‘Il-Mewt Se Tiġi Meqruda’
“L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.”—1 KORINTIN 15:26.
1, 2. (a) L-appostlu Pawlu liema tama offra għal uħud mejtin? (b) Pawlu ttratta liema mistoqsija dwar l-irxoxt?
“JIENA nemmen . . . [f]il-qawma mill-imwiet, [fi]l-ħajja taʼ dejjem.” Hekk jgħid il-Kredu taʼ l-Appostli. Kemm il-Kattoliċi u kemm il-Protestanti huma fid-dover li jgħiduh, u ftit li xejn jirrealizzaw li t-twemmin tagħhom iktar jixbah lill-filosofija Griega milli dak li kienu jemmnu l-appostli. Madankollu, l-appostlu Pawlu rrifjutaha l-filosofija Griega u ma kienx jemmen fir-ruħ immortali. Xorta waħda, hu kien jemmen bis-sħiħ f’ħajja futura u taħt ispirazzjoni kiteb: “L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.” (1 Korintin 15:26) Dan x’ifisser sewwa sew għall-bnedmin li qegħdin imutu?
2 Bi tweġiba, ejjew immorru lura għad-diskussjoni li Pawlu kellu dwar l-irxoxt, iddokumentata fl-1 Korintin kapitlu 15. Niftakru li fl-ewwel versi Pawlu stabbilixxa li l-irxoxt kien parti vitali mid-duttrina Kristjana. Issa jittratta mistoqsija speċifika: “Għandu mnejn xi ħadd jgħid: ‘Kif iqumu l-mejtin? B’liema ġisem jiġu?’”—1 Korintin 15:35.
Liema Xorta taʼ Ġisem?
3. Xi wħud għala rrifjutawh l-irxoxt?
3 Meta qajjem din il-mistoqsija, Pawlu għandu mnejn kellu l-intenzjoni li jġib fix-xejn l-influwenza li kellha l-filosofija taʼ Platone. Skond Platone l-bniedem għandu ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-mewt tal-ġisem. Għal dawk li kienu mrobbijin b’din l-idea, it-tagħlim Kristjan ma kienx jidher neċessarju. Jekk ir-ruħ tibqaʼ ħajja wara l-mewt, x’jiswa l-irxoxt? Barra minn hekk, l-irxoxt x’aktarx li ma kienx jidher loġiku. Ladarba l-ġisem ikun laħaq sar trab, kif jistaʼ jkun hemm irxoxt? Il-kummentatur tal-Bibbja Heinrich Meyer jgħid li l-antagoniżmu taʼ xi Korintin kien x’aktarx ibbażat “fuq l-argument filosofiku li huwa impossibbli li tiġi rrestawrata s-sustanza li minnha huwa magħmul il-ġisem.”
4, 5. (a) L-oġġezzjonijiet taʼ dawk li ma kinux jemmnu għala ma kinux raġonevoli? (b) Spjega t-tixbieha li Pawlu ta dwar iż-“żerriegħa.” (ċ) Alla liema xorta taʼ iġsma jagħtihom lill-midlukin irxoxtati?
4 Pawlu juri kemm kien bla sugu dan ir-raġunar: “Iblah! Dak li inti tiżraʼ ma jkollux ħajja jekk qabel ma jmutx. U meta tiżraʼ, ma tiżrax dak il-ġisem li għad ikun. Daqsxejn taʼ żerriegħa, tistaʼ tkun tal-qamħ jew xi żerriegħa oħra; Alla mbagħad jagħtiha ġisem kif jogħġbu hu, lil kull żerriegħa l-ġisem li hu tagħha.” (1 Korintin 15:36-38) Alla ma kienx se jirxoxta l-iġsma li kellhom in-nies meta kienu għadhom fuq l-art. Minflok kellu jkun hemm trasformazzjoni.
5 Pawlu jqabbel l-irxoxt mal-mod kif tinbet żerriegħa. Id-daqsxejn taʼ żerriegħa tal-qamħ ma tkun tixbahha xejn lill-pjanta li tinbet minnha. The World Book Encyclopedia tgħid: “Meta żerriegħa tibda tinbet, din tixrob ħafna ilma. L-ilma jikkaġuna ħafna bidliet kimiċi ġewwa ż-żerriegħa. Iġiegħel ukoll lit-tessuti interni taż-żerriegħa jintefħu u joħorġu mill-qoxra taż-żerriegħa.” Fil-fatt, iż-żerriegħa tmut bħala żerriegħa u ssir pjanta li qed tisponta. “Alla mbagħad jagħtiha ġisem” fis-sens li hu jkun stabbilixxa l-liġijiet xjentifiċi li jiggvernaw l-iżvilupp tagħha, u kull żerriegħa tirċievi ġisem skond ix-xorta tagħha. (Ġenesi 1:11) Bl-istess mod, il-Kristjani midlukin l-ewwel imutu bħala bnedmin. Imbagħad, fiż-żmien maħtur minn Alla, hu jġibhom lura għall-ħajja f’iġsma kompletament ġodda. Bħalma qal Pawlu lill-Filippin, “Ġesù Kristu . . . għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu.” (Filippin 3:20, 21; 2 Korintin 5:1, 2) Huma jiġu rxoxtati f’iġsma spirti u jgħixu fil-qasam taʼ l-ispirti.—1 Ġwann 3:2.
6. Għala huwa raġonevoli li temmen li Alla jistaʼ jagħtihom iġsma spirti addattati lil dawk li jirxoxtaw?
6 Huwa dan diffiċli biex temmnu? Le. Pawlu jirraġuna li l-annimali għandhom tipi differenti taʼ iġsma. Barra minn dan, hu jagħmel kuntrast bejn l-anġli tas-sema u l-bnedmin tad-demm u l-laħam, billi jgħid: “Hemm iġsma tas-sema u hemm iġsma taʼ l-art.” Hemm ukoll differenza kbira fil-ħolqien bla ħajja. “Kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra,” qal Pawlu, ħafna qabel ma x-xjenza skopriet l-oġġetti ċelestjali bħalma huma l-kwiekeb koħol, il-ġganti ħomor, u n-nani bojod. Meta nqisu dan, m’huwiex raġonevoli li Alla jistaʼ jipprovdi iġsma spirti għal dawk irxoxtati?—1 Korintin 15:39-41.
7. X’ifisser in-nuqqas taʼ taħsir, u xi tfisser l-immortalità?
7 Pawlu mbagħad jgħid: “Hekk ukoll hu l-qawmien mill-imwiet; jinżeraʼ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx.” (1 Korintin 15:42) Ġisem taʼ bniedem, anki meta jkun perfett, huwa suġġett għat-taħsir. Jistaʼ jiġi maqtul. Per eżempju, Pawlu qal li Ġesù rxoxtat kien iddestinat biex “qatt aktar ma jerġaʼ jġarrab it-taħsir.” (Atti 13:34) Hu qatt ma kien se jerġaʼ lura għall-ħajja f’ġisem li, għalkemm perfett, jitħassar. Il-ġisem li Alla jagħti lill-midlukin irxoxtati ma jitħassarx—il-mewt u t-taħsir ma jistgħux għalih. Pawlu jkompli: “Jinżeraʼ fl-għajb, iqum fil-ġieħ; jinżeraʼ fid-dgħufija, iqum fis-saħħa; jinżeraʼ ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali.” (1 Korintin 15:43, 44) Pawlu jkompli jgħid: “Dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità.” L-immortalità tfisser ħajja bla tmiem li ma tistax tiġi meqruda. (1 Korintin 15:53; Lhud 7:16) B’dan il-mod, dawk li jirxoxtaw għandhom “ix-xbieha tal-bniedem tas-sema,” Ġesù, li għamel l-irxoxt tagħhom possibbli.—1 Korintin 15:45-49.
8. (a) Kif nafu li dawk irxoxtati huma l-istess individwi li kienu meta kienu ħajjin fuq l-art? (b) Liema profeziji jiġu mwettqin meta jseħħ l-irxoxt?
8 Minkejja din it-trasformazzjoni, dawk irxoxtati xorta jkunu għadhom l-istess individwi li kienu qabel ma mietu. Huma se jiġu rxoxtati bl-istess memorji u l-istess kwalitajiet Kristjani għoljin. (Malakija 3:3; Apokalissi 21:10, 18) F’dan huma jixbhu lil Ġesù Kristu. Hu nbidel minn spirtu għal sura taʼ bniedem. Imbagħad miet u ġie rxoxtat bħala spirtu. Madankollu, “Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem.” (Lhud 13:8) Xi privileġġ glorjuż għandhom dawn il-midlukin! Pawlu jgħid: “Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas taʼ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub, ‘Nbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?’”—1 Korintin 15:54, 55; Isaija 25:8; Ħosegħa 13:14.
Irxoxt għal fuq l-Art?
9, 10. (a) Fil-kuntest taʼ l-1 Korintin 15:24, x’inhu t-“tmiem,” u liema ġrajjiet iseħħu f’konnessjoni miegħu? (b) X’irid iseħħ biex il-mewt tinqered?
9 Hemm futur għall-miljuni li m’għandhomx it-tama taʼ ħajja immortali bħala spirti fis-sema? Dażgur li hemm! Wara li jispjega li l-irxoxt għas-sema jseħħ matul il-preżenza taʼ Kristu, Pawlu jsemmi x’għandu jiġri wara, billi jgħid: “Mbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa.”—1 Korintin 15:23, 24.
10 Dan “it-tmiem” huwa t-tmiem tar-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, meta Ġesù, bl-umiltà u l-lealtà, jgħaddi s-Saltna lura lil Alla u Missier tiegħu. (Apokalissi 20:4) L-iskop t’Alla “li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu” jkun ġie mwettaq. (Efesin 1:9, 10) L-ewwel, iżda, Kristu jkun qered “kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa” li jopponu r-rieda Sovrana t’Alla. Dan jinvolvi iktar minn xi qerda li tiġi mwettqa f’Armageddon. (Apokalissi 16:16; 19:11-21) Pawlu jgħid: “Jeħtieġ li hu [Kristu] jsaltan ‘sa ma [Alla] jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh’. L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.” (1 Korintin 15:25, 26) Iva, kull traċċa tad-dnub u l-mewt minħabba Adam tkun ġiet imneħħija. Dan ifisser, allura, li Alla jkun battal “l-oqbra” billi jkun ġab lill-mejtin lura għall-ħajja.—Ġwann 5:28.
11. (a) Kif nafu li Alla jistaʼ joħloq mill-ġdid lill-erwieħ mejtin? (b) Liema xorta taʼ ġisem se jingħataw dawk li jiġu rxoxtati?
11 Dan ifisser ħolqien mill-ġdid taʼ erwieħ umani. Impossibbli? Le, għax Salm 104:29, 30 jaċċertana li Alla jistaʼ jagħmlu dan: “Jekk teħdilhom nifishom [l-ispirtu], imutu, u lejn it-trab jerġgħu jmorru. Malli tibgħat in-nifs [l-ispirtu] tiegħek, jinħolqu.” Għalkemm dawk li jirxoxtaw se jkunu l-istess individwi li kienu qabel mewthom, ma jkunx hemm għalfejn ikollhom l-istess ġisem. Bħal fil-każ taʼ dawk irxoxtati għas-sema, Alla se jagħtihom ġisem sewwa sew kif jogħġob lilu. Bla dubju, l-iġsma ġodda tagħhom se jkunu b’saħħithom fiżikament u simili kemm jistaʼ jkun għall-ġisem oriġinali tagħhom sabiex il-maħbubin tagħhom ikunu jistgħu jagħrfuhom.
12. L-irxoxt għal fuq l-art meta se jseħħ?
12 Dan l-irxoxt għal fuq l-art meta se jseħħ? Marta qalet dan dwar ħuha Lazzru li kien miet: “Jiena naf li jerġaʼ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” (Ġwann 11:24) Kif kienet tafu dan? L-irxoxt kien suġġett taʼ kontroversja fi żmienha, minħabba li l-Fariżej kienu jemmnu fih, imma s-Sadduċej ma kinux. (Atti 23:8) Xorta waħda, Marta żgur li kienet taf b’xhieda li għexu qabel Kristu li kellhom it-tama taʼ l-irxoxt. (Lhud 11:35) Minbarra dan, setgħet tinduna minn Danjel 12:13 li l-irxoxt kellu jseħħ fl-aħħar jum. Forsi dan anki saret tafu mingħand Ġesù nnifsu. (Ġwann 6:39) L-“aħħar jum” għandu x’jaqsam mar-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. (Apokalissi 20:6) Immaġina x’eċċitament ikun hemm f’dak il-“jum” meta tibda din il-ġrajja grandjuża!—Qabbel Luqa 24:41.
Min Se Jiġi Lura?
13. Liema viżjoni taʼ l-irxoxt hija ddokumentata f’Apokalissi 20:12-14?
13 F’Apokalissi 20:12-14 hemm iddokumentata l-viżjoni li kellu Ġwanni dwar l-irxoxt għal fuq l-art: “Rajt il-mejtin, kbar u żgħar, quddiem it-tron. U nfetħu l-kotba. Nfetaħ ukoll ktieb ieħor, dak tal-ħajja. Mbagħad il-mejtin sar ħaqq minnhom fuq l-għemejjel tagħhom, skond ma kienu mniżżla fil-kotba. Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-Mewt u l-qiegħ taʼ l-art raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-għemejjel tiegħu. Mbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin [“Ħades,” NW] ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar—din l-għadira tan-nar hija t-tieni mewt.”
14. Min se jkun fost dawk li jirxoxtaw?
14 L-irxoxt se jinkludi nies ‘kbar u ż-żgħar’ li għexu u mietu, kemm bnedmin prominenti u kemm dawk li m’humiex. Iva, se jkun hemm saħansitra t-trabi fosthom! (Ġeremija 31:15, 16) F’Atti 24:15, jiġi rrivelat dettall importanti ieħor: “Kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena [“dawk li m’humiex twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-imwiet.” Fuq quddiemnett fost “it-tajbin” se jkun hemm irġiel u nisa leali tal-qedem, bħal Abel, Ħenok, Noè, Abraham, Sarah, u Raħab. (Lhud 11:1-40) Immaġinak tkun tistaʼ titkellem maʼ dawn u tikseb dettalji mingħand xhieda li raw b’għajnejhom stess ġrajjiet tal-Bibbja li seħħew tant żmien ilu! “It-tajbin” se jinkludu wkoll l-eluf taʼ individwi li kellhom il-biżaʼ t’Alla u li mietu fi snin iktar reċenti u li ma kellhomx it-tama għas-sema. Għandek lil xi ħadd mill-familja tiegħek jew xi ħadd li kont tħobb li jistaʼ jkun fosthom? Kemm tħoss faraġ li tkun taf li tistaʼ terġaʼ tarahom! Iżda, min huma l-individwi “ħżiena [“li m’humiex twajbin,” NW]” li se jerġgħu jiġu lura? Dawn jinkludu lill-miljuni, forsi l-biljuni, li mietu mingħajr ma kellhom opportunità li jsiru jafu u japplikaw il-verità tal-Bibbja.
15. X’ifisser li wħud irxoxtati se jsir “ħaqq minnhom fuq l-għemejjel tagħhom, skond ma kienu mniżżla fil-kotba”?
15 Dawk li jerġgħu jiġu kif se jsir “ħaqq minnhom fuq l-għemejjel tagħhom, skond ma kienu mniżżla fil-kotba”? Dawn il-kotba m’humiex ir-rekord taʼ l-għemejjel tagħhom tal-passat; ladarba mietu, huma ġew meħlusin mid-dnubiet li għamlu matul ħajjithom. (Rumani 6:7, 23) Madankollu, dawk il-bnedmin li jirxoxtaw ikunu għadhom taħt id-dnub taʼ Adam. Allura, bilfors li dawn il-kotba se jkun fihom istruzzjonijiet divini li kulħadd irid isegwihom sabiex jibbenefika bis-sħiħ mis-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu. Hekk kif tiġi eliminata l-aħħar traċċa tad-dnub taʼ Adam, ‘il-mewt tinqered’ fil-veru sens tal-kelma. Sat-tmiem taʼ l-elf sena, Alla se “jkun kollox f’kollox.” (1 Korintin 15:28) Il-bniedem mhux se jkollu bżonn iktar l-intervent taʼ Qassis il-Kbir jew Feddej. L-umanità kollha se tiġi rrestawrata għall-istat perfett li kien igawdi Adam oriġinalment.
Irxoxt bl-Ordni
16. (a) Għala huwa raġonevoli li temmen li l-irxoxt se jkun proċess taʼ ordni? (b) Min x’aktarx li se jkun fost l-ewwel minn dawk li jiġu lura mill-imwiet?
16 Ladarba l-irxoxt għas-sema huwa bl-ordni, “kulħadd skond kif imissu,” huwa evidenti li l-irxoxt għal fuq l-art mhux se joħloq xi splużjoni kaotika fil-popolazzjoni. (1 Korintin 15:23) Wieħed jistaʼ jifhem li dawk li jiġu rxoxtati se jkun hemm bżonn min jieħu ħsiebhom. (Qabbel Luqa 8:55.) Se jkollhom bżonn taʼ sosteniment fiżiku u—iktar importanti—t’assistenza spiritwali biex jiksbu l-għarfien li jagħti l-ħajja dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu. (Ġwann 17:3) Kieku kellhom jiġu lura kollha f’daqqa, ikun impossibbli li jirċievu attenzjoni adegwata. Huwa raġonevoli li nassumu li l-irxoxt se jseħħ b’mod progressiv. Il-Kristjani leali li jkunu mietu ftit qabel it-tmiem tas-sistema taʼ Satana x’aktarx li se jkunu minn taʼ l-ewwel li jiġu mqajmin. Nistgħu wkoll nistennew irxoxt bikri għall-irġiel leali tal-qedem li se jaqdu bħala “kapijiet [“prinċpijiet,” NW].”—Salm 45:17 [Salm 45:16, NW].
17. X’inhuma xi kwistjonijiet rigward l-irxoxt li fuqhom il-Bibbja ma tgħid xejn, u l-Kristjani għala m’għandhomx ikunu kkonċernati bla bżonn dwar kwistjonijiet bħal dawn?
17 Minkejja dan, m’għandniex inkunu dommatiċi fuq kwistjonijiet bħal dawn. Il-Bibbja ma tgħid xejn fuq ħafna affarijiet. Ma tagħtix id-dettalji kollha dwar kif, meta, jew f’liema post se jseħħ l-irxoxt taʼ individwi. Ma tgħidilniex x’arranġament se jkun hemm għal djar, ikel u lbies għal dawk li jiġu lura. Lanqas ma nistgħu ngħidu b’ċertezza x’se jagħmel Jehovah fi kwistjonijiet bħal ngħidu aħna, min se jrabbi u jieħu ħsieb it-tfal irxoxtati u min se jieħu ħsieb ċerti sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu lil ħbiebna u qrabatna. Veru li huwa naturali li naħsbu dwar affarijiet bħal dawn; imma ma tantx ikun għaqli li noqogħdu naħlu l-ħin nipprovaw inwieġbu mistoqsijiet li fil-preżent ħadd ma jistaʼ jweġibhom. L-iffokar tagħna jrid ikun fuq li naqdu lil Jehovah fedelment u niksbu l-ħajja taʼ dejjem. Kristjani midlukin ipoġġu t-tama tagħhom f’irxoxt glorjuż għas-sema. (2 Pietru 1:10, 11) In-“nagħaġ oħra” jittamaw għal wirt taʼ dejjem fil-qasam taʼ l-art tas-Saltna t’Alla. (Ġwann 10:16; Mattew 25:33, 34) Inkwantu għall-ħafna dettalji dwar l-irxoxt li ma nafuhomx, aħna sempliċement nafdaw f’Jehovah. L-hena futur tagħna jinsab f’idejn tajbin, dawk taʼ Dak li jistaʼ ‘jxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid.’—Salm 145:16; Ġeremija 17:7.
18. (a) Pawlu liema rebħa jenfasizza? (b) Aħna għala għandna jkollna fiduċja sħiħa fit-tama taʼ l-irxoxt?
18 Pawlu jikkonkludi l-argument tiegħu billi jesklama: “Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz taʼ Sidna Ġesù Kristu!” (1 Korintin 15:57) Iva, ir-rebħa fuq il-mewt Adamika ġiet mirbuħa permezz tas-sagrifiċċju bħala rahan li offra Ġesù Kristu, u kemm il-midlukin u kemm in-“nagħaġ oħra” jieħdu sehem f’dik ir-rebħa. M’għandniex xi ngħidu, in-“nagħaġ oħra” li huma ħajjin illum għandhom tama li hija unika għal din il-ġenerazzjoni. Bħala parti minn “kotra kbira,” li dejjem qiegħda tiżdied, huma għandhom mnejn isalvaw mit-“taħbit il-kbir” li ġej u qatt ma jġarrbu mewta fiżika! (Apokalissi 7:9, 14) Madankollu, anki dawk li jmutu minħabba “ż-żmien u ċ-ċirkustanzi” jew taħt idejn l-aġenti taʼ Satana jistgħu jkollhom fiduċja fit-tama taʼ l-irxoxt.—Koħèlet 9:11.
19. Il-Kristjani kollha jridu jagħtu kas taʼ liema twissija?
19 Għalhekk, nistennewh b’ħerqa kbira dak il-jum glorjuż li fih se tinqered il-mewt. Il-fiduċja li ma titħarrikx tagħna fil-wegħda taʼ Jehovah dwar l-irxoxt iġġagħalna naraw l-affarijiet b’mod realistiku. Minkejja x’jistaʼ jiġrilna f’din il-ħajja—saħansitra jekk immutu—xejn ma jistaʼ jisirqilna l-premju li wegħedna Jehovah. Għaldaqstant, it-twissija finali taʼ Pawlu lill-Korintin tgħodd għalina llum daqskemm kienet tgħodd elfejn sena ilu: “Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.”—1 Korintin 15:58.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Pawlu kif wieġeb il-mistoqsija dwar liema xorta taʼ iġsma se jkollhom il-midlukin meta jiġu rxoxtati?
◻ Il-mewt meta u kif se tiġi fl-aħħar meqruda?
◻ Min se jkun inkluż fl-irxoxt għal fuq l-art?
◻ X’għandha tkun l-attitudni tagħna dwar kwistjonijiet li dwarhom il-Bibbja ma tgħid xejn?
[Stampa f’paġna 20]
Żerriegħa “tmut” billi tgħaddi minn bidla drammatika
[Stampi f’paġni 23]
Irġiel u nisa leali tal-qedem, bħal Noè, Abraham, Sarah, u Raħab, se jkunu fost dawk li jiġu rxoxtati
[Stampa f’paġna 24]
L-irxoxt se jkun żmien taʼ ferħ kbir!