Fittxu lil Hinn mill-Affarijiet li Taraw!
VISTA fiżika tajba hija barka. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tan-nies jgħidu li ftit huma l-affarijiet li jippossiedu li huma iktar prezzjużi. Għall-Kristjani, madankollu, hemm xorta taʼ vista li dwarha tkellem l-appostlu Pawlu u li hija taʼ valur bil-wisq akbar minn saħansitra vista fiżika tajba. “Ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux,” kiteb Pawlu. (2 Korintin 4:18) Trid tkun tabilħaqq xorta speċjali ferm taʼ vista biex iġġiegħel lil dak li jkun jara affarijiet li ma jidhrux! Nistgħu nsejħulha vista eċċellenti taʼ xorta spiritwali.
Għala L-Bżonn?
Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu tassew fi bżonn li jkollhom din ix-xorta taʼ vista spiritwali. Kienu qegħdin iwettqu l-ministeru Kristjan tagħhom taħt ħafna tbatija. Pawlu poġġieha b’dan il-mod: “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin maʼ l-art, iżda m’aħniex meqrudin.”—2 Korintin 4:8, 9.
Minkejja ċirkostanzi bħal dawn, id-dixxipli leali baqgħu sodi. B’fidi qawwija f’Alla, setgħu jgħidu bħalma qal Pawlu: “Ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem taʼ barra jitħassar, il-bniedem taʼ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum.” X’inhu, iżda, dak li ġab dan it-tiġdid taʼ kuljum? Pawlu kompla jgħid: “Id-daqsxejn taʼ tbatija tagħna taʼ issa t[ħ]ejjilna kobor taʼ glorja bla qjies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.”—2 Korintin 4:16-18.
Pawlu kien qiegħed jinkuraġġixxi lil ħutu spiritwali biex ma jħallux il-problemi, id-diffikultajiet u l-persekuzzjonijiet—tribulazzjonijiet taʼ kwalunkwe xorta—iċajpru l-ħarsa tagħhom lejn il-premju glorjuż li kien ġie mqiegħed quddiemhom. Huma għandhom ifittxu lil hinn miċ-ċirkostanzi preżenti tagħhom, billi jżommu għajnejhom fissi fuq ir-riżultat hieni tal-korsa Kristjana. Dak kien li għenhom iġeddu fuq bażi minn jum għal jum ir-riżoluzzjoni tagħhom li jibqgħu jagħfsu ’l quddiem fil-battalja. Il-Kristjani llum huma daqstant fil-bżonn li jkollhom vista spiritwali tajba bħal din.
Qis It-Tribulazzjonijiet Tal-Preżent Bħala Momentarji!
Jogħġobna jew ma jogħġobniex, aħna kuljum naraw affarijiet li kieku nippreferu li ma narawx. Titwila fil-mera u ma nistgħux ma narawx il-marki u t-tbajjaʼ tal-ġisem fiżiku, indikazzjonijiet taʼ imperfezzjoni fiżika. Meta nittawlu fil-mera tal-Kelma t’Alla, naraw difetti u tbajjaʼ spiritwali, kemm fina nfusna u kemm f’oħrajn. (Ġakbu 1:22-25) U meta nħarsu lejn il-gazzetta taʼ kuljum jew it-televixin, rakkonti taʼ inġustizzji, krudeltajiet, u traġedji mill-ewwel imissulna qalbna.
Satana kieku jixtieq li jġegħelna niddispraw minħabba l-affarijiet li naraw jew li niġu żvijati u nibdew immajnaw fil-fidi. Kif nistgħu nevitaw li dan jiġri? Irridu nsegwu l-eżempju mogħti minn Ġesù Kristu, bħalma kien irrikkmandat mill-appostlu Pietru meta qal: “Għal dan intom kontu msejħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) F’kull aspett t’għixien Kristjan, Ġesù kien l-eżempju perfett.
F’li jipponta lejn Ġesù bħala l-mudell tagħna, Pietru semma partikolarment li Ġesù sofra. Tabilħaqq, Ġesù sofra ħafna meta kien fuq l-art. Bħala “mgħallem” maħtur minn Jehovah u li kien preżenti fil-ħolqien taʼ l-umanità, kien jaf eżattament x’intenzjoni kellu Alla għall-bnedmin. (Proverbji 8:30, 31) Imma issa ra b’għajnejh stess kif id-dnub u l-imperfezzjoni ġagħluhom isiru. Kuljum hu ra u kellu jiffaċċja l-imperfezzjonijiet u d-dgħjufijiet tan-nies. Dak bil-fors li kien taʼ prova għalih.—Mattew 9:36; Mark 6:34.
Minbarra t-tribulazzjonijiet t’oħrajn, Ġesù ġarrab dawk tiegħu stess. (Lhud 5:7, 8) Imma b’vista spiritwali perfetta, hu fittex lil hinn minnhom biex jara l-premju taʼ li jkun elevat lejn ħajja immortali għall-korsa tiegħu taʼ integrità. Imbagħad bħala Sultan Messjaniku, kien se jkollu l-privileġġ li joħroġ lill-ispeċi umana mifluġa mill-kundizzjoni degradanti tagħha lura għall-perfezzjoni li kienet oriġinalment fl-iskop taʼ Jehovah. Li żamm għajnejh iffokati fuq dawn il-prospetti futuri inviżibbli għenu biex iżomm il-ferħ fis-servizz divin minkejja t-tribulazzjonijiet li ra minn jum għal jum. Pawlu kiteb iktar tard: “Għall-ferħ imqiegħed quddiemu sofra s-salib [“zokk tat-tortura,” NW], bla ma qies xejn il-għajb, u qagħad fil-lemin tat-tron t’Alla.”—Lhud 12:2, Karm Żammit.
Ġesù qatt ma ħalla t-tbatijiet u ċ-ċirkostanzi taʼ prova jġegħluh jiddispra, jiżvija, jew imajna fil-fidi. Bħala dixxipli tiegħu, aħna rridu nsegwu l-eżempju prim tiegħu mill-qrib.—Mattew 16:24.
Iffoka Fuq Affarijiet Inviżibbli Li Jibqgħu Għal Dejjem!
Meta tkellem dwar dak li għen lil Ġesù jissaporti, Pawlu wkoll indika l-korsa għalina meta kiteb: “Ejjew . . . b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.” (Lhud 12:1, 2) Iva, biex niġru l-korsa Kristjana b’suċċess u bil-ferħ, irridu nfittxu lil hinn mill-affarijiet li huma immedjatament quddiemna. Imma kif “inżommu għajnejna merfugħa” lejn Ġesù, u dan x’se jagħmel għalina?
Per eżempju, fl-1914, Ġesù ġie mogħti t-tron bħala Sultan tas-Saltna t’Alla, u hu jaħkem mis-sema. Dan kollu, m’għandniex xi ngħidu, huwa inviżibbli għall-għajnejn fiżiċi tagħna. Madankollu, jekk “inżommu għajnejna merfugħa” lejn Ġesù, il-vista spiritwali tagħna se tgħinna naraw li issa jinsab lest biex jieħu azzjoni ħalli jġib fi tmiem is-sistema t’affarijiet mill-agħar preżenti u t-tkeċċija taʼ Satana u l-qtajja demoniċi tiegħu lejn irbit taʼ inattività. Billi nħarsu saħansitra iktar fil-bogħod, il-vista spiritwali tagħna se tirrivela d-dinja l-ġdida taʼ l-għaġeb li fiha “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 19:11-16; 20:1-3; 21:4.
Mela, allura, minflok ma nkunu mtaqqlin mit-tribulazzjonijiet temporanji li nistgħu jkollna niffaċċjaw kull ġurnata, għala ma niffokawx il-ħarsa fissa tagħna fuq l-affarijiet li huma eterni? B’għajnejn tal-fidi, għala ma nfittxux lil hinn mill-mard u r-regħba fuq din l-art imniġġsa biex naraw ġenna mimlija b’nies f’saħħithom, henjin, u li jimpurtahom? Għala ma nfittxux lil hinn mit-tbajjaʼ tagħna, kemm fiżiċi u kemm spiritwali, u naraw lilna nfusna meħlusin minnhom għal dejjem bil-mertu tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu? Għala ma nfittxux lil hinn mit-tbiċċir imħolli mill-gwerer, mill-kriminalità, u mill-vjolenza u naraw l-uħud li għadhom kif ġew irxoxtati u li qegħdin jiġu struwiti fil-paċi u fit-tjieba taʼ Jehovah?
Iktar minn hekk, biex “inżommu għajnejna merfugħa” lejn Ġesù jkun jinkludi wkoll li niffokaw il-vista spiritwali tagħna fuq dak li s-Saltna, għalkemm inviżibbli, diġà wettqet fost in-nies t’Alla fuq l-art: l-unità, il-paċi, l-imħabba, l-affezzjoni fraterna, u l-prosperità spiritwali. Waħda mara Kristjana fil-Ġermanja, wara li rat il-vidjo United by Divine Teaching, kitbet: “Il-vidjo tgħidx kemm se jgħinni biex inżomm f’moħħi li tant aħwa nisa u rġiel Kristjani madwar id-dinja qegħdin f’dan l-istess mument jaqdu lealment lil Jehovah—u dan minkejja l-oppożizzjoni pubblika. Kemm hija prezzjuża l-unità fraterna tagħna f’dinja mimlija vjolenza u mibgħeda!”
“Tarahom” int ukoll lil Jehovah, lil Ġesù, lill-anġli leali, u lil miljuni taʼ Kristjani sħabek bil-wieqfa maġenbek? Jekk inhu hekk, m’intix se ssir ikkonċernat iżżejjed bl-“inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja” li jistaʼ jimpedik minħabba skuraġġiment u jġiegħlek “ma tagħmilx frott” fis-servizz Kristjan. (Mattew 13:22) Mela ‘żomm għajnejk merfugħa’ lejn Ġesù billi tiffoka l-għajnejn spiritwali tiegħek fuq is-Saltna stabbilita t’Alla u l-barkiet tagħha, kemm tal-preżent u kemm tal-futur.
Għix Biex Tara Dak Li Huwa Inviżibbli!
Meta naraw il-kuntrast kbir li hemm bejn id-dinja l-ġdida eterna t’Alla u d-dinja qadima tal-lum li qiegħda tisfaxxa, għandna niġu mqanqlin biex inġibu rwieħna b’tali mod li se niġu meqjusin illi jistħoqqilna li ngħixu biex naraw litteralment l-affarijiet li llum nistgħu biss naraw bil-għajnejn tal-fidi. Kotriet taʼ wħud irxoxtati bil-kemm se jemmnu lil għajnejhom meta jistenbħu biex jaraw art magħmula ġenna taʼ tjieba tant differenti mid-dinja li raw qabel ma mietu. Immaġina l-ferħ tagħna f’li nkunu ħajjin biex nilqgħuhom u biex nispjegawlhom dak li għamel Alla!—Qabbel Ġoel 2:21-27.
Iva, kemm hija prezzjuża l-vista spiritwali, u kemm huwa vitali li nżommuha akuta! Dan nistgħu nagħmluh billi regolarment nagħmlu studju persunali tal-Bibbja, billi nattendu l-laqgħat Kristjani, billi nkellmu lil oħrajn dwar it-tama tagħna bbażata fuq il-Bibbja, u fuq kollox, billi nitolbu għall-gwida divina. Dan se jżomm il-vista spiritwali tagħna akuta u ċara, billi jagħmilna kapaċi nfittxu lil hinn mill-affarijiet li naraw! (w96 2/15)