Ibqgħu Ħabirku għas-Salvazzjoni Tagħkom!
“Għeżież tiegħi, . . . [“ibqgħu,” “NW”] ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ u t-tregħid.”—FILIPPIN 2:12.
1, 2. Liema ideat popolari wasslu biex ħafna nies iħossu li m’għandhom ebda kontroll fuq kif se tiżvolġi ħajjithom?
“INT hekk twelidt?” Dan l-aħħar, din il-mistoqsija dehret b’ittri kbar fuq il-qoxra taʼ rivista popolari. Taħt it-titlu deher il-kliem: “Personalità, temperament, u saħansitra għażliet fil-ħajja. Studji ġodda juru li dawn fil-biċċa l-kbira huma ereditarji.” Stqarrijiet bħal dawn jistgħu jġagħlu lil xi wħud iħossuhom li ftit li xejn għandhom kontroll fuq ħajjithom stess.
2 Oħrajn għandhom il-biżaʼ li t-trobbija fqira li tawhom il-ġenituri, jew it-tagħlim fqir li kisbu mingħand l-għalliema tagħhom, b’xi mod ikkundannawhom għal ħajja mimlija niket. Għandhom mnejn iħossuhom iddestinati li jirrepetu l-iżbalji li għamlu l-ġenituri tagħhom, li jwettqu l-agħar azzjonijiet li jiġuhom f’moħħhom, li ma jibqgħux leali lejn Jehovah—fi ftit kliem, li jagħmlu għażliet ħżiena. Il-Bibbja hekk tgħallem? Ngħiduha kif inhi, hemm xi reliġjonisti li jinsistu li ħaġa bħal din hija mgħallma fil-Bibbja, id-duttrina tal-predestinazzjoni. Skond din id-duttrina, Alla żmien twil ilu kien għażillek bil-quddiem kull ġrajja taʼ ħajtek.
3. Il-Bibbja liema messaġġ inkuraġġanti għandha dwar l-abbiltà tagħna li nieħdu r-responsabbiltà għall-futur tagħna?
3 Dawn l-ideat differenti kollha għandhom element wieħed komuni: Int ftit li xejn għandek għażla u kontroll fuq kif ħajtek se tiżvolġi. Dak huwa messaġġ skuraġġanti, hux tassew, u l-iskuraġġiment iżid mal-problema. Proverbji 24:10 (NW) jgħid: “Urejt li int skuraġġit f’jum l-hemm? Il-qawwa tiegħek se tkun skarsa.” Iżda kemm jinkuraġġina meta nsiru nafu, li skond il-Bibbja, aħna nistgħu ‘nħabirku għas-salvazzjoni tagħna.’ (Filippin 2:12) Kif nistgħu nsaħħu l-fiduċja tagħna f’dan it-tagħlim Skritturali pożittiv?
Ix-Xogħol taʼ “Bini” li Nagħmlu Fina Nfusna
4. Għalkemm l-1 Korintin 3:10-15 jitkellem dwar bini b’materjal li jirreżisti n-nar, dan x’ma jimplikax?
4 Ikkunsidra t-tixbieha taʼ l-appostlu Pawlu li tinsab fl-1 Korintin 3:10-15. Hawnhekk, hu jitkellem dwar xogħol taʼ bini Kristjan, u l-prinċipju tat-tixbieha tiegħu jistaʼ japplika għall-ministeru intern jew estern. Qiegħed hu jimplika li fl-aħħar mill-aħħar jekk dixxiplu jagħżilx li jaqdi lil Jehovah u jibqaʼ jżomm maʼ dik l-għażla jew le, dan se jkun għalkollox ir-responsabbiltà taʼ dawk li għallmuh u ħarrġuh? Le. Pawlu kien qed jenfasizza l-importanza li l-għalliem għandu jagħmel l-almu tiegħu fix-xogħol taʼ bini. Imma bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, hu ma kienx qed jgħid li l-istudent jew dixxiplu m’għandux għażla f’din il-kwistjoni. Veru, it-tixbieha taʼ Pawlu tiffoka fuq ix-xogħol li nagħmlu fuq oħrajn, u mhux li nibnu lilna nfusna. Dan hu evidenti għaliex Pawlu jitkellem dwar xogħol taʼ bini taʼ kafkaf li jinqered waqt li l-bennej innifsu jsalva. Minkejja dan, il-Bibbja xi kultant tapplika dik l-espressjoni għax-xogħol li aħna nagħmlu fina nfusna.
5. Liema Skritturi juru li l-Kristjani jridu jagħmlu xogħol taʼ “bini” fihom infushom?
5 Per eżempju, ikkunsidra Ġuda 20, 21: “Intom, għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu, żommu rwieħkom fl-imħabba taʼ Alla.” Ġuda, hawnhekk juża l-istess kelma Griega għal “bini” li Pawlu juża fl-1 Korintin kapitlu 3, imma l-punt taʼ Ġuda jidher li huwa dwar li nibnu lilna nfusna fuq il-pedament tal-fidi tagħna. Meta Luqa ddokumenta t-tixbieha taʼ Ġesù dwar dak ir-raġel li bena daru fuq il-blat, hu uża l-istess kelma Griega għal “pedament” li juża Pawlu fit-tixbieha tiegħu tal-bini Kristjan. (Luqa 6:48, 49) Barra minn hekk, Pawlu juża l-lingwaġġ figurattiv taʼ li nkunu stabbiliti fuq “pedament” meta jħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex jagħmlu progress spiritwali. Iva, il-Kelma t’Alla tgħallem li aħna nagħmlu xogħol taʼ “bini” fina nfusna.—Efesin 3:15-19; Kolossin 1:23; 2:7.
6. (a) Uri kif kull dixxiplu Kristjan huwa riżultat taʼ proġett taʼ bini bi sħab. (b) Liema responsabbiltà għandu kull dixxiplu individwali?
6 Huwa l-bini taʼ Kristjan xogħol taʼ bniedem wieħed? Sewwa, immaġina li tiddeċiedi li tibni dar. Trid tmur għand il-perit għall-pjanti. Waqt li bi ħsiebek tagħmel ħafna mix-xogħol int stess, tqabbad kuntrattur biex jaħdem miegħek u jagħtik pariri dwar l-aħjar metodi li tistaʼ tuża. Jekk ipoġġi pedament sod, jgħinek tifhem il-pjanti, jissuġġerilek liema jkun l-aħjar materjal li tixtri, u saħansitra jgħallmek ħafna dwar ix-xogħol tal-bini, x’aktarx li se taqbel li dan ikun għamel biċċa xogħol tajba. Imma xi ngħidu li kieku kellek tinjora l-pariri tiegħu, taqbad u tixtri materjal irħis jew inferjuri, u saħansitra ma żżommx mal-pjanti tal-perit? Żgur li ma tkunx tistaʼ twaħħal fil-kuntrattur jew fil-perit jekk id-dar tiġġarraf! Bl-istess mod, kull dixxiplu Kristjan huwa riżultat taʼ proġett taʼ bini bi sħab. Jehovah hu l-perit il-kbir. Hu jappoġġa lil dak il-Kristjan leali li, bħala wieħed mill-“ħaddiema [“sħab,” NW] maʼ Alla,” jgħallem u jibni lill-istudent. (1 Korintin 3:9) Iżda l-istudent hu involut ukoll. Fl-analisi finali, hu jkun responsabbli għall-korsa taʼ ħajja li jkun ħa. (Rumani 14:12) Jekk irid li jkollu kwalitajiet Kristjani mill-aħjar, irid jaħdem iebes biex jiksibhom, biex jibnihom fih innifsu.—2 Pietru 1:5-8.
7. Xi Kristjani liema sfidi jiffaċċjaw, u x’jistaʼ jkun taʼ faraġ għalihom?
7 Allura, ifisser dan li l-ġenetika, l-ambjent, u l-kwalità taʼ l-għalliema tagħna ma jfissru xejn? Dażgur li le! Il-Kelma t’Alla tirrikonoxxi li kull waħda minn dawn hija importanti u tinfluwenzana. Bosta tendenzi midinbin u negattivi twelidna bihom u jistgħu jkunu ibsin ferm biex niġġildulhom. (Salm 51:7 [Salm 51:5, NW]; Rumani 5:12; 7:21-23) It-taħriġ li jagħtu l-ġenituri u l-ambjent tad-dar jistaʼ jkollhom impatt tremend fuq iż-żgħar—kemm għat-tajjeb u kemm għall-ħażin. (Proverbji 22:6; Kolossin 3:21) Ġesù kkundanna lill-mexxejja reliġjużi Lhud għall-effett ħażin li t-tagħlim tagħhom kellu fuq oħrajn. (Mattew 23:13, 15) Illum, fatturi bħal dawn qed jeffettwaw lilna lkoll. Per eżempju, xi wħud mill-qaddejja t’Alla jiffaċċjaw ċerti sfidi bħala riżultat taʼ tfulija diffiċli. Dawn jeħtieġu l-qalb tajba u l-empatija tagħna. U jistgħu jisiltu l-faraġ mill-messaġġ tal-Bibbja li huma m’humiex iddestinati li jirrepetu l-istess żbalji tal-ġenituri tagħhom, jew li ma jibqgħux leali. Ikkunsidra kif xi wħud mis-slaten taʼ Ġuda tal-qedem jiċċarawh dan il-punt.
Is-Slaten taʼ Ġuda—Dawn Għamlu l-Għażliet Tagħhom
8. Ġotam x’eżempju ħażin kellu minn missieru, iżda liema għażla għamel?
8 Għużżija sar sultan taʼ Ġuda fl-età tenera taʼ 16-il sena u saltan għal 52 sena. Matul il-biċċa l-kbira taʼ dan iż-żmien, hu “għamel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej, bħalma kien għamel Amasija missieru.” (2 Slaten 15:3) Jehovah bierku b’sensiela taʼ rebħiet militari impressjonanti. B’sogħba, iżda, is-suċċess telagħlu għal rasu lil Għużżija. Tkabbar u rribella kontra Jehovah billi qabad u offra l-inċens fuq l-artal fit-tempju, dmir li kien irriżervat għall-qassisin. Għużżija ġie mċanfar imma aġixxa b’dagħdigħa kbira. Wara dan ġie umiljat—intlaqat mill-ġdiem u ġie sforzat jgħix il-bqija taʼ ħajtu ’l bogħod minn daru iżolat minn kulħadd. (2 Kronaki 26:16-23) Ibnu Ġotam kif irreaġixxa għal dan kollu? Dan iż-żagħżugħ setaʼ faċilment ġie influwenzat minn missieru u setaʼ ma ħax pjaċir bil-korrezzjoni mingħand Jehovah. In-nies in ġenerali għandhom mnejn kellhom influwenza negattiva fuqu ladarba kienu jieħdu sehem fi prattiċi reliġjużi ħżiena. (2 Slaten 15:4) Imma Ġotam għamel l-għażla tiegħu. “Għamel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej.”—2 Kronaki 27:2.
9. Liema kienu xi influwenzi tajbin li kellu Aħaż, imma ħajtu kif żvolġiet?
9 Ġotam saltan għal 16-il sena u baqaʼ leali lejn Jehovah l-ħin kollu. Għalhekk, ibnu Aħaż kellu l-eżempju eċċellenti taʼ missier leali. U Aħaż kellu oħrajn li jinfluwenzawh għat-tajjeb. Kellu l-privileġġ li jgħix fi żmien meta l-profeti leali Isaija, Hosegħa, u Mikea kienu attivi jipprofetizzaw fil-pajjiż. Madankollu, għamel għażla ħażina. “Ma għamilx is-sewwa f’għajnejn il-Mulej, bħalma kien għamel David missieru.” Għamel xbihat taʼ Bagħal u qiemhom u saħansitra ħaraq xi wħud minn uliedu fin-nar tas-sagrifiċċju lil allat pagani. Minkejja li kellu l-aqwa nies jinfluwenzawh, hu falla u għamel fjask bħala sultan u bħala qaddej taʼ Jehovah.—2 Kronaki 28:1-4.
10. X’tip taʼ missier kien Aħaż, imma ibnu Ħeżekija liema għażla għamel?
10 Mil-lat taʼ qima pura huwa diffiċli li timmaġina xi missier agħar minn Aħaż. Madankollu, ibnu Ħeżekija ma setax jagħżlu hu lil missieru! L-ulied żgħar li Aħaż kien biċċer bħala sagrifiċċju lil Bagħal x’aktarx li kienu ħut Ħeżekija. Kien Ħeżekija kkundannat għal ħajja taʼ nuqqas taʼ fedeltà lejn Jehovah minħabba dan l-ambjent terribbli li trabba fih? Għall-kuntrarju, Ħeżekija sar wieħed mill-ftit slaten taʼ Ġuda li kienu verament kbar—raġel leali, għaref, u maħbub minn kulħadd. “[I]l-Mulej kien miegħu.” (2 Slaten 18:3-7) Fil-fatt, hemm raġuni għala għandna nemmnu li Ħeżekija, waqt li kien għadu prinċep żagħżugħ, kien il-kittieb imnebbaħ taʼ Salm 119. Jekk inhu hekk, faċli nindunaw għala kiteb dan il-kliem: “Jiena nf[n]ejt bin-niket.” (Salm 119:28) Minkejja l-inkwiet li fnieh, Ħeżekija ħalla l-Kelma taʼ Jehovah tiggwidah matul ħajtu. Salm 119:105 jgħid: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.” Iva, Ħeżekija għamel l-għażla tiegħu—l-għażla t-tajba.
11. (a) Minkejja l-influwenza tajba li kellu mingħand missieru, Manassi sa liema punt estrem wasal fl-irvell tiegħu kontra Jehovah? (b) Manassi liema għażla għamel fi xjuħitu, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
11 Iżda x’paradoss! Minn wieħed mill-aħjar slaten li kien hemm f’Ġuda, ħareġ wieħed mill-agħar slaten. Manassi, bin Ħeżekija, ippromwova l-idolatrija, l-ispiritiżmu, u l-vjolenza fuq skala kbira li qatt ma kien hemm bħalha. Ir-rakkont jgħid li “l-Mulej kellem lil Manassi, u lill-poplu, imma dawn ma tawhx widen.” (2 Kronaki 33:10) Skond it-tradizzjoni Lhudija, Manassi wieġeb billi ġagħal li Isaija jiġi mħanxar min-nofs. (Qabbel Lhud 11:37.) Kemm jekk dan huwa minnu jew le, Manassi naqas li jagħti widen għal kwalunkwe twissija divina. Fil-fatt, ġiegħel li xi wħud minn uliedu stess jiġu maħruqin ħajjin bħala sagrifiċċji, preċiż bħalma kien għamel nannuh Aħaż. Madankollu, dan ir-raġel mill-agħar, meta ġie ffaċċjat minn provi ħorox fi xjuħitu, nidem u biddel ħajtu. (2 Kronaki 33:1-6, 11-20) L-eżempju tiegħu jgħallimna li bniedem li jkun għamel għażliet terribbli ma jkunx neċessarjament fi stat li ma jistax jiġi mifdi. Jistaʼ jinbidel.
12. Liema għażliet opposti għamlu Amon u ibnu Ġosija rigward is-servizz lejn Jehovah?
12 Amon, bin Manassi, setaʼ tgħallem ferm mill-indiema taʼ missieru. Imma dan għamel għażliet ħżiena. Amon fil-fatt “kompla jidneb kemm kien jiflaħ” sakemm sa fl-aħħar ġie assassinat. Ibnu Ġosija kien kuntrast rifreskanti. Ġosija evidentement għażel li jieħu t-tagħlima minn dak li ġara lil nannuh. Beda jaħkem meta kellu biss tmien snin. Meta kellu biss 16-il sena, beda jfittex lil Jehovah u minn dakinhar ’il quddiem wera kemm kien sultan leali u eżemplari. (2 Kronaki 33:20–34:5) Għamel għażla—l-għażla t-tajba.
13. (a) X’nitgħallmu mis-slaten taʼ Ġuda li għadna kif ikkunsidrajna? (b) Kemm huwa importanti t-taħriġ mill-ġenituri?
13 Hekk kif eżaminajna fil-qosor sebgħa mis-slaten taʼ Ġuda nisiltu tagħlima qawwija. F’xi każi, l-agħar slaten kellhom l-aqwa wlied, u bil-maqlub, l-aqwa slaten kellhom l-agħar ulied. (Qabbel Koħèlet 2:18-21.) Dan ma jnaqqasx l-importanza tat-taħriġ mill-ġenituri. Ġenituri li jħarrġu lil uliedhom skond kif irid Jehovah, ċertament ikunu qed jagħtu lil uliedhom l-aqwa opportunità li teżisti biex huma jsiru qaddejja leali taʼ Jehovah. (Dewteronomju 6:6, 7) Xorta waħda, minkejja l-aħjar sforzi li jkunu għamlu l-ġenituri leali tagħhom, xi tfal jagħżlu li jaqbdu triq ħażina. Tfal oħrajn, minkejja li l-ġenituri tagħhom ikollhom l-agħar influwenza fuqhom, jagħżlu li jħobbu u jaqdu lil Jehovah. Bil-barka tiegħu, huma jkollhom suċċess fil-ħajja tagħhom. Toqgħod int tberren x’jistaʼ jiġri fil-każ tiegħek? Allura, ikkunsidra xi ftit mill-iskritturi fejn Jehovah jagħti assiguranza persunali li int tistaʼ tagħmel l-għażla t-tajba!
Jehovah Għandu Fiduċja fik!
14. Kif nafu li Jehovah jifhem il-limitazzjonijiet tagħna?
14 Jehovah jara kollox. Proverbji 15:3 jgħid: “Kullimkien iħarsu għajnejn il-Mulej, jgħassu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin.” Is-sultan David qal dan dwar Jehovah: “Raw għajnejk l-għemejjel [“l-ewwel tiswir,” NW] tiegħi: kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek; u jiemi kienu ġa magħduda meta ebda wieħed ma kien għad hemm.” (Salm 139:16) Mela Jehovah jaf liema tendenzi negattivi qed tħabbat wiċċek magħhom—kemm jekk writthom u kemm jekk ksibthom bħala riżultat taʼ influwenzi oħrajn li ma kellekx kontroll fuqhom. Hu jifhem eżattament kif dawn effettwawk. Jifhem il-limitazzjonijiet tiegħek saħansitra aħjar milli tifhimhom int stess. U hu ħanin. Qatt ma jistenna minna iktar milli nifilħu nagħtu.—Salm 103:13, 14.
15. (a) Liema hu sors wieħed taʼ faraġ għal dawk li sofrew minħabba l-ħsara li oħrajn għamlulhom deliberatament? (b) Jehovah liema responsabbiltà jagħtina li permezz tagħha jkun qed jagħti dinjità lil kull wieħed u waħda minna?
15 Mill-banda l-oħra, Jehovah ma jaraniex bħala vittmi taċ-ċirkustanzi, li m’għandna l-ebda tama. Jekk fil-passat konna għaddejna minn xi esperjenzi koroh, nistgħu nsibu faraġ fiċ-ċertezza li Jehovah jobgħod il-kondotta taʼ dawk li jagħmlu l-ħsara deliberatament. (Salm 11:5; Rumani 12:19) Imma se jeżentana mill-konsegwenzi jekk induru lura u nagħmlu għażliet żbaljati minn jeddna? Dażgur li le! Il-Kelma tiegħu tgħid: “Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.” (Galatin 6:5) Jehovah jagħti d-dinjità lill-ħlejjaq intelliġenti tiegħu kollha billi jagħtihom ir-responsabbiltà li jagħmlu s-sewwa u jaqdu lilu. Huwa preċiż bħalma Mosè qal lill-ġens taʼ Iżrael: “Nsejjaħ illum is-sema u l-art b’xhieda kontrikom: il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek.” (Dewteronomju 30:19) Jehovah jinsab fiduċjuż li aħna wkoll nistgħu nagħmlu l-għażla t-tajba. Dan kif nafuh?
16. Kif jistaʼ jkollna suċċess f’li ‘nħabirku għas-salvazzjoni tagħna’?
16 Innota x’kiteb l-appostlu Pawlu: “Għalhekk, għeżież tiegħi, . . . [“ibqgħu,” NW] ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ u t-tregħid. Alla hu li jaħdem fikom u jġegħelkom tridu u tħabirku biex tagħmlu dak li jogħġob lilu.” (Filippin 2:12, 13) Il-kelma oriġinali bil-Grieg li tingħata “ħabirku” hawnhekk tissinjifika li xi ħaġa titlesta. Għalhekk, ħadd minna m’hu ddestinat li jfalli jew jaqtaʼ qalbu. Bilfors li Alla Jehovah għandu fiduċja fina li nistgħu nlestu x-xogħol li tana biex nagħmlu—ix-xogħol li jwassal għas-salvazzjoni tagħna—għax kieku ma kienx se jnebbaħ stqarrija bħal din. Imma aħna kif jistaʼ jkollna suċċess? Mhux bil-ħila tagħna stess. Kieku konna b’saħħitna biżżejjed fina nfusna u minna nfusna, ma kienx ikun hemm bżonn għall-“biżaʼ u t-tregħid.” Minflok Jehovah ‘jaħdem fina,’ billi l-ispirtu qaddis tiegħu jaħdem f’moħħna u f’qalbna, waqt li jgħinna nkunu ‘rridu u nħabirku biex nagħmlu [“naġixxu,” NW].’ B’dik l-għajnuna kollha mħabba, taħsbu li hemm xi raġuni għala m’għandniex nagħmlu l-għażliet xierqa fil-ħajja u ngħixu fi qbil magħhom? Le!—Luqa 11:13.
17. Liema bidliet nistgħu nagħmlu fina nfusna, u Jehovah kif jgħinna nagħmluhom?
17 Se jkollna ostakli x’negħlbu—forsi konna ilna għomorna b’vizzji ħżiena u influwenzi taʼ ħsara li jistgħu jħassrulna l-ħsieb tagħna. Minkejja dan, bil-għajnuna taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah, dawn nistgħu negħlbuhom! Bħalma kiteb l-appostlu Pawlu lill-Kristjani f’Korintu, il-Kelma t’Alla hija qawwija biżżejjed biex tegħleb saħansitra “affarijiet li jkunu daħlu fil-fond ħafna.” (2 Korintin 10:4, NW) Fil-fatt, Jehovah jistaʼ jgħinna nagħmlu bidliet estensivi fina nfusna. Il-Kelma tiegħu tħeġġiġna biex ‘ninżgħu l-bniedem il-qadim’ u ‘nilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.’ (Efesin 4:22-24) Jistaʼ l-ispirtu taʼ Jehovah tassew jgħinna nagħmlu bidliet bħal dawn? Dażgur! L-ispirtu t’Alla jipproduċi frott ġewwa fina—kwalitajiet sbieħ u prezzjużi li lkoll kemm aħna nixtiequ nikkultivaw. L-ewwel minn dawn hija l-imħabba.—Galatin 5:22, 23.
18. Kull bniedem li jirraġuna, liema għażla jistaʼ jagħmel kompletament, u dan x’għandu jgħinna niddeterminaw?
18 F’dan hemm verità li teħilsek verament. Alla Jehovah għandu kapaċità bla limitu għall-imħabba, u aħna magħmulin fix-xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:26; 1 Ġwann 4:8) Għalhekk nistgħu nagħżlu li nħobbu lil Jehovah. U dik l-imħabba—mhux il-ħajja tagħna tal-passat, mhux id-difetti li ksibna, mhux it-tendenzi li writna biex nagħmlu l-ħażin—hija l-qofol tal-futur tagħna. Adam u Eva kellhom bżonn l-imħabba lejn Alla sabiex jibqgħu leali f’Għeden. Din l-imħabba hija dik li kull wieħed u waħda minna jeħtieġ sabiex jibqaʼ ħaj wara Armageddon u jgħaddi mill-prova finali fi tmiem ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. (Apokalissi 7:14; 20:5, 7-10) Kull wieħed minna, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tiegħu, jistaʼ jikkultiva mħabba bħal din. (Mattew 22:37; 1 Korintin 13:13) Ejjew inkunu ddeterminati li nħobbu lil Jehovah u nibnu fuq dik l-imħabba għall-eternità kollha.
Int x’Taħseb?
◻ Liema ideat popolari jikkontradixxu t-tagħlim pożittiv tal-Bibbja rigward responsabbiltà individwali?
◻ Kull Kristjan liema xogħol taʼ bini jrid jagħmel fih innifsu?
◻ L-eżempji tas-slaten taʼ Ġuda kif juru li kull individwu jagħmel l-għażla tiegħu?
◻ Jehovah kif jiżgurana li nistgħu nagħmlu l-għażliet tajbin fil-ħajja, minkejja l-influwenzi negattivi taʼ madwarna?
[Stampa f’paġna 15]
Huwa l-futur tiegħek iddeterminat mill-ġenetika?
[Stampa f’paġna 17]
Minkejja l-eżempju ħażin taʼ missieru, is-Sultan Ġosija għażel li jaqdi lil Alla