fatt inkunu qed nitgħallmu kif Jehovah jaħseb u jħoss. Dan l-għarfien jgħinna nersqu eqreb lejn Alla tagħna.—Ġakbu 4:8.
4. Jekk irridu verament naġixxu bħal Kristu, l-ewwel x’irridu nitgħallmu, u għala?
4 It-tieni, li nkunu nafu l-moħħ taʼ Kristu jgħinna ‘nimxu fuq il-passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) Li nsegwu lil Ġesù m’hix sempliċement kwistjoni taʼ li nirrepetu kliemu u nikkopjaw għemilu. Ladarba l-kliem u l-għemil jiġu influwenzati mill-ħsibijiet u s-sentimenti, li nsegwu lil Kristu jirrikjedi li aħna nikkultivaw l-istess “attitudni mentali” li kellu hu. (Filippin 2:5, NW) Fi kliem ieħor, jekk irridu verament naġixxu bħal Kristu, irridu l-ewwel nitgħallmu naħsbu u nħossu bħalu; m’għandniex xi ngħidu, sakemm hu possibbli għalina bħala bnedmin imperfetti. Ejja, mela, bl-għajnuna tal-kittieba taʼ l-Evanġelju, niflu bir-reqqa l-moħħ taʼ Kristu. Se niddiskutu l-ewwel fatturi li influwenzaw il-mod kif Ġesù kien jaħseb u jħoss.
L-Eżistenza Tiegħu Qabel ma Sar Bniedem
5, 6. (a) Dawk li nagħmluha magħhom liema effett jistgħu jkollhom fuqna? (b) L-Iben imwieled l-ewwel t’Alla liema sħubija gawda fis-smewwiet qabel ma ġie fuq l-art, u din x’effett kellha fuqu?
5 Dawk li nagħmluha magħhom jistgħu jeffettwawna, billi jinfluwenzaw il-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-azzjonijiet tagħna għat-tajjeb jew għall-ħażin.a (Proverbji 13:20) Ikkunsidra s-sħubija li kellu Ġesù fis-smewwiet qabel ma ġie fuq l-art. L-Evanġelju taʼ Ġwanni jiġbed l-attenzjoni lejn l-eżistenza taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem bħala l-“Verb,” jew il-Kelliemi għal Alla. Ġwanni jgħid: “Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien maʼ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu maʼ Alla.” (Ġwann 1:1, 2) Ladarba Jehovah ma kellux bidu, il-fatt li l-Verb kien m’Alla “fil-bidu” bil-fors li qed jirreferi għall-bidu tax-xogħlijiet kreattivi t’Alla. (Salm 90:2) Ġesù hu “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha.” Għaldaqstant, hu eżista qabel ma nħolqu ħlejjaq spirti oħra u l-univers fiżiku.—Kolossin 1:15; Apokalissi 3:14.
6 Skond xi kalkoli xjentifiċi, l-univers fiżiku ilu jeżisti għal minn taʼ l-inqas 12-il elf miljun sena. Jekk dawn il-kalkoli huma korretti, l-Iben imwieled l-ewwel t’Alla gawda sħubija intima maʼ Missieru għal eluf taʼ miljuni taʼ snin qabel il-ħolqien taʼ Adam. (Qabbel Mikea 5:1 [5:2, NW].) B’hekk żviluppat rabta tenera u profonda bejniethom it-tnejn. Bħala l-għerf personifikat, dan l-Iben imwieled l-ewwel, fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, hu rappreżentat bħala li qal: “Kont kuljum il-għaxqa tiegħu [taʼ Jehovah], nitliegħeb kull ħin quddiemu.” (Proverbji 8:30, KŻ) Il-fatt li hu qattaʼ snin bla għadd fi sħubija intima mas-Sors taʼ l-imħabba żgur li kellu effett profond fuq l-Iben t’Alla! (1 Ġwann 4:8) Dan l-Iben sar jaf u sar jirrifletti l-ħsibijiet, is-sentimenti, u t-triqat taʼ Missieru b’tali mod li l-ebda persuna oħra ma setgħet tagħmel.—Mattew 11:27.
Ħajtu fuq l-Art u l-Influwenzi li Kellu
7. X’inhi waħda mir-raġunijiet għala kien neċessarju li l-Iben imwieled l-ewwel t’Alla jiġi fuq l-art?
7 L-Iben t’Alla kellu iżjed x’jitgħallem, għax l-iskop taʼ Jehovah kien li jforni lil Ibnu biex ikun Qassis il-Kbir ħanin u li kapaċi “jagħder id-dgħufija tagħna.” (Lhud 4:15) Waħda mir-raġunijiet għala l-Iben ġie fuq l-art bħala bniedem kienet biex jikkwalifika għal dan l-irwol. Hawnhekk, bħala bniedem tad-demm u l-laħam, Ġesù ffaċċja ċirkustanzi u influwenzi li qabel kien biss josservahom mis-sema. Issa setaʼ jesperjenza direttament sentimenti u emozzjonijiet umani. Kien hemm mumenti li ħassu għajjien, bil-għatx, u bil-ġuħ. (Mattew 4:2; Ġwann 4:6, 7) Iktar minn hekk, hu ssaporta kull xorta taʼ tbatija u sofferenza. Hu b’hekk “tgħallem . . . xi tfisser l-ubbidjenza” u kkwalifika bis-sħiħ għall-irwol tiegħu bħala Qassis il-Kbir.—Lhud 5:8-10.
8. X’nafu dwar il-ħajja bikrija taʼ Ġesù fuq l-art?
8 Xi ngħidu dwar l-esperjenzi taʼ Ġesù matul il-ħajja bikrija tiegħu fuq l-art? Dak li għandna miktub dwar tfulitu huwa ftit ferm. Fil-fatt, Mattew u Luqa biss irrakkontaw il-ġrajjiet marbutin mat-twelid tiegħu. Il-kittieba taʼ l-Evanġelju kienu jafu li Ġesù kien għex fis-sema qabel ma ġie fuq l-art. Din l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, spjegat liema xorta taʼ bniedem sar. Minkejja dan, Ġesù kien kompletament uman. Għalkemm kien perfett, xorta waħda ried jikber minn tarbija għal tifel u minn adolexxent għal adult, u fl-intervall dejjem jitgħallem. (Luqa 2:51, 52) Il-Bibbja tirrivela ċerti affarijiet dwar il-ħajja bikrija taʼ Ġesù li bla dubju effettwawh.
9. (a) X’indikazzjoni hemm li Ġesù twieled ġo familja fqira? (b) F’liema ċirkustanzi x’aktarx li kiber Ġesù?
9 Huwa evidenti li Ġesù twieled ġo familja fqira. Dan hu indikat mill-offerta li Ġużeppi u Marija ġabu fit-tempju madwar 40 jum wara t-twelid tiegħu. Minflok ma ġabu ħaruf bħala offerta tal-ħruq u beċċun jew gamiema bħala offerta tad-dnub, huma ġabu jew “par gamiem jew żewġ bċieċen.” (Luqa 2:24) Skond il-Liġi taʼ Mosè, din l-offerta kienet provvediment għall-fqar. (Levitiku 12:6-8) Maż-żmien, din il-familja umli kibret. Ġużeppi u Marija kellhom minn taʼ l-inqas sitt itfal oħra b’mod naturali wara t-twelid mirakoluż taʼ Ġesù. (Mattew 13:55, 56) Għalhekk, Ġesù kiber ġo familja kbira u x’aktarx f’ċirkustanzi sempliċi.
10. X’juri li Ġużeppi u Marija kienu nies li kellhom il-biżaʼ t’Alla?
10 Ġesù trabba fl-għożża minn ġenituri li kellhom il-biżaʼ t’Alla. Marija, ommu, kienet mara straordinarja. Ftakar li meta sellmilha, l-anġlu Gabrijel qal: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” (Luqa 1:28) Ġużeppi wkoll kien raġel devot. Kull sena kien jagħmel fedelment il-vjaġġ taʼ 150 kilometru lejn Ġerusalemm għall-Qbiż. Marija wkoll kienet tattendi, għalkemm l-irġiel biss kienu obbligati li jattendu. (Eżodu 23:17; Luqa 2:41) Darba minnhom, meta Ġesù kellu 12-il sena, Ġużeppi u Marija, wara tfittxija bir-reqqa, sabuh fit-tempju f’nofs l-għalliema. Ġesù qal lill-ġenituri tiegħu, li kienu inkwetati ferm: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu taʼ Missieri?” (Luqa 2:49) “Missieri”—dik il-kelma għat-tfajjel Ġesù żgur li kellha implikazzjoni tenera u pożittiva. L-ewwelnett, huwa evidenti li kienu qalulu li l-veru Missieru kien Jehovah. Iktar minn hekk, Ġużeppi żgur li kien missier adottiv tajjeb għal Ġesù. Żgur li Jehovah ma kienx se jagħżel xi raġel aħrax u kattiv biex irabbi lill-għażiż Ibnu!
11. Ġesù liema sengħa tgħallem, u fi żminijiet Bibliċi, x’kien jinvolvi li taħdem f’din is-sengħa?
11 Matul is-snin li qattaʼ f’Nazaret, Ġesù tgħallem is-sengħa taʼ mastrudaxxa, x’aktarx mingħand Ġużeppi, missieru adottiv. Ġesù tant tgħallimha sewwa s-sengħa li n-nies kienu jsejħulu l-“mastrudaxxa.” (Mark 6:3) Fi żminijiet Bibliċi, il-mastrudaxxi kienu jibnu djar, jagħmlu l-għamara (inkluż imwejjed, banketti, u bankijiet), u jagħmlu l-għodod tar-rabaʼ. Ġustinu Martri, kittieb tat-tieni seklu E.K., fid-Dialogue With Trypho, kiteb hekk dwar Ġesù: “Hu kellu d-drawwa li jaħdem bħala mastrudaxxa meta kien fost il-bnedmin, billi jagħmel xi moħriet jew xi madmad.” Dan ix-xogħol ma kienx faċli, għax il-mastrudaxxa tal-qedem probabbli ma setax jixtri l-injam biex jaħdem. X’aktarx li kien joħroġ u jagħżel siġra, jaqtagħha, u jġorr l-injam id-dar hu stess. Għalhekk Ġesù forsi kien jaf kemm hu iebes biex taqlaʼ x’tiekol, tħabbat wiċċek man-nies, u tlaħħaq mal-ħajja.
12. X’jindika li Ġużeppi milli jidher laħaq miet qabel Ġesù, u dan x’kien ifisser għal Ġesù?
12 Bħala l-iben il-kbir, Ġesù x’aktarx li għen biex jieħu ħsieb il-familja, b’mod partikulari peress li jidher li Ġużeppi laħaq miet qabel Ġesù.b Zion’s Watch Tower taʼ l-1 taʼ Jannar, 1900, qal: “It-tradizzjoni tiddikjara li Ġużeppi miet meta Ġesù kien għadu żgħir, u li dan b’hekk qabad is-sengħa taʼ mastrudaxxa u beda jipprovdi hu għall-familja. Dan għandu xi appoġġ mill-evidenza Skritturali fejn Ġesù nnifsu jissejjaħ mastrudaxxa, u jissemmew ommu u ħutu, imma Ġużeppi ma jissemmiex. (Mark 6:3) . . . Għalhekk, huwa ferm probabbli li l-perijodu twil taʼ tmintax-il sena fil-ħajja tal-Mulej tagħna, minn żmien l-inċident [imsemmi f’Luqa 2:41-49] saż-żmien tal-magħmudija tiegħu, għaddieh jagħmel id-doveri ordinarji tal-ħajja.” Marija u wliedha, inkluż Ġesù, x’aktarx li kienu jafu kemm hi taʼ wġigħ il-mewt taʼ xi ħadd maħbub, bħar-raġel jew il-missier.
13. Meta Ġesù beda l-ministeru tiegħu, għala kellu għarfien, dehen, u sentimenti profondi li ebda bniedem ieħor qatt ma setaʼ jkollu?
13 Jidher ċar li Ġesù ma twelidx f’xi ħajja taʼ fsied. Minflok, hu esperjenza direttament il-ħajja taʼ nies ordinarji. Imbagħad, fis-sena 29 E.K., wasal iż-żmien biex Ġesù jwettaq l-inkarigu divin li kien qed jistennieh. Fil-ħarifa taʼ dik is-sena, ġie mgħammed fl-ilma u ġie mnissel bħala Iben spiritwali t’Alla. ‘Is-smewwiet infetħulu,’ u dan evidentement jindika li hu issa setaʼ jiftakar il-ħajja tiegħu fis-sema qabel ma sar bniedem, inkluż il-ħsibijiet u s-sentimenti li kellu f’dik il-ħajja. (Luqa 3:21, 22) Għalhekk, meta Ġesù beda l-ministeru tiegħu, hu kellu għarfien, dehen, u sentimenti profondi li l-ebda bniedem ieħor qatt ma setaʼ jkollu. Mhux taʼ b’xejn li l-kittieba taʼ l-Evanġelju ddedikaw il-biċċa l-kbira mill-kitba tagħhom għall-ġrajjiet fil-ministeru taʼ Ġesù. Minkejja dan, ma setgħux jiktbu kull ħaġa li qal u għamel. (Ġwann 21:25) Imma dak li kienu mnebbħin jiktbu jgħinna niflu bir-reqqa moħħ l-aqwa bniedem li qatt għex.
Kif Kien Ġesù Bħala Persuna
14. L-Evanġelji kif jagħtu stampa taʼ Ġesù bħala bniedem taʼ qalb kbira u b’sentimenti profondi?
14 Il-personalità taʼ Ġesù li toħroġ mill-Evanġelji hija waħda taʼ bniedem b’qalb kbira u li kellu sentimenti profondi. Wera b’għemilu varjetà kbira taʼ reazzjonijiet emozzjonali: ħasra għal bniedem bil-ġdiem (Mark 1:40, 41); niket minħabba poplu li rrifjuta l-messaġġ tiegħu (Luqa 19:41, 42); rabja ġusta għal nies rgħiba li kienu jsarrfu l-flus (Ġwann 2:13-17). Bħala bniedem li kien ipoġġi lilu nnifsu fis-sitwazzjoni taʼ ħaddieħor, Ġesù kien jitqanqal meta jara lil min jibki, u ma kienx jaħbi l-emozzjonijiet tiegħu. Meta miet Lazzru, il-ħabib għażiż tiegħu, u Ġesù ra lil Marija oħt Lazzru tibki, hu tant tqanqal li qabiżlu d-dmugħ u beka quddiem kulħadd.—Ġwann 11:32-36.
15. Is-sentimenti teneri taʼ Ġesù kif kienu evidenti bil-mod kif kien iqis u jittratta lil oħrajn?
15 Is-sentimenti teneri taʼ Ġesù kienu jidhru b’mod speċjali bil-mod kif kien iqis u jittratta lil oħrajn. Kien jagħti kas tal-fqar u l-oppressi, billi jgħinhom ‘isibu l-mistrieħ għal ruħhom.’ (Mattew 11:4, 5, 28-30) Ma kienx tant okkupat li ma sabx ħin biex jittratta mal-bżonnijiet taʼ min kien batut, sew jekk kienet mara b’nixxiegħa taʼ demm li baxx baxx messitlu ħwejġu u sew jekk kien tallâb għama li ma riedx jiskot. (Mattew 9:20-22; Mark 10:46-52) Ġesù kien iħares lejn it-tajjeb taʼ oħrajn u kien ifaħħarhom; madankollu, kien lest ukoll li jagħti xi twiddiba meta tkun meħtieġa. (Mattew 16:23; Ġwann 1:47; 8:44) Fi żmien meta n-nisa kellhom ftit drittijiet, Ġesù ttratta magħhom b’ammont bilanċjat taʼ dinjità u rispett. (Ġwann 4:9, 27) Nistgħu nifhmu għala grupp taʼ nisa tawh is-servizzi tagħhom minn jeddhom u minn ġidhom stess.—Luqa 8:3.
16. X’juri li Ġesù kellu ħarsa bilanċjata tal-ħajja u taʼ l-affarijiet materjali?
16 Ġesù kellu ħarsa bilanċjata tal-ħajja. L-affarijiet materjali ma kinux taʼ importanza primarja għalih. Milli jidher, materjalment ftit ferm kellu. Hu qal li ma kellux “fejn imidd rasu.” (Mattew 8:20) Fl-istess ħin, Ġesù kien iżidilhom il-ferħ lill-oħrajn. Meta attenda festa taʼ tieġ—tipikament ġrajja li jkun fiha l-mużika, il-kant, u l-ferħ—jidher ċar li ma marx hemm biex itellef il-pjaċir taʼ l-okkażjoni. Tabilħaqq, Ġesù wettaq l-ewwel miraklu tiegħu hemmhekk. Meta spiċċalhom l-inbid, hu biddel l-ilma f’inbid mill-aqwa, xarba li ‘tferraħ qalb il-bniedem.’ (Salm 104:15; Ġwann 2:1-11) B’hekk, il-festa setgħet tkompli, u bla dubju, l-għarus u l-għarusa ma kellhomx għalfejn jistħu. Il-bilanċ tiegħu hu rifless ukoll fil-fatt li hemm ferm iżjed okkażjonijiet imsemmijin meta Ġesù ħadem fit-tul u iebes fil-ministeru tiegħu.—Ġwann 4:34.
17. Għala m’hijiex sorpriża li Ġesù kien Għalliem Prim, u x’kien jirrifletti t-tagħlim tiegħu?
17 Ġesù kien Għalliem Prim. Ħafna mit-tagħlim tiegħu kien jirrifletti r-realtajiet tal-ħajja taʼ kuljum, li hu kien ferm midħla tagħhom. (Mattew 13:33; Luqa 15:8) Il-mod kif kien jgħallem kien bla paragun—dejjem ċar, sempliċi, u prattiku. Jerġaʼ iżjed sinjifikanti hu dak li għallem. It-tagħlim tiegħu kien jirrifletti x-xewqa taʼ qalbu li lis-semmiegħa tiegħu jagħmilhom midħla tal-ħsibijiet, is-sentimenti, u t-triqat taʼ Jehovah.—Ġwann 17:6-8.
18, 19. (a) Ġesù ddeskriva lil Missieru b’liema kliem li jġiblek stampa ċara f’moħħok? (b) X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
18 Billi taʼ spiss kien juża tixbihat, Ġesù rrivela lil Missieru bi kliem li jġiblek stampa ċara f’moħħok u li ma tantx tinsieh malajr. Altru li titkellem b’mod ġenerali dwar il-ħniena t’Alla; u altru li xxebbah lil Jehovah maʼ missier li jaħfer u li meta jara lil ibnu ġej lura tant jitqanqal b’mod profond li ‘b’ġirja waħda jmur jinxteħet fuq għonqu u jbusu.’ (Luqa 15:11-24) Waqt li rrifjuta kultura riġida fejn mexxejja reliġjużi kienu jistmerru lin-nies komuni, Ġesù spjega li Missieru kien Alla li tistaʼ tavviċinah u li kien jippreferi l-appell taʼ bniedem umli li kien jiġbor it-taxxi milli t-talba mimlija ftaħir taʼ Fariżew minfuħ bih innifsu. (Luqa 18:9-14) Ġesù ta stampa taʼ Jehovah bħala Alla li jimpurtah u li jaf saħansitra meta għasfur tal-bejt jaqaʼ fl-art. “Xejn la tibżgħu,” Ġesù assigura lid-dixxipli tiegħu, “intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mattew 10:29, 31) Bir-raġun, mela, li n-nies kienu jibqgħu “mistagħġba bit-tagħlim tiegħu” u kienu jinġibdu lejh. (Mattew 7:28, 29) Iva, darba minnhom “kotra kbira” baqgħet ħdejh għal tlett ijiem sħaħ, avolja ma kellhomx x’jieklu!—Mark 8:1, 2.
19 Għandna għax inkunu grati li Jehovah rrivela fil-Kelma tiegħu l-moħħ taʼ Kristu! Iżda, kif nistgħu nikkultivaw u nuru b’għemilna l-moħħ taʼ Kristu meta nittrattaw m’oħrajn? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Li ħlejjaq spirti jistgħu jiġu influwenzati minn sħubija li jkollhom hu indikat f’Apokalissi 12:3, 4. Hemmhekk, Satana hu ffigurat bħala “dragun” li kien kapaċi juża l-influwenza tiegħu biex iġiegħel lil “kwiekeb,” jew ulied spirti oħra, jingħaqdu miegħu f’korsa ribelluża.—Qabbel Ġob 38:7.
b L-aħħar darba li Ġużeppi jissemma direttament hi meta Ġesù kellu tnax-il sena u sabuh fit-tempju. M’hemm ebda referenza li Ġużeppi kien preżenti fil-festa tat-tieġ f’Kana, fil-bidu tal-ministeru taʼ Ġesù. (Ġwann 2:1-3) Fis-sena 33 E.K., minn fuq iz-zokk li kien imsammar miegħu, Ġesù qal lil Ġwanni, l-appostlu l-maħbub, biex jieħu ħsieb Marija. Dan x’aktarx li Ġesù ma kienx jagħmlu kieku Ġużeppi kien għadu ħaj.—Ġwann 19:26 27.
-
-
Għandek Int il-“Moħħ taʼ Kristu”?It-Torri tal-Għassa—2000 | Frar 15
-
-
Għandek Int il-“Moħħ taʼ Kristu”?
“Jalla dak Alla li jipprovdi s-sabar u l-faraġ jagħtikom li jkollkom . . . l-istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.”—RUMANI 15:5, NW.
1. Ġesù kif jidher f’ħafna mill-pitturi tal-Kristjaneżmu, u din għala m’hijiex rappreżentazzjoni ġusta taʼ Ġesù?
“QATT ma rawh jidħaq.” Dan hu l-mod kif Ġesù jiġi deskritt f’dokument li jintqal b’mod falz li hu miktub minn uffiċjal Ruman tal-qedem. Dan id-dokument, li ilu magħruf fl-għamla preżenti tiegħu minn madwar is-seklu ħdax, jintqal li influwenza lil ħafna pitturi.a F’għadd taʼ kwadri, Ġesù jidher bħala wieħed b’ħarsa serja li rari, jew qatt, ma tarah jitbissem. Imma din m’hijiex rappreżentazzjoni ġusta taʼ Ġesù, li fl-Evanġelji tingħata stampa tiegħu bħala bniedem dħuli, qalbu tajba, u b’sentimenti profondi.
2. Kif nistgħu nikkultivaw “l-istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù,” u dan se jarmana biex nagħmlu liema ħaġa?
2 Jidher ċar li biex inkunu nafu kif Ġesù kien tassew, irridu nimlew moħħna u qalbna b’fehma eżatta dwar it-tip taʼ persuna li Ġesù verament kien meta għex fuq l-art. Għalhekk, ejja neżaminaw xi rakkonti mill-Evanġelju li jagħtuna d-dehen biex nifhmu “l-moħħ taʼ Kristu”—jiġifieri, is-sentimenti tiegħu, il-ħsibijiet tiegħu, kif kien iħares lejn l-affarijiet, u kif kien jirraġuna. (1 Korintin 2:16, NW) Waqt li nagħmlu dan, ejja nikkunsidraw kif nistgħu nikkultivaw “l-istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.” (Rumani 15:5, NW) B’hekk, nistgħu nkunu armati aħjar biex f’ħajjitna u meta nittrattaw m’oħrajn insegwu l-mudell li ħallielna hu.—Ġwann 13:15.
Faċli biex Oħrajn Jersqu Jkellmuh
3, 4. (a) X’kienet ix-xena tar-rakkont li nsibu f’Mark 10:13-16? (b) Ġesù kif irreaġixxa meta d-dixxipli pprovaw iżommu lit-tfal żgħar milli jiġu għandu?
3 In-nies ħassewhom jinġibdu lejn Ġesù. F’diversi okkażjonijiet, nies taʼ kull età u minn kull sfond tal-ħajja resqu lejh bla biżaʼ. Ikkunsidra l-każ li nsibu f’Mark 10:13-16. Dan seħħ lejn tmiem il-ministeru tiegħu waqt li kien sejjer lejn Ġerusalemm għall-aħħar darba, biex jiffaċċja mewta krudili.—Mark 10:32-34.
4 Ġib ix-xena quddiem għajnejk. In-nies jibdew iġibu lit-tfal, inkluż it-trabi, biex Ġesù jberikhom.b Madankollu, id-dixxipli jipprovaw iżommu lit-tfal milli jiġu għand Ġesù. Forsi d-dixxipli jaħsbu li Ġesù żgur m’għandux moħħ it-tfal matul dawn l-aħħar ġimgħat kruċjali. Imma għandhom żball. Meta Ġesù jirrealizza x’qegħdin jagħmlu d-dixxipli, ma jiħux gost. Ġesù jsejjaħ lit-tfal ħdejh u jgħid: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx.” (Mark 10:14) Imbagħad jagħmel ħaġa li verament tirrivela mġiba tenera u taʼ mħabba. Ir-rakkont jgħid; “Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” (Mark 10:16) Ovvjament, it-tfal ma jibżgħux meta Ġesù jerfagħhom bil-ħlewwa f’dirgħajh.
5. Ir-rakkont taʼ Mark 10:13-16 x’jgħidilna dwar it-tip taʼ persuna li kien Ġesù?
5 Dan ir-rakkont qasir jgħidilna ħafna dwar it-tip taʼ persuna li kien Ġesù. Innota li n-nies ma kinux jibżgħu jersqu jkellmuh. Għalkemm kien ġej minn pożizzjoni għolja fis-sema, ma kienx iġiegħel lill-bnedmin imperfetti jħossuhom beżgħanin jew inferjuri. (Ġwann 17:5) M’huwiex sinjifikanti wkoll li saħansitra t-tfal kienu jħossuhom komdi miegħu? Żgur li ma kinux jinġibdu lejn bniedem indifferenti u mqit li qatt ma kien jitbissem jew jidħaq! Nies taʼ kull età resqu jkellmuh lil Ġesù għaliex ħassew li kien bniedem dħuli u jħobb jgħin, u kienu fiduċjużi li ma kienx se jkeċċihom.
6. L-anzjani kif jistgħu jagħmluha iktar faċli biex oħrajn jersqu jkellmuhom?
6 Waqt li nirriflettu fuq dan ir-rakkont, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi jien il-moħħ taʼ Kristu? In-nies iħossuhom komdi jersqu jkellmuni?’ F’dawn iż-żminijiet kritiċi, in-nagħaġ t’Alla għandhom bżonn rgħajja li jagħmluha faċli biex oħrajn jersqu jkellmuhom, irġiel li huma bħal “ilqugħ għar-riħ.” (Isaija 32:1, 2; 2 Timotju 3:1) Anzjani, jekk tikkultivaw interess ġenwin u mill-qalb f’ħutkom u tkunu lesti li tiddedikaw ħin għalihom, huma jindunaw li intom ikkonċernati dwarhom. Dan jarawh fl-espressjoni taʼ wiċċkom, jisimgħuh fit-ton taʼ leħinkom, u josservawh fl-imġiba ħelwa tagħkom. Meta tkunu dħulin u konċernati b’mod ġenwin, tistgħu toħolqu atmosfera taʼ fiduċja fejn ikun eħfef għal oħrajn, inkluż it-tfal, li jħossuhom komdi jersqu jkellmukom. Waħda mara Kristjana tispjega għala ħassitha komda li tiftaħ qalbha maʼ ċertu anzjan: “Hu kellimni b’mod teneru u b’mogħdrija. Kieku ma kienx hekk, żgur li lanqas biss kont niftaħ ħalqi. Ġagħalni nħossni li m’għandix għalfejn nibżaʼ.”
Juri Konsiderazzjoni għal Oħrajn
7. (a) Ġesù kif wera konsiderazzjoni lejn oħrajn b’dak li għamel? (b) Ġesù għala għandu mnejn ta lura d-dawl lil wieħed għama bil-mod il-mod?
7 Ġesù kien juri konsiderazzjoni. Kien sensittiv għas-sentimenti taʼ ħaddieħor. Meta kien jara lil xi ħadd batut, tant kien iħoss li kien jaġixxi biex ineħħi dik it-tbatija. (Mattew 14:14) Kien iqis ukoll il-limitazzjonijiet u l-bżonnijiet taʼ oħrajn. (Ġwann 16:12) Darba, in-nies ġabulu raġel għama u talbuh ifejqu. Ġesù tah lura d-dawl, imma dan għamlu bil-mod il-mod. Għall-ewwel, ir-raġel ra n-nies imma ma bediex jiddistingwihom—“qiegħed narahom donnhom siġar mexjin.” Imbagħad, Ġesù tah lura l-vista kompletament. Għala ma fejqux f’daqqa? Dan jistaʼ jkun li għamlu sabiex jgħin lil dan il-bniedem li tant kien ilu jgħix fid-dlam biex ix-xokk tal-bidla għal ġo dinja komplessa u mimlija dawl jieħdu bil-mod.—Mark 8:22-26.
8, 9. (a) X’ġara ftit wara li Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu fir-reġjun tad-Dekapolis? (b) Iddeskrivi kif Ġesù fejjaq lir-raġel trux.
8 Ikkunsidra wkoll inċident li seħħ wara l-Qbiż tas-sena 32 E.K. Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu daħlu fir-reġjun tad-Dekapolis, lejn il-lvant tal-Baħar tal-Galilija. Hemmhekk, malajr sabuhom folol kbar u dawn ġabu għand Ġesù ħafna li kienu morda u mmankati, u fejjaqhom kollha. (Mattew 15:29, 30) Huwa interessanti li Ġesù wera konsiderazzjoni speċjali lejn wieħed raġel partikulari. Mark, wieħed mill-kittieba taʼ l-Evanġelju u l-uniku wieħed li jsemmi dan l-inċident, jgħidilna x’ġara.—Mark 7:31-35.
9 Dan ir-raġel kien trux u bil-kemm setaʼ jitkellem. Għandu mnejn Ġesù induna li dan ir-raġel kien eċċitat jew imbarazzat b’mod partikulari. Imbagħad Ġesù għamel ħaġa xi ftit mhix tas-soltu. Ġibed lir-raġel fil-ġenb, ’il bogħod mill-folla, lejn post fejn ma kienx hemm nies. Imbagħad Ġesù bis-sinjali wera lir-raġel x’kien se jagħmillu. “Daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu.” (Mark 7:33) Imbagħad, Ġesù ħares lejn is-sema u tniehed waqt li talab. Dawn l-azzjonijiet b’turija lir-raġel kienu qed jgħidulu, ‘Dak li se nagħmillek hu bis-saħħa tal-qawwa mingħand Alla.’ Fl-aħħar, Ġesù qal: “Infetaħ!” (Mark 7:34) Meta qal dan, ir-raġel ngħata lura s-smigħ, u setaʼ jitkellem normali.
10, 11. Kif nistgħu nqisu s-sentimenti taʼ oħrajn fil-kongregazzjoni? fil-familja?
10 X’konsiderazzjoni wera Ġesù lejn oħrajn! Kien sensittiv għas-sentimenti tagħhom, u billi kien jistma u jagħder lil oħrajn, kien dejjem jaġixxi b’tali mod li ma jweġġax is-sentimenti tagħhom. Bħala Kristjani nagħmlu tajjeb li nikkultivaw u nuru b’għemilna l-moħħ taʼ Kristu f’dan ir-rigward. Il-Bibbja tħeġġiġna: “Kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.” (1 Pietru 3:8) Dan ċertament jitlob minna li nitkellmu u naġixxu b’tali mod li nqisu s-sentimenti taʼ oħrajn.
11 Fil-kongregazzjoni, nistgħu nqisu s-sentimenti taʼ oħrajn billi nuruhom dinjità u nittrattawhom bħalma rridu li niġu trattati aħna. (Mattew 7:12) Dan jinkludi li noqogħdu attenti għal dak li ngħidu kif ukoll għal kif ngħiduh. (Kolossin 4:6) Ftakar li min jitkellem bla ma jaħseb, “b’ilsienu jinfed bħal sejf.” (Proverbji 12:18) Xi ngħidu fil-familja? Raġel u mara miżżewġin li verament iħobbu lil xulxin huma sensittivi għas-sentimenti taʼ xulxin. (Efesin 5:33) Huma jevitaw kliem aħrax, kritika kontinwa, u sarkażmu li joqros fil-laħam il-ħaj—li kollha jistgħu jikkaġunaw uġigħ taʼ qalb li ma jfiqx malajr. It-tfal ukoll għandhom is-sentimenti, u ġenituri li juru mħabba jqisuh dan. Meta jkollhom bżonn jikkoreġuhom, dawn il-ġenituri jagħmlu dan b’tali mod li jirrispettaw id-dinjità taʼ wliedhom u ma jġagħluhomx iħossuhom imbarazzati bla bżonn.c (Kolossin 3:21) Meta b’dan il-mod nuru li aħna nqisu lil ħaddieħor, inkunu qed nagħtu prova li għandna l-moħħ taʼ Kristu.
Lest li Jafda lil Oħrajn
12. Ġesù liema ħarsa bilanċjata u pożittiva kellu tad-dixxipli tiegħu?
12 Ġesù kellu ħarsa bilanċjata u realistika tad-dixxipli tiegħu. Kien jaf tajjeb li ma kinux perfetti. Wara kollox, hu setaʼ jaqra l-qlub tal-bnedmin. (Ġwann 2:24, 25) Minkejja dan, ma qagħadx jiffoka fuq l-imperfezzjonijiet tagħhom imma fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom. Ra wkoll il-potenzjal f’dawn in-nies li Jehovah kien ġibed lejh. (Ġwann 6:44) Il-ħarsa pożittiva li Ġesù kellu lejn id-dixxipli tiegħu kienet evidenti mill-mod kif stmahom u ttratta magħhom. Ċertament kien lest li juri fiduċja fihom.
13. Ġesù kif wera li kien jafdahom lid-dixxipli tiegħu?
13 Ġesù kif urieha dik il-fiduċja? Meta telaq minn fuq l-art, hu ddelega responsabbiltà tqila lid-dixxipli midlukin tiegħu. Poġġielhom f’idejhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-interessi tas-Saltna tiegħu mad-dinja kollha. (Mattew 25:14, 15; Luqa 12:42-44) Matul il-ministeru tiegħu, anki b’modi żgħar u indiretti hu kien juri li jafdahom. Meta mirakolożament immoltiplika l-ikel biex jitmaʼ l-folol, hu ħalla f’idejn id-dixxipli tiegħu biex iqassmu dan l-ikel.—Mattew 14:15-21; 15:32-37.
14. Kif tirrakkonta fil-qosor dak li nsibu f’Mark 4:35-41?
14 Ikkunsidra wkoll ir-rakkont li nsibu f’Mark 4:35-41. F’din l-okkażjoni Ġesù u d-dixxipli tiegħu rikbu fuq dgħajsa u rħewlha lejn il-lvant tal-Baħar tal-Galilija. Ftit wara li telqu, Ġesù ntefaʼ fuq wara tad-dgħajsa u raqad. Iżda malajr “qam riefnu kbir.” Maltempati bħal dawn kienu komuni ħafna fuq il-Baħar tal-Galilija. Minħabba li qiegħed fil-baxx (madwar 200 metru taħt il-livell tal-baħar), l-arja hija iżjed sħuna hemmhekk milli fl-inħawi taʼ madwar, u dan joħloq taqlib fl-atmosfera. Flimkien maʼ dan, irjieħ qawwijin jinżlu fil-Wied tal-Ġordan mill-Muntanja Ħermon, li qegħda fin-naħa tat-tramuntana. Għalhekk spiss jiġri li filli l-baħar ikun kalm u filli tqum xi maltempata qawwija. Aħseb ftit: Ġesù bla dubju kien jaf dwar dawn il-maltempati spissi, għax hu trabba fil-Galilija. Madankollu, raqad bil-kwiet, għax kien jafda fil-kapaċitajiet tad-dixxipli tiegħu, li xi wħud minnhom kienu sajjieda.—Mattew 4:18, 19.
15. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù rigward li kien lest li jafda lid-dixxipli tiegħu?
15 Nistgħu nimitaw il-mod kif Ġesù kien lest li jafda lid-dixxipli tiegħu? Xi wħud isibuha diffiċli li jiddelegaw responsabbiltajiet lil oħrajn. Iridu dejjem jikkontrollaw kollox huma. Forsi jirraġunaw, ‘Biex l-oġġett isir sew, l-aħjar nagħmlu jien.’ Imma biex nagħmlu kollox aħna, inkunu fil-periklu li nispiċċaw bla saħħa u forsi nisirqu mill-ħin li nistgħu nqattgħu mal-familja tagħna. Barra minn dan, jekk ma niddelegawx xi xogħlijiet u responsabbiltajiet xierqa lil oħrajn, forsi nkunu qed inċaħħduhom mill-esperjenza u t-taħriġ li jeħtieġu. Ikun għaqli li nidraw nafdaw lil oħrajn, billi nħalluhom jagħmlu xi affarijiet huma. Ikun tajjeb li bl-onestà kollha nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi jien il-moħħ taʼ Kristu f’dan ir-rigward? Jien minn jeddi niddelega ċertu xogħol lil oħrajn, billi nafdahom li se jagħmluh bl-aħjar mod li jistgħu?’
Hu Wera li Jemmen fid-Dixxipli Tiegħu
16, 17. Fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art, Ġesù liema assiguranza ta lid-dixxipli tiegħu, avolja kien jaf li kienu se jabbandunawh?
16 Ġesù wera li kellu ħarsa pożittiva tad-dixxipli tiegħu b’mod importanti ieħor. Uriehom li kellu fiduċja fihom. Dan kien evidenti b’mod ċar mill-kliem rassiguranti li qal lid-dixxipli tiegħu fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art. Innota x’ġara.
17 Kienet lejla mimlija attività għal Ġesù. Lid-dixxipli tahom lezzjoni ħajja taʼ l-umiltà billi ħaslilhom saqajhom. Wara dan, hu waqqaf l-ikla taʼ fil-għaxija li kellha tkun il-mafkar taʼ mewtu. Imbagħad, l-appostli reġgħu qabdu l-argument sħun dwar min minnhom kien l-akbar. Ġesù, bil-paċenzja kollha, ma ċanfarhomx imma rraġuna magħhom. Hu qalilhom x’kien se jiġri: “Lkoll kemm intom se titħawwdu minħabba fija f’dan il-lejl; għax hemm miktub, ‘Nidrob ir-ragħaj, u nagħaġ tal-merħla jitferrxu.’” (Mattew 26:31; Żakkarija 13:7) Kien jaf li sħabu tal-qalb kienu se jabbandunawh meta kien se jiġi bżonnhom. Xorta waħda ma kkundannahomx. Għall-kuntrarju, qalilhom: “Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom.” (Mattew 26:32) Iva, hu żgurahom li għalkemm kienu se jabbandunawh, hu ma kienx se jabbandunahom. Meta tgħaddi din il-prova iebsa, hu kellu jerġaʼ jiltaqaʼ magħhom.
18. Fil-Galilija, lid-dixxipli tiegħu Ġesù fdalhom liema inkarigu tqil, u l-appostli kif wettquh?
18 Ġesù żamm kelmtu. Iktar tard, fil-Galilija, Ġesù rxoxtat deher lill-11-il appostlu leali, li milli jidher kienu nġabru maʼ ħafna oħrajn. (Mattew 28:16, 17; 1 Korintin 15:6) Hemmhekk, Ġesù tahom inkarigu tqil: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Il-ktieb taʼ l-Atti jagħtina evidenza ċara li l-appostli wettquh dak l-inkarigu. Huma fedelment taw spinta ’l quddiem lix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba fl-ewwel seklu.—Atti 2:41, 42; 4:33; 5:27-32.
19. L-azzjonijiet taʼ Ġesù wara l-irxoxt tiegħu x’jgħallmuna dwar il-moħħ taʼ Kristu?
19 Dan ir-rakkont sinjifikanti x’jgħallimna dwar il-moħħ taʼ Kristu? Ġesù kien ra lill-appostli tiegħu fl-agħar tagħhom, madankollu hu “ħabbhom għall-aħħar.” (Ġwann 13:1) Minkejja n-nuqqasijiet tagħhom, hu wriehom li kien jemmen fihom. Innota li Ġesù ma żbaljax billi wera fiduċja. Il-fiduċja u l-fidi li kien esprima fihom bla dubju saħħithom biex ikunu determinati f’qalbhom li jwettqu x-xogħol li kien ikkmandahom jagħmlu.
20, 21. Kif nistgħu nuru li għandna ħarsa pożittiva taʼ dawk li jemmnu bħalna?
20 Kif nistgħu nuru b’għemilna l-moħħ taʼ Kristu f’dan ir-rigward? Tkunx pessimist dwar dawk li jemmnu bħalek. Jekk taħseb negattiv dwarhom, kliemek u għemilek x’aktarx li jikxfuk. (Luqa 6:45) Madankollu, il-Bibbja tgħidilna li l-imħabba “kollox temmen.” (1 Korintin 13:7) L-imħabba hija pożittiva, mhux negattiva. Din tibni mhux iġġarraf. In-nies jaġixxu iżjed malajr jekk jintwerew imħabba u inkuraġġiment milli jekk jiġu intimidati. Aħna nistgħu nibnu u ninkuraġġixxu lil oħrajn billi nesprimu fiduċja fihom. (1 Tessalonikin 5:11) Jekk, bħal Kristu, għandna ħarsa pożittiva taʼ ħutna, se nittrattawhom b’tali mod li nibnuhom u joħroġ minnhom l-iktar lat sabiħ tal-karattru tagħhom.
21 Li nikkultivaw u nuru b’għemilna l-moħħ taʼ Kristu jinvolvi iktar milli sempliċement nimitaw ċerti affarijiet li għamel Ġesù. Bħalma semmejna fl-artiklu taʼ qabel, jekk irridu verament naġixxu bħal Ġesù, irridu l-ewwel nitgħallmu nħarsu lejn l-affarijiet kif kien iħares hu. L-Evanġelji jgħinuna naraw aspett ieħor tal-personalità tiegħu, kif kien jaħseb u jħoss dwar ix-xogħol li ġie inkarigat jagħmel, kif se jiddiskuti l-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Dak li ffalsifika d-dokument jiddeskrivi dik li suppost kienet id-dehra fiżika taʼ Ġesù, inkluż il-lewn taʼ xagħru, il-leħja, u għajnejh. Edgar J. Goodspeed, traduttur tal-Bibbja, jispjega li dan id-dokument falz kien “imfassal biex jappoġġa d-deskrizzjoni li hemm fil-manwali tal-pitturi dwar id-dehra persunali taʼ Ġesù.”
b Milli jidher, it-tfal kienu taʼ etajiet diversi. Il-kelma li hawn tiġi tradotta “tfal żgħar” tintuża wkoll għal bint Ġajru li kellha 12-il sena. (Mark 5:39, 42; 10:13) Madankollu, fir-rakkont taʼ Luqa dwar l-istess ġrajja, dan juża kelma li tintuża wkoll għat-trabi.—Luqa 1:41; 2:12; 18:15.
c Ara l-artiklu “Tirrispettaha Int id-Dinjità Tagħhom?” fil-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’April, 1998.
-
-
Imqanqal Int biex Taġixxi Bħalma Kien Ġesù?It-Torri tal-Għassa—2000 | Frar 15
-
-
Imqanqal Int biex Taġixxi Bħalma Kien Ġesù?
“Ra kotra kbira taʼ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.”—MARK 6:34.
1. Għala nistgħu nifhmu li xi nies juru kwalitajiet taʼ min jammirahom?
Matul l-istorja tal-bnedmin kien hemm ħafna individwi li wrew b’għemilhom kwalitajiet taʼ min jammirahom. Tistaʼ tifhem għala. Alla Jehovah jippossiedi u juri magħna mħabba, qalb tajba, ġenerożità, u kwalitajiet oħrajn li nistmaw. Il-bnedmin kienu maħluqin fix-xbiha t’Alla. Għalhekk nistgħu nifhmu għala ħafna juru ċertu ammont taʼ mħabba, qalb tajba, mogħdrija, u kwalitajiet divini oħrajn, saħansitra bħalma l-biċċa l-kbira jindikaw minn għemilhom li għandhom kuxjenza. (Ġenesi 1:26; Rumani 2:14, 15) Iżda forsi tirrealizza li xi wħud ikunu pronti li juru dawn il-kwalitajiet iżjed minn oħrajn.
2. Liema huma xi xogħlijiet tajbin li jagħmlu ċerti nies, billi forsi jħossu li qed jimitaw lil Kristu?
2 Probabbli taf b’irġiel u nisa li spiss iżuru jew jgħinu lill-morda, juru mogħdrija lill-inkapaċitati, jew huma ġenerużi mal-fqar. Aħseb ukoll dwar uħud li, sforz kemm ikunu jħossu għal ħaddieħor, ikunu lesti li jqattgħu ħajjithom jaħdmu maʼ l-imġiddmin jew maʼ l-orfni, dawk li jagħmluha taʼ volontieri fi sptarijiet jew f’ċentri għal nies b’mard terminali, jew nies li jistinkaw biex jgħinu lir-refuġjati jew lil min m’għandux saqaf fuq rasu. X’aktarx li xi wħud minnhom iħossu li qed jimitaw lil Ġesù, li ħalla l-eżempju għall-Kristjani. Fl-Evanġelju naqraw li Kristu fejjaq lill-morda u temaʼ lin-nies bil-ġuħ. (Mark 1:34; 8:1-9; Luqa 4:40) L-imħabba, it-tenerezza, u l-mogħdrija li wera Ġesù jirriflettu “l-moħħ taʼ Kristu,” li min-naħa tiegħu kien qed jimita lil Missieru tas-sema.—1 Korintin 2:16, NW.
3. Biex ikollna ħarsa bilanċjata tax-xogħlijiet tajbin taʼ Ġesù, x’hemm bżonn nikkunsidraw?
3 Iżda osservajt int li llum ħafna minn dawk li ġew imqanqlin mill-imħabba u l-mogħdrija taʼ Ġesù jinjoraw fattur fundamentali dwar il-moħħ taʼ Kristu? Nistgħu niksbu dehen dwar dan billi nikkunsidraw bir-reqqa Mark kapitlu 6. Hemmhekk naqraw li n-nies ġabu lill-morda għand Ġesù biex ifejjaqhom. Fil-kuntest nitgħallmu wkoll li meta ra li l-eluf li kienu ġew warajh kien qabadhom il-ġuħ, Ġesù temagħhom mirakolożament. (Mark 6:35-44, 54-56) Billi fejjaq lill-morda u temaʼ lin-nies bil-ġuħ Ġesù wera l-mogħdrija u l-imħabba b’mod taʼ l-għaġeb, imma kien dan il-mod ewlieni kif hu għen lil oħrajn? U kif nistgħu nimitaw bl-aħjar mod l-eżempju perfett tiegħu taʼ mħabba, qalb tajba, u mogħdrija, saħansitra bħalma hu imita lil Jehovah?
Imqanqal biex Jgħin fil-Ħtiġijiet Spiritwali
4. Kif żvolġiet ix-xena tar-rakkont li nsibu f’Mark 6:30-34?
4 Ġesù tħassar lil dawk taʼ madwaru primarjament minħabba l-ħtiġijiet spiritwali tagħhom. Dawk il-ħtiġijiet kienu taʼ importanza ewlenija, iktar mill-ħtiġijiet fiżiċi. Ikkunsidra r-rakkont f’Mark 6:30-34. Il-ġrajja mniżżla hemmhekk seħħet fuq ix-xtut tal-Baħar tal-Galilija, viċin żmien il-Qbiż tas-sena 32 E.K. L-appostli kienu eċċitati ferm u bir-raġun. Billi kienu għadhom kif temmew mawra kbira, ġew fejn kien Ġesù għax bla dubju kienu ħerqanin biex jgħidulu l-esperjenzi tagħhom. Iżda bdew jinġemgħu n-nies. Tant ġew nies li Ġesù u l-appostli tiegħu la setgħu jieklu u lanqas jistrieħu. Ġesù qal lill-appostli: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” (Mark 6:31) Rikbu dgħajsa, probabbli ħdejn Kafarnahum, u rħewlha lejn post kwiet fuq in-naħa l-oħra tal-Baħar tal-Galilija. Imma l-folla ġriet mad-dawra tax-xatt u waslet qabel id-dgħajsa. Kif kien se jirreaġixxi Ġesù? Inkorla għax ma ħallewhx fil-kwiet? Xejn affattu!
5. Ġesù kif ħassu għall-folol li ġew warajh, u kif irreaġixxa?
5 Ġesù ħass qalbu titqanqal meta ra din il-folla t’eluf, inkluż nies morda, li kienu qed jistennewh ħerqanin. (Mattew 14:14; Mark 6:44) Waqt li ffoka fuq dak li qanqal il-mogħdrija u r-reazzjoni taʼ Ġesù, Mark kiteb: “Ra kotra kbira taʼ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.” (Mark 6:34) Ġesù ma rax sempliċement massa taʼ nies. Ra individwi bi ħtiġijiet spiritwali. Kienu bħal nagħaġ mitlufin u bla tama, mingħajr ebda ragħaj biex jiggwidahom lejn mergħat iħaddru jew biex jipproteġihom. Ġesù kien jaf li l-mexxejja reliġjużi bla qalb, li suppost kienu rgħajja li jieħdu ħsiebhom, kienu fil-fatt jistmerruhom lin-nies komuni u traskuraw il-ħtiġijiet spiritwali tagħhom. (Eżekjel 34:2-4; Ġwann 7:47-49) Ġesù ried jittrattahom differenti, billi jagħmlilhom l-iktar ġid possibbli. Beda jgħallimhom dwar is-Saltna t’Alla.
6, 7. (a) L-Evanġelji jirrivelaw liema prijorità fir-reazzjoni taʼ Ġesù għall-ħtiġijiet tan-nies? (b) X’kien iqanqal lil Ġesù biex jippriedka u jgħallem?
6 Innota s-sekwenza u kif jidher li qed tiġi suġġerita prijorità f’rakkont ieħor dwar l-istess ġrajja. Dan inkiteb minn Luqa, li kien tabib u kien interessat ferm fis-saħħa t’oħrajn. “Imma l-folol . . . marru warajh [wara Ġesù]. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna t’Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan.” (Korsiv tagħna.) (Luqa 9:11; Kolossin 4:14) Għalkemm ma jsirx hekk f’kull rakkont dwar xi miraklu, f’dan il-każ, ir-rakkont ispirat taʼ Luqa x’innota l-ewwel? Il-fatt li Ġesù għallem lin-nies.
7 Dan fil-fatt jaqbel maʼ l-enfasi li nsibu f’Mark 6:34. Dan il-vers juri biċ-ċar kif Ġesù kien imqanqal prinċipalment biex jesprimi l-ħasra li ħass. Hu għallem lin-nies, billi għenhom fil-ħtiġijiet spiritwali tagħhom. Iktar kmieni fil-ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna taʼ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.” (Luqa 4:43) Xorta waħda, inkunu qed niżbaljaw jekk naħsbu li Ġesù xandar il-messaġġ tas-Saltna sempliċement bħala dover, bħallikieku kien jibqaʼ għaddej b’mod superfiċjali fix-xogħol taʼ l-ippridkar li kellu jagħmel. Le, il-mogħdrija u l-imħabba li kellu għan-nies kienu l-fattur ewlieni li qanqlu biex jaqsam magħhom l-aħbar tajba. L-iktar ġid dejjiemi li Ġesù setaʼ jagħmel—saħansitra għall-morda, dawk maħqurin mid-demonji, il-fqar, jew l-imġewħin—kien li jgħinhom isiru jafu, jaċċettaw, u jħobbu l-verità dwar is-Saltna t’Alla. Din il-verità kienet taʼ importanza ċentrali minħabba l-irwol tas-Saltna fl-ivvendikar tas-sovranità taʼ Jehovah u f’li tipprovdi barkiet permanenti għall-bnedmin.
8. Ġesù kif ħassu dwar l-ippridkar u t-tagħlim tiegħu?
8 L-ippridkar attiv taʼ Ġesù dwar is-Saltna kien ir-raġuni bażika għala ġie fuq l-art. Lejn tmiem il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù qal lil Pilatu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jismaʼ leħni.” (Ġwann 18:37) Fiż-żewġ artikli taʼ qabel innotajna li Ġesù kien persuna b’sentimenti teneri—kien jieħu interess f’ħaddieħor, faċli biex oħrajn jersqu jkellmuh, juri konsiderazzjoni, fiduċja, u fuq kollox imħabba. Għandna bżonn napprezzaw dawk l-aspetti tal-personalità tiegħu jekk irridu verament nifhmu l-moħħ taʼ Kristu. Huwa daqstant ieħor importanti li nirrealizzaw li l-moħħ taʼ Kristu jinkludi l-prijorità li ta lix-xogħol tiegħu taʼ l-ippridkar u t-tagħlim.
Ħeġġeġ lil Oħrajn Jagħtu Xiehda
9. L-ippridkar u t-tagħlim għal min riedu jkunu taʼ prijorità?
9 Li jagħti prijorità lill-ippridkar u t-tagħlim—bħala espressjoni taʼ mħabba u mogħdrija—ma kinitx xi ħaġa li Ġesù biss kellu jagħmel. Hu ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jimitaw il-motivi, il-prijoritajiet, u l-azzjonijiet tiegħu. Per eżempju, wara li Ġesù għażel lit-12-il appostlu tiegħu, dawn x’kellhom jagħmlu? Mark 3:14, 15 jgħidilna: “Għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw, u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten.” (Korsiv tagħna.) Tara xi prijorità għall-appostli?
10, 11. (a) Meta Ġesù bagħat lill-appostli, x’qalilhom biex jagħmlu? (b) Fuqiex poġġa l-enfasi Ġesù meta bagħat lill-appostli?
10 Maż-żmien, lit-12 Ġesù tahom ukoll is-setgħa li jfejqu lil oħrajn u li jkeċċu x-xjaten. (Mattew 10:1; Luqa 9:1) Imbagħad bagħathom fuq mawra s’għand in-“nagħaġ il-mitlufa tad-dar taʼ Iżrael.” X’kellhom jagħmlu? Ġesù ordnalhom: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejjqu l-morda, qajjmu l-mejtin, fejjqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten.” (Mattew 10:5-8; Luqa 9:2) Fil-fatt, huma x’għamlu? “Ħarġu mela [1] jxandru biex in-nies jindmu; u [2] keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.”—Mark 6:12, 13.
11 Ladarba t-tagħlim mhux dejjem jissemma l-ewwel, inkunu qegħdin nagħtu wisq importanza lill-kwistjoni tal-prijoritajiet jew tal-motivi involuti billi ninnotaw is-sekwenza t’hawn fuq? (Luqa 10:1-8) Sewwa, m’għandniex ninjoraw il-fatt li ħafna drabi t-tagħlim jissemma qabel il-fejqan. Ikkunsidra l-kuntest f’dan il-każ. Ftit qabel ma bagħat lit-12-il appostlu, Ġesù kien ġie mqanqal mill-kundizzjoni tal-folol. Naqraw: “Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta taʼ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.’”—Mattew 9:35-38.
12. Ix-xogħlijiet mirakolużi taʼ Ġesù u l-appostli għal liema skop ieħor setgħu jservu?
12 Billi kienu miegħu, l-appostli setgħu jassorbu xi ftit mill-moħħ taʼ Kristu. Setgħu jindunaw li biex verament juru mogħdrija u mħabba għan-nies huma kellhom ukoll jippridkawlhom u jgħallmuhom dwar is-Saltna—dan kellu jkun aspett prinċipali mix-xogħlijiet tajbin tagħhom. Fi qbil maʼ dan, l-għemejjel sbieħ taʼ natura fiżika, bħall-fejqan tal-morda, wettqu iktar milli sempliċement għenu lil min kien fil-bżonn. Bħalma tistaʼ timmaġina, xi nies setgħu ġew attirati minħabba l-fejqan u l-ikel provdut mirakolożament. (Mattew 4:24, 25; 8:16; 9:32, 33; 14:35, 36; Ġwann 6:26) Madankollu, minbarra li pprovdew għajnuna fiżika, dawn ix-xogħlijiet attwalment qanqlu lil min rahom biex jirrikonoxxi li Ġesù kien Bin Alla u l-“profeta” mbassar minn Mosè.—Ġwann 6:14; Dewteronomju 18:15.
13. Il-profezija f’Dewteronomju 18:18 liema rwol enfasizzat għall-“profeta” li kellu jiġi?
13 Għala kien sinjifikanti li Ġesù kien il-“profeta”? Sewwa, x’kien l-irwol fundamentali mbassar għalih? Kellu l-“profeta” jkun famuż għax jagħmel fejqan mirakoluż jew b’mogħdrija jipprovdi l-ikel għan-nies bil-ġuħ? Dewteronomju 18:18 bassar: “Jiena nqajjmilhom profeta bħalek [bħal Mosè], minn fost ħuthom; nqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kull ma nordnalu.” Għalhekk waqt li l-appostli tgħallmu kif ikollhom u kif jesprimu sentimenti teneri, setgħu jikkonkludu li l-moħħ taʼ Kristu kien evidenti wkoll mill-attività tagħhom taʼ l-ippridkar u t-tagħlim. Din kellha tkun l-aqwa ħaġa li setgħu jagħmlu għan-nies. Permezz tagħha, il-morda u l-fqar setgħu jiksbu benefiċċji permanenti, mhux biss benefiċċji li jgawduhom biss tul għomor qasir taʼ bniedem jew b’xi ikla kultant.—Ġwann 6:26-30.
Żviluppa l-Moħħ taʼ Kristu Llum
14. Li jkollna l-moħħ taʼ Kristu kif inhu involut fl-ippridkar tagħna?
14 Ħadd minna ma jqis li l-moħħ taʼ Kristu kien xi ħaġa unika għall-ewwel seklu—għal Ġesù u d-dixxipli bikrin tiegħu li dwarhom l-appostlu Pawlu kiteb: “Aħna tassew għandna l-moħħ taʼ Kristu.” (1 Korintin 2:16, NW) U bla tlaqliq nammettu li aħna obbligati li nippridkaw l-aħbar tajba u nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Madankollu, ikun taʼ benefiċċju li nirriflettu dwar il-motivi persunali tagħna rigward għala qed nagħmlu dan ix-xogħol. M’għandux ikun sempliċement minħabba sens taʼ dover. Imħabba għal Alla hija r-raġuni prinċipali għala nieħdu sehem fil-ministeru, u li verament inkunu bħal Ġesù jinkludi li nitqanqlu b’mogħdrija biex nippridkaw u ngħallmu.—Mattew 22:37-39.
15. Il-mogħdrija għala hija parti xierqa mill-ministeru pubbliku tagħna?
15 M’għandniex xi ngħidu, mhux dejjem faċli li tħoss mogħdrija għal min ma jaħsibx u ma jemminx bħalek, speċjalment meta dan juri indifferenza, u jiċħad jew jopponi. Iżda li kieku kellna nitilfu l-imħabba u l-mogħdrija li nħossu għan-nies, nistgħu nitilfu motivazzjoni vitali biex nieħdu sehem fil-ministeru Kristjan. Allura, kif nistgħu nikkultivaw il-mogħdrija? Nistgħu nipprovaw naraw lin-nies bħalma kien jarahom Ġesù, bħala li huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Ma jiddeskrivix dan lil ħafna llum? Huma ġew mitluqin u mogħmijin spiritwalment minn rgħajja reliġjużi foloz. Bħala riżultat, ma jafux dwar il-gwida mibnija fuq is-sod li tinsab fil-Bibbja, u lanqas dwar il-kundizzjonijiet tal-Ġenna fuq l-art li dalwaqt se ġġib is-Saltna t’Alla. Huma jiffaċċjaw il-problemi tal-ħajja taʼ kuljum—inkluż il-faqar, tilwim fil-familja, mard, u mewt—mingħajr ma għandhom it-tama tas-Saltna. Aħna għandna dak li għandhom bżonn: l-aħbar tajba li ssalva l-ħajja dwar is-Saltna t’Alla li issa hija stabbilita fis-sema!
16. Għala għandna nkunu nixtiequ naqsmu l-aħbar tajba maʼ oħrajn?
16 Meta tirrifletti b’dan il-mod dwar il-ħtiġijiet spiritwali taʼ dawk madwarek, ma tqanqlekx qalbek biex tagħmel kulma tistaʼ sabiex tgħidilhom dwar l-iskop taʼ mħabba li Alla għandu? Iva, ix-xogħol tagħna hu wieħed taʼ mogħdrija. Meta nħossu għan-nies bħalma kien jagħmel Ġesù, dan se jkun evidenti mit-ton taʼ leħinna, l-espressjoni taʼ wiċċna, u l-mod kif ngħallmu. Dan kollu se jagħmel il-messaġġ tagħna iktar attraenti għal dawk li huma disposti kif jixraq “għall-ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:48.
17. (a) Liema huma xi modi li bihom nistgħu nuru mħabbitna u l-mogħdrija tagħna għal oħrajn? (b) Għala m’hijiex kwistjoni taʼ li jew nagħmlu xogħlijiet tajbin inkella nieħdu sehem fil-ministeru pubbliku?
17 M’għandniex xi ngħidu, l-imħabba u l-mogħdrija tagħna għandhom ikunu jidhru fil-korsa kollha taʼ ħajjitna. Dan jinkludi li nkunu qalbna tajba maʼ min hu żvantaġġat, marid, u fqir—billi nagħmlu kulma nistgħu biex inserrħuhom mit-tbatija. Għandna wkoll nagħmlu sforz biex bil-kliem u l-fatti ntaffu n-niket taʼ wħud li jitilfu l-maħbubin tagħhom minħabba l-mewt. (Luqa 7:11-15; Ġwann 11:33-35) Iżda, dawn it-turijiet taʼ mħabba, qalb tajba, u mogħdrija m’għandhomx isiru l-enfasi ewlenija tax-xogħlijiet tajbin tagħna, bħalma saru għal xi umanitarji. Sforzi mqanqlin minn kwalitajiet divini bħal dawn li semmejna huma taʼ sinjifikat ferm iktar dejjiemi meta nuruhom biex nieħdu sehem fix-xogħol Kristjan taʼ l-ippridkar u t-tagħlim. Ftakar x’qal Ġesù dwar il-mexxejja reliġjużi Lhud: “Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra.” (Mattew 23:23) Ġesù ma qagħadx jagħżel bejn ħaġa u oħra—jew jgħin lin-nies fil-ħtiġijiet fiżiċi tagħhom inkella jgħallimhom affarijiet spiritwali li jagħtu l-ħajja. Kien jagħmilhom it-tnejn. Xorta waħda, jidher ċar li x-xogħol tiegħu taʼ tagħlim kien fuq quddiem għaliex il-ġid li kien iwettaq bih setaʼ jkun t’għajnuna għal dejjem.— Ġwann 20:16.
18. Li nikkunsidraw il-moħħ taʼ Kristu se jqanqalna għal liema ħaġa?
18 Kemm għandna għalfejn inkunu grati li Jehovah rrivelalna l-moħħ taʼ Kristu! Permezz taʼ l-Evanġelji, nistgħu nsiru nafu aħjar il-ħsibijiet, is-sentimenti, il-kwalitajiet, l-attivitajiet, u l-prijoritajiet taʼ l-aqwa bniedem li qatt għex. Jiddependi minna li naqraw, nimmeditaw, u npoġġu fil-prattika dak li l-Bibbja tirrivela dwar Ġesù. Ftakar, jekk irridu verament naġixxu bħal Ġesù, għandna l-ewwel nitgħallmu naħsbu, inħossu, u niżnu l-affarijiet bħalma kien jagħmel hu, sa fejn nistgħu naslu bħala bnedmin imperfetti. Mela, ejja nkunu determinati li nikkultivaw u nuru b’għemilna l-moħħ taʼ Kristu. M’hemmx mod aħjar minn dan kif ngħixu, m’hemmx mod aħjar kif nittrattaw man-nies, u m’hemmx mod aħjar għalina u għal oħrajn biex nersqu qrib taʼ dak li lilu rrifletta b’mod perfett, dak Alla teneru tagħna, Jehovah.—2 Korintin 1:3; Lhud 1:3.
-
-
Imqanqal Int biex Taġixxi Bħalma Kien Ġesù?It-Torri tal-Għassa—2000 | Frar 15
-
-
[Stampa ta’ paġna sħiħa f’paġna 23]
-