Ir-Rahan—id-Duttrina Mitlufa tal-Kristjaneżmu
IR-RAHAN, it-twemmin li Ġesù miet bi bdil għall-umanità midinba, huwa fundamentali għall-vera Kristjanità. Madankollu, din id-duttrina ilha għal żmien twil tiġi kkritikata u rredikolata mit-teoloġi tal-Kristjaneżmu.
Dan għala jiġri? Ma qalx Ġesù nnifsu f’Mark 10:45: “Bin il-bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala fidwa bi bdil maʼ ħafna”?
Xi wħud sostnew li Ġesù qatt ma qalu dak il-kliem, u li wara mewtu dan ġie vvintat taħt l-influwenza tal-appostlu Pawlu. Oħrajn jargumentaw li “r-rahan” hawnhekk huwa mod tal-kelma jew li d-duttrina ġejja mill-mitoloġija Griega! Mela r-rahan kważi għeb mit-tagħlim tal-knisja.
Int forsi tibqaʼ skantat, iżda, kif il-Kristjani tal-bidu qiesu l-mewt taʼ Ġesù. Pawlu jgħidilna fit-2 Korintin 5:14, 15: “L-imħabba li l-Kristu għandu ġġigħelna, għaliex dan hu dak li aħna ġġudikajna, li bniedem wieħed miet għal kulħadd . . . biex dawk li jgħixu jistgħu jgħixu mhux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” Kemm kienet sempliċi b’mod elokwenti din id-duttrina—kompletament ħielsa mit-tibdiliet komplikati li iktar tard kellha tgħaddi minnhom taħt idejn it-teoloġi tal-knisja.
Huwa possibbli li l-appostlu Pawlu vvinta din id-duttrina? Le, għax hu jispjega fl-1 Korintin 15:3: “Jien newwiltilkom, fost l-ewwel affarijiet, dak li jien ukoll irċevejt, li Kristu miet għad-dnubiet tagħna skond l-Iskrittura.” B’mod ċar, ħafna qabel ma Pawlu kiteb l-epistoli tiegħu, il-Kristjani kienu diġà fehmu l-mewt taʼ Ġesù bħala waħda taʼ sagrifiċċju, prezz reali mħallas biex jifdi l-umanità midinba, rahan. Barra minn hekk, bħalma jindika Pawlu, huma fehmu li l-mewt taʼ Kristu twettaq “l-Iskrittura,” jiġifieri, profeziji bħal Salm 22 u Isaija 53 fl-Iskrittura Ebrajka, jew it-“Testment il-Qadim.”
Mistoqsijiet Mhux Imwieġba
Jekk inti trid tinvestiga l-fatti għall-affari tiegħek, se ssib li tagħlim apostat daħal fil-Kristjanità lura qrib żmien l-appostli. (Atti 20:29, 30; 2 Timotew 4:3, 4) Madankollu, twemmin fis-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala rahan ippersista, bħalma juru l-kitbiet tas-Santi Padri bikrin tal-Knisja. Madankollu, meta xi teoloġi iktar tard indagaw fid-duttrina tar-rahan, huma ħarġu b’xi mistoqsijiet diffiċli, bħalma huma, Lil min ġie mħallas ir-rahan? U għala kien meħtieġ ħlas bħal dan?
Fir-rabaʼ seklu E.K., Gregorju taʼ Nissa u oħrajn spjegaw il-ħarsa li r-rahan kien ġie mħallas lil Satana x-Xitan! Satana, huma argumentaw, kellu żamma fuq il-bniedem, u r-rahan ġie mħallas lilu biex jeħles lill-umanità. Madankollu, wieħed kontemporanju jismu Gregorju taʼ Nazianzus ra toqba miftuħa mhux hażin f’din it-teorija. Kienet timplika li Alla kien obbligat lejn ix-Xitan—verament ħaġa assurda! L-idea li r-rahan tħallas lix-Xitan xorta qabdet sewwa u baqgħet għal sekli sħaħ.
Jistaʼ jkun li r-rahan ġie mħallas lil Alla nnifsu? Gregorju taʼ Nazianzus ħass li hu ra problemi f’din l-idea wkoll. Ladarba ‘aħna ma konniex f’irbit maʼ [Alla],’ għala kien jinħtieġ li rahan jitħallas lilu? Barra minn hekk, ‘jistaʼ jkun li l-Missier jitgħaxxaq bil-mewt taʼ Ibnu’ billi jesiġi rahan? Mistoqsijiet li kienu jidhru diffiċli u li dehru li kienu jitfgħu dubju fuq ir-rahan innifsu.
Il-Mewt tar-Rahan
L-investigazzjoni tiegħek taʼ din il-kwistjoni tistaʼ mbagħad twasslek sa kmieni fis-seklu 12. Anselmu, Arċisqof taʼ Canterbury, ittanta jwieġeb dawn il-mistoqsijiet fil-ktieb tiegħu Cur Deus Homo (Għala Alla Sar Bniedem). Il-ktieb għallem li l-mewt taʼ Kristu serviet bħala l-mezz biex tissodisfa ġustizzja divina, għalkemm mhux bħala rahan. Anselmu sostna illi li jinħafer id-dnub permezz taʼ rahan mingħajr ma tiġi ssodisfata l-ġustizzja kien jammonta għal li tħalli d-dnub mhux ikkorreġut. “Imma Alla ma jistax b’mod xieraq iħalli xi ħaġa mhix ikkorreġuta fis-Saltna Tiegħu,” qal Anselmu. Allura, Alla kif ikkorreġa l-kwistjonijiet?
Billi argumenta li d-‘dnub jiddiżonora lil Alla,’ Anselmu qal li ma kienx ikun biżżejjed “sempliċement li tirrestawra dak li kien ittieħed” bid-dnub taʼ Adam. Ladarba Alla kien ġie insultat, rahan—saħansitra s-sagrifiċċju taʼ raġel perfett—ma kienx biżżejjed. “Meta tqis l-insult li sar,” irraġuna l-kleriku, “iktar milli ttieħed ried jiġi mogħti lura.” (Korsiv tagħna.) Anselmu argumenta li dan irrikjeda l-mewt taʼ wieħed li kien “kemm Alla kif ukoll bniedem”!
Kienet x’kienet ir-reazzjoni tiegħek għat-tagħlimiet taʼ Anselmu, dawn impressjonaw lin-nies taʼ żmienu u jkomplu jkollhom influwenza fi żmienna. Ħeqq, b’ġebla waħda, Anselmu kien kemm irrinforza d-duttrina tat-Trinità kif ukoll ta d-daqqa tal-mewt lir-rahan, għall-inqas fil-Kristjaneżmu! Il-kelma “sodisfazzjon” saret il-qawl tat-teoloġi, billi t-terminu “rahan” bil-mod il-mod għosfor. Madankollu, it-teoriji taʼ Anselmu kienu bbażati kważi kollha fuq loġika li kienet tidher li hi tajba imma li ma kinetx, u mhux fuq il-Bibbja. U hekk kif għadda ż-żmien, studjużi bħal Thomas Aquinas bdew inaqqru t-teorija taʼ “sodisfazzjon” taʼ Anselmu bil-loġika brikkuna tagħhom stess. L-ispekulazzjoni saret abbundanti. Teoriji dwar il-fidwa mmultiplikaw, u d-dibattitu tbiegħed iktar mill-Iskrittura u qagħad iktar fuq ir-raġunar tal-bniedem, il-filosofija, u l-mistiċiżmu.
Ir-Riforma u r-Rahan
Ejjew, iżda, nersqu iktar fil-qrib lejn żminijietna. Meta l-maltemp tar-Riforma Protestanta sbroffa fis-seklu 16, twieled grupp radikali msejjaħ is-Soċinjani.a Huma ċaħdu li l-mewt taʼ Ġesù b’xi mod “immeritat is-salvazzjoni għalina,” billi sejħu twemmin bħal dan “imqarraq, żballjat, u malizzjuż ħafna . . . , moqżież kemm għall-Iskrittura kif ukoll għar-raġuni.” (The Racovian Catechisme) Ladarba Alla jaħfer liberament, l-ebda sodisfazzjon tal-ġustizzja ma kien neċessarju. Il-mewt taʼ Kristu, huma sostnew, fdiet fis-sens li qanqlet lill-bnedmin biex jimitaw l-eżempju perfett tiegħu.
Billi ġiet attakkata minn dawn l-ereżijiet u oħrajn, il-Knisja Kattolika bdiet tattakka hija wkoll, billi laqqgħet il-Konċilju taʼ Trent (mill-1545 sal-1563). Imma waqt li ġew meħuda pożizzjonijiet fuq ħafna kwistjonijiet duttrinali, il-konċilju kien vag u ma kkommettiex ruħu rigward il-fidwa. Tkellem dwar il-‘mertu taʼ Ġesù Kristu’ u uża t-terminu “sodisfazzjon” imma skrupolożament evita t-terminu “rahan.” B’hekk, il-knisja naqset li tikkommetti ruħha għal xi pożizzjoni ċara u Skritturali. Il-bieb taʼ spekulazzjoni baqaʼ miftuħ beraħ.
Għala Mexxejja Reliġjużi Fallew
Mill-Kunsill taʼ Trent ’il hawn, teoloġi—Kattoliċi u Protestanti wkoll—żviluppaw partita teoriji taʼ fidwa. (Ara l-kaxxa f’paġna 5.) Iżda, l-ebda qbil mat-tifsir tal-mewt taʼ Kristu ma jidher. It-teoloġi jaqblu biss fl-istmerrija tagħhom għat-terminu Skritturali “rahan,” billi jippreferu jinjorawh, iċekknuh, jew jagħtu spjegazzjoni tiegħu kif iridu huma. It-tifsira tal-mewt taʼ Ġesù tiġi spjegata fid-dettal b’lingwa teknika tqila, tidwiriet komplessi taʼ loġika mqarrqa, u termini għoljin, bħalma huma “influwenza morali” u “sodisfazzjon fiżiku rappreżentattiv.” Minflok ma jibni l-fidi fil-mewt taʼ Kristu, il-kleru tal-Kristjaneżmu għamel iz-zokk tat-tortura tiegħu ġebla taʼ tfixkil li tħawdek.
X’inhi r-raġuni għal dan il-falliment bla qies? It-teologu Kattoliku Boniface A. Willems jattribwixxi dan lill-fatt li t-teoloġi huma “edukati f’iżolament mgħasses tajjeb”—’il bogħod wisq mill-ħtiġijiet veri tan-nies.b M’intix inklinat li taqbel maʼ dan ir-riżultat? Madankollu, Ġeremija 8:9 jmur iktar lil hinn, billi jipponta lejn il-veri egħruq tal-problema: “Ħares! Huma ċaħdu l-kelma nfisha taʼ Jehovah, u liema għerf għandhom?”
Veru, id-duttrina tar-rahan tistaʼ tagħti lok għal xi mistoqsijiet diffiċli. (2 Pietru 3:16) Imma minflok ma fittxew fl-Iskrittura għal tweġibiet, it-teoloġi wżaw il-għerf u l-loġika tal-bniedem. (1 Korintin 1:19, 20; 2:13) Huma assumew li jirrifjutaw kwalunkwe porzjon mill-Bibbja li ma kienx idoqqilhom—jew teoriji. (2 Timotew 3:16) Huma taw spinta ’l quddiem lil tagħlim mhux skritturali, bħalma hi d-duttrina tat-Trinità. (Ġwann 14:28) U l-akbar falliment tagħhom hu li huma għamlu s-salvazzjoni tal-bniedem l-iktar ħaġa importanti, waqt li njoraw kwistjonijiet iktar taʼ importanza li jinvolvu l-isem t’Alla u s-Saltna.—Mattew 6:9, 10.
Avukat tar-Rahan
Issa, jekk jogħġbok kompli l-eżami tiegħek sat-tmiem tas-seklu 19. Raġel li jibżaʼ minn Alla li kien jismu Charles Taze Russell issepara lilu nnifsu mit-teoloġija popolari u beda jippubblika din l-istess rivista—The Watchtower. “Mill-ewwel,” ftakar Russell, “kienet avukat speċjali tar-Rahan.”
Ir-rivista The Watchtower tkompli tagħmel l-istess ħaġa llum. Għal iktar minn mitt sena, ippreżentat raġunijiet Skritturali sodi biex wieħed jemmen fir-rahan, u tat tweġibiet Skritturali raġonevoli għall-isfidi tal-kritiċi. Aħna għalhekk nistednuk issa biex tkompli tagħti ħarsa lejn dak li tgħid il-Bibbja rigward il-mewt taʼ Ġesù u t-tifsir tagħha.
[Noti taʼ taħt]
a Ara “The Socinians—Why Did They Reject the Trinity?” fir-rivista sieħba tagħna Awake! tat-22 taʼ Novembru, 1988.
b Innota, madankollu, it-teorija taʼ Willems stess fil-kaxxa t’hawn fuq.
[Kaxxa f’paġna 5]
KAMPJUNI TAʼ TEORIJI TAL-FIDWA
◻ TEORIJA TAL-KNISJA JEW TAL-GVERN: Teologu Olandiż Hugo Grotius żviluppa din fis-seklu 17 biex jirrifjuta t-teoriji tas-Soċinjani. Grotius qies il-mewt taʼ Kristu “bħala xorta taʼ att legali, f’li Alla jkollu s-sehem tar-Rettur jew Gvernatur, u l-bniedem dak tal-ħati.”—L-Encyclopœdia of Religion and Ethics taʼ Hastings.
◻ TEORIJA VITALI TAʼ TPATTIJA: Din ġiet proposta fl-1946 mit-teologu Protestant Clarence H. Hewitt. Hu qies ix-xogħol taʼ Ġesù, mhux bħala li ħallas xi piena legali, imma bħala ‘li ħelisna mid-dominju tal-liġi tad-dnub u l-mewt u daħħal indiema u niket divin, billi b’hekk ġabna fi stat li jistaʼ jinħafer quddiem Alla.’
FIDWA PERMEZZ TAʼ SĦUBIJA KRISTJANA: It-teologu Kattoliku Ruman Boniface A. Willems (1970) jassoċja “l-fidwa” maʼ “li nduru lura mill-egoiżmu tagħna u niftħu qlubna beraħ lil xulxin.” Hu jżid: “L-idea Kristjana taʼ sostituzzjoni jew sofferenza sostitwita hi li wieħed jaf lilu nnifsu li hu konness f’solidarjetà mar-razza umana mgħaddsa fid-dnub. . . . Il-knisja hija mela s-sħubija taʼ dawk li diġà jgħixu f’servizz speċjali għall-benefiċċju taʼ oħrajn.”
◻ TEORIJA SOSTITUTTIVA: It-teologu Kattoliku Raymund Schwager ippropona din fl-1978. Hu ċaħad l-idea li Alla “talab għajn b’għajn.” Hu jqis is-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala xorta taʼ liberazzjoni (purifikazzjoni) li tħalli s-soċjetà umana biex tiżżvoga—u b’hekk teħles lilha nfisha—mit-tendenzi vjolenti li wirtet.
◻ FIDWA SOĊJO-POLITIKA: Teologu Battista Thorwald Lorenzen kiteb fl-1985: “Alla mhux sempliċement ifittex maħfra reliġjuża għall-midneb imma wkoll liberazzjoni politika għall-fqar u l-oppressi. . . . Il-mewt taʼ Ġesù, għalhekk, tirrivela wieħed Alla li hu kkonċernat bil-fejqan taʼ kull dimensjoni tal-ħajja umana.”