LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/1 pp. 19-24
  • ‘Il-Mewt Se Tiġi Meqruda’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Il-Mewt Se Tiġi Meqruda’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Liema Xorta taʼ Ġisem?
  • Irxoxt għal fuq l-​Art?
  • Min Se Jiġi Lura?
  • Irxoxt bl-​Ordni
  • It-Tama taʼ l-Irxoxt Għandha l-Qawwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • “Kif Se Jiġu Mqajmin il-​Mejtin?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Irxoxt—Għal Min, u Fejn?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • L-Irxoxt Se Jseħħ Żgur!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/1 pp. 19-24

‘Il-​Mewt Se Tiġi Meqruda’

“L-​aħħar għadu li jinqered tkun il-​Mewt.”—1 KORINTIN 15:26.

1, 2. (a) L-​appostlu Pawlu liema tama offra għal uħud mejtin? (b) Pawlu ttratta liema mistoqsija dwar l-​irxoxt?

“JIENA nemmen . . . [f]il-qawma mill-​imwiet, [fi]l-ħajja taʼ dejjem.” Hekk jgħid il-​Kredu taʼ l-​Appostli. Kemm il-​Kattoliċi u kemm il-​Protestanti huma fid-​dover li jgħiduh, u ftit li xejn jirrealizzaw li t-​twemmin tagħhom iktar jixbah lill-​filosofija Griega milli dak li kienu jemmnu l-​appostli. Madankollu, l-​appostlu Pawlu rrifjutaha l-​filosofija Griega u ma kienx jemmen fir-​ruħ immortali. Xorta waħda, hu kien jemmen bis-​sħiħ f’ħajja futura u taħt ispirazzjoni kiteb: “L-​aħħar għadu li jinqered tkun il-​Mewt.” (1 Korintin 15:26) Dan x’ifisser sewwa sew għall-​bnedmin li qegħdin imutu?

2 Bi tweġiba, ejjew immorru lura għad-​diskussjoni li Pawlu kellu dwar l-​irxoxt, iddokumentata fl-​1 Korintin kapitlu 15. Niftakru li fl-​ewwel versi Pawlu stabbilixxa li l-​irxoxt kien parti vitali mid-​duttrina Kristjana. Issa jittratta mistoqsija speċifika: “Għandu mnejn xi ħadd jgħid: ‘Kif iqumu l-​mejtin? B’liema ġisem jiġu?’”—1 Korintin 15:35.

Liema Xorta taʼ Ġisem?

3. Xi wħud għala rrifjutawh l-​irxoxt?

3 Meta qajjem din il-​mistoqsija, Pawlu għandu mnejn kellu l-​intenzjoni li jġib fix-​xejn l-​influwenza li kellha l-​filosofija taʼ Platone. Skond Platone l-​bniedem għandu ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt tal-​ġisem. Għal dawk li kienu mrobbijin b’din l-​idea, it-​tagħlim Kristjan ma kienx jidher neċessarju. Jekk ir-​ruħ tibqaʼ ħajja wara l-​mewt, x’jiswa l-​irxoxt? Barra minn hekk, l-​irxoxt x’aktarx li ma kienx jidher loġiku. Ladarba l-​ġisem ikun laħaq sar trab, kif jistaʼ jkun hemm irxoxt? Il-​kummentatur tal-​Bibbja Heinrich Meyer jgħid li l-​antagoniżmu taʼ xi Korintin kien x’aktarx ibbażat “fuq l-​argument filosofiku li huwa impossibbli li tiġi rrestawrata s-​sustanza li minnha huwa magħmul il-​ġisem.”

4, 5. (a) L-​oġġezzjonijiet taʼ dawk li ma kinux jemmnu għala ma kinux raġonevoli? (b) Spjega t-​tixbieha li Pawlu ta dwar iż-​“żerriegħa.” (ċ) Alla liema xorta taʼ iġsma jagħtihom lill-​midlukin irxoxtati?

4 Pawlu juri kemm kien bla sugu dan ir-​raġunar: “Iblah! Dak li inti tiżraʼ ma jkollux ħajja jekk qabel ma jmutx. U meta tiżraʼ, ma tiżrax dak il-​ġisem li għad ikun. Daqsxejn taʼ żerriegħa, tistaʼ tkun tal-​qamħ jew xi żerriegħa oħra; Alla mbagħad jagħtiha ġisem kif jogħġbu hu, lil kull żerriegħa l-​ġisem li hu tagħha.” (1 Korintin 15:36-38) Alla ma kienx se jirxoxta l-​iġsma li kellhom in-​nies meta kienu għadhom fuq l-​art. Minflok kellu jkun hemm trasformazzjoni.

5 Pawlu jqabbel l-​irxoxt mal-​mod kif tinbet żerriegħa. Id-​daqsxejn taʼ żerriegħa tal-​qamħ ma tkun tixbahha xejn lill-​pjanta li tinbet minnha. The World Book Encyclopedia tgħid: “Meta żerriegħa tibda tinbet, din tixrob ħafna ilma. L-​ilma jikkaġuna ħafna bidliet kimiċi ġewwa ż-​żerriegħa. Iġiegħel ukoll lit-​tessuti interni taż-​żerriegħa jintefħu u joħorġu mill-​qoxra taż-​żerriegħa.” Fil-​fatt, iż-​żerriegħa tmut bħala żerriegħa u ssir pjanta li qed tisponta. “Alla mbagħad jagħtiha ġisem” fis-​sens li hu jkun stabbilixxa l-​liġijiet xjentifiċi li jiggvernaw l-​iżvilupp tagħha, u kull żerriegħa tirċievi ġisem skond ix-​xorta tagħha. (Ġenesi 1:11) Bl-​istess mod, il-​Kristjani midlukin l-​ewwel imutu bħala bnedmin. Imbagħad, fiż-​żmien maħtur minn Alla, hu jġibhom lura għall-​ħajja f’iġsma kompletament ġodda. Bħalma qal Pawlu lill-​Filippin, “Ġesù Kristu . . . għad irid ibiddlilna l-​ġisem imsejken tagħna fis-​sura tal-​ġisem glorjuż tiegħu.” (Filippin 3:20, 21; 2 Korintin 5:1, 2) Huma jiġu rxoxtati f’iġsma spirti u jgħixu fil-​qasam taʼ l-​ispirti.—1 Ġwann 3:2.

6. Għala huwa raġonevoli li temmen li Alla jistaʼ jagħtihom iġsma spirti addattati lil dawk li jirxoxtaw?

6 Huwa dan diffiċli biex temmnu? Le. Pawlu jirraġuna li l-​annimali għandhom tipi differenti taʼ iġsma. Barra minn dan, hu jagħmel kuntrast bejn l-​anġli tas-​sema u l-​bnedmin tad-​demm u l-​laħam, billi jgħid: “Hemm iġsma tas-​sema u hemm iġsma taʼ l-​art.” Hemm ukoll differenza kbira fil-​ħolqien bla ħajja. “Kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra,” qal Pawlu, ħafna qabel ma x-​xjenza skopriet l-​oġġetti ċelestjali bħalma huma l-​kwiekeb koħol, il-​ġganti ħomor, u n-​nani bojod. Meta nqisu dan, m’huwiex raġonevoli li Alla jistaʼ jipprovdi iġsma spirti għal dawk irxoxtati?—1 Korintin 15:39-41.

7. X’ifisser in-​nuqqas taʼ taħsir, u xi tfisser l-​immortalità?

7 Pawlu mbagħad jgħid: “Hekk ukoll hu l-​qawmien mill-​imwiet; jinżeraʼ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx.” (1 Korintin 15:42) Ġisem taʼ bniedem, anki meta jkun perfett, huwa suġġett għat-​taħsir. Jistaʼ jiġi maqtul. Per eżempju, Pawlu qal li Ġesù rxoxtat kien iddestinat biex “qatt aktar ma jerġaʼ jġarrab it-​taħsir.” (Atti 13:34) Hu qatt ma kien se jerġaʼ lura għall-​ħajja f’ġisem li, għalkemm perfett, jitħassar. Il-​ġisem li Alla jagħti lill-​midlukin irxoxtati ma jitħassarx​—il-​mewt u t-​taħsir ma jistgħux għalih. Pawlu jkompli: “Jinżeraʼ fl-​għajb, iqum fil-​ġieħ; jinżeraʼ fid-​dgħufija, iqum fis-​saħħa; jinżeraʼ ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali.” (1 Korintin 15:43, 44) Pawlu jkompli jgħid: “Dan il-​ġisem li jmut jilbes l-​immortalità.” L-​immortalità tfisser ħajja bla tmiem li ma tistax tiġi meqruda. (1 Korintin 15:53; Lhud 7:16) B’dan il-​mod, dawk li jirxoxtaw għandhom “ix-​xbieha tal-​bniedem tas-​sema,” Ġesù, li għamel l-​irxoxt tagħhom possibbli.—1 Korintin 15:45-49.

8. (a) Kif nafu li dawk irxoxtati huma l-​istess individwi li kienu meta kienu ħajjin fuq l-​art? (b) Liema profeziji jiġu mwettqin meta jseħħ l-​irxoxt?

8 Minkejja din it-​trasformazzjoni, dawk irxoxtati xorta jkunu għadhom l-​istess individwi li kienu qabel ma mietu. Huma se jiġu rxoxtati bl-​istess memorji u l-​istess kwalitajiet Kristjani għoljin. (Malakija 3:3; Apokalissi 21:10, 18) F’dan huma jixbhu lil Ġesù Kristu. Hu nbidel minn spirtu għal sura taʼ bniedem. Imbagħad miet u ġie rxoxtat bħala spirtu. Madankollu, “Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-​imgħoddi, issa u għal dejjem.” (Lhud 13:8) Xi privileġġ glorjuż għandhom dawn il-​midlukin! Pawlu jgħid: “Meta dak li jitħassar jilbes in-​nuqqas taʼ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-​immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub, ‘Nbelgħet il-​mewt fir-​rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-​rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-​niggieża tiegħek?’”—1 Korintin 15:54, 55; Isaija 25:8; Ħosegħa 13:14.

Irxoxt għal fuq l-​Art?

9, 10. (a) Fil-kuntest taʼ l-1 Korintin 15:24, x’inhu t-​“tmiem,” u liema ġrajjiet iseħħu f’konnessjoni miegħu? (b) X’irid iseħħ biex il-​mewt tinqered?

9 Hemm futur għall-​miljuni li m’għandhomx it-​tama taʼ ħajja immortali bħala spirti fis-​sema? Dażgur li hemm! Wara li jispjega li l-​irxoxt għas-​sema jseħħ matul il-​preżenza taʼ Kristu, Pawlu jsemmi x’għandu jiġri wara, billi jgħid: “Mbagħad, it-​tmiem, meta Kristu jerħi s-​saltna f’idejn Alla l-​Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa.”—1 Korintin 15:23, 24.

10 Dan “it-​tmiem” huwa t-​tmiem tar-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, meta Ġesù, bl-​umiltà u l-​lealtà, jgħaddi s-​Saltna lura lil Alla u Missier tiegħu. (Apokalissi 20:4) L-​iskop t’Alla “li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu” jkun ġie mwettaq. (Efesin 1:9, 10) L-​ewwel, iżda, Kristu jkun qered “kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa” li jopponu r-​rieda Sovrana t’Alla. Dan jinvolvi iktar minn xi qerda li tiġi mwettqa f’Armageddon. (Apokalissi 16:16; 19:11-21) Pawlu jgħid: “Jeħtieġ li hu [Kristu] jsaltan ‘sa ma [Alla] jqiegħed l-​għedewwa kollha taħt riġlejh’. L-​aħħar għadu li jinqered tkun il-​Mewt.” (1 Korintin 15:25, 26) Iva, kull traċċa tad-​dnub u l-​mewt minħabba Adam tkun ġiet imneħħija. Dan ifisser, allura, li Alla jkun battal “l-​oqbra” billi jkun ġab lill-​mejtin lura għall-​ħajja.—Ġwann 5:28.

11. (a) Kif nafu li Alla jistaʼ joħloq mill-​ġdid lill-​erwieħ mejtin? (b) Liema xorta taʼ ġisem se jingħataw dawk li jiġu rxoxtati?

11 Dan ifisser ħolqien mill-​ġdid taʼ erwieħ umani. Impossibbli? Le, għax Salm 104:29, 30 jaċċertana li Alla jistaʼ jagħmlu dan: “Jekk teħdilhom nifishom [l-ispirtu], imutu, u lejn it-​trab jerġgħu jmorru. Malli tibgħat in-​nifs [l-ispirtu] tiegħek, jinħolqu.” Għalkemm dawk li jirxoxtaw se jkunu l-​istess individwi li kienu qabel mewthom, ma jkunx hemm għalfejn ikollhom l-​istess ġisem. Bħal fil-​każ taʼ dawk irxoxtati għas-​sema, Alla se jagħtihom ġisem sewwa sew kif jogħġob lilu. Bla dubju, l-​iġsma ġodda tagħhom se jkunu b’saħħithom fiżikament u simili kemm jistaʼ jkun għall-​ġisem oriġinali tagħhom sabiex il-​maħbubin tagħhom ikunu jistgħu jagħrfuhom.

12. L-​irxoxt għal fuq l-​art meta se jseħħ?

12 Dan l-​irxoxt għal fuq l-​art meta se jseħħ? Marta qalet dan dwar ħuha Lazzru li kien miet: “Jiena naf li jerġaʼ jqum, fil-​qawmien mill-​imwiet fl-​aħħar jum.” (Ġwann 11:24) Kif kienet tafu dan? L-​irxoxt kien suġġett taʼ kontroversja fi żmienha, minħabba li l-​Fariżej kienu jemmnu fih, imma s-​Sadduċej ma kinux. (Atti 23:8) Xorta waħda, Marta żgur li kienet taf b’xhieda li għexu qabel Kristu li kellhom it-​tama taʼ l-​irxoxt. (Lhud 11:35) Minbarra dan, setgħet tinduna minn Danjel 12:13 li l-​irxoxt kellu jseħħ fl-​aħħar jum. Forsi dan anki saret tafu mingħand Ġesù nnifsu. (Ġwann 6:39) L-​“aħħar jum” għandu x’jaqsam mar-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. (Apokalissi 20:6) Immaġina x’eċċitament ikun hemm f’dak il-​“jum” meta tibda din il-​ġrajja grandjuża!—Qabbel Luqa 24:41.

Min Se Jiġi Lura?

13. Liema viżjoni taʼ l-​irxoxt hija ddokumentata f’Apokalissi 20:​12-14?

13 F’Apokalissi 20:12-14 hemm iddokumentata l-​viżjoni li kellu Ġwanni dwar l-​irxoxt għal fuq l-​art: “Rajt il-​mejtin, kbar u żgħar, quddiem it-​tron. U nfetħu l-​kotba. Nfetaħ ukoll ktieb ieħor, dak tal-​ħajja. Mbagħad il-​mejtin sar ħaqq minnhom fuq l-​għemejjel tagħhom, skond ma kienu mniżżla fil-​kotba. Il-​baħar radd lura l-​mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-​Mewt u l-​qiegħ taʼ l-​art raddew lura l-​mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-​għemejjel tiegħu. Mbagħad il-​Mewt u Post il-​Mejtin [“Ħades,” NW] ġew mixħuta fil-​belliegħa tan-​nar​—din l-​għadira tan-​nar hija t-​tieni mewt.”

14. Min se jkun fost dawk li jirxoxtaw?

14 L-​irxoxt se jinkludi nies ‘kbar u ż-​żgħar’ li għexu u mietu, kemm bnedmin prominenti u kemm dawk li m’humiex. Iva, se jkun hemm saħansitra t-​trabi fosthom! (Ġeremija 31:15, 16) F’Atti 24:15, jiġi rrivelat dettall importanti ieħor: “Kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena [“dawk li m’humiex twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-​imwiet.” Fuq quddiemnett fost “it-​tajbin” se jkun hemm irġiel u nisa leali tal-​qedem, bħal Abel, Ħenok, Noè, Abraham, Sarah, u Raħab. (Lhud 11:1-40) Immaġinak tkun tistaʼ titkellem maʼ dawn u tikseb dettalji mingħand xhieda li raw b’għajnejhom stess ġrajjiet tal-​Bibbja li seħħew tant żmien ilu! “It-​tajbin” se jinkludu wkoll l-​eluf taʼ individwi li kellhom il-​biżaʼ t’Alla u li mietu fi snin iktar reċenti u li ma kellhomx it-​tama għas-​sema. Għandek lil xi ħadd mill-​familja tiegħek jew xi ħadd li kont tħobb li jistaʼ jkun fosthom? Kemm tħoss faraġ li tkun taf li tistaʼ terġaʼ tarahom! Iżda, min huma l-​individwi “ħżiena [“li m’humiex twajbin,” NW]” li se jerġgħu jiġu lura? Dawn jinkludu lill-​miljuni, forsi l-​biljuni, li mietu mingħajr ma kellhom opportunità li jsiru jafu u japplikaw il-​verità tal-​Bibbja.

15. X’ifisser li wħud irxoxtati se jsir “ħaqq minnhom fuq l-​għemejjel tagħhom, skond ma kienu mniżżla fil-​kotba”?

15 Dawk li jerġgħu jiġu kif se jsir “ħaqq minnhom fuq l-​għemejjel tagħhom, skond ma kienu mniżżla fil-​kotba”? Dawn il-​kotba m’humiex ir-​rekord taʼ l-​għemejjel tagħhom tal-​passat; ladarba mietu, huma ġew meħlusin mid-​dnubiet li għamlu matul ħajjithom. (Rumani 6:7, 23) Madankollu, dawk il-​bnedmin li jirxoxtaw ikunu għadhom taħt id-​dnub taʼ Adam. Allura, bilfors li dawn il-​kotba se jkun fihom istruzzjonijiet divini li kulħadd irid isegwihom sabiex jibbenefika bis-​sħiħ mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu. Hekk kif tiġi eliminata l-​aħħar traċċa tad-​dnub taʼ Adam, ‘il-​mewt tinqered’ fil-​veru sens tal-​kelma. Sat-​tmiem taʼ l-​elf sena, Alla se “jkun kollox f’kollox.” (1 Korintin 15:28) Il-​bniedem mhux se jkollu bżonn iktar l-​intervent taʼ Qassis il-​Kbir jew Feddej. L-​umanità kollha se tiġi rrestawrata għall-​istat perfett li kien igawdi Adam oriġinalment.

Irxoxt bl-​Ordni

16. (a) Għala huwa raġonevoli li temmen li l-​irxoxt se jkun proċess taʼ ordni? (b) Min x’aktarx li se jkun fost l-​ewwel minn dawk li jiġu lura mill-​imwiet?

16 Ladarba l-​irxoxt għas-​sema huwa bl-​ordni, “kulħadd skond kif imissu,” huwa evidenti li l-​irxoxt għal fuq l-​art mhux se joħloq xi splużjoni kaotika fil-​popolazzjoni. (1 Korintin 15:23) Wieħed jistaʼ jifhem li dawk li jiġu rxoxtati se jkun hemm bżonn min jieħu ħsiebhom. (Qabbel Luqa 8:55.) Se jkollhom bżonn taʼ sosteniment fiżiku u​—iktar importanti—t’assistenza spiritwali biex jiksbu l-​għarfien li jagħti l-​ħajja dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu. (Ġwann 17:3) Kieku kellhom jiġu lura kollha f’daqqa, ikun impossibbli li jirċievu attenzjoni adegwata. Huwa raġonevoli li nassumu li l-​irxoxt se jseħħ b’mod progressiv. Il-​Kristjani leali li jkunu mietu ftit qabel it-​tmiem tas-​sistema taʼ Satana x’aktarx li se jkunu minn taʼ l-​ewwel li jiġu mqajmin. Nistgħu wkoll nistennew irxoxt bikri għall-​irġiel leali tal-​qedem li se jaqdu bħala “kapijiet [“prinċpijiet,” NW].”—Salm 45:17 [Salm 45:16, NW].

17. X’inhuma xi kwistjonijiet rigward l-​irxoxt li fuqhom il-​Bibbja ma tgħid xejn, u l-​Kristjani għala m’għandhomx ikunu kkonċernati bla bżonn dwar kwistjonijiet bħal dawn?

17 Minkejja dan, m’għandniex inkunu dommatiċi fuq kwistjonijiet bħal dawn. Il-​Bibbja ma tgħid xejn fuq ħafna affarijiet. Ma tagħtix id-​dettalji kollha dwar kif, meta, jew f’liema post se jseħħ l-​irxoxt taʼ individwi. Ma tgħidilniex x’arranġament se jkun hemm għal djar, ikel u lbies għal dawk li jiġu lura. Lanqas ma nistgħu ngħidu b’ċertezza x’se jagħmel Jehovah fi kwistjonijiet bħal ngħidu aħna, min se jrabbi u jieħu ħsieb it-​tfal irxoxtati u min se jieħu ħsieb ċerti sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu lil ħbiebna u qrabatna. Veru li huwa naturali li naħsbu dwar affarijiet bħal dawn; imma ma tantx ikun għaqli li noqogħdu naħlu l-​ħin nipprovaw inwieġbu mistoqsijiet li fil-​preżent ħadd ma jistaʼ jweġibhom. L-​iffokar tagħna jrid ikun fuq li naqdu lil Jehovah fedelment u niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Kristjani midlukin ipoġġu t-​tama tagħhom f’irxoxt glorjuż għas-​sema. (2 Pietru 1:10, 11) In-​“nagħaġ oħra” jittamaw għal wirt taʼ dejjem fil-​qasam taʼ l-​art tas-​Saltna t’Alla. (Ġwann 10:16; Mattew 25:33, 34) Inkwantu għall-​ħafna dettalji dwar l-​irxoxt li ma nafuhomx, aħna sempliċement nafdaw f’Jehovah. L-​hena futur tagħna jinsab f’idejn tajbin, dawk taʼ Dak li jistaʼ ‘jxabbaʼ ’l kulħadd bil-​ġid.’—Salm 145:16; Ġeremija 17:7.

18. (a) Pawlu liema rebħa jenfasizza? (b) Aħna għala għandna jkollna fiduċja sħiħa fit-​tama taʼ l-​irxoxt?

18 Pawlu jikkonkludi l-​argument tiegħu billi jesklama: “Niżżu ħajr lil Alla li tana r-​rebħa permezz taʼ Sidna Ġesù Kristu!” (1 Korintin 15:57) Iva, ir-​rebħa fuq il-​mewt Adamika ġiet mirbuħa permezz tas-​sagrifiċċju bħala rahan li offra Ġesù Kristu, u kemm il-​midlukin u kemm in-​“nagħaġ oħra” jieħdu sehem f’dik ir-​rebħa. M’għandniex xi ngħidu, in-​“nagħaġ oħra” li huma ħajjin illum għandhom tama li hija unika għal din il-​ġenerazzjoni. Bħala parti minn “kotra kbira,” li dejjem qiegħda tiżdied, huma għandhom mnejn isalvaw mit-​“taħbit il-​kbir” li ġej u qatt ma jġarrbu mewta fiżika! (Apokalissi 7:9, 14) Madankollu, anki dawk li jmutu minħabba “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” jew taħt idejn l-​aġenti taʼ Satana jistgħu jkollhom fiduċja fit-​tama taʼ l-​irxoxt.—Koħèlet 9:11.

19. Il-​Kristjani kollha jridu jagħtu kas taʼ liema twissija?

19 Għalhekk, nistennewh b’ħerqa kbira dak il-​jum glorjuż li fih se tinqered il-​mewt. Il-​fiduċja li ma titħarrikx tagħna fil-​wegħda taʼ Jehovah dwar l-​irxoxt iġġagħalna naraw l-​affarijiet b’mod realistiku. Minkejja x’jistaʼ jiġrilna f’din il-​ħajja​—saħansitra jekk immutu—​xejn ma jistaʼ jisirqilna l-​premju li wegħedna Jehovah. Għaldaqstant, it-​twissija finali taʼ Pawlu lill-​Korintin tgħodd għalina llum daqskemm kienet tgħodd elfejn sena ilu: “Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej. Kunu afu li l-​ħidma tagħkom fil-​Mulej m’hijiex għalxejn.”—1 Korintin 15:58.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Pawlu kif wieġeb il-​mistoqsija dwar liema xorta taʼ iġsma se jkollhom il-​midlukin meta jiġu rxoxtati?

◻ Il-​mewt meta u kif se tiġi fl-​aħħar meqruda?

◻ Min se jkun inkluż fl-​irxoxt għal fuq l-​art?

◻ X’għandha tkun l-​attitudni tagħna dwar kwistjonijiet li dwarhom il-​Bibbja ma tgħid xejn?

[Stampa f’paġna 20]

Żerriegħa “tmut” billi tgħaddi minn bidla drammatika

[Stampi f’paġni 23]

Irġiel u nisa leali tal-​qedem, bħal Noè, Abraham, Sarah, u Raħab, se jkunu fost dawk li jiġu rxoxtati

[Stampa f’paġna 24]

L-​irxoxt se jkun żmien taʼ ferħ kbir!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja