LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 2/1 pp. 12-16
  • Tintrabtux Taħt Madmad maʼ Dawk li Ma Jemmnux

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tintrabtux Taħt Madmad maʼ Dawk li Ma Jemmnux
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Xi Wħud Ifittxu Band’oħra
  • Espressjoni tal-​Ħsieb taʼ Mħabba t’Alla
  • Mistoqsijiet li Jsiru Spiss
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Fittex il-Gwida t’Alla Meta Tiġi biex Tagħżel lil Min Tiżżewweġ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Tistaʼ Tirsisti Biex Tgħin Sieħeb li Mhuwiex tal-Istess Twemmin?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 2/1 pp. 12-16

Tintrabtux Taħt Madmad maʼ Dawk li Ma Jemmnux

“Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux. Għax . . . x’seħem għandu wieħed fidil maʼ wieħed li ma jemminx?”—2 KORINTIN 6:14, 15.

1. Waħda oħt kif waslet li żżewġet wieħed li ma jemminx?

WAĦDA mix-​Xhieda taʼ Jehovah mill-​punent nofsani tal-​Istati Uniti tilfet lil żewġha f’inċident tal-​karozza xi snin ilu. “Għall-​ewwel ħassejtni mitlufa,” tiftakar hi, iżda kont determinata biex dan ma nħallihx jinterrompi s-​servizz tiegħi lejn Jehovah. Wara xi ftit tas-​snin, iżda, bdejt inħossni bħal waħda żejda ħdejn koppji fil-​kongregazzjoni. Binti u jien ma konniex niġu mistednin dejjem għal xi ħarġa tal-​familja. Meta kont ninnota koppji Kristjani juru affezzjoni lejn xulxin, kont inħossni iktar imwarrba. Ħadd qisu ma nduna li kont qed niddgħajjef spiritwalment. Għalhekk meta raġel tad-​dinja li kont naf fuq ix-​xogħol talabni biex noħroġ għal ikla miegħu, jiena mort. Qabel ma rrealizzajt x’qed jiġri, sirt inħobbu. Fl-​aħħar, tant kont dgħajfa u mikduda bis-​solitudni tiegħi li aċċettajt li niżżewġu.”

2. Ix-​xewqa li tiżżewweġ għala hija naturali, u ż-​żwieġ x’kien imfassal biex jifforma?

2 Iva, ix-​xewqa li taqsam il-​ħajja maʼ sieħeb jew sieħba tistaʼ tkun qawwija ħafna, u hija wkoll naturali. Kif poġġieha Jehovah innifsu: “Mhux tajjeb għar-​raġel li jibqaʼ waħdu. Jien se nagħmel għajnuna għalih, bħala kompliment [“il-​parti l-​oħra,” xi ħaġa li tixraqlu] tiegħu.” (Ġenesi 2:18, New World Translation Reference Bible, nota taʼ taħt) Iż-​żwieġ kien imfassal biex jifforma rabtaʼ taʼ għaqda mill-​qrib u permanenti bejn raġel u mara. Ma kienx Adam, iżda kien Jehovah, li qal: “Raġel se jħalli lil missieru u ’l ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u jridu jsiru laħam wieħed.” (Ġenesi 2:22-24; qabbel Mattew 19:4-6.) Forsi qalbek tixxennaq għal din il-​parti l-​oħra.

3, 4. (a) Il-​Bibbja kif twissi kontra li tifforma rabtiet mill-​qrib maʼ dawk li ma jemmnux? (b) B’liema mod jistaʼ l-​parir taʼ Pawlu dwar irbit mhux indaqs japplika għaż-​żwieġ? (ċ) Il-​Kristjani Korintin kif kienu se jifhmu t-​termini “dawk li ma jemmnux”? (Ara nota taʼ taħt.)

3 Il-​Bibbja, madankollu, twissi kontra li tifforma rabtiet mill-​qrib maʼ dawk li ma jemmnux. Kif poġġieha l-​appostlu Pawlu: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs [“Tintrabtux f’għaqda li mhix indaqs,” The Jerusalem Bible] maʼ dawk li ma jemmnux.a Għax . . . x’sehem għandu wieħed fidil maʼ wieħed li ma jemminx?”b (2 Korintin 6:14, 15) Pawlu setaʼ kellu f’moħħu l-​projbizzjoni tal-​Liġi taʼ Mosè kontra l-​irbit fil-​madmad flimkien taʼ barri u ħmar għall-​ħrit. (Dewteronomju 22:10) Il-​ħmar hu iżgħar fid-​daqs u mhux daqshekk b’saħħtu u kien se jbati minħabba dan l-​irbit mhux indaqs. Ladarba ż-​żwieġ huwa bħal madmad li jorbot lir-​raġel u lill-​mara flimkien, għal Kristjan li jiżżewweġ lil min ma jemminx se jirriżulta fi rbit mhux indaqs. (Mattew 19:6) Madmad bħal dan taʼ spiss iġib pressjoni u nkwiet miżjudin liż-​żwieġ.—Qabbel 1 Korintin 7:28.

4 Madankollu, kif turi l-​esperjenza tal-​ftuħ, xi Kristjani għażlu li jiżżewġu lil dawk li ma jemmnux. Xi wħud għala jsibuha diffiċli li jiżżewġu “biss fil-​Mulej”?—1 Korintin 7:39.

Għala Xi Wħud Ifittxu Band’oħra

5. Agħti eżempju għala xi whud jinvolvu ruħhom b’mod romantiku maʼ min ma jemminx.

5 Mhux neċessarjament għax ikollhom l-​intenzjoni li jinjoraw il-​parir t’Alla. Ikkunsidra s-​sitwazzjoni taʼ oħt Kristjana li forsi tixtieq tiżżewweġ. Hi forsi tixxennaq għal raġel Kristjan, iżda ma jidhirx li hemm aħwa rġiel eliġibbli fiċ-​ċirku tagħha taʼ ħbieb li jemmnu. Hija konxja dwar l-​età tagħha. Forsi tixtieq li jkollha familja. Il-​biżaʼ li tikber u tibqaʼ waħidha u l-​bżonn li tħossha maħbuba jistgħu jagħmluha vulnerabbli. Jekk, imbagħad, raġel tad-​dinja juri interess fiha, jistaʼ jkun diffiċli li tirreżisti. Hu jistaʼ jidher qalbu tajba, ġentili. Forsi ma jpejjipx jew jitkellem ħażin. Imbagħad jiġu l-​ġustifikazzjonijiet: ‘Ara, hu aħjar minn ħafna aħwa rġiel li naf!’ ‘Interessat f’li jistudja.’ ‘Naf każi fejn oħt iżżewġet wieħed li ma jemminx u maż-​żmien sar imsieħeb fit-​twemmin.’ ‘Hemm żwiġijiet Kristjani li ma jirnexxux!’—Ara Ġeremija 17:9.

6, 7. (a) Oħt mhix miżżewġa kif iddeskriviet id-​dwejjaq tagħha? (b) Liema mistoqsija jixirqilha li nikkunsidrawha?

6 Iva, jistaʼ jkun ħafna taʼ dwejjaq għal Kristjan għażeb li jrid jiżżewweġ. Xi wħud iħossuhom saħansitra mnikktin ħafna. “Il-​għadd taʼ aħwa rġiel eliġibbli hu estremament żgħir,” qalet waħda oħt mhix miżżewġa meta ddeskriviet is-​sitwazzjoni fil-​post fejn toqgħod. “Iżda l-​għadd taʼ aħwa nisa mhux miżżewġin huwa estremament kbir. Hekk kif oħt tara ż-​żgħożija tagħha għaddejja tiġri, il-​għażliet tagħha jitnaqqsu f’li jew ma tiżżewweġ xejn jew tiżżewweġ maʼ l-​ewwel ċans li jkollha.”

7 Madankollu, il-​parir tal-​Bibbja hu ċar: ‘Tintrabtux taħt madmad maʼ dawk li ma jemmnux.’ (2 Korintin 6:14) Hija din it-​twissija divina ħarxa jew bla raġuni?

Espressjoni tal-​Ħsieb taʼ Mħabba t’Alla

8. Jehovah kif wera li għandu l-​aħjar interessi tagħna f’qalbu?

8 Jehovah huwa kkonċernat bil-​kbir dwar il-​ġid dejjiemi tagħna. Ma taniex, bi spiża kbira għalih innifsu, lil Ibnu bħala “rahan bi bdil maʼ ħafna”? (Mattew 20:28) Hu m’huwiex ‘Dak li jgħallimna biex nibbenefikaw lilna nfusna’? (Isaija 48:17) Hu ma jwigħedx li ‘mhux se jħallina niġu ttantati iktar milli nistgħu nifilħu’? (1 Korintin 1O:13) B’mod raġonevoli, mela, meta jgħidilna biex ma nintrabtux maʼ dawk li ma jemmnux, hu żgur li għandu l-​aħjar interessi tagħna f’qalbu! Ikkunsidra kif din it-​twissija hija espressjoni tal-​ħsieb taʼ mħabba tiegħu għalina.

9. (a) Liema twissija jagħti Pawlu kontra li Kristjan jifforma rabta mill-​qrib maʼ min ma jemminx? (b) X’inhu t-​tifsir tal-​kelma Griega tradotta “armonija,” u din kif turi d-​diffikultà li tqum meta Kristjan jintrabat b’madmad maʼ min ma jemminx?

9 Iż-​żwieġ kien maħsub mill-​Ħallieq biex jifforma l-​eqreb rabta bejn il-​bnedmin, bir-​raġel u l-​mara jsiru “laħam wieħed.” (Ġenesi 2:24) Huwa għaqli għal xi Kristjan li jifforma din ir-​rabta mill-​qrib maʼ xi ħadd li ma jemminx? Pawlu jwieġeb billi jqajjem serje taʼ mistoqsijiet penetranti, li kull waħda titlob tweġiba negattiva. “Għax xi sħubija hemm bejn it-​tjieba u l-​ksur tal-​Ligi? Jew x’għandu x’jaqsam id-​dawl mad-​dlam? Iktar minn hekk, x’armonija [Grieg, sym·pho’nesis] hemm bejn Kristu u Beljal [Satana]? Jew x’sehem għandu wieħed fidil maʼ wieħed li ma jemminx?” (2 Korintin 6:14, 15) Il-​kelma Griega sym·pho’ne·sis litteralment tfisser “jinstemgħu flimkien” (minn syn, “ma’,” u pho·ne’, “ħoss”). Tirreferi għall-​armonija provduta minn strumenti mużikali. M’hemm, naturalment, l-​ebda armonija bejn Kristu u Satana. B’mod simili, f’madmad mhux indaqs, huwa diffiċli ħafna għar-​raġel u l-​mara biex ‘jikkordaw.’ Huma bħal żewġ strumenti mużikali li m’humiex f’armonija bejniethom, li jipproduċu ħsejjes skurdati minflok mużika.

10. Liema huma elementi essenzjali għal żwieġ hieni, u x’vantaġġi jeżistu meta jkun hemm madmad indaqs?

10 Kif, mela, tistaʼ persuna spiritwali tgawdi armonija sħiħa maʼ persuna fiżika? (1 Korintin 2:14) Twemmin komuni, prinċipji, u miri huma elementi essenzjali fi żwieġ hieni. L-​ebda ħaġa ma tagħti akbar saħħa liż-​żwieġ minn devozzjoni miż-​żewġ naħat lejn il-​Ħallieq. Meta jkun hemm madmad indaqs, ir-​raġel u l-​mara jistgħu jinkuraġġixxu lil xulxin fil-​qima. It-​tnejn jistgħu jħarsu lejn l-​Iskrittura biex jissetiljaw id-​differenzi taʼ bejniethom. Mhux evidenti, mela, li Jehovah igħidilna biex ma nintrabtux f’madmad maʼ dawk li ma jemmnux għaliex hu jridna li ngawdu l-​eqreb rabta possibbli mas-​sieħeb jew sieħba tagħna fiż-​żwieġ?

11. Għaqdiet taż-​żwieġ maʼ nies li ma kinux jaduraw lil Jehovah għala kienu projbiti f’Iżrael, u x’mistoqsija li ġġagħlek taħseb tiġi mqajma?

11 Jekk nagħtu kas tat-​twissija tal-​Bibbja jeħlisna wkoll mill-​konsegwenzi taʼ wġigħ li taʼ spiss jirriżultaw meta Kristjan jintrabat b’madmad maʼ min ma jemminx. Hemm, per eżempju, il-​possibiltà li dak li ma jemminx ibiegħed lis-​sieħeb jew sieħba Kristjana milli taqdi lil Jehovah. Ikkunsidra t-​twissija taʼ Jehovah lil Iżrael tal-​qedem. Għaqdiet taż-​żwieġ maʼ nies li ma kinux jaduraw lil Jehovah kienu projbiti. Għala? “Għax se jdawwar lil ibnek milli jsegwini,” iwissi Jehovah, “u huma ċertament li se jaqdu allat oħra.” (Dewteronomju 7:3, 4) Iffaċċjat minn oppożizzjoni minn sieħeb jew sieħba li ma temminx, jistaʼ jkun hemm tendenza li tiżżerżaq lejn it-​triq tal-​inqas reżistenza. Huwa faċli li taħseb, ‘Mhux se jiġri hekk lili!’ Iżda ġara lil raġel b’għerf bħal Salamun. Ma jistax jiġri l-​istess lilek?—1 Slaten 11:1-6; qabbel 1 Slaten 4:29, 30.

12. Il-​liġi t’Alla li tipprojbixxi żwiġijiet maʼ barranin kif serviet taʼ protezzjoni għall-​Iżraelit? Agħti eżempju.

12 Anki jekk dak li jemmen ma jiġix imdawwar ’il bogħod mill-​qima vera, xorta waħda hemm problemi u pressjonijiet taʼ spiss assoċjati maʼ dar maqsuma reliġjożament. Ikkunsidra, għal darb’oħra l-​liġi t’Alla lil Iżrael. Nassumu li xebba Iżraelita aċċettat li tiżżewweġ raġel Kangħanit. Imdorri bid-​drawwiet sesswali li kienu prevalenti fl-​art taʼ Kangħan, x’rispett kien se jkollu għal-​liġi taʼ Alla tagħha? Kien se jkun hu, per eżempju, lest li jżomm lura minn atti sesswali matul il-​menstruazzjoni, kif mitlub mil-​Liġi taʼ Mosè?c (Levitiku 18:19; 20:18; qabbel Levitiku 18:27.) Fil-​każ taʼ raġel Iżraelit li żżewweġ tfajla Kangħanita, kemm kienet se tappoġġah meta hu kien jivvjaġġa għal Ġerusalemm tliet darbiet kull sena biex jattendi l-​festi tal-​istaġuni? (Dewteronomju 16:16) Ovvjament, il-​liġi t’Alla kontra żwiġijiet bħal dawn serviet taʼ protezzjoni għall-​Iżraeliti.

13.(a) Għala persuna tad-​dinja m’għandhiex kuxjenza Kristjana, imħarrġa fuq il-​Bibbja? (b) Liema pressjonijiet u problemi jiġu ffaċċjati minn xi whud fi djar mifrudin reliġjożament?

13 Xi ngħid għal-​lum? Il-​livelli morali tan-​nies tad-​dinja huma bil-​wisq imbegħdin minn dawk tal-​Bibbja. Minkejja kemm jistgħu jkunu jidhru diċenti xi nies tad-​dinja huma xorta m’għandhomx kuxjenza Kristjana mħarrġa fuq il-​Bibbja. Huma ma qattgħux snin twal jistudjaw il-​Kelma t’Alla ‘iġeddu lil moħħhom’ u ‘jinżgħu l-​personalità l-​qadima.’ (Rumani 12:2; Kolossin 3:9) Għaldaqstant il-​Kristjan li jintrabat f’madmad maʼ min ma jemminx taʼ spiss jesponi lilu nnifsu għal ħafna wġigħ il-​qalb u niket. Xi whud jiffaċċjaw pressjoni ripetuta biex jieħdu sehem fi prattiċi sesswali perverti jew biex jiċċelebraw festi tad-​dinja. U xi wħud saħansitra jilmentaw minn solitudni. Kif kitbet waħda oħt: “Is-​solitudni li tħoss meta tkun miżżewġa lil xi ħadd li ma jħobbx lil Jehovah hija l-​agħar solitudni li tistaʼ timmaġina. Ifhem, ma għandek lil ħadd maʼ min taqsam il-​verità, li hi l-​iktar ħaġa mportanti f’ħajtek.”

14. (a) F’dar maqsuma, għala huwa diffiċli li trabbi t-​tfal ”fid-dixxiplina u r-​regular mentali taʼ Jehovah”? (b) X’jistaʼ jkun l-​effett fuq it-​tfal f’dar maqsuma?

14 F’dar maqsuma, jistaʼ jkun diffiċli ħafna li trabbi t-​tfal “fid-​dixxiplina u r-​regular mentali taʼ Jehovah.” (Efesin 6:4) Dak li ma jemminx, per eżempju, se jkun lest li jħalli lit-​tfal jattendu għal-​laqgħat jew jieħdu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa? Taʼ spiss it-​tfal jispiċċaw maqsumin fl-​affezzjonijiet tagħhom—huma jħobbu lill-​ġenituri tagħhom it-​tnejn, iżda wieħed biss mill-​ġenituri jħobb lil Jehovah. Qalet waħda oħt li żżewġet lil wieħed li ma jemminx: “Jien għaddejt minn ħafna wġigħ il-​qalb matul il-​20 sena taʼ żwieġ tiegħi. Is-​subien tiegħi kibru qalb ħafna nkwiet u taqlib emozzjonali u issa huma parti mid-​dinja. Binti taʼ spiss tkun imdejqa għax ikollha tkun ’il bogħod minni taʼ spiss minħabba li missierha għandu d-​dritt li jaraha. Dawn il-​problemi kollha jeżistu għax meta kelli 18-il sena, jien għażilt li ninjora wieħed mill-​prinċipji taʼ Jehovah.” Liema prinċipju? Tintrabtux f’madmad maʼ dawk li ma jemmnux!

15. Jehovah għala jagħtina l-​parir biex ma nintrabtux b’madmad maʼ dawk li ma jemmnux?

15 Jidher ċar li Jehovah iridna ngawdu l-​aqwa mill-​ħajja. Dak li jitlob minna, inkluż il-​parir tiegħu biex ma nintrabtux f’madmad maʼ dawk li ma jemmnux, hu għall-​ġid tagħna. (Dewteronomju 1O:12, 13) Li tiżżewweġ lil xi ħadd li ma jemminx tkun qed tinjora parir Skritturali, għerf prattiku, u l-​esperjenza taʼ spiss taʼ wġigħ taʼ oħrajn.

Mistoqsijiet li Jsiru Spiss

16, 17. (a) Jekk ma noqogħdux attenti, kif tistaʼ l-​emozzjoni tfixkel ir-​raġunar sod? (b) Għandu l-​parir t’Alla jiġi njorat minħabba sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn Kristjan iżżewweġ lil xi ħadd li ma jemminx u issa t-​tnejn li huma qed jaqdu lil Jehovah? Spjega.

16 Madankollu, jekk ma noqogħdux attenti, l-​emozzjoni tistaʼ tfixkel ir-​raġunar sod. Nistgħu nibdew inħossu li eċċezzjoni tistaʼ ssir fil-​każ tagħna. Ikkunsidra xi ftit mill-​iktar mistoqsijiet li jsiru taʼ spiss.

17 Xi ngħidu dwar sitwazzjonijiet fejn ħu jew oħt iżżewġu lil xi ħadd ma jemminx, u issa t-​tnejn li huma qed jaqdu lil Jehovah? Xorta waħda, il-​prinċipji taʼ Jehovah ġew miksurin. Jistaʼ t-​tmiem jiġġustifika l-​mod li bih inkiseb? Bħala tixbieha tal-​ħarsa t’Alla dwar dawk li jinjoraw il-​parir tiegħu hemm il-​każ tal-​Lhud li rritornaw mill-​jasar fil-​Babilonja. Meta xi wħud minnhom ħadu nisa pagani, il-​kittieba tal-​Bibbja Eżra u Neħemija ma żammewx lura milli jikkundannaw l-​azzjonijiet tagħħom. Dawk il-​Lhud “aġixxew b’mod infidil,” ikkommettew “ħażen kbir,” u ġabu fuqhom “ħtija.” (Eżra 10:10-14; Neħemija 13:27) Xi ħaġa oħra x’tikkunsidra: Meta ninjoraw il-​parir t’Alla, aħna nistgħu inferu lilna nfusna spiritwalment, billi ntebbgħu l-​kuxjenza tagħna. Waħda oħt li żewġha li ma kienx jemmen maż-​żmien sar wieħed li jemmen qalet: ‘Għadni niġġieled mat-​tebgħat emozzjonali. Ma nistax ingħidlek kemm inħossni skomda meta oħrajn jippuntaw lejna u jgħidu, “Iżda kollox mar sewwa għal dawk.”’

18. X’inhi l-​korsa għaqlija jekk tħossok miġbud lejn xi ħadd li għadu mhux imgħammed, u b’hekk x’se turi?

18 Xi ngħidu jekk int miġbud lejn xi ħadd li qed jistudja l-​Bibbja u jattendi l-​laqgħat, għalkemm hu jew hi għadhom m’humiex imgħammdin? Aħna nifirħu meta xi ħadd juri nteress fil-​verità tal-​Bibbja. Il-​mistoqsija, iżda, hi: Għandek issegwi l-​inklinazzjoni tiegħek? Sinċerament, il-​korsa għaqlija hi li tistenna sa ftit żmien wara li l-​ħabib (jew ħabiba) tiegħek ikun imgħammed u qed jagħmel progress f’li juri l-​frott tal-​ispirtu t’Alla qabel tibdew toħorġu flimkien. (Galatin 5:22, 23) Forsi ma jkunx faċli li tapplika dan il-​parir, iżda billi tagħmel hekk int se turi devozzjoni lejn il-​prinċipji tal-​Bibbja; dan se jpoġġi pedament mill-​aħjar għal kuntentizza vera fiż-​żwieġ. Jekk il-​ħabib (jew ħabiba) tiegħek ġenwinament interessat fik u verament qed isir iħobb lil Jehovah, bla dubju hu (jew hi) se jkun lest li jistenna sakemm it-​tnejn li intom tkunu “fil-​Mulej”—iddedikati u mgħammdin—qabel tibdew toħorġu flimkien. Ftakar, ukoll, li l-​imħabba vera ma jiġrilha l-​ebda ħsara bil-​mogħdija taż-​żmien.—1 Korintin 7:39; Ġenesi 29:20.

19. X’għandek iżżomm f’moħħok jekk qed ikollok diffikultà biex issib sieħeb (jew sieħba) għaż-​żwieġ minn fost adoraturi sħabek?

19 Xi ngħidu jekk qed ikollok diffikultà f’li ssib sieħeb (jew sieħba) xieraq għaż-​żwieġ minn fost adoraturi sħabek? “Jien għandi 26 sena, mhix miżżewġa, u verament inħossni waħdi,” qalet waħda oħt. Veru, li tkun waħdek jistaʼ jkun diffiċli għalik, iżda l-​problemi li jirriżultaw milli tkun marbut f’madmad mhux indaqs fiż-​żwieġ jistgħu jkunu saħansitra iktar diffiċli! Li tobdi l-​parir t’Alla jistaʼ jirrikjedi fidi, rażna, u paċenzja, iżda kun żgur li Jehovah jaf u jixtieq dak li hu l-​aħjar għalik. (1 Pietru 5:6, 7) Għamilha suġġett fit-​talb, u mbagħad stenna fuq Jehovah. (Salm 55:22) F’din is-​sistema taʼ affarijiet, ħadd ma jgawdi ħajja taʼ sodisfazzjon perfett. Qalbek tistaʼ tixxennaq għal sieħeb (jew sieħba). Oħrajn, iżda, għandhom is-​sehem tagħhom taʼ problemi, li biċċiet minnhom m’għandhomx fejqan f’din is-​sistema. Fid-​dinja ġdida li ġejja biss se tiġi mwettqa kompletament “ix-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.”−Salm 145:16.

20. Oħt li mhix miżżewġa kif esprimiet id-​determinazzjoni tagħha, u billi tkun determinat b’mod simili, x’sodisfazzjon jistaʼ jkollok?

20 Sadattant, kun determinat li ma tintrabatx f’madmad maʼ xi ħadd li ma jemminx. Oħt mhix miżżewġa li għandha 36 sena esprimiet id-​determinazzjoni tagħha b’dan il-​mod: “Jien nitlob lil Jehovah kuljum għal sieħeb. M’għandi l-​ebda xewqa li nħares barra mill-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, iżda t-​tentazzjonijiet għadhom hemm. Sadattant, bi ħsiebni naħdem fuq kwalitajiet li se jtejbuni bħala persuna sabiex inkun it-​tip taʼ mara spiritwali li raġel spiritwali jkun irid.” Int determinat bl-​istess mod? Jekk iva, jistaʼ jkollok is-​sodisfazzjon li jiġi meta tagħti prova tal-​lejaltà tiegħek lejn Dak Alla taʼ ġustizzja Divina.—Salm 37:27, 28.

[Noti taʼ taħt]

a Fl-1 Korintin 14:22, Pawlu uża t-​termini “dawk li ma jemmnux” f’kuntrast maʼ “dawk li jemmnu,” jew persuni mgħammdin. Il-​Korintin, mela, kienu se jifhmu l-​frażi “dawk li ma jemmnux” li tirreferi għal persuni mhux imgħammdin.—Ara Atti 8:13; 16:3l-34; 18:8.

b “F’għamla mifruxa l-​prinċipju jistaʼ jiġi espress b’dan il-​mod: ‘Tifformaw l-​ebda relazzjoni, kemm temporanja jew permanenti, maʼ dawk li ma jemmnux li tistaʼ twassal għal kompromess taʼ livelli Kristjani jew tfixkel il-​konsistenza taʼ xiehda Kristjana. U għala separazzjoni bħal din? Għaliex min ma jemminx ma jaqsamx il-​livelli, simpatiji, jew miri tal-​Kristjani.’”−The Expositor’s Bible Commentary’ Volum 10, paġna 359.

c Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Settembru, 1972, paġni 575-6.

Tistaʼ Tispjega?

Il-​Bibbja kif twissi kontra l-​iffurmar taʼ rabtiet mill-​qrib maʼ dawk li ma jemmnux?

Xi Kristjani ddedikati għala jħarsu barra l-​kongregazzjoni għal sieħeb (jew sieħba) għaż-​żwieġ?

It-​twissija taʼ Jehovah dwar irbit f’madmad mhux indaqs kif inhi verament espressjoni tal-​ħsieb taʼ mħabba tiegħu għalina?

X’mistoqsijiet dwar li ssib sieħeb (jew sieħba) taʼ spiss isiru, u kieku int kif tweġibhom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja