“Ħa Jkun Kliemkom Dejjem . . . Imħawwar bil-Melħ”
1. Xi jfisser li ‘nħawru kliemna bil-melħ’?
1 “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kol. 4:6) Il-fatt li nħawru kliemna bil-melħ ifisser li nagħżlu kliem xieraq u nitkellmu b’tali mod li kliemna jkun pjaċevoli għal min ikun qed jismagħna. Huwa tassew importanti li nagħmlu dan waqt li nieħdu sehem fil-ministeru.
2. Ġesù kif irnexxielu jagħti xiehda lil waħda mara Samaritana?
2 L-Eżempju taʼ Ġesù: Meta kien qed jistrieħ ħdejn bir, Ġesù ħa l-inizjattiva biex jitkellem maʼ mara Samaritana li ġiet ħdejn il-bir biex tieħu l-ilma. Waqt il-konversazzjoni hi kemm-il darba qajmet punti rigward l-għadwa li kienet ilha teżisti bejn il-Lhud u s-Samaritani. Hi esprimiet ukoll it-twemmin tagħha li s-Samaritani kienu ġejjin min-nisel taʼ Ġakobb, għalkemm il-Lhud kienu jgħidu b’mod sod li s-Samaritani kienu dixxendenti taʼ nisel barrani. Minflok ma qagħad jargumenta magħha, Ġesù żamm il-konversazzjoni pjaċevoli. B’riżultat taʼ dan, hu rnexxielu jagħtiha xiehda li għenet kemm lilha kif ukoll lin-nies tal-belt.—Ġw. 4:7-15, 39.
3. Kif nistgħu nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù meta nkunu fil-ministeru?
3 Hekk kif nippridkaw irridu nżommu f’moħħna l-mira tagħna—biex ‘inxandru aħbar tajba t’affarijiet tajbin.’ (Rum. 10:15) Irridu naqsmu maʼ l-inkwilin ħsieb interessanti u li jibni mill-Bibbja, u mhux nagħtuh x’jifhem li qed nikkritikaw it-twemmin persunali tiegħu. Jekk hu jesprimi ħarsa żbaljata, m’għandniex għalfejn minnufih u bla ma nqisu xejn nenfasizzaw l-iżball tiegħu. Hemm xi ħaġa fil-kumment tiegħu li nistgħu naqblu magħha jew nużawha bħala bażi biex infaħħruh b’mod ġenwin? Forsi nistgħu nintroduċu skrittura billi ngħidu, “Qatt ikkunsidrajt li dan jistaʼ jkun possibbli?”
4. X’għandna nagħmlu jekk l-inkwilin jitkellem b’mod li joffendi?
4 Xi ngħidu jekk l-inkwilin jitkellem b’mod li joffendi jew ikun jidher li sempliċement irid jargumenta? Għandna nkomplu nkunu ġentili u nuru l-ħlewwa fl-imġiba u l-kliem tagħna. (2 Tim. 2:24, 25) Jekk l-individwu ma jurix interess fil-messaġġ tas-Saltna, ikun aħjar li nitilqu b’mod għaqli.—Mt. 7:6; 10:11-14.
5. Waħda oħt kif esperjenzat riżultati tajbin meta wieġbet b’mod ħelu?
5 Riżultati Tajbin: Meta oħt ipprovat tagħti xiehda lill-ġâra tagħha, il-mara b’rabja bdiet tgħajjat u tidgħi. B’qalb tajba, oħtna qaltilha: “Jiddispjaċini li tħossok hekk. Grazzi, il-ġurnata t-tajba.” Ħmistax wara, il-mara marret tħabbat il-bieb taʼ l-oħt, talbet skuża għall-mod kif ġabet ruħha, u qaltilha li kienet lesta li toqgħod tismaʼ dak li l-oħt kellha x’tgħidilha. Tweġiba ħelwa spiss tagħti riżultati tajbin!—Prov. 15:1; 25:15.
6. Għala huwa importanti li nużaw kliem imħawwar fil-ministeru?
6 Ipprova uża kliem imħawwar meta xxandar l-aħbar tajba. Anki jekk l-inkwilin ma jkunx irid jismaʼ, forsi jkun iktar lest li jismaʼ darb’oħra meta x-Xhieda taʼ Ġeħova jerġgħu jmorru jħabbtulu l-bieb.