Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
1-7 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | KOLOSSIN 1-4
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 169 ¶3-5
Is-Saltna t’Alla
“Is-saltna taʼ l-Iben taʼ mħabbtu.” Għaxart ijiem wara li Ġesù telaʼ s-sema, f’Pentekoste tas-sena 33, meta hu ferraʼ l-ispirtu qaddis fuq id-dixxipli tiegħu, huma kellhom evidenza li hu “tgħolla għal fuq il-lemin t’Alla.” (At 1:8, 9; 2:1-4, 29-33) B’hekk, ‘il-patt il-ġdid’ daħal fis-seħħ u huma saru l-qalba taʼ “ġens qaddis” ġdid, Iżrael spiritwali.—Eb 12:22-24; 1Pt 2:9, 10; Ga 6:16.
Issa Kristu kien bilqiegħda fuq il-lemin taʼ Missieru u kien il-Kap fuq din il-kongregazzjoni. (Ef 5:23; Eb 1:3; Flp 2:9-11) L-Iskrittura turi li minn Pentekoste tas-sena 33 ’il quddiem, twaqqfet saltna spiritwali fuq id-dixxipli tiegħu. Meta kien qed jikteb lill-Kristjani tal-ewwel seklu f’Kolossi, l-appostlu Pawlu rrefera għal Ġesù Kristu bħala li diġà kellu saltna: “[Alla] ħelisna mill-awtorità tad-dlam u daħħalna fis-saltna taʼ l-Iben taʼ mħabbtu.”—Kol 1:13; qabbel At 17:6, 7.
Minn Pentekoste tas-sena 33 ’il quddiem, is-saltna taʼ Kristu kienet waħda spiritwali li ssaltan fuq Iżrael spiritwali, jiġifieri fuq Kristjani mnisslin mill-ispirtu t’Alla biex isiru t-tfal spiritwali t’Alla. (Ġw 3:3, 5, 6) Meta dawn il-Kristjani mnisslin bl-ispirtu jirċievu l-premju tagħhom fis-sema, huma ma jibqgħux sudditi tal-art tas-saltna spiritwali taʼ Kristu, imma jkunu slaten maʼ Kristu fis-sema.—Ri 5:9, 10.
8-14 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 TESSALONIKIN 1-5
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-1 863-864
Żina
Iż-żina, jew l-immoralità sesswali, hi dnub li minħabba fih individwu jistaʼ jiġi mkeċċi (maqtugħ mis-sħubija) mill-kongregazzjoni Kristjana. (1Ko 5:9-13; Eb 12:15, 16) L-appostlu spjega li Kristjan li jagħmel iż-żina jkun qed jidneb kontra ġismu stess għax ikun qed juża l-organi riproduttivi għal skop ħażin. Dan se jeffettwah ħażin ħafna spiritwalment. Ukoll, hu jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-kongregazzjoni t’Alla u jesponi lilu nnifsu għall-mard qattiel li jiġi trasmess sesswalment. (1Ko 6:18, 19) Hu jkun qed jirfes id-drittijiet taʼ ħutu l-Kristjani (1Te 4:3-7) billi (1) iġib nuqqas taʼ ndafa u diżunur u tmaqdir fil-kongregazzjoni (Eb 12:15, 16), (2) iċaħħad il-persuna li jkun għamel l-immoralità magħha milli jkollha waqfa morali nadifa, u jekk tkun single, milli tkun nadifa moralment meta tiżżewweġ, (3) iċaħħad lil familtu stess milli jkunu magħrufin bħala li huma nodfa moralment, u (4) ikun għamel ħażen kontra l-ġenituri, ir-raġel, jew l-għarus tal-persuna li jkun għamel iż-żina magħha. Hu jkun qed juri nuqqas taʼ rispett lejn Alla, li se jikkastigah għal dan id-dnub, u mhux lejn il-bniedem, li l-liġijiet tiegħu jistgħu jaċċettaw jew ma jaċċettawx iż-żina.—1Te 4:8.
15-21 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 TESSALONIKIN 1-3
“L-irrivelar tal-bniedem taʼ bla liġi”
it-1 972-973
Devozzjoni lejn Alla
Hawnhekk insibu misteru ieħor u dan hu totalment kontra tas-“sigriet sagru.” Hu “l-misteru taʼ din is-sitwazzjoni bla liġi.” Dan kien misteru għall-Kristjani veri għax fi żmien l-appostlu Pawlu l-identità tal-“bniedem bla liġi” kienet għadha mhux ċara u l-grupp li kien jifforma “l-bniedem bla liġi” kien għadu ma ġiex stabbilit sew. Anki wara li dan “il-bniedem” ikun ġie stabbilit, l-identità tiegħu kienet se tibqaʼ misteru għal ħafna nies għax hu kien se jipprattika l-ħażen bil-moħbi u f’isem id-devozzjoni lejn Alla. Infatti, din l-apostasija kienet se tkun kontra d-devozzjoni lejn Alla. Pawlu qal li “l-misteru taʼ din is-sitwazzjoni bla liġi” kien diġà qed jaħdem fi żmienu. Dan minħabba li kien hemm influwenza ħażina fil-kongregazzjoni Kristjana li eventwalment minnha kien se joħroġ dan il-grupp t’apostati. Fl-aħħar, dan il-grupp kien se jitneħħa minn Ġesù Kristu bil-manifestazzjoni tal-preżenza tiegħu. Dan il-grupp, “il-bniedem” immexxi minn Satana, kien se “jitgħolla fuq kulmin jissejjaħ ‘alla’ jew fuq kull oġġett taʼ qima.” B’hekk, dan l-opponent kbir t’Alla li jaħdem bħala strument taʼ Satana kien se jirnexxilu jqarraq bil-kbir u kien se jġib qerda fuq dawk li jsegwu l-prattiki tiegħu. “Il-bniedem bla liġi” kien se jkun effettiv minħabba li b’ipokresija jagħmel tabirruħu li qed jagħti devozzjoni lejn Alla imma fil-verità jkun qed jagħmel il-ħażen minn taħt.—2Te 2:3-12; qabbel Mt 7:15, 21-23.
it-2 245 ¶7
Gidba
Alla Ġeħova “jħalli l-iżball jaħdem” fuq persuni li jippreferu kliem mhux veru “sabiex jaslu li jemmnu l-gidba” minflok l-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu. (2Te 2:9-12) Dan il-prinċipju jidher minn dak li ġara sekli qabel fil-każ tas-Sultan Aħab taʼ Iżrael. Profeti li kienu qed jigdbu aċċertaw lil Aħab li kien se jirnexxi fil-gwerra kontra Ramot-gilegħad, filwaqt li profeta taʼ Ġeħova, Mikaja, bassar diżastru. Bħalma ġie rivelat f’viżjoni lil Mikaja, Ġeħova ppermetta li anġlu jsir “spirtu qarrieq” f’fomm il-profeti t’Aħab. Dan ifisser li l-anġlu uża l-qawwa tiegħu fuqhom sabiex minflok jitkellmu l-verità, jgħidu dak li riedu huma u dak li Aħab xtaq li jismaʼ. Minkejja li kien imwissi minn qabel, Aħab ipprefera jiġi mqarraq bil-gideb tagħhom u minħabba f’hekk ħallas b’ħajtu.—1Sl 22:1-38; 2Kr 18.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-1 834 ¶5
Nar
Pietru kiteb li “s-smewwiet u l-art t’issa huma merfugħin għan-nar.” Mill-kuntest u minn skritturi oħrajn, hu evidenti li dan mhuwiex nar letterali imma jfisser qerda għal dejjem. Id-Dulluvju taʼ żmien Noè ma qeridx is-smewwiet u l-art letterali, imma biss lin-nies mingħajr devozzjoni lejn Alla. Bl-istess mod, ir-rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu bl-anġli setgħanin tiegħu f’nar iħeġġeġ se ġġib qerda dejjiema biss fuq dawk li ma jobdux lil Alla u fuq is-sistema ħażina li huma parti minnha.—2Pt 3:5-7, 10-13; 2Te 1:6-10; qabbel Is 66:15, 16, 22, 24.
it-1 1206 ¶5
Imnebbħa
Pawlu qal b’mod ċar li hemm “kliem imnebbaħ” li hu veru u ieħor li hu falz. Hu rrefera għat-tnejn li huma fl-1 Timotju 4:1 meta qal li “l-kliem imnebbaħ [mill-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova] jgħid fiż-żgur li f’xi żminijiet iktar tard xi wħud jitbiegħdu mill-fidi għax jagħtu kas kliem imnebbaħ li jqarraq u tagħlim tad-demonji.” Dan jidentifika lid-demonji bħala s-sors tal-“kliem imnebbaħ” falz. Dan hu appoġġat mill-viżjoni li ngħata l-appostlu Ġwanni li fiha ra “tliet espressjonijiet imnebbħin, li ma kinux nodfa u li kienu qishom żrinġijiet, ħerġin minn ħalq id-dragun u minn ħalq il-bhima salvaġġa u minn ħalq il-profeta falz.” U qal b’mod ċar li dawn l-espressjonijiet huma “mnebbħin mid-demonji” biex is-slaten tal-art jinġabru flimkien fil-gwerra taʼ Ħar–Magedon.—Ri 16:13-16.
22-28 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 TIMOTJU 1-3
“Irsisti għal xogħol tajjeb”
km 9/78 4 ¶7
Dawk ‘li qed jiksbu reputazzjoni tajba’
7 Mela hu faċli li naraw għala Pawlu qal li dawn l-irġiel “qed jiksbu . . . reputazzjoni tajba.” Dan mhuwiex qed jirreferi, bħalma jaħsbu xi wħud, għal xi pożizzjoni għolja fil-knisja. Minflok, il-qaddejja ministerjali “li jaqdu bl-aħjar mod” huma ċerti li se jkollhom il-barka taʼ Ġeħova u Ġesù. Ukoll, huma jkollhom ir-rispett u l-appoġġ tal-kongregazzjoni kollha. Bix-xieraq, huma jiksbu l-“libertà kbira tal-kelma fil-fidi fi Kristu Ġesù.” Peress li jaqdu lealment, huma jiġu apprezzati għax-xogħol mill-aħjar tagħhom; huma għandhom fidi soda u jistgħu jxandru l-fidi tagħhom mingħajr biżaʼ u bla ma jiddejqu li se jiġu mmaqdra.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-1 914-915
Ġenealoġija
Li wieħed jistudja u jiddiskuti kwistjonijiet bħal dawn kien bla skop, u kien saħansitra iktar bla skop fiż-żmien li Pawlu kiteb lil Timotju. Ma kienx għadu bżonjuż li jkun hemm rekords tal-ġenealoġiji biex wieħed jagħti prova min kienu l-antenati tiegħu. Dan għax Alla ma kienx għadu jagħmel distinzjoni bejn il-Lhud u l-Ġentili fil-kongregazzjoni Kristjana. (Ga 3:28) Barra minn hekk, ir-rekords tal-ġenealoġiji kienu diġà stabbilew li d-dixxendenza taʼ Kristu kienet mil-linja taʼ David. Ukoll, ftit snin wara li Pawlu ta dan il-parir, Ġerusalemm kienet se tiġi meqruda u magħha r-rekords tal-Lhud. Alla ma pproteġiex dawn ir-rekords. Għaldaqstant, Pawlu ma riedx li Timotju u l-kongregazzjonijiet jiġu żvijati billi jqattgħu ħin f’kontroversji u jagħmlu riċerka dwar minn liema nisel kienu. Dan ma kienx se jgħin il-fidi Kristjana. Il-ġenealoġija li nsibu fil-Bibbja hi biżżejjed biex tagħti prova li l-Kristu kien il-Messija. Din kienet il-ġenealoġija li kienet importanti għall-Kristjani. Il-ġenealoġiji l-oħra li nsibu fil-Bibbja huma biex jagħtu prova li r-rekord tal-Iskrittura hu eżatt. Dawn juru b’mod ċar li r-rakkont storiku hu ġenwin.
29 taʼ Lulju–4 t’Awwissu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 TIMOTJU 4-6
“Id-devozzjoni lejn Alla kontra l-għana”
Kif tistaʼ tiġi effettwat jekk tkun determinat li ssir sinjur?
Naturalment, il-maġġuranza tan-nies ma jmutux minħabba li jkunu qed jistinkaw biex isiru sinjuri. Madankollu, jistgħu jispiċċaw jaħlu ħajjiethom minħabba f’hekk. Anki l-kwalità taʼ ħajjiethom tistaʼ tmur minn taħt jekk ikollhom stress minħabba x-xogħol jew ansjetà minħabba l-finanzi. Dan jistaʼ jwassal għal attakki taʼ paniku, nuqqas taʼ rqad, uġigħ taʼ ras, jew ulċeri u dawn il-problemi taʼ saħħa jistgħu jqassru l-ħajja. U anki jekk wieħed jirrealizza li għandu bżonn ibiddel il-prijoritajiet, jaf ikun tard wisq. Is-sieħba tiegħu taf ma tibqax tafdah, u t-tfal tiegħu jistaʼ jkun li diġà ma jkunux stabbli emozzjonalment, u s-saħħa tiegħu tistaʼ tkun batuta. Forsi xi ħsara tkun tistaʼ tiġi rranġata, imma jkun hemm bżonn ħafna sforz. Dawn l-uħud ikunu tabilħaqq “ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.”—1 Timotju 6:10.
g 11/08 6 ¶4-6
Sitt sigrieti biex tirnexxi
Bħalma rajna fl-ewwel artiklu taʼ din is-serje, dawk li jipprovaw isiru sinjuri biex jirnexxu fil-ħajja, fil-fatt, ikunu qed jiġru wara miraġġ, jew xi ħaġa mhix reali. Allura se jispiċċaw diżappuntati u jkollhom ħafna problemi. Pereżempju, waqt li jkunu qed jistinkaw biex isiru sinjuri, in-nies spiss jissagrifikaw ir-relazzjoni tagħhom mal-familja u l-ħbieb. Oħrajn ma jorqdux kemm ikollhom bżonn minħabba x-xogħol jew għax ikunu ansjużi jew inkwetati. “Il-qaddej [jew, il-ħaddiem] jiġih ħelu l-irqad, sew jekk jiekol ftit u sew jekk jiekol ħafna; imma l-abbundanza taʼ l-għani mhix qed tħallih jorqod,” jgħid Ekkleżjasti 5:12.
Il-flus mhux biss huma bħal sid kattiv imma wkoll iqarrqu b’dak li jkun. Ġesù Kristu tkellem dwar “il-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi.” (Marku 4:19) Fi kliem ieħor, wieħed jaħseb li jkun ferħan jekk isir sinjur imma dan mhux veru. Minflok, min ikun sinjur dejjem ikun irid iktar. Min iħobb il-flus ma jixbax bil-flus.—Ekkleżjasti 5:10.
Fi ftit kliem, l-imħabba għall-flus taħdem kontra l-interessi tal-persuna stess u fl-aħħar mill-aħħar twassal għal diżappunt, frustrazzjoni, jew anki kriminalità. (Proverbji 28:20) Wieħed ikun iktar ferħan u jirnexxi fil-ħajja jekk ikun ġeneruż, jaħfer, nadif moralment, iħobb, u konxju tal-ispiritwalità tiegħu.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 714 ¶1-2
Qari pubbliku
Fil-kongregazzjoni Kristjana. Fl-ewwel seklu, kienu ftit l-uħud li kellhom kopji tal-ħafna skrolli tal-Bibbja, allura l-qari pubbliku kien importanti ħafna. L-appostlu Pawlu kkmanda biex jinqraw l-ittri tiegħu pubblikament fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u ordnalhom biex dawn l-ittri jinqraw fil-kongregazzjonijiet l-oħra wkoll. (Kol 4:16; 1Te 5:27) Pawlu qal lil Timotju, li kien indokratur Kristjan żagħżugħ, biex jagħti ruħu “għall-qari pubbliku, għat-twiddib, għat-tagħlim.”—1Ti 4:13.
Il-qari pubbliku għandu jsir b’mod fluwenti. (Ħab 2:2) Ladarba li l-iskop tal-qari fil-pubbliku hu biex jgħallem lil oħrajn, qarrej pubbliku għandu jifhem sew xi jkun qed jaqra u jkollu fehma ċara tal-intenzjoni tal-kittieb. Ukoll, għandu joqgħod attent li meta jaqra jevita li jagħti idea jew impressjoni żbaljata lis-semmiegħa tiegħu. Skont Rivelazzjoni 1:3, kemm dawk li jaqraw b’leħen għoli u kemm dawk li jisimgħu l-kliem u josservawh, ikunu ferħanin.