Agħmel Progress Spiritwali Billi Ssegwi l-Eżempju taʼ Pawlu
“Jien iġġilidt il-ġlieda t-tajba, ġrejt il-korsa sat-tmiem, osservajt il-fidi.”—2 TIM. 4:7.
IR-RAĠEL kien intelliġenti u deċiż. Madankollu, hu ‘kien iġib ruħu fi qbil max-xewqat tal-laħam.’ (Efes. 2:3) Iktar tard, hu ddeskriva lilu nnifsu bħala “midgħi u persekutur u raġel insolenti.” (1 Tim. 1:13) Dan ir-raġel kien Sawlu taʼ Tarsu.
1, 2. Sawlu taʼ Tarsu liema bidliet għamel f’ħajtu, u liema xogħol importanti beda jieħu sehem fih?
2 Maż-żmien, Sawlu għamel bidliet drastiċi f’ħajtu. Hu biddel il-mod kif kien jaġixxi qabel u ħadem iebes biex ‘ma jfittixx dak li jaqbel lilu imma dak li jaqbel lil ħafna.’ (1 Kor. 10:33) Hu sar ġentili u wera affezzjoni tenera lil dawk li kienu se jkunu l-vittmi tal-mibegħda tiegħu kieku ma nbidilx. (Aqra l-1 Tessalonikin 2:7, 8.) “Jien sirt ministru,” hu kiteb, u żied: “Lili, bniedem inqas mill-inqas wieħed fost il-qaddisin kollha, intwerietli din il-qalb tajba mhix mistħoqqa, sabiex inxandar lill-ġnus l-aħbar tajba dwar ir-rikkezzi bla tarf tal-Kristu.”—Efes. 3:7, 8.
3. Kif nistgħu niġu megħjunin meta nistudjaw l-ittri taʼ Pawlu u r-rakkont tal-ministeru tiegħu?
3 Sawlu, li kien magħruf ukoll bħala Pawlu, għamel progress spiritwali taʼ l-għaġeb. (Atti 13:9) Mod wieħed li żgur se jgħinna nagħmlu progress iktar malajr fil-verità hu billi nistudjaw l-ittri taʼ Pawlu u r-rakkont dwar il-ministeru tiegħu u mbagħad nimitaw l-eżempju tal-fidi tiegħu. (Aqra l-1 Korintin 11:1; Ebrej 13:7.) Ejja naraw kif il-fatt li nagħmlu dan se jimmotivana biex niżviluppaw rutina tajba taʼ studju persunali, nikkultivaw imħabba ġenwina għan-nies, u jkollna ħarsa xierqa tagħna nfusna.
Ir-Rutina taʼ Studju taʼ Pawlu
4 Bħala Fariżew li kien ġie mgħallem ‘f’riġlejn Gamaljel, istruwit biex iħares b’mod strett il-Liġi taʼ l-antenati,’ Pawlu diġà kellu xi għarfien mill-Iskrittura. (Atti 22:1-3; Flp. 3:4-6) Eżatt wara li tgħammed, hu ‘telaq lejn l-Għarabja’—forsi fid-Deżert Sirjan jew f’xi post kwiet fil-Peniżola Għarbija fejn setaʼ jimmedita. (Gal. 1:17) Mid-dehra Pawlu ried jirrifletti fuq l-iskritturi li taw prova li Ġesù kien il-Messija. Iktar minn hekk, Pawlu ried jipprepara għax-xogħol li kellu quddiemu. (Aqra Atti 9:15, 16, 20, 22.) Pawlu ħa l-ħin biex jimmedita fuq affarijiet spiritwali.
4, 5. L-istudju persunali kif kien taʼ benefiċċju għal Pawlu?
5 L-għarfien u d-dehen Skritturali li Pawlu kiseb mill-istudju persunali għenuh jgħallem il-verità b’mod effettiv. Per eżempju, fis-sinagoga f’Antjokja fil-Pisidja, Pawlu uża minn taʼ l-inqas ħames kwotazzjonijiet diretti mill-Iskrittura Ebrajka biex jagħti prova li Ġesù kien il-Messija. Pawlu rrefera wkoll għall-kitba qaddisa kemm-il darba. Il-mod kif kien jirraġuna mill-Bibbja tant kien persważiv li “ħafna mil-Lhud u mill-proseliti li kienu jqimu lil Alla marru wara Pawlu u Barnaba” sabiex jitgħallmu iktar. (Atti 13:14-44) Snin wara, meta grupp taʼ Lhud li kienu ċittadini Rumani marru fejn kien qed joqgħod, Pawlu spjegalhom l-affarijiet “billi tahom xiehda bir-reqqa dwar is-saltna t’Alla u billi pprova jipperswadihom dwar Ġesù kemm mil-liġi taʼ Mosè u kemm mill-Profeti.”—Atti 28:17, 22, 23.
6. X’għen lil Pawlu jibqaʼ b’saħħtu spiritwalment meta ffaċċja l-provi?
6 Meta kien jiffaċċja l-provi, Pawlu kompla jeżamina l-Iskrittura u jikseb is-saħħa mill-messaġġ ispirat tagħha. (Ebr. 4:12) Waqt li kien arrestat f’Ruma qabel ma ngħata l-mewt, Pawlu talab lil Timotju sabiex iġiblu “r-rombli” u “l-parċmini.” (2 Tim. 4:13) Dawn id-dokumenti wisq probabbli kienu partijiet mill-Iskrittura Ebrajka li Pawlu kien juża fl-istudju profond tiegħu. Għal Pawlu kien essenzjali li jikseb għarfien mill-Iskrittura permezz taʼ rutina taʼ studju mill-Bibbja sabiex jibqaʼ sod fil-fidi.
7. Semmi x’inhuma l-benefiċċji li tistaʼ tikseb minn studju regulari tal-Bibbja.
7 Studju regulari tal-Bibbja, flimkien maʼ meditazzjoni bi skop, se jgħinna nagħmlu progress spiritwali. (Ebr. 5:12-14) Rigward il-valur tal-Kelma t’Alla, is-salmista kanta: “Aħjar għalija l-liġi taʼ fommok mill-eluf taʼ flejjes tad-deheb u l-fidda. Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi, jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi. Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja, biex inħares il-kelma tiegħek.” (Salm 119:72, 98, 101) Għandek int rutina taʼ studju persunali tal-Bibbja? Qiegħed int tipprepara lilek innifsek għall-inkarigi li tistaʼ tirċievi fil-futur fis-servizz t’Alla billi taqra l-Bibbja kuljum u tirrifletti fuq dak li taqra?
Sawlu Tgħallem Iħobb lin-Nies
8 Qabel ma sar Kristjan, Sawlu kien żeluż għar-reliġjon tiegħu, imma ftit li xejn kien jimpurtah min-nies li ma kinux iħaddnu l-Ġudaiżmu. (Atti 26:4, 5) Hu qagħad josserva b’approvazzjoni hekk kif xi Lhud ħaġġru lil Stiefnu. Sawlu bilfors li ħassu inkuraġġit b’dak li ra u forsi qies l-esekuzzjoni taʼ Stiefnu bħala kastig mistħoqq. (Atti 6:8-14; 7:54–8:1) Ir-rakkont ispirat jgħid: “Sawlu beda jħarbat lill-kongregazzjoni. Kien jidħol bil-forza f’dar wara l-oħra, ikaxkar ’il barra kemm irġiel u kemm nisa, u jitfagħhom il-ħabs.” (Atti 8:3) Hu ‘kien wasal sal-punt li jippersegwitahom saħansitra fi bliet oħra.’—Atti 26:11.
9. Liema esperjenza ġiegħlet lil Sawlu jerġaʼ jeżamina l-mod kif kien jittratta lin-nies?
9 Meta deherlu l-Mulej Ġesù, Sawlu kien fi triqtu lejn Damasku biex jaħqar lid-dixxipli taʼ Kristu hemmhekk. Id-dija sopranaturali taʼ l-Iben t’Alla għamiet lil Sawlu u ġegħlitu jiddependi minn oħrajn. Sa ma Ġeħova uża lil Ananija sabiex jagħti lura d-dawl lil Sawlu, l-attitudni taʼ Sawlu lejn in-nies kienet inbidlet darba għal dejjem. (Atti 9:1-30) Wara li sar segwaċi taʼ Kristu, hu ħadem iebes biex jittratta lin-nies bil-mod kif kien jittrattahom Ġesù. Dan kien ifisser li jwarrab il-vjolenza u ‘jżomm il-paċi mal-bnedmin kollha.’—Aqra Rumani 12:17-21.
10, 11. Pawlu kif wera mħabba ġenwina man-nies?
10 Pawlu ma kienx kuntent sempliċement li jkun fil-paċi m’oħrajn. Hu ried jurihom imħabba ġenwina, u l-ministeru Kristjan tah din l-opportunità. Matul l-ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu, hu ppriedka l-aħbar tajba fl-Asja Minuri. Minkejja oppożizzjoni ħarxa, Pawlu u sħabu kkonċentraw fuq li jgħinu lill-ġwejdin iħaddnu l-Kristjanità. Huma reġgħu żaru Listra u Ikonju, avolja dawk li kienu jopponuhom f’dawn il-bliet kienu pprovaw joqtlu lil Pawlu.—Atti 13:1-3; 14:1-7, 19-23.
11 Iktar tard, Pawlu u dawk li kienu miegħu fittxew lil dawk l-uħud li kellhom attitudni xierqa fil-belt taʼ Filippi, fil-Maċedonja. Proselita Lhudija li kien jisimha Lidja semgħet l-aħbar tajba u saret Kristjana. L-awtoritajiet ċivili sawtu lil Pawlu u lil Sila bil-bsaten u tefgħuhom il-ħabs. Madankollu, Pawlu ppriedka lill-kalzrier, u minħabba f’hekk hu u l-familja tiegħu tgħammdu u saru aduraturi taʼ Ġeħova.—Atti 16:11-34.
12. X’kien dak li qanqal lil Sawlu biex minn bniedem insolenti jsir bniedem li juri mħabba u appostlu taʼ Ġesù Kristu?
12 Dak li darba kien Sawlu l-persekutur, għala ħaddan il-fidi li kienu jħaddnu l-vittmi tiegħu? X’kien dak li qanqal lil dan ir-raġel insolenti jsir appostlu li juri qalb tajba u mħabba, u li kien lest jissogra ħajtu sabiex oħrajn ikunu jistgħu jitgħallmu l-verità dwar Alla u Kristu? Pawlu nnifsu jispjega: “Alla, li . . . sejjaħli permezz tal-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, ra li kien tajjeb li jirrivela lil Ibnu permezz tiegħi.” (Gal. 1:15, 16) Lil Timotju, Pawlu kitiblu: “Intwerejt ħniena [sabiex] permezz tiegħi, bħala l-iktar midneb li jispikka, Kristu Ġesù juri l-paċenzja kollha tiegħu bħala mudell għal dawk li se jqiegħdu l-fidi tagħhom fih għall-ħajja taʼ dejjem.” (1 Tim. 1:16) Ġeħova ħafirlu lil Pawlu, u minħabba li rċieva qalb tajba mhix mistħoqqa u ħniena bħal dawn hu ġie mqanqal biex juri mħabba lil oħrajn billi ppridkalhom l-aħbar tajba.
13. Liema ħaġa għandha tqanqalna nuru mħabba lil oħrajn, u kif nistgħu nagħmlu dan?
13 Bl-istess mod, Ġeħova jaħfer id-dnubiet u n-nuqqasijiet tagħna. (Salm 103:8-14) “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” staqsa s-salmista. (Salm 130:3) Mingħajr il-ħniena t’Alla, ħadd minna ma jkun jistaʼ jikseb il-ferħ li jiġi mis-servizz sagru, u lanqas ma nkunu nistgħu nħarsu ’l quddiem li nirċievu ħajja taʼ dejjem. Il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla kienet kbira magħna lkoll. Għalhekk, bħal Pawlu, aħna għandna nkunu rridu nuru mħabba lil oħrajn billi nippridkawlhom u ngħallmuhom il-verità u billi nsaħħu lil sħabna fit-twemmin.—Aqra Atti 14:21-23.
14. Kif nistgħu nagħmlu iktar u nitjiebu fil-ministeru tagħna?
14 Pawlu ried jagħmel progress bħala ministru taʼ l-aħbar tajba, u l-eżempju taʼ Ġesù messlu qalbu. Fost il-modi differenti li bihom l-Iben t’Alla wera mħabba li ma bħalha lin-nies kien permezz tal-ministeru pubbliku tiegħu. Ġesù qal: “Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.” (Mt. 9:35-38) Pawlu aġixxa fi qbil maʼ kwalunkwe rikjesta li hu setaʼ għamel għal iktar ħaddiema billi sar ħaddiem żeluż. U xi ngħidu għalik? Tistaʼ int ittejjeb il-kwalità tal-ministeru tiegħek? Jew tistaʼ int iżżid l-ammont taʼ ħin li tqattaʼ fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, forsi saħansitra tagħmel wisaʼ f’ħajtek għas-servizz taʼ pijunier? Ejja nuru mħabba ġenwina lil oħrajn billi ngħinuhom jiksbu “qabda soda mal-kelma tal-ħajja.”—Flp. 2:16.
Kif Pawlu Kien Iqis Lilu Nnifsu
15. Pawlu kif qies lilu nnifsu meta qabbel ruħu mal-Kristjani sħabu?
15 Bħala ministru Kristjan, Pawlu ħallielna eżempju li jispikka jerġaʼ b’mod ieħor. Għalkemm irċieva ħafna privileġġi fil-kongregazzjoni Kristjana, Pawlu kien konxju sew li l-barkiet li kellu ma ġewx għax kien ħadem għalihom jew minħabba l-abbiltajiet tiegħu. Hu rrealizza li l-barkiet li gawda kienu espressjonijiet tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. Pawlu rrikonoxxa li Kristjani oħrajn ukoll kienu ministri effettivi taʼ l-aħbar tajba. Minkejja r-responsabbiltà li kellu fost il-poplu t’Alla, hu baqaʼ umli.—Aqra l-1 Korintin 15:9-11.
16. Pawlu kif wera umiltà u modestja meta qamet il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni?
16 Ikkunsidra kif Pawlu ttratta maʼ problema li qamet fil-belt Sirjana t’Antjokja. Il-membri taʼ dik il-kongregazzjoni Kristjana ma kinux jaqblu bejniethom fuq il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni. (Atti 14:26–15:2) Ladarba Pawlu kien ġie maħtur biex ikun minn taʼ quddiem fl-ippridkar lil Ġentili mhux ċirkonċiżi, hu setaʼ ħaseb li kien espert f’li jittratta maʼ dawk li ma kinux Lhud, u għalhekk li kien kwalifikat sew biex isolvi l-problema. (Aqra Galatin 2:8, 9.) Madankollu, meta l-isforzi tiegħu ma dehrux li kienu se jissetiljaw il-kwistjoni, hu bl-umiltà u bil-modestja segwa l-arranġamenti li saru biex tiġi avviċinata l-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm sabiex tiġi diskussa l-kwistjoni. Hu kkoopera bis-sħiħ hekk kif il-membri tagħha semgħu l-kwistjoni, ħadu deċiżjoni, u inkarigawh biex ikun wieħed mill-messaġġiera tagħhom. (Atti 15:22-31) B’hekk, Pawlu ‘kien minn taʼ quddiem biex jonora’ lil sħabu li kienu jaqdu miegħu.—Rum. 12:10b.
17, 18. (a) Pawlu kif sar iħossu dwar dawk fil-kongregazzjonijiet? (b) X’nitgħallmu dwar Pawlu mill-mod kif irreaġixxew l-anzjani t’Efesu meta telaq?
17 Pawlu, li kien bniedem umli, ma żammx ’il bogħod minn ħutu fil-kongregazzjonijiet. Minflok, hu sar iħobbhom. Fl-aħħar taʼ l-ittra tiegħu lir-Rumani, hu sellem lil iktar minn 20 persuna b’isimhom. Ħafna minnhom m’huma msemmijin imkien iktar fl-Iskrittura, u ftit minnhom kellhom privileġġi speċjali. Imma huma kienu qaddejja leali taʼ Ġeħova, u Pawlu ħabbhom ħafna.—Rum. 16:1-16.
18 Il-mod umli u dħuli li bih aġixxa Pawlu saħħaħ il-kongregazzjonijiet. Wara li kien iltaqaʼ maʼ l-anzjani minn Efesu għall-aħħar darba, “inxteħtu fuq għonq Pawlu u bisuh b’tenerezza, għax l-iktar li nikkithom kien il-kliem li qalilhom, li ma kinux se jaraw lil wiċċu iktar.” Li kieku Pawlu kien bniedem kburi u jħobb joqgħod għalih waħdu żgur li ma kinux se jirreaġixxu b’dak il-mod meta telaq.—Atti 20:37, 38.
19. Kif nistgħu nuru “umiltà” meta nittrattaw maʼ sħabna l-Kristjani?
19 Dawk kollha li jixtiequ jimxu ’l quddiem spiritwalment għandhom juru spirtu umli bħalma wera Pawlu. Hu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex ma jagħmlu “xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà tqisu lill-oħrajn superjuri għalikom.” (Flp. 2:3) Kif nistgħu nsegwu dan il-parir? Mod wieħed hu billi nikkooperaw maʼ l-anzjani fil-kongregazzjoni tagħna, insegwu id-direzzjoni tagħhom, u naċċettaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu ħadu. (Aqra Ebrej 13:17.) Mod ieħor huwa billi jkollna rispett kbir għal ħutna kollha fil-fidi. Il-kongregazzjonijiet tal-poplu taʼ Ġeħova ħafna drabi huma magħmulin minn individwi li ġejjin minn nazzjonijiet, kulturi, razez, u sfondi etniċi differenti. Iżda, m’għandniex aħna nitgħallmu nittrattaw lil kulħadd b’imparzjalità u affezzjoni, bħalma għamel Pawlu? (Atti 17:26; Rum. 12:10a) Aħna niġu inkuraġġiti biex ‘nilqgħu lil xulxin bħalma l-Kristu wkoll laqaʼ lilna, biex Alla jiġi glorifikat.’—Rum. 15:7.
‘Iġri bis-Sabar’ it-Tiġrija għall-Ħajja
20, 21. X’se jgħinna niġru t-tellieqa għall-ħajja b’suċċess?
20 Il-ħajja taʼ Kristjan tistaʼ tiġi mqabbla maʼ tellieqa twila. Pawlu kiteb: “Ġrejt il-korsa sat-tmiem, osservajt il-fidi. Minn issa ’l quddiem hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li l-Mulej, l-imħallef ġust, jagħtini bħala rigal f’dak il-jum, iżda mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu ħabbew il-manifestazzjoni tiegħu.”—2 Tim. 4:7, 8.
21 Jekk insegwu l-eżempju taʼ Pawlu se niġu megħjunin niġru t-tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem b’suċċess. (Ebr. 12:1) Mela allura, ejja nkomplu nimxu ’l quddiem spiritwalment billi niżviluppaw rutina tajba taʼ studju, nikkultivaw imħabba profonda għan-nies, u nżommu attitudni umli.
Int Kif Twieġeb?
• Pawlu kif ibbenefika minn studju persunali regulari taʼ l-Iskrittura?
• Imħabba profonda għan-nies għala hija importanti għall-Kristjani veri?
• Liema kwalitajiet se jgħinuk tittratta lil oħrajn b’imparzjalità?
• L-eżempju taʼ Pawlu kif jistaʼ jgħinek tikkoopera maʼ l-anzjani fil-kongregazzjoni tiegħek?
8. Sawlu kif kien jittratta lil dawk li ma kinux iħaddnu l-Ġudaiżmu?
[Stampa f’paġna 23]
Ikseb is-saħħa mill-Iskrittura bħalma għamel Pawlu
[Stampa f’paġna 24]
Uri mħabba billi taqsam l-aħbar tajba m’oħrajn
[Stampa f’paġna 25]
Taf x’ġiegħel lil Pawlu jkun maħbub minn ħutu?