LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 11/1 pp. 22-27
  • Fittex lil Jehovah għall-Faraġ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fittex lil Jehovah għall-Faraġ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Wegħda Li Tfarraġ Imwettqa
  • Xi Ħadd Akbar Minn Noè
  • Fejn Insibu L-​Faraġ
  • Fi Żminijiet Taʼ Prova Ħarxa
  • Fejn Tistaʼ Ssib Faraġ Veru?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • ‘Farraġ lill-Imnikktin Kollha’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif Alla joffri l-faraġ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Ikseb il-Faraġ mill-Qawwa taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 11/1 pp. 22-27

Fittex lil Jehovah għall-​Faraġ

“Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-​grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù.”—RUMANI 15:5.

1. Kull jum li jgħaddi għala jġib miegħu l-​bżonn li dejjem jiżdied għall-​faraġ?

KULL jum li jgħaddi jġib miegħu l-​bżonn li dejjem jiżdied għall-​faraġ. Bħalma osserva kittieb tal-​Bibbja ’l fuq minn 1,900 sena ilu, “[i]l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-​uġigħ tal-​ħlas.” (Rumani 8:22) Fi żmienna ‘t-​tnehid’ u ‘l-​uġigħ’ żdiedu iżjed minn qatt qabel. Minn l-​Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn, l-​umanità ġarrbet kriżi wara l-​oħra f’dawk li huma gwerer, kriminalità, u diżastri naturali li taʼ spiss huma marbutin mat-​tmexxija ħażina li għandu l-​bniedem fuq l-​art.—Apokalissi 11:18.

2. (a) Min hu l-​iżjed ħati għall-​gwajijiet preżenti taʼ l-​umanità? (b) Liema fatt jagħtina bażi għall-​faraġ?

2 Għala għad hawn daqshekk sofferenzi fi żmienna? Billi tiddeskrivi t-​tfigħ ’l isfel taʼ Satana mis-​smewwiet wara t-​twelid tas-​Saltna fl-​1914, il-​Bibbja twieġeb: “Ħażin għalikom, ja art u baħar, għax fikom niżel id-​Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” (Apokalissi 12:12) L-​evidenza ċara tat-​twettiq taʼ dik il-​profezija tfisser li aħna kważi wasalna fit-​tmiem tal-​ħakma mill-​agħar taʼ Satana. Kemm hu taʼ faraġ illi ssir taf li l-​ħajja fuq l-​art dalwaqt se terġaʼ lura għall-​istat taʼ paċi li kien jeżisti qabel ma Satana wassal lill-​ewwel ġenituri tagħna għar-​ribelljoni!

3. Il-​bnedmin meta ma kellhomx bżonn il-​faraġ?

3 Fil-​bidu, il-​Ħallieq tal-​bniedem ipprovda park sabiħ bħala dar għall-​ewwel koppja umana. Dan kien jinsab f’qasam imsejjaħ Għeden, li jfisser “Hena” jew “Pjaċir.” (Ġenesi 2:8, nota taʼ taħt) Iktar minn hekk, Adam u Eva gawdew saħħa perfetta, bil-​prospett li ma jmutu qatt. Aħseb ftit dwar il-​ħafna oqsma li fihom setgħu żviluppaw l-​abbiltajiet tagħhom​—il-​ġardinaġġ, l-​arti, il-​kostruzzjoni, il-​mużika. Aħseb, ukoll, dwar ix-​xogħlijiet kollha tal-​ħolqien li setgħu studjaw dwarhom hekk kif wettqu l-​inkarigu tagħhom li jrażżnu d-​dinja u jagħmluha ġenna. (Ġenesi 1:28) Tabilħaqq, il-​ħajjiet t’Adam u Eva kienu jkunu mimlijin, mhux bi tnehid u wġigħ, iżda bi pjaċir u hena. B’mod ċar, ma kienx ikollhom bżonn taʼ faraġ.

4, 5. (a) Adam u Eva għala m’għaddewx mit-​test taʼ l-​ubbidjenza? (b) L-​umanità kif ġiet li għandha bżonn il-​faraġ?

4 Dak li Adam u Eva tassew kellhom bżonn, madankollu, kien li jikkultivaw imħabba u apprezzament profondi lejn Missierhom tas-​sema li tant hu qalbu tajba. Imħabba bħal din kienet se timmotivahom biex jobdu lil Alla taħt kull ċirkostanza. (Qabbel Ġwann 14:31.) B’sogħba, il-​ġenituri oriġinali tagħna, it-​tnejn li huma naqsu li jobdu lil Jehovah, is-​Sovran tagħhom bi dritt. Minflok, ħallew lilhom infushom jaqgħu taħt il-​ħakma mill-​agħar t’anġlu li ġie mbaxxi, Satana x-​Xitan. Kien Satana li ttanta lil Eva biex tidneb u tiekol mill-​frotta pprojbita. Imbagħad Adam dineb meta kiel hu wkoll mill-​frotta tas-​siġra li dwarha Alla kien wissa b’mod ċar: “Dak in-​nhar li tiekol minnha żgur li tmut.”—Ġenesi 2:17.

5 B’dan il-​mod, il-​koppja midinba bdiet tmut. Meta qataʼ s-​sentenza tal-​mewt, Alla stqarr ukoll lil Adam: “Misħuta l-​art minħabba fik; bit-​taħbit tiekol minnha, il-​jiem kollha taʼ ħajtek. Xewk u għolliq tnibbitlek, u int tiekol il-​ħaxix selvaġġ.” (Ġenesi 3:17, 18) B’hekk Adam u Eva tilfu l-​prospett li jagħmlu l-​art mhix ikkultivata f’ġenna. Imkeċċijin minn Għeden, huma kellhom jikkonċentraw l-​enerġiji tagħhom biex jieħdu bi tbatija l-​ikel minn art li kienet ġiet misħuta. Id-​dixxendenti tagħhom, billi wirtu din il-​kundizzjoni taʼ mewt midinba, għandhom dan il-​bżonn kbir taʼ faraġ.—Rumani 5:12.

Wegħda Li Tfarraġ Imwettqa

6. (a) Alla liema wegħda li tfarraġ għamel wara l-​waqgħa tal-​bnedmin fid-​dnub? (b) Liema profezija rigward il-​faraġ lissen Lamek?

6 Meta qataʼ s-​sentenza kontra x-​xewwiexi tar-​ribelljoni tal-​bniedem, Jehovah ta prova li hu dak “Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ.” (Rumani 15:5) Hu għamel dan billi wiegħed li jibgħat “żerriegħa” li kellu eventwalment jeħles lin-​nisel t’Adam mill-​effetti diżastrużi tar-​ribelljoni t’Adam. (Ġenesi 3:15, NW) Maż-​żmien, Alla pprovda wkoll leħħiet taʼ dawl bil-​quddiem dwar dan il-​ħelsien. Per eżempju, ispira lil Lamek, dixxendent mill-​bogħod t’Adam minn ibnu Set, biex jipprofetizza fuq dak li kellu jagħmel iben Lamek: “Dan għad iserraħna mit-​taħbit tagħna u mix-​xogħol iebes taʼ idejna minħabba l-​art misħuta mill-​Mulej.” (Ġenesi 5:29) F’armonija maʼ din il-​wegħda, it-​tifel ġie msemmi Noè, li hu mifhum li jfisser “Mistrieħ” jew “Konsolazzjoni.”

7, 8. (a) Liema sitwazzjoni wasslet lil Jehovah biex iħossu ddispjaċut li ħalaq lill-​bniedem, u Hu x’kellu skop li jagħmel b’rispons? (b) Noè kif irnexxielu jwettaq dak li jfisser ismu?

7 Sadattant, Satana kien qiegħed jikseb segwaċi fost xi wħud mill-​anġli tas-​sema. Dawn immaterjalizzaw bħala umani u ħadu dixxendenti nisa attraenti t’Adam bħala marthom. Unjonijiet mhux naturali bħal dawn komplew jikkorrompu lis-​soċjetà umana u pproduċew in-​Nefilim, razza taʼ nies mingħajr Alla, “bulijiet,” li mlew l-​art bil-​vjolenza. (Ġenesi 6:1, 2, 4, 11; Ġuda 6) “U l-​Mulej ra li l-​ħażen tal-​bnedmin kien kiber fuq l-​art . . . U l-​Mulej sogħob bih li kien għamel il-​bniedem fl-​art; u sewwed qalbu.”—Ġenesi 6:5, 6.

8 Jehovah qatagħha li jeqred lil dik id-​dinja mill-​agħar permezz taʼ dilluvju globali, imma l-​ewwel ġiegħel lil Noè jibni arka biex jippreserva l-​ħajja. B’hekk, ir-​razza umana u l-​annimali taʼ kull speċi ġew salvati. Min jaf x’serħan ħassew Noè u l-​familja tiegħu wara d-​Dilluvju hekk kif ħarġu mill-​arka għal fuq art imnaddfa! Kemm kien taʼ faraġ li jsibu li s-​saħta fuq l-​art tneħħiet, u din għamlet l-​attività agrikola ferm eħfef! Tabilħaqq, il-​profezija taʼ Lamek tat prova li kienet vera, u Noè rnexxielu jwettaq dak li jfisser ismu. (Ġenesi 8:21) Bħala qaddej leali t’Alla, Noè sewa biex iwassal doża taʼ “faraġ” lill-​umanità. Madankollu, l-​influwenza mill-​agħar taʼ Satana u l-​anġli demoniċi tiegħu ma ntemmitx mad-​Dilluvju, u l-​umanità għadha titniehed taħt it-​toqol tad-​dnub, tal-​mard, u tal-​mewt.

Xi Ħadd Akbar Minn Noè

9. Ġesù Kristu kif ta prova li hu wieħed li jgħin u jfarraġ lill-​bnedmin niedma?

9 Eventwalment, fit-​tmiem taʼ madwar 4,000 sena taʼ storja umana, iż-​Żerriegħa mwiegħed wasal. Imqanqal mill-​imħabba kbira għall-​umanità, Alla Jehovah bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fuq l-​art biex imut bħala rahan għall-​ispeċi umana midinba. (Ġwann 3:16) Ġesù Kristu jġib serħan kbir lill-​midinbin li jindmu u li jeżerċitaw fidi fil-​mewta sagrifikali tiegħu. Dawk kollha li jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah u jsiru dixxipli mgħammdin taʼ Ibnu jesperjenzaw rifreskar u faraġ dejjiemi. (Mattew 11:28-30; 16:24) Minkejja l-​imperfezzjoni tagħhom, huma jsibu ferħ profond f’li jaqdu lil Alla b’kuxjenza nadifa. Kemm hu taʼ faraġ għalihom li jkunu jafu li jekk ikomplu jeżerċitaw fidi f’Ġesù, huma se jiġu ppremjati b’ħajja taʼ dejjem! (Ġwann 3:36; Lhud 5:9) Jekk minħabba xi dgħjufija jikkommettu dnub serju, imbagħad huma għandhom wieħed li jgħinhom, jew li jfarraġhom, li hu l-​Mulej irxoxtat Ġesù Kristu. (1 Ġwann 2:1, 2) Billi jistqarru dnub bħal dan u billi jieħdu passi Skritturali biex jevitaw li jsiru wħud li jipprattikaw id-​dnub, huma jiksbu serħan, billi jafu li Alla ‘hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilhom dnubiethom.’—1 Ġwann 1:9; 3:6; Proverbji 28:13.

10. X’nitgħallmu mill-​mirakli li Ġesù għamel meta kien fuq l-​art?

10 Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù ġab ukoll rifreskar billi ħeles lil dawk ippossessati mid-​demonji, billi fejjaq kull xorta taʼ mard, u billi qajjem uħud maħbubin mejtin lura għall-​ħajja. Veru, mirakli bħal dawn kienu taʼ benefiċċju temporanju biss, ladarba dawk imberkin b’dan il-​mod wara dan xjaħu u mietu. Minkejja dan, Ġesù b’hekk ta stampa bil-​quddiem tal-​barkiet futuri permanenti li hu se jferraʼ fuq l-​umanità kollha. Issa li hu Sultan setgħan fis-​smewwiet, dalwaqt se jagħmel ferm iżjed milli sempliċement ikeċċi d-​demonji. Hu se jitfagħhom fl-​abbiss flimkien mal-​mexxej tagħhom, Satana, fi stat taʼ inattività. Imbagħad ir-​Renju glorjuż t’Elf Sena taʼ Kristu se jibda.—Luqa 8:30, 31; Apokalissi 20:1, 2, 6.

11. Ġesù għala sejjaħ lilu nnifsu “sid is-​Sibt, [“sabat,” NW]”?

11 Ġesù qal li hu kien “sid is-​Sibt [“sabat,” NW],” u ħafna mill-​fejqan li wettaq sar f’jum is-​Sabat. (Mattew 12:8-13; Luqa 13:14-17; Ġwann 5:15, 16; 9:14) Dan għala għamlu? Sewwa, is-​Sabat kien parti mil-​Liġi t’Alla lil Israel u b’hekk serva bħala “d-​dell tal-​ġid li għandu jiġi.” (Lhud 10:1) Is-​sitt ijiem fil-​ġimgħa taʼ xogħol ifakkruna fis-​6,000 sena li għaddew taʼ jasar tal-​bniedem taħt il-​ħakma oppressiva taʼ Satana. Jum is-​Sabat fl-​aħħar tal-​ġimgħa jfakkarna fil-​mistrieħ taʼ faraġ li l-​umanità se tesperjenza matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Noè Akbar, Ġesù Kristu.—Qabbel 2 Pietru 3:8.

12. Lejn liema esperjenzi taʼ faraġ nistgħu nħarsu ’l quddiem?

12 X’serħan se jħossu s-​sudditi tal-​ħakma taʼ Kristu fuq l-​art meta, fl-​aħħar, isibu lilhom infushom ħelsin totalment mill-​influwenza mill-​agħar taʼ Satana! Iżjed faraġ se jiġi hekk kif huma jesperjenzaw il-​fejqan tal-​weġgħat fiżiċi, emozzjonali, u mentali tagħhom. (Isaija 65:17) Imbagħad, aħseb ftit dwar l-​estasi tagħhom hekk kif jibdew jilqgħu wħud maħbubin lura mill-​mewt! B’dawn il-​modi Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” (Apokalissi 21:4) Hekk kif il-​benefiċċji tar-​rahan bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù jiġu applikati progressivament, is-​sudditi ubbidjenti tas-​Saltna t’Alla se jaslu għall-​perfezzjoni, billi jsiru ħelsin totalment mill-​effetti ħżiena kollha tad-​dnub t’Adam. (Apokalissi 22:1-5) Imbagħad Satana se jiġi maħlul “għal ftit taż-​żmien.” (Apokalissi 20:3, 7) Il-​bnedmin kollha li jappoġġjaw lealment is-​sovranità bi dritt taʼ Jehovah se jiġu ppremjati b’ħajja taʼ dejjem. Immaġina l-​ferħ u s-​serħan li ma jistgħux jitkejlu taʼ li jkunu kompletament “meħlusa mill-​jasar tat-​taħsir”! B’hekk l-​umanità ubbidjenti se tgawdi “l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.

13. Il-​Kristjani veri kollha għala għandhom bżonn il-​faraġ li Alla jipprovdi?

13 Sadattant, aħna nkomplu nkunu suġġetti għat-​tnehid u l-​uġigħ li huma komuni għal kull min jgħix fost is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. Iż-​żjieda fil-​mard fiżiku u t-​taqlib emozzjonali teffettwa lil kull tip taʼ nies, inklużi Kristjani leali. (Filippin 2:25-27; 1 Tessalonikin 5:14) Iżjed minn hekk, bħala Kristjani aħna taʼ spiss inbatu minħabba redikolar u persekuzzjoni inġusti li Satana jitfaʼ b’abbundanza fuqna talli “nobdu aktar lil Alla milli ’il-bnedmin.” (Atti 5:29) B’hekk, jekk aħna se nissaportu f’li nagħmlu r-​rieda t’Alla dritt sat-​tmiem tad-​dinja taʼ Satana, għandna bżonn il-​faraġ, l-​għajnuna, u s-​saħħa li Hu jipprovdi.

Fejn Insibu L-​Faraġ

14. (a) Ġesù liema wegħda għamel fil-​lejl taʼ qabel ma miet? (b) X’inhu neċessarju jekk irridu nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​faraġ taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla?

14 Fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù għamilha ċara lill-​appostli leali tiegħu li hu dalwaqt kien se jitlaqhom u jirritorna għand Missieru. Dan inkwetahom u nikkithom. (Ġwann 13:33, 36; 14:27-​31) Billi rrikonoxxa l-​bżonn tagħhom għall-​faraġ kontinwu, Ġesù wegħedhom: “Jiena nitlob lill-​Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqaʼ dejjem magħkom.” (Ġwann 14:16) Ġesù hawnhekk kien qiegħed jirreferi għall-​ispirtu qaddis t’Alla, li ġie msawwab fuq id-​dixxipli tiegħu 50 jum wara l-​irxoxt tiegħu.a Fost affarijiet oħrajn, l-​ispirtu t’Alla farraġhom matul il-​provi tagħhom u saħħaħhom biex ikomplu jagħmlu r-​rieda t’Alla. (Atti 4:31) Madankollu, għajnuna bħal din m’għandhiex tiġi meqjusa bħala xi ħaġa awtomatika. Biex jibbenefika minnha bis-​sħiħ, kull Kristjan irid ikompli jitlob għall-​għajnuna li tfarraġ li Alla jipprovdi permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu.—Luqa 11:13.

15. Liema huma xi modi li bihom Jehovah jipprovdilna l-​faraġ?

15 Mod ieħor kif Alla jipprovdi l-​faraġ huwa permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Pawlu kiteb: “Kull ma nkiteb fl-​Iskrittura fl-​imgħoddi, inkiteb għat-​tagħlim tagħna, biex permezz tas-​sabar u bis-​saħħa tal-​qalb li tagħmililna l-​Iskrittura, aħna jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Dan juri l-​bżonn li nistudjaw regolarment u nimmeditaw fuq l-​affarijiet miktubin fil-​Bibbja u fil-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja. Għandna bżonn ukoll li nattendu regolarment il-​laqgħat Kristjani, fejn inkunu nistgħu naqsmu ħsibijiet taʼ faraġ mill-​Kelma t’Alla. Wieħed mill-​iskopijiet prinċipali taʼ laqgħat bħal dawn hu li ninkuraġġixxu lil xulxin.—Lhud 10:25.

16. Il-​provvedimenti taʼ faraġ t’Alla x’għandhom iqanqluna biex nagħmlu?

16 L-​ittra taʼ Pawlu lir-​Rumani tkompli biex turi r-​riżultati tajbin li nirċievu meta nagħmlu użu mill-​provvedimenti li jfarrġu t’Alla. “Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ,” Pawlu kiteb, “jagħtikom il-​grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, biex b’fomm wieħed u b’qalb waħda tfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.” (Rumani 15:5, 6) Iva, billi nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti li jfarrġu t’Alla, se nsiru nixbhu iżjed lill-​Mexxej kuraġġuż tagħna, Ġesù Kristu. Dan se jimmotivana biex nibqgħu nużaw ħalqna biex nigglorifikaw lil Alla fix-​xogħol tagħna taʼ għoti taʼ xiehda, fil-​laqgħat tagħna, fil-​konversazzjoni privata maʼ kredenti sħabna, u fit-​talb tagħna.

Fi Żminijiet Taʼ Prova Ħarxa

17. Jehovah kif farraġ lil Ibnu, u b’liema riżultat?

17 Ġesù sar ‘qalbu sewda’ u ‘mdejjaq’ fil-​lejl taʼ qabel il-​mewta agonizzanti tiegħu. (Mattew 26:37, 38) Għalhekk hu tbiegħed ftit ’il bogħod mid-​dixxipli tiegħu u talab lil Missieru għall-​għajnuna. “Kien mismugħ minħabba fil-​qima tiegħu lejn Alla.” (Lhud 5:7) Il-​Bibbja tgħid li “deherlu [lil Ġesù] anġlu mis-​sema biex jagħmillu l-​qalb.” (Luqa 22:43) Il-​mod kuraġġuż u taʼ rġulija li bih Ġesù mar jiffaċċja lill-​avversarji tiegħu huwa evidenza li l-​mod kif Alla farraġ lil Ibnu kien ferm effettiv.—Ġwann 18:3-8, 33-38.

18. (a) Liema perijodu fil-​ħajja taʼ l-​appostlu Pawlu kien partikolarment taʼ prova? (b) Kif nistgħu aħna nkunu taʼ faraġ għall-​anzjani biżlin li jagħdru?

18 L-​appostlu Pawlu wkoll għadda minn perijodi taʼ prova ħarxa. Per eżempju, il-​ministeru tiegħu ġewwa Efesu kien immarkat ‘bid-​dmugħ u bit-​tiġrib li fih sab ruħu minħabba t-​tnassis tal-​Lhud.’ (Atti 20:17-20) Fl-​aħħarnett, Pawlu telaq minn Efesu wara li dawk li jappoġġjaw lill-​alla mara Artemis qajmu storbju sħiħ fil-​belt minħabba l-​attività taʼ ppridkar tiegħu. (Atti 19:23-29; 20:1) Hekk kif Pawlu rħielha lejn it-​Tramuntana tal-​belt taʼ Troas, xi ħaġa oħra kienet qiegħda ttaqqallu ħsibijietu. Xi ftit taż-​żmien qabel l-​istorbju ġewwa Efesu, kien irċieva rapport inkwetanti. Il-​kongregazzjoni żagħżugħa ġewwa Korintu kienet milquta minn firdiet, u kienet qiegħda tittollera l-​fornikazzjoni. Għalhekk minn Efesu, Pawlu kien kiteb ittra taʼ ċanfir qawwi bit-​tama li jsewwi s-​sitwazzjoni. Din ma kinitx xi ħaġa faċli għalih biex jagħmilha. “Jien ktibtilkom b’għafsa taʼ qalb u bid-​dmugħ,” irrivela hu iktar tard fit-​tieni ittra tiegħu. (2 Korintin 2:4) Bħal Pawlu, anzjani li jagħdru ma jsibuhiex faċli li jagħtu pariri u twiddib korrettivi, għaliex minn banda huma konxji tad-​dgħjufijiet tagħhom stess. (Galatin 6:1) Jalla aħna, allura, inkunu taʼ faraġ għal dawk li jieħdu t-​tmexxija fostna billi mill-​ewwel nisimgħu minn pariri mimlijin imħabba bbażati fuq il-​Bibbja.—Lhud 13:17.

19. Pawlu għala telaq minn Troas għall-​Maċedonja, u kif eventwalment kiseb serħan?

19 Waqt li kien ġewwa Efesu, Pawlu mhux biss kiteb lill-​aħwa ġewwa Korintu imma bagħat ukoll lil Titus biex jgħinhom, billi inkarigah biex jirrapporta lura dwar ir-​rispons tagħhom għall-​ittra. Pawlu ttama li jiltaqaʼ maʼ Titus ġewwa Troas. Hemmhekk Pawlu kien imbierek b’opportunitajiet mill-​aħjar biex jagħmel dixxipli. Imma dan naqas milli jtaffilu l-​anzjetà tiegħu għaliex Titus kien għadu ma wasalx. (2 Korintin 2:12, 13) Mela hu vvjaġġa lejn il-​Maċedonja, bit-​tama li jiltaqaʼ maʼ Titus hemmhekk. L-​istat anzjuż taʼ Pawlu mar għall-​agħar minħabba l-​oppożizzjoni ħarxa għall-​ministeru tiegħu. “Meta morna l-​Maċedonja,” hu jispjega, “ġisimna ma kellu ebda mistrieħ, iżda taħbit f’kollox​—taqbid minn barra u biżaʼ minn ġewwa. Imma Alla, li jfarraġ lill-​umli, farraġna bil-​wasla taʼ Titu.” (2 Korintin 7:5, 6) X’serħan meta Titus finalment wasal biex jgħid lil Pawlu dwar ir-​rispons pożittiv tal-​Korintin għall-​ittra tiegħu!

20. (a) Bħal fil-​każ taʼ Pawlu, liema hu mod importanti ieħor li bih Jehovah jipprovdi faraġ? (b) X’se jiġi kkunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

20 L-​esperjenza taʼ Pawlu hija taʼ faraġ għall-​qaddejja t’Alla llum, li ħafna minnhom ukoll jiffaċċjaw provi li jġagħluhom li jkunu “umli [“mgħakksin,” NW],” jew “dipressi.” (Phillips) Iva, dak ‘Alla li jfarraġ’ jaf il-​bżonnijiet individwali tagħna u jistaʼ jużana biex inkunu taʼ faraġ għal xulxin, sewwa sew bħalma Pawlu sab faraġ permezz tar-​rapport taʼ Titus dwar l-​attitudni niedma tal-​Korintin. (2 Korintin 7:11-13) Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw ir-​rispons kordjali taʼ Pawlu lill-​Korintin u kif dan jistaʼ jgħinna biex inkunu sħab effettivi tal-​faraġ t’Alla llum. (w96 11/1)

[Nota taʼ taħt]

a Waħda mill-​funzjonijiet prinċipali taʼ l-​ispirtu t’Alla fuq il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kienet li jidlikom bħala wlied spiritwali adottivi t’Alla u bħala ħut Ġesù. (2 Korintin 1:21, 22) Dan huwa rriservat biss għall-​144,000 dixxiplu taʼ Kristu. (Apokalissi 14:1, 3) Illum il-​maġġoranza l-​kbira tal-​Kristjani ġentilment ġew mogħtijin it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Għalkemm mhux midlukin, huma wkoll jirċievu l-​għajnuna u l-​faraġ taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla.

Tistaʼ Twieġeb?

◻ L-​umanità kif ġiet li għandha bżonn il-​faraġ?

◻ Ġesù kif ta prova li hu akbar minn Noè?

◻ Ġesù għala sejjaħ lilu nnifsu “sid is-​Sibt [“sabat,” NW]”?

◻ Alla kif jipprovdi faraġ illum?

[Mappa/Stampa f’paġna 24]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

Pawlu esperjenza faraġ kbir permezz tar-​rapport taʼ Titus dwar il-​Korintin

IL-​MAĊEDONJA

Filippi

IL-​ĠREĊJA

Korintu

ASJA

Troas

Efesu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja