LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 3/1 pp. 7-12
  • Ninħelsu mir-Reliġjon Falza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ninħelsu mir-Reliġjon Falza
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​oriġini tar-​Reliġjon Falza
  • Reliġjon Vera
  • Jasar Babilonjan
  • Ninħelsu mir-​Reliġjon Falza fiż-​żmien tat-​Tmiem
  • Reliġjon Vera u Dik Falza
  • Nipprattikaw ir-Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Żomm ’il Bogħod mill-Qima Falza!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • X’Jgħallmu r-Reliġjonijiet Foloz Dwar Alla?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 3/1 pp. 7-12

Ninħelsu mir-​Reliġjon Falza

“‘Oħorġu minn fosthom, . . .’ igħid Jehovah, ‘u ieqfu milli tmissu l-​ħaġa mhix nadifa’ . . ., ‘u jien se neħodkom ġewwa.’”−2 KORINTIN 6:17.

1. Satana liema tpartit ipprova jagħmel maʼ Ġesù, u li għamel din l-​offerta liema żewġ affarijiet igħallimna?

“DAWN l-​affarijiet kollha se nagħtihomlok jekk int taqaʼ u tagħmel att taʼ qima lili.” Għalkemm din l-​offerta ntgħamlet eluf taʼ snin wara l-​bidu tar-​reliġjon falza, hija tipprovdi l-​muftieħ biex nifhmu min hemm wara l-​qima falza u x’inhu l-​iskop tagħha. Tard fis-​sena 29 E.K., ix-​Xitan offra lil Ġesù s-​saltniet kollha tad-​dinja bi bdil maʼ att wieħed taʼ qima. Dan l-​episodju jgħidilna żewġ affarijiet: li s-​saltniet taʼ din id-​dinja kienu taʼ Satana biex jagħtihom lil min irid hu u li l-​oġġettiv aħħari tar-​reliġjon falza hu l-​qima tax-​Xitan.—Mattew 4:8, 9.

2. X’nitgħallmu mill-​kliem taʼ Ġesù f’​Mattew 4:10?

2 Bit-​tweġiba tiegħu, Ġesù mhux biss ċaħad ir-​reliġjon falza imma wera wkoll x’tinvolvi r-​reliġjon vera. Hu ddikjara: “Mur ’il hemm, Satana! Għax hu miktub, ‘Hu lil Jehovah Alla tiegħek li trid tqim, u hu lilu biss li trid tagħti servizz sagru.’” (Mattew 4:10) L-​oġġettiv tar-​reliġjon vera hu, għalhekk, il-​qima tal-​uniku veru Alla, Jehovah. Din tinvolvi fidi u ubbidjenza, li wieħed jagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah.

L-​oriġini tar-​Reliġjon Falza

3. (a) Meta u kif bdiet ir-​reliġjon falza fuq l-​art? (b) Liema hu l-​ewwel att miktub taʼ intolleranza reliġjuża, u l-​persekuzzjoni reliġjuża kif kompliet minn dak iż-​żmien ’il hawn?

3 Ir-​reliġjon falza bdiet fuq l-​art meta l-​ewwel bnedmin ma obdewx lil Alla u aċċettaw il-​proposta tas-​Serpent biex jiddeċiedu għalihom infushom “it-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 3:5) Billi għamlu hekk huma ċaħdu s-​sovranità taʼ tjieba taʼ Jehovah u abbandunaw il-​qima xierqa, ir-​reliġjon vera. Huma kienu l-​ewwel bnedmin li “bidlu l-​verità t’Alla mal-​gidba u qiemu u taw servizz sagru lill-​ħolqien minflok lil Dak li ħalaq.” (Rumani 1:25) Il-​ħlejqa li huma bla ma kienu jafu għażlu li jqimu ma kienet ħadd ħlief Satana x-​Xitan, “is-​serpent oriġinali.” (Rivelazzjoni 12:9) Binhom il-​kbir, Kajjin, irrifjuta li jsegwi l-​parir ħanin taʼ Jehovah u b’hekk irribella kontra s-​sovranità Tiegħu. Għax ried jew bla ma jaf, Kajjin sar “tifel tal-​wieħed ħażin,” Satana, u wieħed li jipprattika l-​qima tax-​Xitan. Hu qatel lil ħuh iżgħar Abel, li kien jipprattika l-​qima vera, ir-​reliġjon vera. (1 Ġwann 3:12, Revised English Bible; Ġenesi 4:3-8; Ebrej 11:4) Id-​demm taʼ Abel kien l-​ewwel demm imxerred minħabba intolleranza reliġjuża. B’niket ngħidu li r-​reliġjon falza baqgħet ixxerred demm innoċenti sal-​ġurnata tal-​lum.—Ara Mattew 23:29-35; 24:3, 9.

4. Fil-​każ taʼ Noè, liema skritturi juru n-​natura tar-​reliġjon vera?

4 Qabel id-​Dulluvju, Satana rnexxielu jdawwar lill-​maġġoranza tal-​bnedmin ’il bogħod mir-​reliġjon il-​vera. Noè, madankollu, “sab favur f’għajnejn Jehovah.” Għala? Għaliex hu “mexa mal-​veru Alla.” Fi kliem ieħor, hu pprattika l-​vera qima. Il-​vera reliġjon mhix xi ċerimonja jew ritwal imma mod taʼ ħajja. Hija tinvolvi li wieħed ipoġġi fidi f’Jehovah u li jaqdih b’mod ubbidjenti, ‘billi jimxi miegħu.’ Noè hekk għamel.—Ġenesi 6:8, 9, 22; 7:1; Ebrej 11:6, 7.

5. (a) Ix-​Xitan xi pprova jistabbilixxi wara d-​Dulluvju, u kif? (b) Jehovah kif ħawwad il-​pjan tax-​Xitan, u x’kien ir-​riżultat?

5 Mhux wisq wara d-​Dulluvju, ix-​Xitan milli jidher uża lil Nimrod, raġel magħruf għall-​“oppożizzjoni [tiegħu] lejn Jehovah,” fi sforz biex igħaqqad lill-​umanità kollha f’għamla taʼ qima li tkun għal darb’oħra topponi lil Jehovah. (Ġenesi 10:8, 9; 11:2-4) Kienet se tkun reliġjon falza waħda magħquda, qima magħquda tax-​Xitan, iċċentrata fuq il-​belt u t-​torri li bnew l-​adoraturi tiegħu. Jehovah ħarbat dan il-​pjan billi ħawwad il-​“lingwa waħda” li dak iż-​żmien kienet mitkellma mill-​umanità kollha. (Ġenesi 11:5-9) Għalhekk, il-​belt saret tissejjaħ Babel, iktar tard Babilonja, liema żewġ ismijiet ifissru “Konfużjoni.” Din il-​konfużjoni fil-​lingwi ġabet it-​tifrix tal-​umanità mal-​art kollha.

6. (a) Liema ideat reliġjużi ġew imdaħħlin fl-​adoraturi taʼ Satana f’Babilonja qabel ma tferrxu? (b) Ir-​reliġjonijiet taʼ madwar id-​dinja għala għandhom twemmin simili? (ċ) Liema għan sataniku qdiet Babilonja, u dik il-​belt antika saret is-​simbolu taʼ liema ħaġa?

6 Jidher, madankollu, fuq il-​bażi tal-​istorja tal-​mitoloġija u r-​reliġjon, li qabel dan it-​tifrix tal-​umanità minn Jehovah, Satana kien daħħal fl-​imħuħ tal-​adoraturi tiegħu ċerti ideat fundamentali tar-​reliġjon falza. Dawn jinkludu l-​kunċetti reliġjużi tar-​ruħ li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt, il-​biżaʼ mill-​mejtin, u l-​eżistenza taʼ infern f’dinja taħt l-​art, flimkien mal-​qima taʼ għadd bla qies taʼ allat irġiel u nisa, li wħud minnhom ġew miġburin fi trinitajiet. Twemmin bħal dan inġarr sat-​truf tal-​art mill-​gruppi lingwistiċi varji. Mal-​mogħdija taż-​żmien, dawn l-​ideat bażiċi għaddew minn xi varjazzjonijiet. Imma fil-​biċċa l-​kbira, huma jiffurmaw il-​fibra tar-​reliġjon falza fil-​partijiet kollha tad-​dinja. Għalkemm imfixkel fl-​attentat tiegħu biex joħloq reliġjon falza waħda magħquda bil-​kapitali dinjija tagħha f’Babilonja, Satana kkuntenta b’għamliet diversi taʼ qima falza, li kienu spirati minn Babilonja u mfasslin biex idawru l-​qima mingħand Jehovah għal għandu. Babilonja baqgħet għal sekli sħaħ bħala ċentru influwenti taʼ idolatrija, maġija, sħarijiet, u astroloġija—kollha komponenti essenzjali tar-​reliġjon falza. Mhux taʼ sorpriża, għalhekk, li l-​ktieb taʼ Rivelazzjoni jissimbolizza lill-​imperu dinji taʼ reliġjon falza bħala mara żienja maħmuġa msemmija Babilonja l-​Kbira.—Rivelazzjoni 17:1-5.

Reliġjon Vera

7. (a) Ir-​reliġjon vera għala ma ġietx effettwata mill-​konfużjoni tal-​lingwa? (b) Min sar magħruf bħala “l-​missier taʼ dawk kollha li għandhom il-​fidi,” u għala?

7 Ovvjament, ir-​reliġjon vera ma ġietx effettwata meta Jehovah ħawwad il-​mezz taʼ espressjoni tal-​bnedmin f’Babel. Il-​qima vera kienet tiġi pprattikata qabel id-​Dulluvju minn irġiel u nisa leali bħal Abel, Enok, Noè, il-​mara taʼ Noè, u t-​tfal subien taʼ Noè u n-​nisa tagħhom. Wara d-​Dulluvju l-​qima vera ġiet ippreservata fil-​linja taʼ Xem, bin Noè. Abraham, dixxendent taʼ Xem, kien jipprattika r-​reliġjon vera u sar magħruf bħala “l-​missier taʼ dawk kollha li għandhom il-​fidi.” (Rumani 4:11) Il-​fidi tiegħu kienet appoġġjata minn xogħlijiet. (Ġakbu 2:21-23) Ir-​reliġjon tiegħu kienet mod taʼ ħajja.

8. (a) Ir-​reliġjon vera kif ġiet konfrontata mir-​reliġjon falza fis-​seklu 16 Q.E.K., u x’kien ir-​riżultat? (b) Liema arranġament ġdid inawgura Jehovah rigward il-​qima pura tiegħu?

8 Il-​qima vera baqgħet tiġi pprattikata fil-​linja tad-​dixxendenti taʼ Abraham—Iżakk, Ġakobb (jew, Iżrael), u t-​12-il ulied subien taʼ Ġakobb, li minnhom ħarġu t-​12-il tribù taʼ Iżrael. L-​egħluq tas-​seklu 16 Q.E.K. sab lid-​dixxendenti taʼ Abraham minn Iżakk jitħabtu biex jippreservaw ir-​reliġjon pura f’ambjent ostili, pagan—l-​Eġittu—fejn huma ġew ridotti għall-​jasar. Jehovah uża lill-​qaddej leali tiegħu Mosè, tat-​tribù taʼ Levi, biex jeħles lill-​adoraturi Tiegħu mill-​madmad tal-​Eġittu, art imgħaddsa fir-​reliġjon falza. Permezz taʼ Mosè, Jehovah ikkonkluda patt maʼ Iżrael, billi għamilhom il-​poplu magħżul Tiegħu. F’dak iż-​żmien, Jehovah poġġa f’kodiċi l-​qima tiegħu, billi temporanjament waqqafha ġewwa l-​limiti taʼ sistema taʼ sagrifiċċji amministrati minn saċerdozju u b’santwarju materjali, l-​ewwel it-​tabernaklu li kien jinġarr u iktar tard it-​tempju f’Ġerusalemm.

9. (a) Il-​qima vera kif kienet tiġi pprattikata qabel il-​patt tal-​Liġi? (b) Ġesù kif wera li l-​fatturi materjali tal-​Liġi ma kinux permanenti?

9 Għandu jiġi nnotat, madankollu, li dawn il-​fatturi materjali ma kinux ippjanati li jsiru komponenti permanenti tar-​reliġjon vera. Il-​Liġi kienet “dell tal-​affarijiet li għandhom jiġu.” (Kolossin 2:17; Ebrej 9:8-10; 10:1) Qabel il-​Liġi Mosajka, fi żmien il-​patrijarki, il-​kapijiet tal-​familji milli jidher kienu jirrappreżentaw lill-​familji tagħhom f’li joffru sagrifiċċji fuq artali li huma kienu bnew. (Ġenesi 12:8; 26:25; 35:2, 3; Ġob 1:5) Imma ma kien hemm ebda saċerdozju organizzat jew sistema taʼ sagrifiċċji, b’xi ċerimonji u ritwal. Barra minn dan, Ġesù nnifsu wera n-​natura temporanja tal-​qima bil-​kodiċi ċċentrata f’Ġerusalemm meta qal lil mara Samaritana: “Ġejja s-​siegħa meta la fuq din il-​muntanja [Geriżim, post fejn qabel kien hemm tempju Samaritan] u lanqas f’Ġerusalemm m’intom se tqimu lill-​Missier. . . . Is-​siegħa ġejja, u hi issa, meta l-​veri adoraturi se jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:21-23) Ġesù wera li r-​reliġjon vera trid tiġi pprattikata, mhux b’affarijiet materjali, imma bi spirtu u verità.

Jasar Babilonjan

10. (a) Jehovah għala ppermetta lill-​poplu tiegħu biex jinġarr fil-​jasar f’Babilonja? (b) Jehovah b’liema żewġ modi ħeles lil fdal leali fis-​sena 537 Q.E.K., u x’kien il-​għan ewlieni tar-​ritorn tagħhom lejn Ġuda?

10 Minn żmien l-​irvell f’Għeden, kien hemm għadwa kontinwa bejn ir-​reliġjon vera u r-​reliġjon falza. Xi drabi adoraturi veri kienu, b’mod simboliku, ittieħdu fil-​jasar mir-​reliġjon falza, iffigurata minn żmien Nimrod ’il hawn minn Babilonja. Qabel ma Jehovah ippermetta li l-​poplu tiegħu jinġarr fil-​jasar lejn Babilonja fis-​sena 617 Q.E.K. u 607 Q.E.K., huma kienu diġà waqgħu vittma tar-​reliġjon falza Babilonjana. (Ġeremija 2:13-23; 15:2; 20:6; Eżekjel 12:10, 11) Fis-​sena 537 Q.E.K., fdal leali marru lura lejn Ġuda. (Isaija 10:21) Huma taw kas tas-​sejħa profetika: “Oħorġu ’l barra minn ġo Babilonja!” (Isaija 48:20) Dan ma kellux ikun sempliċi ħelsien fiżiku. Kien ukoll ħelsien spiritwali minn ambjent taʼ reliġjon falza, maħmuġa u idolatruża. Dawn il-​fdal leali għalhekk ġew ikkmandati: “Duru ’l hemm, duru ’l hemm, oħorġu minn hemm, tmissu xejn li mhux nadif; oħorġu minn ġo nofsha, żommu rwieħkom indaf, intom li qegħdin iġġorru l-​għodod taʼ Jehovah.” (Isaija 52:11) Il-​għan ewlieni tar-​ritorn tagħhom lejn Ġuda kien biex jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima pura, ir-​reliġjon vera.

11. Flimkien mar-​restawrazzjoni tal-​qima pura f’Ġuda, liema żviluppi ġodda reliġjużi seħħew fis-​sitt seklu Q.E.K.?

11 Taʼ interess hu li dak l-​istess sitt seklu Q.E.K. ra komplikazzjonijiet ġodda tar-​reliġjon falza ġewwa Babilonja l-​Kbira. Ra t-​twelid tal-​Buddiżmu, il-​Konfuċjaniżmu, iż-​Żoroastrijaniżmu, u l-​Ġajniżmu, biex ma nsemmux il-​filosofija Griega bbażata fuq ir-​raġunar li iktar tard kienet se tinfluwenza bil-​kbir lill-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Mela waqt li l-​qima pura kienet qed tiġi restawrata idda, l-​għadu l-​kbir t’Alla kien qed jipprovdi għażla akbar taʼ alternattivi fir-​reliġjon falza.

12. Liema ħelsien mill-​jasar Babilonjan seħħ fl-​ewwel seklu E.K., u Pawlu liema twissija ta?

12 Saż-​żmien li Ġesù deher f’Iżrael, il-​maġġoranza tal-​Lhud kienu qed jipprattikaw għamliet varji taʼ Ġudaiżmu, għamla taʼ reliġjon li kienet adottat ħafna kunċetti reliġjużi Babilonjani. Kienet intrabtet maʼ Babilonja l-​Kbira. Kristu kkundannaha u ħeles lid-​dixxipli tiegħu mill-​jasar Babilonjan. (Mattew, kapitlu 23; Luqa 4:18) Ladarba r-​reliġjon falza u l-​filosofija Griega kienu abbundanti fi nħawi fejn kien jippriedka, l-​appostlu Pawlu kkwota l-​profezija taʼ Isaija u applikaha għall-​Kristjani, li kienu jeħtieġu li jżommu ħelsin mill-​influwenza maħmuġa taʼ Babilonja l-​Kbira. Hu kiteb: “Xi qbil għandu t-​tempju t’Alla mal-​idoli [Babilonjani]? Għax aħna tempju taʼ Alla ħaj; sewwa sew bħalma qal Alla: ‘Jien se ngħammar fosthom u nimxi fosthom, u se nkun Alla tagħhom, u huma se jkunu l-​poplu tiegħi.’ ‘“Għalhekk oħorġu minn fosthom, u ifirdu lilkom infuskom,” igħid Jehovah, “u ieqfu milli tmissu l-​ħaġa mhix nadifa”’; ‘“u jien se neħodkom ġewwa.”’”—2 Korintin 6:16, 17.

Ninħelsu mir-​Reliġjon Falza fiż-​żmien tat-​Tmiem

13. X’inhu indikat fil-​messaġġi li Kristu bagħat lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri, u x’ħareġ bħala riżultat?

13 Il-​messaġġi li Kristu bagħat lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri permezz tar-​Rivelazzjoni mogħtija lill-​appostlu Ġwanni jindikaw b’mod ċar li sat-​tmiem tal-​ewwel seklu E.K., drawwiet u attitudnijiet reliġjużi Babilonjani kienu deħlin bil-​mod il-​mod ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana. (Rivelazzjoni, kapitli 2 u 3) L-​apostasija fjorixxiet b’mod partikulari mit-​tieni seklu sal-​ħames seklu E.K., billi wasslet għall-​iżvilupp taʼ imitazzjoni korrotta tar-​reliġjon Kristjana pura. Duttrini Babilonjani bħall-​immortalità tar-​ruħ, infern jaqbad, u t-​Trinità ġew inkorporati fit-​tagħlim tal-​Kristjanità apostata. Il-​knejjes Kattoliċi, Ortodossi, u iktar tard dawk Protestanti kollha adottaw dawn id-​dommi foloz u, għalhekk, saru parti minn Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza tax-​Xitan.

14, 15. (a) X’turi t-​tixbieha taʼ Ġesù tal-​qamħ u l-​ħaxix ħażin? (b) X’seħħ lejn it-​tmiem tas-​seklu 19, u sal-​1914, xi progress kienu għamlu l-​Kristjani veri rigward duttrini?

14 Ir-​reliġjon vera qatt ma ġiet meqruda kompletament. Dejjem kien hemm nies li jħobbu l-​verità matul is-​sekli, li xi wħud minnhom ħallsu b’ħajjithom għall-​fedeltà tagħhom lejn Jehovah u lejn il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Imma bħalma turi t-​tixbieha taʼ Ġesù tal-​qamħ u l-​ħaxix ħażin, il-​qamħ simboliku, jew l-​ulied midlukin tas-​Saltna, kienu se jiġu sseparati biss mill-​ħaxix ħażin, jew ulied il-​wieħed mill-​agħar, fil-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet.” (Mattew 13:24-30, 36-43) Hekk kif iż-​żmien tat-​tmiem—iż-​żmien biex isseħħ din is-​separazzjoni—qorob, studenti sinċieri tal-​Bibbja fl-​aħħar tas-​seklu 19 bdew jinħelsu mill-​jasar tar-​reliġjon falza.

15 Sal-​1914 dawn il-​Kristjani, magħrufin il-​lum bħala Xhieda taʼ Jehovah, kienu kkultivaw fidi soda fir-​rahan. Huma kienu jafu li l-​preżenza taʼ Kristu trid tkun inviżibbli. Huma fehmu li l-​1914 kien se jimmarka t-​tmiem taż-​“żminijiet tal-​Ġentili.” (Luqa 21:24, King James Version) U huma fehmu b’mod ċar it-​tifsir tar-​ruħ u tal-​irxoxt. Huma ġew imdawlin ukoll rigward l-​iżball oħxon tat-​tagħlim tal-​knejjes dwar in-​nar tal-​infern u t-​Trinità. Tgħallmu u bdew jużaw l-​isem divin u għarfu kemm hi żballjata t-​teorija tal-​evoluzzjoni u l-​prattika tal-​ispiritiżmu.

16. Kristjani midlukin għal liema sejħa wieġbu fl-​1919?

16 Kienu bdew tajjeb f’li jeħilsu mill-​irbit tar-​reliġjon falza. U fl-​1919, Babilonja l-​Kbira tilfet għalkollox il-​qabda tagħha fuq il-​poplu t’Alla. Bħalma fdal taʼ Lhud kienu nħelsu minn Babilonja fis-​sena 537 Q.E.K., hekk il-​fdal leali taʼ Kristjani midlukin taw kas tas-​sejħa biex ‘joħorġu minn ġo nofs Babilonja l-​Kbira.’—Isaija 52:11.

17. (a) Xi żviluppa mill-​1922 ’il quddiem, u liema ħtieġa nħasset fost il-​poplu t’Alla? (b) Liema pożizzjoni estrema ġiet adottata, u dan għala tistaʼ tifhmu?

17 Mis-​sena 1922 ’il quddiem, veritajiet Bibliċi qawwijin ġew ippubblikati u mqassmin pubblikament, b’mod li kixfu r-​reliġjon falza Babilonjana, b’mod partikulari l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Il-​ħtieġa kienet tinħass li jiġi enfasizzat fl-​imħuħ tan-​nies imnaddfin t’Alla li l-​qtugħ mill-​għamliet kollha taʼ reliġjon falza jrid ikun totali. B’hekk, għal snin sħaħ, saħansitra l-​użu tal-​kelma “reliġjon” kien jiġi evitat meta tissemma l-​qima pura. Kartelluni, bħal “Religion Is a Snare and a Racket,” (“Ir-​Reliġjon Hija Nassa u Pjan li Jisloħ,”) kienu jduru bihom fit-​toroq taʼ bliet kbar. Kotba bħal Government (1928) u “The Truth Shall Make You Free” (1943) għamlu distinzjoni ċara bejn “Kristjanità” u “reliġjon.” Tistaʼ tifhem għala ttieħdet din il-​pożizzjoni estrema, ladarba ried isir qtugħ għalkollox minn mas-​sistemi reliġjużi, li kienu ppenetraw kullimkien, taʼ Babilonja l-​Kbira.

Reliġjon Vera u Dik Falza

18. Liema fehma ġdida taʼ “reliġjon” ingħatat fl-​1951, u dan kif inhu spjegat fin-​1975 Yearbook?

18 Imbagħad, fl-​1951, kien wasal iż-​żmien biex Jehovah jagħti lill-​poplu tiegħu fehma ċara daqs il-​kristall tad-​differenza bejn reliġjon vera u reliġjon falza. In-​1975 Yearbook of Jehovah’s Witnesses jirrapporta: “Fl-​1951, dawk li javvanzaw il-​qima vera tgħallmu xi ħaġa sinjifikanti dwar it-​terminu ‘reliġjon.’ Xi wħud minnhom setgħu jiftakru tajjeb l-​1938 meta, xi drabi, huma ġarrew is-​sinjal li jqanqal il-​ħsieb ‘Religion Is a Snare and a Racket.’ Mill-​ħarsa tagħhom dak iż-​żmien, ir-​‘reliġjon’ kollha ma kinetx Kristjana, kienet mix-​Xitan. Imma The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu, 1951, approva l-​użu tal-​aġġettivi ‘vera’ u ‘falza’ rigward reliġjon. Barra minn dan, il-​ktieb interessanti What Has Religion Done for Mankind? (ippubblikat fl-​1951 u maħruġ matul l-​Assemblea ‘Qima Nadifa’ f’Wembley Stadium, Londra, fl-​Ingilterra) kellu dan xi jgħid: ‘Meħuda skond il-​mod li tintuża, “reliġjon” fid-​definizzjoni l-​iktar sempliċi tagħha tfisser sistema taʼ qima, għamla taʼ qima, mingħajr ma tqis jekk hix qima vera jew falza. Dan jaqbel mat-​tifsir tal-​kelma Ebrajka għaliha, ’a·boh·dáh, li litteralment tfisser “servizz”, minkejja lil min jingħata.’ Wara dan, l-​espressjonijiet ‘reliġjon falza’ u ‘reliġjon vera’ saru komuni fost ix-​xhieda taʼ Jehovah.”−Paġna 225.

19, 20. (a) Il-​veri adoraturi għala ma kellhomx joffendu ruħhom bl-​użu tal-​kelma “reliġjon” kif applikata għall-​qima pura? (b) Din il-​fehma ġdida x’għenet lill-​poplu taʼ Jehovah biex jagħmel?

19 Bi tweġiba għal mistoqsija taʼ qarrej, il-​ħarġa taʼ The Watchtower tal-​15 t’Awissu, 1951, qalet: “Ħadd m’għandu jħossu offiż bl-​użu tat-​terminu ‘reliġjon.’ Il-​fatt li nużawha ma jpoġginiex fil-​klassi tar-​reliġjonijiet foloz marbutin bit-​tradizzjoni, bħalma li nsejħu lilna nfusna Kristjani ma jpoġġiniex mal-​Kristjani foloz tal-​Kristjaneżmu.”

20 ’Il bogħod milli kienet kompromess, din il-​fehma ġdida tal-​kelma “reliġjon” għenet lill-​poplu taʼ Jehovah biex iwessaʼ l-​qasma bejn il-​qima vera u dik falza, kif se juri l-​artiklu li jmiss.

Biex Nittestjaw il-​Fehma Tagħna

◻ Meta u kif bdiet ir-​reliġjon falza fuq l-​art?

◻ Satana xi pprova jistabbiliixxi wara d-​Dulluvju, u kif ġie mħarbat il-​pjan tiegħu?

◻ Babilonja saret is-​simbolu taʼ liema ħaġa?

◻ Liema ħelsien seħħ fis-​sena 537 Q.E.K., fl-​ewwel seklu E.K., u fl-​1919?

◻ Liema fehma ġdida tal-​kelma “reliġjon” ingħatat fl-​1951, u għala f’dak iż-​żmien?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja