LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 9/1 pp. 5-10
  • Ngħixu għall-Preżent Jew Għal Futur Etern?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ngħixu għall-Preżent Jew Għal Futur Etern?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ishru”
  • Pedament Għal Twemmin F’Ħajja Taʼ Dejjem
  • Fil-​Futur ’Il Bogħod?
  • Għassies Leali
  • Ngħixu Għal Futur Etern
  • Naqdu maʼ l-Għassies
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • ‘Il-Mejtin Iqumu’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ħajja Taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama Kristjana?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ibqgħu Għassa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 9/1 pp. 5-10

Ngħixu għall-​Preżent Jew Għal Futur Etern?

“Aħna salvi bit-​tama.”—RUMANI 8:24.

1. L-​Epikureani x’kienu jgħallmu, u dik ix-​xorta taʼ filosofija kif effettwat lil xi Kristjani?

L-​APPOSTLU Pawlu kiteb lill-​Kristjani li kienu jgħixu f’Korintu: “Kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-​mejtin?” (1 Korintin 15:12) Mid-​dehra, il-​filosofija velenuża taʼ l-​għaref Grieg Epikurju kienet infiltrat mhux ħażin fost il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. B’hekk Pawlu ġibed l-​attenzjoni lejn it-​tagħlim Epikurean: “Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu!” (1 Korintin 15:32) Bi stmerrija għal kwalunkwe tama taʼ ħajja wara l-​mewt, is-​segwaċi taʼ dan il-​filosfu kienu jemmnu li l-​pjaċiri tal-​ġisem taʼ l-​individwu kienu l-​unika jew l-​aqwa ħaġa fil-​ħajja. (Atti 17:18, 32) Filosofija Epikureana kienet egoċentrika, ċinika, u degradanti għall-​aħħar.

2. (a) Għala kien daqshekk perikoluż li jiċħdu l-​irxoxt? (b) Pawlu kif saħħaħ il-​fidi tal-​Kristjani Korintin?

2 Din iċ-​ċaħda taʼ l-​irxoxt kellha implikazzjonijiet profondi. Pawlu rraġuna: “Jekk ma hemmx qawmien tal-​mejtin, anqas Kristu ma qam mill-​imwiet. Imma jekk Kristu ma qamx mill-​imwiet, fiergħa hi l-​predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-​fidi tagħkom. . . . Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-​ħajja biss, aħna l-​aktar nies imsejkna fost kemm huma l-​bnedmin.” (1 Korintin 15:13-19) Iva, mingħajr it-​tama taʼ futur etern, il-​Kristjanità tkun “fiergħa.” Tkun mingħajr skop. Ftit nistagħġbu, mela, li taħt l-​influwenza taʼ dan il-​ħsieb pagan, il-​kongregazzjoni f’Korintu kienet saret ħammiela taʼ problemi. (1 Korintin 1:11; 5:1; 6:1; 11:20-22) Pawlu, għalhekk, immira biex isaħħilhom il-​fidi fl-​irxoxt. Billi uża loġika qawwija, kwotazzjonijiet Skritturali, u tixbihat, hu ta prova mingħajr l-​ebda dubju li t-​tama taʼ l-​irxoxt ma kinitx xi storja immaġinarja imma realtà li żgur se titwettaq. Fuq din il-​bażi, hu setaʼ jħeġġeġ lill-​kredenti sħabu: “Żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej. Kunu afu li l-​ħidma tagħkom fil-​Mulej m’hijiex għalxejn.”—1 Korintin 15:20-58.

“Ishru”

3, 4. (a) Skond Pietru, liema attitudni perikoluża kienet se tiblaʼ lil xi wħud matul l-​aħħar jiem? (b) Dwar liema ħaġa għandna bżonn nibqgħu nfakkru lilna nfusna?

3 Illum, ħafna għandhom attitudni pessimista, taʼ ‘llum hawn u għada m’aħniex.’ (Efesin 2:2) Dan hu eżatt bħalma bassar l-​appostlu Pietru. Hu tkellem dwar “nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-​żufjett, nies li . . . jgħidu: ‘Fejn hi l-​wegħda tal-​miġja tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqaʼ miexi kif kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.’” (2 Pietru 3:3, 4) Li kieku adoraturi veri kellhom iċedu għal ħarsa bħal din, jistgħu jsiru “rieqda u bla frott.” (2 Pietru 1:8) B’ferħ, dak mhux il-​każ rigward il-​maġġuranza tan-​nies t’Alla llum.

4 M’huwiex ħażin li tkun interessat fit-​tmiem li ġej għal din is-​sistema preżenti mill-​agħar. Ftakar fl-​interess li wrew l-​istess appostli taʼ Ġesù: “Mulej, hu dan iż-​żmien li fih int se terġaʼ twaqqaf is-​Saltna taʼ Iżrael?” Ġesù wieġeb: “M’hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-​waqt u ż-​żmien li l-​Missier għażel bis-​setgħa tiegħu.” (Atti 1:6, 7) Dak il-​kliem iġorr il-​messaġġ bażiku li hu kien wasslilhom fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ: “Ma tafuhx il-​jum li fih jiġi Sidkom. . . . Qatt ma tistgħu tobsru s-​siegħa li fiha jiġi Bin il-​bniedem.” (Mattew 24:42, 44) Jeħtieġ li nibqgħu nfakkru lilna nfusna dwar dak il-​parir! Xi wħud għandhom mnejn jiġu ttantati bl-​attitudni, ‘Forsi għandi nnaqqas xi ftit u nieħu l-​affarijiet iżjed bil-​mod.’ Xi żball ikun dak! Ikkunsidra lil Ġakbu u lil Ġwanni, ‘Ulied ir-​Ragħad.’—Mark 3:17.

5, 6. Liema lezzjonijiet nistgħu nieħdu mill-​eżempji taʼ Ġakbu u Ġwanni?

5 Nafu li Ġakbu kien appostlu żeluż għall-​aħħar. (Luqa 9:51-55) Meta kienet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana, żgur li kellu rwol attiv. Iżda meta Ġakbu kien għadu relattivament żgħir, ġie maqtul minn Erodi Agrippa I. (Atti 12:1-3) Għandna naħsbu li Ġakbu, meta ra lil ħajtu tintemm ħesrem, ħassu mdejjaq li kien tant żeluż, li kien tant stinka fil-​ministeru tiegħu? Żgur li le! Ċertament li kien ferħan li kien qattaʼ l-​aqwa snin tal-​ħajja relattivament qasira tiegħu fis-​servizz taʼ Jehovah. Issa, ħadd minna ma jistaʼ jkun jaf jekk ħajjitna hix se tintemm ħesrem. (Koħèlet 9:11; qabbel Luqa 12:20, 21.) Għalhekk jidher ċar li huwa għaqli li nżommu f’livell għoli ż-​żelu u l-​attività tagħna f’li naqdu lil Jehovah. B’dan il-​mod se nżommu isem tajjeb miegħu u nibqgħu ngħixu bil-​futur etern tagħna quddiem għajnejna.—Koħèlet 7:1.

6 Hemm lezzjoni relatata li tinvolvi lill-​appostlu Ġwanni, li kien preżenti meta Ġesù ħeġġeġ intensament, “Ishru.” (Mattew 25:13; Mark 13:37; Luqa 21:34-36) Ġwanni dan daħħlu f’qalbu, u qeda b’entużjażmu għal bosta għexur taʼ snin. Fil-​fatt, jidher li hu l-​iktar appostlu li dam ħaj. Meta Ġwanni kien avanzat ħafna fl-​età, u setaʼ jħares lura lejn annati t’attività leali, qiesu dan bħala żball, bħala ħajja żvijata jew żbilanċjata? Le, tabilħaqq! Kien għadu b’mod ħerqan iħares lejn il-​futur. Meta Ġesù rxoxtat qal, “Iva, jien dalwaqt ġej,” Ġwanni immedjatament wieġeb, “Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!” (Apokalissi 22:20) Ġwanni ċertament li ma kienx qed jgħix għall-​preżent, jixxennaq għal ‘ħajja normali’ kwieta u kalma. Kien determinat li jibqaʼ jaqdi b’ħajtu u b’saħħtu kollha, jiġi meta jiġi l-​Mulej. Xi ngħidu għalina?

Pedament Għal Twemmin F’Ħajja Taʼ Dejjem

7. (a) It-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem kif kienet ‘imwiegħda sa minn qabel iż-​żminijiet’? (b) Ġesù kif tefaʼ dawl fuq it-​tama taʼ ħajja eterna?

7 Kun ċert li t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem m’hijiex xi ħolma jew fantasija tal-​bniedem. Kif jgħid Titu 1:2, id-​devozzjoni tagħna lejn Alla hi bbażata fuq “tama tal-​ħajja taʼ dejjem,” li “Alla, li ma jigdibx, wegħedhielna sa minn qabel iż-​żminijiet.” Kien l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin ubbidjenti kollha li jgħixu għal dejjem. (Ġenesi 1:28) Xejn, lanqas saħansitra l-​irvell t’Adam u Eva, ma jistaʼ jbiddel dan l-​iskop. Kif insibu miktub f’Ġenesi 3:15, Alla immedjatament wiegħed ‘nisel’ li kellu jneħħi l-​ħsara kollha miġjuba fuq l-​umanità. Meta n-​‘nisel’ jew il-​Messija, Ġesù, wasal, għamel it-​tama taʼ ħajja eterna parti mit-​tagħlim bażiku tiegħu. (Ġwann 3:16; 6:47, 51; 10:28; 17:3) Billi ta l-​ħajja perfetta tiegħu bħala rahan, Kristu kiseb id-​dritt legali biex jagħti ħajja taʼ dejjem lill-​bnedmin. (Mattew 20:28) Xi wħud mid-​dixxipli tiegħu, 144,000 b’kollox, se jgħixu għal dejjem fis-​smewwiet. (Apokalissi 14:1-4) B’hekk uħud li darba kienu bnedmin mortali se ‘jilbsu l-​immortalità’!—1 Korintin 15:53.

8. (a) X’inhi “l-​immortalità,” u Jehovah għala jagħtiha lill-​144,000? (b) Ġesù liema tama estenda għan-​“nagħaġ oħra”?

8 “L-​immortalità” tfisser iżjed milli sempliċement ma tmut qatt. Tinvolvi l-​“qawwa taʼ ħajja li ma tintemmx.” (Lhud 7:16; qabbel Apokalissi 20:6.) Iżda, Alla x’iwettaq billi jagħti rigal taʼ l-​għaġeb bħal dan? Ftakar fl-​isfida taʼ Satana li ħadd mill-​ħlejjaq t’Alla ma jistaʼ jiġi fdat. (Ġob 1:9-11; 2:4, 5) Billi jagħti l-​immortalità lill-​144,000, Alla jindika l-​fiduċja sħiħa tiegħu f’dan il-​grupp li wieġeb b’mod li tant jispikka għall-​isfida taʼ Satana. Iżda xi ngħidu dwar il-​bqija tal-​bnedmin? Ġesù lill-​membri tal-​bidu taʼ din il-​“merħla ċkejkna” taʼ werrieta tas-​Saltna qalilhom li kellhom ‘joqogħdu fuq tronijiet biex jagħmlu ħaqq mit-​tnax-il tribù taʼ Iżrael.’ (Luqa 12:32; 22:30) Dan jimplika li oħrajn se jirċievu ħajja taʼ dejjem fuq l-​art bħala sudditi tas-​Saltna tiegħu. Fil-​waqt li dawn in-​“nagħaġ oħra” ma jingħatawx l-​immortalità, huma tassew jirċievu “ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 10:16; Mattew 25:46) Il-​ħajja taʼ dejjem hi b’hekk it-​tama tal-​Kristjani kollha. M’hijiex xi fantasija imma xi ħaġa mwiegħda solennement minn “Alla, li ma jigdibx,” u mħallsa bid-​demm prezzjuż taʼ Ġesù.—Titu 1:2.

Fil-​Futur ’Il Bogħod?

9, 10. Liema indikazzjonijiet ċari hemm li ninsabu viċin it-​tmiem?

9 L-​appostlu Pawlu bassar li “żmien iebes” kellu jindika li nkunu bla dubju wasalna fl-​“aħħar tad-​dinja.” Hekk kif is-​soċjetà umana taʼ madwarna titfarrak fi stat taʼ mingħajr imħabba, taʼ regħba, taʼ ssodisfar tagħhom infushom, u taʼ mingħajr tjieba, ma nirrealizzawx aħna li jum Jehovah biex jesegwixxi l-​ġudizzji tiegħu fuq din is-​sistema dinjija mill-​agħar qed joqrob bil-​għaġla? Hekk kif jiżdiedu l-​vjolenza u l-​mibegħda, ma narawx aħna kull fejn inħarsu t-​twettiq tal-​kliem l-​ieħor taʼ Pawlu: “[I]n-nies il-​ħżiena u l-​uċuħ b’oħra jmorru mill-​ħażin għall-​agħar”? (2 Timotju 3:1-5, 13) Xi wħud b’mod ottimistiku għandhom mnejn ilissnu għajat taʼ “Sliem u mistrieħ,” imma l-​prospetti kollha taʼ paċi se jisparixxu, għax “bħall-​uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-​ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-​qerda u ma jeħilsu b’xejn.” Ma tħallejniex fid-​dlam rigward it-​tifsir taʼ żmienna. Mela, ejjew “nishru u ngħixu bil-​qjies.”—1 Tessalonikin 5:1-6.

10 Jerġaʼ, il-​Bibbja tindika li l-​aħħar jiem huma ‘perijodu qasir taʼ żmien.’ (Apokalissi 12:12; qabbel 17:10.) Il-​biċċa l-​kbira minn dak ‘il-​perijodu qasir’ milli jidher diġà għadda. Il-​profezija taʼ Danjel, per eżempju, tiddeskrivi bi preċiżjoni l-​konflitt bejn “is-​sultan tat-​tramuntana” u “s-​sultan tan-​nofsinhar” li estenda għal ġo dan is-​seklu. (Danjel 11:​5, 6) Kulma baqaʼ x’jitwettaq huwa l-​attakk finali tas-​“sultan tat-​tramuntana,” deskritt f’Danjel 11:44, 45.—Ara It-​Torri tal-​Għassa taʼ l-​1 t’Ottubru, 1987, u tal-​15 taʼ Diċembru, 1993, għal diskussjoni dwar din il-​profezija.

11. (a) Mattew 24:14 sa liema punt twettaq? (b) Il-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 10:23 x’jindika?

11 Hemm ukoll it-​tbassira taʼ Ġesù li “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Illum, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jwettqu x-​xogħol tagħhom f’233 pajjiż, gżira, u territorju. Veru, għadhom jeżistu territorji li ma ntmessewx, u forsi fiż-​żmien maħtur taʼ Jehovah, jinfetaħ bieb t’opportunità. (1 Korintin 16:9) Xorta waħda, il-​kliem li nsibu f’Mattew 10:23 iqanqal il-​ħsieb: “Ma tkunux dortu l-​bliet kollha taʼ Iżrael sa ma jiġi Bin il-​bniedem.” Fil-​waqt li l-​aħbar tajba żgur li se tiġi annunzjata maʼ l-​art kollha, m’aħniex se nilħqu personalment il-​partijiet kollha taʼ l-​art bil-​messaġġ tas-​Saltna qabel ma Ġesù “jiġi” bħala Esekutur.

12. (a) Liema ‘stampar taʼ siġill’ issir referenza għalih f’Apokalissi 7:3? (b) X’inhu s-​sinjifikat tat-​tnaqqis fl-​għadd taʼ wħud midlukin fuq l-​art?

12 Ikkunsidra l-​iskrittura f’Apokalissi 7:1, 3, li tgħid li “l-​erbat irjieħ” taʼ qerda jinżammu lura sakemm “[i]nkunu stampajna s-​siġill fuq il-​ġbin tal-​qaddejja taʼ Alla tagħna.” Dan mhux qed jirreferi għall-​issiġillar inizjali, li jseħħ meta dawk tal-​144,000 jirċievu s-​sejħa tas-​sema. (Efesin 1:13) Dan jirreferi għall-​issiġillar finali, meta huma jiġu identifikati b’mod li ma jitħassarx bħala “qaddejja taʼ Alla tagħna” pprovati u leali. L-​għadd taʼ wlied ġenwini t’Alla midlukin li għadhom ħajjin fuq l-​art naqas ħafna. Barra minn hekk, il-​Bibbja tistqarr b’mod ċar li huwa “minħabba l-​maħturin” li l-​fażi tal-​ftuħ tat-​tribulazzjoni l-​kbira se ‘titqassar.’ (Mattew 24:21, 22) Il-​biċċa l-​kbira minn dawk li jgħidu li huma mill-​midlukin huma avanzati mhux ħażin fl-​età. Ukoll, ma jindikax dan li t-​tmiem hu fil-​qrib?

Għassies Leali

13, 14. X’inhi r-​responsabbiltà tal-​klassi taʼ l-​għassies?

13 Sadattant, nagħmlu tajjeb li nagħtu kas tad-​direzzjoni mogħtija mill-​“irsir leali.” (Mattew 24:45, NW) Għal iktar minn mitt sena, l-​“irsir” taʼ żmienna qeda fedelment bħala “għassies.” (Eżekjel 3:17-21) It-​Torri Tal-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1984, spjega: “Dan l-​għassies josserva kif qed jiżviluppaw il-​ġrajjiet fuq l-​art fi twettiq tal-​profezija tal-​Bibbja, isemmaʼ t-​twissija dwar ‘tribulazzjoni kbira li waslet u li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja’ u jippubblika ‘aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.’”—Mattew 24:21; Isaija 52:7.

14 Ftakar: Huwa x-​xogħol t’għassies li jgħajjat b’leħen għoli “dak li jara.” (Isaija 21:6-8) Fi żminijiet Bibliċi għassies kellu jsemmaʼ twissija saħansitra meta t-​theddid potenzjali kien ikun ’il bogħod wisq biex jiġi identifikat b’mod ċar. (2 Slaten 9:17, 18) Allarmi foloz ċertament li kienu jseħħu lura f’dak iż-​żmien. Imma għassies tajjeb ma kienx se jibqaʼ lura milli jitkellem għax kien jibżaʼ li jaqaʼ għaċ-​ċajt. Kieku d-​dar tiegħek tkun qiegħda taqbad, kif tħossok int li kieku l-​pompiera ma jitfaċċawx għax ifettlilhom f’moħħhom li jistaʼ jkun allarm falz? Le, aħna nistennew li dawn in-​nies iwieġbu malajr għal kwalunkwe sinjal taʼ periklu! B’mod simili, il-​klassi taʼ l-​għassies tkellmet bil-​miftuħ meta ċ-​ċirkostanzi dehru li jirrikjedu dan.

15, 16. (a) Għala jsiru aġġustamenti fil-​fehma tagħna tal-​profezija? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn qaddejja leali t’Alla li kellhom fehma żbaljata dwar ċerti profeziji?

15 Iżda, hekk kif jiżviluppaw il-​ġrajjiet, il-​fehma tagħna tal-​profezija saret iktar ċara. L-​istorja turi li huwa rari, jekk mhux qatt, li profeziji divini jiġu mifhumin bis-​sħiħ qabel it-​twettiq tagħhom. Alla qal lil Abram eżattament kemm kellu jdum in-​nisel tiegħu bħala “frustier . . . f’art li ma tkunx tiegħu,” jiġifieri, 400 sena. (Ġenesi 15:13) Mosè, madankollu, offra lilu nnifsu bħala ħellies qabel il-​waqt.—Atti 7:23-30.

16 Ikkunsidra wkoll il-​profeziji Messjaniċi. Meta tħares lura jidher ċar daqs il-​kristall li l-​mewt u l-​irxoxt tal-​Messija kienu ġew imbassrin. (Isaija 53:8-10) Iżda, l-​istess dixxipli taʼ Ġesù naqsu li jifhmu dan il-​fatt. (Mattew 16:21-23) Ma fehmux li Danjel 7:13, 14 kellu jitwettaq matul il-​pa·rou·siʹa, jew “miġja” futura taʼ Kristu. (Mattew 24:3) Allura marru żmerċ bi kważi 2,000 sena meta staqsew lil Ġesù: “Mulej, hu dan iż-​żmien li fih int se terġaʼ twaqqaf is-​Saltna taʼ Iżrael?” (Atti 1:6) Anki wara li l-​kongregazzjoni Kristjana kienet stabbilita sew, baqgħu jitfaċċaw ideat żbaljati u stennijiet foloz. (2 Tessalonikin 2:1, 2) Għalkemm xi wħud kultant kellhom ħarsiet żbaljati, Jehovah bla dubju bierek ix-​xogħol taʼ dawk il-​kredenti taʼ l-​ewwel seklu!

17. X’għandha tkun il-​ħarsa tagħna dwar aġġustamenti fil-​fehma tagħna taʼ l-​Iskrittura?

17 Il-​klassi taʼ l-​għassies illum bl-​istess mod kellha tikkjarifika l-​ħarsiet tagħha minn żmien għal żmien. Iżda jistaʼ xi ħadd jiddubita li Jehovah bierek lill-​“irsir leali”? Barra minn hekk, meta tqis kollox, m’humiex il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​aġġustamenti li seħħew relattivament żgħar? Il-​fehma bażika tagħna tal-​Bibbja ma tbiddlitx. Il-​konvinzjoni tagħna li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem hi qawwija iżjed minn qatt qabel!

Ngħixu Għal Futur Etern

18. Għala għandna nevitaw li ngħixu għall-​preżent biss?

18 Id-​dinja tistaʼ tgħid, ‘Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu,’ imma din m’għandhiex tkun l-​attitudni tagħna. Għala tistinka fil-​vojt għal xi pjaċiri li tistaʼ tieħu issa fil-​ħajja meta tistaʼ taħdem għal futur etern? Dik it-​tama, kemm jekk taʼ ħajja immortali fis-​sema jew taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art, m’hix xi ħolma, xi fantasija. Hija realtà mwiegħda minn Dak Alla “li ma jigdibx.” (Titu 1:2) L-​evidenza hija tabilħaqq kbira li r-​realizzazzjoni taʼ tamitna hija verament fil-​qrib! “Iż-​żmien qsar.”—1 Korintin 7:29.

19, 20. (a) Jehovah kif iħares lejn is-​sagrifiċċji li nagħmlu minħabba s-​Saltna? (b) Aħna għala rridu ngħixu bl-​eternità quddiem għajnejna?

19 Veru, din is-​sistema diġà damet iktar minn kemm ħasbu ħafna li kellha ddum. Xi wħud issa għandhom mnejn iħossuhom illi kieku kienu jafu dan qabel, ma kinux jagħmlu ċerti sagrifiċċji. Imma wieħed m’għandux jiddispjaċih li għamel hekk. Wara kollox, li tagħmel sagrifiċċji huwa parti fundamentali milli tkun Kristjan. Il-​Kristjani ‘jiċħdu lilhom infushom.’ (Mattew 16:24) Qatt m’għandna nħossuna li l-​isforzi li nagħmlu biex nogħġbu ’l Alla jkunu għalxejn. Ġesù wiegħed: “Fost dawk kollha li minħabba fija u l-​Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-​għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-​dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, . . . u l-​ħajja taʼ dejjem fiż-​żmien li ġej.” (Mark 10:29, 30) Minn hawn u elf sena oħra, kemm se jidhru sinjifikanti l-​impjieg, id-​dar, jew il-​kont bankarju tiegħek? Sadattant, is-​sagrifiċċji li int għamilt għal Jehovah se jibqgħu mimlijin tifsir sa miljun sena oħra​—sa biljun sena oħra! “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu.”—Lhud 6:10.

20 Ejjew, għalhekk, ngħixu bl-​eternità quddiem għajnejna, billi “ma nħarsux lejn il-​ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.” (2 Korintin 4:18) Il-​profeta Ħabakkuk kiteb: “Id-​dehra sseħħ meta jkun waqtha, tistenna s[a] ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!” (Ħabakkuk 2:3) ‘L-​istennija’ tat-​tmiem kif għandha teffettwa l-​mod kif inwettqu r-​responsabbiltajiet persunali u familjari tagħna? L-​artiklu li jmiss se jidderieġi l-​attenzjoni tagħna lejn dawn il-​kwistjonijiet. (w97 8/15)

Punti Għal Reviżjoni

◻ Xi wħud illum kif ġew effettwati minn dak li jidher qisu dewmien biex tintemm din is-​sistema t’affarijiet?

◻ X’inhi l-​bażi għat-​tama tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem?

◻ Kif għandna nħarsu lejn xi sagrifiċċji li għamilna għall-​interessi tas-​Saltna?

[Stampa f’paġna 8]

Ix-​xogħol taʼ ppridkar globali jrid jitlesta qabel jiġi t-​tmiem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja