Sawlu Jiltaqaʼ maʼ Ħbieb Antiki u maʼ Dawk Li Kienu Għedewwa Tiegħu
SAWLU, li iktar tard sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu, żgur li ħassu daqsxejn ansjuż meta rritorna Ġerusalemm għall-ewwel darba minn mindu kkonverta għall-Kristjanità.a Tliet snin qabel hu kien telaq mill-belt jhedded lid-dixxipli taʼ Ġesù u b’xewqa kbira li joqtolhom. Hu kellu ordni biex jarresta kwalunkwe Kristjan li jsib f’Damasku.—Atti 9:1, 2; Galatin 1:18.
Ladarba hu nnifsu sar Kristjan, Sawlu bil-qlubija ddikjara l-fidi tiegħu fl-irxoxt tal-Messija. Bħala konsegwenza, il-Lhud f’Damasku riedu joqtluh. (Atti 9:19-25) Setaʼ verament jistenna merħba mill-qalb mingħand dawk il-Lhud li darba kienu ħbieb tiegħu f’Ġerusalemm? Madankollu, dak li kien jinteressah l-iktar lil Sawlu kien li jagħmel kuntatt mas-segwaċi taʼ Kristu f’Ġerusalemm. Dan ma kienx se jkun faċli.
“Malli wasal Ġerusalemm beda jipprova jingħaqad mad-dixxipli; imma kollha kienu jibżgħu minnu, għax m’emmnux li kien dixxiplu.” (Atti 9:26) Nistgħu nifhmu għala ħassewhom hekk. L-aħħar ħaġa li kienu jafu dwaru kienet li hu kien persekutur bla ħniena. L-istqarrija tiegħu li kien Kristjan forsi qisuha bħala li kienet nasba biex jidħol fil-kongregazzjoni. B’hekk, il-Kristjani f’Ġerusalemm riedu jżommu d-distanza minnu.
Madankollu, wieħed minnhom għenu lil Sawlu. Il-Bibbja tgħid li Barnaba ħa lil dak li darba kien persekutur “għand l-appostli,” milli jidher għand Pietru (Kefa) u Ġakbu, ħu l-Mulej, u qalilhom dwar il-konverżjoni taʼ Sawlu u dwar l-ippridkar tiegħu f’Damasku. (Atti 9:27; Galatin 1:18, 19) Ma nafux kif Barnaba sar jafda lil Sawlu. Kienu dawn it-tnejn jafu lil xulxin, u b’hekk forsi Barnaba ġie mqanqal biex jismaʼ x’kellu x’jgħid Sawlu u mbagħad jikkonferma s-sinċerità tiegħu? Kellu Barnaba kuntatt maʼ Kristjani f’Damasku, u għalhekk kien jaf dwar it-trasformazzjoni taʼ Sawlu? Kien x’kien il-każ, Barnaba ġab fix-xejn is-suspetti f’Sawlu. Minħabba f’hekk, Sawlu baqaʼ maʼ l-appostlu Pietru għal 15-il ġurnata.
Ħmistax-il Ġurnata maʼ Pietru
Sawlu kien irċieva l-inkarigu tiegħu direttament minn Ġesù mingħajr ebda bżonn t’awtorizzazzjoni mill-bnedmin, kif enfasizza lill-Galatin. (Galatin 1:11, 12) Imma Sawlu bla dubju għaraf l-importanza li jkun informat tajjeb dwar il-ministeru taʼ Ġesù. Iż-żmien li qattaʼ maʼ Pietru ta lil Sawlu opportunità tajba għal dan. (Luqa 24:12; 1 Korintin 15:3-8) Sawlu żgur li kellu ħafna mistoqsijiet għal Pietru u Ġakbu, u huma żgur li kellhom mistoqsijiet għal Sawlu rigward il-viżjoni u l-inkarigu tiegħu.
Sawlu Kif Ġie Salvat minn taħt Idejn Dawk li Qabel Kienu Ħbiebu?
Stiefnu ġie msejjaħ l-ewwel martri Kristjan. Dawk li Stiefnu kien argumenta magħhom kienu “minn tas-Sinagoga li jgħidulha tal-Meħlusin, u miċ-Ċirinej u mil-Lixandrin u minn dawk taċ-Ċiliċja u l-Asja.” Issa Sawlu kien qed “jiddibatti mal-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg,” jew l-Ellenisti, u bil-qlubija kien qed jagħtihom xiehda. X’kienet ir-reazzjoni? Huma riedu joqtluh.—Atti 6:9; 9:28, 29.
Kienet tkun ħaġa naturali għal Sawlu li jkun jixtieq jispjega l-bidla kbira f’ħajtu u li jistinka biex jistruwixxi lil dawk li qabel kienu sħabu dwar il-Messija. Però, dawn l-Ellenisti Lhud urew ostilità lejn ir-raġel li huma qisuh bħala traditur.
Fehem Sawlu kemm kien f’periklu? Naqraw li hekk kif kien qed jitlob fit-tempju, hu ntilef f’estasi u ra lil Ġesù, li qallu: “Għaġġel u fittex oħroġ minn Ġerusalemm, għax m’humiex se jaqblu max-xiehda tiegħek dwari.” Sawlu wieġeb: “Mulej, huma stess jafu tajjeb li jien kont nixħet il-ħabs u nsawwat f’sinagoga wara l-oħra lil dawk li jemmnu fik; u meta kien qed jixxerred demm Stiefnu, ix-xhud tiegħek, jien ukoll kont preżenti, napprova lil dawk li kienu qed joqtluh.”—Atti 22:17-20.
Xi wħud jifhmu li t-tweġiba taʼ Sawlu turi li hu kien jaf bir-riskju. Oħrajn jaħsbu li kien qed jgħid: ‘Jien kont persekutur bħalhom, u huma jafuh dan. Żgur li għandhom jieħdu l-konverżjoni tiegħi bis-serjetà. Forsi jien nistaʼ ngħinhom jifhmu l-verità.’ Xorta waħda, Ġesù kien jaf li dawk il-Lhud ma kinux se jagħtu kas it-testimonjanza t’“apostata.” Hu qal lil Sawlu: “Mur, għax jien se nibagħtek għand ġnus ’il bogħod.”—Atti 22:21, 22.
Meta sħabu l-Kristjani saru konxji tal-periklu, huma ħadu lil Sawlu malajr sal-port taċ-Ċesarija u bagħtuh fuq il-vjaġġ taʼ 500 kilometru lejn Tarsu, il-belt fejn trabba. (Atti 9:30) Għaddew diversi snin qabel ma Sawlu rritorna lejn Ġerusalemm.
Dan it-tluq taʼ malajr setaʼ kien taʼ protezzjoni għall-kongregazzjoni Kristjana. Il-preżenza taʼ dak li darba kien persekutur setgħet tqanqal il-vjolenza. Wara li Sawlu telaq, “il-kongregazzjoni fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha ssaħħet u daħlet f’perijodu taʼ paċi; u baqgħet tiżdied waqt li mxiet fil-biżaʼ taʼ Ġeħova u fil-faraġ taʼ l-ispirtu qaddis.”—Atti 9:31.
Lezzjonijiet f’li Noqogħdu Attenti
Bħal fl-ewwel seklu, illum jistgħu jqumu sitwazzjonijiet li fihom ikun xieraq li noqogħdu attenti. Aħna m’għandniex għalfejn nissuspettaw fi stranġieri għal xejn b’xejn. Però, kultant individwi diżonesti pprovaw jużaw il-poplu taʼ Ġeħova, jew għal qligħ persunali jew bl-iskop li jweġġgħu lill-kongregazzjoni. Għalhekk, aħna nużaw id-dixxerniment sabiex ma naqgħux vittmi tal-qerq li jużaw xi impusturi.—Proverbji 3:27; 2 Timotju 3:13.
Ir-reazzjoni taʼ Sawlu għall-ippridkar f’Ġerusalemm turi mod ieħor kif il-Kristjani jistgħu joqogħdu attenti. L-għoti taʼ xiehda f’ċerti nħawi jew lil ċerti individwi, inkluż uħud li qabel kienu ħbieb tagħna, jistaʼ jkun taʼ periklu—fiżikament, spiritwalment, jew saħansitra moralment. Hemm bżonn taʼ prekawzjonijiet xierqa, bħal per eżempju li nkunu selettivi fejn jidħol il-ħin u l-post.—Proverbji 22:3; Mattew 10:16.
Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla se tiġi pridkata qabel ma jasal it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. X’eżempju mill-aqwa ħalla Sawlu f’dan ir-rigward, billi ‘tkellem bil-qlubija f’isem il-Mulej’ saħansitra maʼ ħbieb antiki u maʼ dawk li qabel kienu għedewwa tiegħu!—Atti 9:28.
[Nota taʼ taħt]
a Sawlu huwa iktar magħruf illum bħala l-appostlu Pawlu. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-versi Bibliċi mniżżlin f’dan l-artiklu hu msemmi bl-isem Lhudi tiegħu, Sawlu.—Atti 13:9.
[Stampa f’paġna 16]
X’ħin wasal Ġerusalemm, Sawlu bil-qlubija ta xiehda lil-Lhud li kienu jitkellmu l-Grieg