LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 8 pp. 70-78
  • ‘Il-Ġlieda Kontra l-Ispirti Ħżiena’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Il-Ġlieda Kontra l-Ispirti Ħżiena’
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Prinċpijiet tad-​Dinja fil-​Wisaʼ tas-​Smewwiet
  • Makakkeriji tal-​Wieħed mill-​Agħar
  • Mgħammrin biex Inkunu Rebbieħa
  • ‘Nissaraw Kontra Forzi taʼ Spirti mill-Agħar’
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Id-Demonji—Kif Nistgħu Nirreżistuhom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Opponi lix-Xitan u t-Tnassis Tiegħu
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 8 pp. 70-78

Kapitlu Tmienja

‘Il-​Ġlieda Kontra l-​Ispirti Ħżiena’

1. Għala l-​attività taʼ l-​ispirti ħżiena hija taʼ interess partikulari għalina?

ĦAFNA nies iwaqqgħu għaċ-​ċajt l-​idea li jeżistu spirti ħżiena. Imma din m’hijiex ċajta. Kemm jekk in-​nies jemmnu u kemm jekk ma jemmnux, l-​ispirti ħżiena veru jeżistu, u jipprovaw jagħmlu pressjoni fuq kulħadd. L-​aduraturi taʼ Jehovah m’humiex eċċezzjoni. Fil-​fatt, huma l-​mira ewlenija. L-​appostlu Pawlu jiftħilna għajnejna dwar dan il-​fatt, meta jgħid: “Il-​ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-​demm u l-​laħam, imma kontra s-​Setgħat [inviżibbli], kontra l-​Qawwiet, kontra l-​Prinċpijiet taʼ din id-​dinja taʼ dlamijiet, kontra l-​ispirti ħżiena li jgħammru fil-​wisaʼ tas-​smewwiet.” (Efesin 6:12) Fi żmienna, il-​pressjoni li jagħmlu l-​ispirti ħżiena laħqet l-​aqwa tagħha għax Satana ġie mixħut ’il barra mis-​sema u huwa inkorlat, minħabba li jaf li żmien ftit baqagħlu.—Apokalissi 12:12.

2. Kif inhu possibbli għalina li nirbħu fil-​ġlieda kontra l-​ispirti sovrumani?

2 Nistgħu aħna nirbħu ġlieda kontra l-​qawwiet taʼ spirti sovrumani? Iva, imma biss jekk nistrieħu kompletament fuq Jehovah. Irridu nisimgħu minnu u nobdu l-​Kelma tiegħu. Jekk nagħmlu dan, nistgħu nevitaw ħafna mill-​ħsara fiżika, morali, u emozzjonali li jesperjenzaw dawk li jinsabu taħt il-​kontroll sataniku.—Ġakbu 4:7.

Prinċpijiet tad-​Dinja fil-​Wisaʼ tas-​Smewwiet

3. Satana lil min jopponi b’mod vjolenti, u kif?

3 B’mod ċar, Jehovah jiddeskrivilna s-​sitwazzjoni tad-​dinja minn kif jaraha hu stess mis-​smewwiet. Hu ta viżjoni lill-​appostlu Ġwanni li fiha Satana deher bħala “Dragun kbir minn lewn in-​nar,” li kien lest biex jiblaʼ, jekk ikun possibbli, lis-​Saltna Messjanika t’Alla hekk kif twieldet fis-​sema fl-​1914. Meta ra li ma rnexxilux, Satana waddab dilluvju taʼ oppożizzjoni vjolenti kontra r-​rappreżentanti li din is-​Saltna għandha fuq l-​art. (Apokalissi 12:​3, 4, 13, 17) Satana kif qajjem din il-​gwerra? Permezz tar-​rappreżentanti umani tiegħu.

4. Mingħand min ġejja l-​qawwa tal-​gvernijiet umani, u kif nafuh dan?

4 Imbagħad, Ġwanni ntwera bhima salvaġġa b’sebat irjus u għaxart iqrun, bhima b’setgħa “fuq kull tribù u kull poplu, kull ilsien u kull ġens.” Din il-​bhima tirrappreżenta lis-​sistema politika globali kollha. Ġwanni ġie informat li “d-​Dragun [Satana x-​Xitan] taha l-​qawwa tiegħu u t-​tron tiegħu u setgħa kbira.” (Apokalissi 13:​1, 2, 7) Iva, Satana huwa s-​sors tal-​qawwa u l-​awtorità tal-​gvernijiet umani. B’hekk, bħalma kiteb l-​appostlu Pawlu, il-​vera “Prinċpijiet taʼ din id-​dinja” huma “l-​ispirti ħżiena li jgħammru fil-​wisaʼ tas-​smewwiet,” li jikkontrollaw lill-​gvernijiet umani. Kulmin jixtieq iqim lil Jehovah għandu bżonn jifhem is-​sinifikat sħiħ taʼ dan.—Luqa 4:​5, 6.

5. Lejn xiex qed jinġabru l-​ħakkiema politiċi?

5 Għalkemm ħafna ħakkiema politiċi jistqarru li huma reliġjużi, ħadd mill-​ġnus ma jissottometti ruħu għall-​ħakma taʼ Jehovah jew għal dik tas-​Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu. Kollha jissieltu bl-​aħrax biex iżommu f’idejhom il-​qawwa tagħhom. Illum, bħalma juri r-​rakkont taʼ l-​Apokalissi, “spirti taʼ demonji” qed jiġbru lill-​ħakkiema dinjin lejn il-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox” f’Armageddon.—Apokalissi 16:​13, 14, 16; 19:​17-19.

6. Għala hemm bżonn noqogħdu attenti sabiex nevitaw li niġu mġagħlin nappoġġaw lis-​sistema satanika?

6 Kuljum, il-​ħajjiet tan-​nies huma effettwati minn konflitti politiċi, soċjali, ekonomiċi, u reliġjużi li jifirdu lill-​familja umana. F’dawn il-​konflitti, hija xi ħaġa komuni li n-​nies juru bil-​kliem jew bl-​azzjoni li jżommu maʼ xi ġens, tribù, grupp taʼ lingwa, jew klassi soċjali li jagħmlu parti minnha. Anki meta n-​nies ma jkunux involuti direttament f’xi konflitt, huma taʼ spiss iżommu maʼ xi naħa jew oħra. Imma minkejja liema persuna jew prinċipju japprovaw, lil min tassew ikunu qed jappoġġaw? Il-​Bibbja tispjega b’mod ċar: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Mela wieħed kif jistaʼ jevita li jiġi mqarraq mal-​bqija tal-​bnedmin? Huwa biss billi jagħti l-​appoġġ kollu tiegħu lis-​Saltna t’Alla u jżomm newtralità sħiħa lejn il-​konflitti dinjin.—Ġwann 17:​15, 16.

Makakkeriji tal-​Wieħed mill-​Agħar

7. Il-​makakkerija taʼ Satana kif inhi murija mill-​mod kif juża r-​reliġjon falza?

7 Matul il-​perijodi kollha taʼ l-​istorja, Satana uża persekuzzjoni verbali u fiżika sabiex ibiegħed lin-​nies mill-​qima vera. Hu kellu wkoll mezzi iktar sottili—atti makakki u qarrieqa. B’makakkerija żamm numru kbir taʼ bnedmin fl-​injoranza permezz tar-​reliġjon falza, billi ġagħalhom jaħsbu li qed jaqdu lil Alla. Neqsin minn għarfien eżatt dwar Alla u minn imħabba għall-​verità, huma forsi jinġibdu lejn servizzi reliġjużi mistiċi u emozzjonali jew jibqgħu impressjonati minn għemejjel taʼ qawwa. (2 Tessalonikin 2:​9, 10) Imma aħna mwissijin li saħansitra minn fost dawk li xi darba kienu jieħdu sehem fil-​qima vera, “xi wħud jitbiegħdu . . . u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-​xjaten.” (1 Timotju 4:1) Kif jistaʼ jiġri dan?

8. Satana kif jistaʼ jħajjarna għar-​reliġjon falza saħansitra jekk qed inqimu lil Jehovah?

8 B’makakkerija, ix-​Xitan jieħu vantaġġ mid-​dgħjufijiet tagħna. Għad għandna biżaʼ mill-​bniedem? Jekk iva, nistgħu nċedu għall-​pressjoni mill-​qraba jew il-​ġirien biex nieħdu sehem fi prattiċi li oriġinaw mir-​reliġjon falza. Aħna suppervi? Jekk iva, forsi noffendu ruħna meta ningħataw xi parir jew meta oħrajn ma jaċċettawx l-​ideat li nappoġġaw. (Proverbji 15:10; 29:25; 1 Timotju 6:​3, 4) Minflok ma nirranġaw il-​ħarsa tagħna biex naqblu maʼ l-​eżempju taʼ Kristu, għandna mnejn nisimgħu minn dawk li jgħidu affarijiet li jdoqqu għal widnejna bħal, per eżempju, li l-​qari tal-​Bibbja u li wieħed jgħix ħajja tajba huma biżżejjed. (2 Timotju 4:3) Kemm jekk ningħaqdu maʼ grupp reliġjuż ieħor u kemm jekk sempliċement noħolqu reliġjon għalina persunali m’huwiex importanti għal Satana, sakemm ma nqimux lil Jehovah fi qbil mad-​direzzjoni li jagħtina permezz tal-​Kelma u l-​organizzazzjoni tiegħu.

9. Satana kif juża s-​sess b’qerq sabiex iwettaq il-​miri tiegħu?

9 Satana b’qerq iħajjar ukoll lin-​nies biex jissodisfaw b’mod ħażin xewqat li huma normali. Hekk għamel bix-​xewqa għall-​intimità sesswali. Waqt li jiċħdu l-​moralità tal-​Bibbja, ħafna fid-​dinja jqisu r-​relazzjonijiet sesswali bejn tnejn mhux miżżewġin bħala pjaċir leġittimu jew bħala mod li bih jagħtu prova li huma adulti. U xi ngħidu għall-​miżżewġin? Ħafna jikkommettu l-​adulterju. U anki meta ma jkunx hemm infedeltà fiż-​żwieġ, diversi individwi jfittxu d-​divorzju jew is-​separazzjoni sabiex imorru jgħixu maʼ ħaddieħor. B’mod sottili, Satana jimmira biex jinfluwenza lin-​nies ħalli jgħixu għall-​pjaċiri issa, waqt li jġagħalhom jinjoraw il-​konsegwenzi li jiġu maż-​żmien. Dawn jiġu mhux biss fuqhom infushom u fuq oħrajn, imma speċjalment fuq ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah u Ibnu.—1 Korintin 6:​9, 10; Galatin 6:​7, 8.

10. B’liema modi Satana jipprova jbiddel l-​attitudni tagħna lejn l-​immoralità u l-​vjolenza?

10 Xewqa naturali oħra hija dik tar-​rikreazzjoni. Meta tkun bnina, din tistaʼ tkun taʼ serħan fiżiku, mentali, u emozzjonali. Imma kif se nirreaġixxu meta Satana juża b’qerq okkażjonijiet taʼ rilassament biex jipprova jbiegħed il-​ħsieb tagħna minn dak t’Alla? Per eżempju, nafu li Jehovah jobgħod l-​immoralità sesswali u l-​vjolenza. Meta xi films, programmi televiżivi, jew drammi teatrali juru dawn l-​affarijiet, x’se nagħmlu? Noqogħdu aħna bil-​qiegħda mingħajr ma nagħtu kas u nibqgħu narawhom? Żomm f’moħħok ukoll li Satana qed jieħu ħsieb li dawn l-​affarijiet jaqgħu iktar fil-​baxx hekk kif riesaq iż-​żmien għalih biex jiġi maqful fl-​abbiss, ladarba “n-​nies il-​ħżiena u l-​uċuħ b’oħra jmorru mill-​ħażin għall-​agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” (2 Timotju 3:13; Apokalissi 20:​1-3) Għalhekk, għandna bżonn ngħassu l-​ħin kollu kontra t-​tnassis taʼ Satana.—Ġenesi 6:13; Salm 11:5; Rumani 1:​24-32.

11. B’liema modi forsi saħansitra wieħed li jaf il-​verità dwar l-​ispiritiżmu jistaʼ jinqabad f’nassa jekk ma joqgħodx attent?

11 Aħna konxji wkoll li dawk li jieħdu sehem fi kwalunkwe forma taʼ spiritiżmu—ibassru dwar il-​ġejjieni, jagħtuha għas-​seħer, jew jipprovaw jikkomunikaw mal-​mejtin—huma mistmerra minn Jehovah. (Dewteronomju 18:​10-12) Jekk inżommu dan f’moħħna, mhux se naħsbu li nikkonsultaw lil xi medji taʼ l-​ispirti, u żgur li mhux se nilqgħuhom f’darna biex jipprattikaw l-​arti demonika tagħhom. Imma nisimgħuhom jekk jidhru fuq it-​televixin tagħna jew fuq l-​Internet? Għalkemm qatt ma naċċettaw kura mingħand xi saħħâr, se llibbsu xi lucky charms lit-​tarbija tagħna, bil-​ħsieb li forsi se jipproteġuha b’xi mod jew ieħor mill-​ħsara? Peress li nafu li l-​Bibbja tikkundanna li nagħmlu magħmul fuq oħrajn, se nħallu lil xi ipnotista jikkontrollalna ’l moħħna?—Galatin 5:​19-21.

12. (a) Kif tiġi użata l-​mużika biex iġġagħalna naħsbu dwar ideat li nafu li huma ħżiena? (b) L-​ilbies, l-​istil tax-​xagħar, jew il-​mod kif jitkellem kif jindikaw li dak li jkun jammira lil dawk li l-​mod taʼ ħajja tagħhom m’huwiex approvat minn Jehovah? (ċ) X’inhu meħtieġ min-​naħa tagħna jekk irridu nevitaw li naqgħu vittmi tal-​makakkeriji taʼ Satana?

12 Il-​Bibbja tgħid li l-​fornikazzjoni u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta m’għandhom lanqas biss jissemmew fostna (b’motivi mhux nodfa). (Efesin 5:​3-5) Imma xi ngħidu jekk suġġetti bħal dawn ikunu akkumpanjati minn mużika li jkollha melodija pjaċevoli, ritmu li jħajrek, jew li jkun persistenti? Nibdew aħna nirrepetu kliem li jigglorifika s-​sess barra ż-​żwieġ, l-​użu tad-​drogi għall-​pjaċir, u xi atti midinba oħra? Jew għalkemm nafu li m’għandniex nimitaw il-​mod kif jgħixu n-​nies li jieħdu sehem f’affarijiet bħal dawn, għandna aħna t-​tendenza li nidentifikaw lilna nfusna magħhom billi nimitawhom fl-​ilbies, l-​istil taʼ xagħarhom, jew il-​mod kif jitkellmu? Kemm huma qarrieqa l-​metodi li juża Satana biex iħajjar lill-​bnedmin jaqblu mal-​mod taʼ ħsieb korrott tiegħu! (2 Korintin 4:​3, 4) Biex nibqgħu sodi u ma naqgħux vittmi tal-​makakkeriji tiegħu, irridu nevitaw li nintelqu mad-​dinja. Irridu nżommu f’moħħna min huma l-​“Prinċpijiet taʼ din id-​dinja taʼ dlamijiet” u niġġieldu bil-​qawwa kontra l-​influwenzi tagħhom.—1 Pietru 5:8.

Mgħammrin biex Inkunu Rebbieħa

13. Kif inhu possibbli għal kull wieħed minna, bl-​imperfezzjonijiet tagħna, li jirbaħ id-​dinja maħkuma minn Satana?

13 Qabel mewtu, Ġesù qal lill-​appostli: “Agħmlu l-​qalb: jiena rbaħt id-​dinja!” (Ġwann 16:33) Huma wkoll setgħu jirbħu d-​dinja. Xi 60 sena wara, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Għax min hu dak li jegħleb lid-​dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-​Iben taʼ Alla?” (1 Ġwann 5:5) Fidi bħal din hi murija mill-​fatt li nobdu l-​kmandi taʼ Ġesù u nistrieħu fuq il-​Kelma t’Alla, sewwa sew bħalma għamel Ġesù. X’jeħtieġ iktar? Li nibqgħu qrib tal-​kongregazzjoni li tagħha hu l-​Kap. Meta niżbaljaw, irridu nindmu bil-​ħerqa u nfittxu l-​maħfra t’Alla fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. B’dan il-​mod, minkejja l-​imperfezzjonijiet u n-​nuqqasijiet tagħna, aħna wkoll nistgħu nkunu rebbieħa.—Salm 130:​3, 4.

14. Aqra Efesin 6:​13-17, u uża l-​mistoqsijiet u l-​iskritturi provduti f’dan il-​paragrafu bħala bażi għal diskussjoni dwar il-​benefiċċji taʼ kull biċċa mill-​armatura spiritwali.

14 Biex ikollna suċċess, irridu nilbsu “l-​armatura [kollha] taʼ Alla,” u ma nittraskuraw l-​ebda parti minnha. Jekk jogħġbok iftaħ il-​Bibbja tiegħek f’Efesin 6:​13-17, u aqra d-​deskrizzjoni li tagħti dwar din l-​armatura. Imbagħad, billi twieġeb il-​mistoqsijiet li hawn taħt, ikkunsidra kif tistaʼ tibbenefika mill-​protezzjoni li tagħti kull biċċa mill-​armatura.

“Ħażżmu ġenbejkom bil-​verità”

Anki jekk inkunu nafu l-​verità, l-​istudju regulari, il-​meditazzjoni fuq il-​verità tal-​Bibbja, u l-​attendenza għal-​laqgħat kif se jipproteġuna? (1 Korintin 10:​12, 13; 2 Korintin 13:5; Filippin 4:​8, 9)

“Il-​kurazza tal-​ġustizzja”

Liema livell taʼ ġustizzja u sewwa huwa dan? (Apokalissi 15:3)

Uri kif wieħed ikun qed jissogra ħsara spiritwali meta jonqos li jsegwi l-​livelli ġusti u sewwa taʼ Jehovah. (Dewteronomju 7:​3, 4; 1 Samwel 15:​22, 23)

“Xiddu riġlejkom bil-​ħeġġa taʼ l-​Evanġelju tas-​sliem”

Kif se jissalvagwardjana l-​fatt li nużaw saqajna biex taʼ sikwit immorru u nitkellmu man-​nies dwar il-​provvedimenti t’Alla għall-​paċi? (Salm 73:​2, 3; Rumani 10:15; 1 Timotju 5:​13)

“It-​tarka tal-​fidi”

Jekk ikollna l-​fidi stabbilita fis-​sod, kif se nirreaġixxu meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jistgħu jġagħluna niddubitaw jew nibżgħu? (2 Slaten 6:​15-17; 2 Timotju 1:12)

“L-​elmu tas-​salvazzjoni”

It-​tama tas-​salvazzjoni kif tistaʼ tgħin lil dak li jkun biex jevita li jinqabad f’nassa minħabba interess żejjed fil-​ġid materjali? (1 Timotju 6:​7-10, 19)

“Ix-​xabla taʼ l-​Ispirtu”

Fuq xiex għandna dejjem nistrieħu meta niġġieldu l-​attakki kontra l-​ispiritwalità tagħna jew dik t’oħrajn? (Salm 119:98; Proverbji 3:​5, 6; Mattew 4:​3, 4)

X’inhu wkoll vitali biex ikollna suċċess fil-​gwerra spiritwali? Kemm spiss għandna nagħmlu dan? Għan-​nom taʼ min? (Efesin 6:​18, 19)

15. Kif nistgħu nieħdu sehem fl-​attakk fil-​ġlieda spiritwali?

15 Bħala suldati taʼ Kristu, aħna parti minn armata kbira li qed tieħu sehem fi gwerra spiritwali. Jekk nibqgħu għassa u nagħmlu użu tajjeb mill-​armatura sħiħa t’Alla, ma nsofrux ħsara f’din il-​gwerra. Minflok, se nkunu t’għajnuna kbira għall-​qaddejja t’Alla. Se nkunu lesti u ħerqanin li nieħdu sehem fl-​attakk, billi nxerrdu l-​aħbar tajba tas-​Saltna Messjanika t’Alla, il-​gvern tas-​sema li Satana jopponi b’daqstant vjolenza.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• L-​aduraturi taʼ Jehovah għala jżommu newtralità sħiħa fejn jidħlu konflitti dinjin?

• X’inhuma xi ftit mill-​makakkeriji li juża Satana biex jirrovina l-​ispiritwalità tal-​Kristjani?

• L-​armatura spiritwali li pprovdielna Alla kif tistaʼ tissalvagwardjana fil-​gwerra spiritwali tagħna?

[Stampi f’paġna 76]

Il-​ġnus qed jiġu miġburin lejn Armageddon

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja