“L-Ewwel Irxoxt”—Qed Isir fi Żmienna!
“Il-mejtin f’unjoni maʼ Kristu jqumu l-ewwel.”—1 TESSALONIKIN 4:16.
1, 2.(a) Liema tama hemm għal dawk li diġà mietu? (b) Fuq liema bażi temmen int fl-irxoxt? (Ara n-nota taʼ taħt.)
‘IL-ĦAJJIN jafu li għad imutu.’ Sa minn mindu dineb Adam, dan kien tassew minnu. Matul l-istorja, kulmin twieled kien jaf li eventwalment kien se jmut, u ħafna ħasbu: ‘X’jiġri wara? Il-mejtin f’liema kundizzjoni jinsabu?’ Il-Bibbja twieġeb: “Il-mejtin ma jafu xejn.”—Koħèlet 9:5.
2 Għalhekk, teżisti xi tama għal dawk li mietu? Iva. Fil-fatt, bilfors irid ikun hemm waħda jekk l-iskop t’Alla għall-umanità jrid jitwettaq. Matul is-sekli, il-qaddejja leali t’Alla eżerċitaw fidi fil-wegħda taʼ Ġeħova dwar Nisel li kellu jeqred lil Satana u jreġġaʼ lura l-ħsara li għamel. (Ġenesi 3:15) Ħafna minnhom mietu. Sabiex jaraw it-twettiq taʼ dik il-wegħda u wegħdi oħrajn li għamel Ġeħova, hemm bżonn li dawn iqumu mill-mewt. (Ebrej 11:13) Hija xi ħaġa bħal din possibbli? Iva, hi possibbli. L-appostlu Pawlu qal: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Pawlu darba rxoxta lil wieħed żagħżugħ jismu Ewtiku, li kien waqaʼ minn tieqa f’għoli taʼ tliet sulari u “refgħuh mejjet.” Dan huwa l-aħħar minn disaʼ rxoxtijiet imniżżlin fil-Bibbja.—Atti 20:7-12.a
3. Liema faraġ ksibt b’mod persunali mill-kliem taʼ Ġesù mniżżel fi Ġwanni 5:28, 29, u għala?
3 Dawk id-disaʼ rxoxtijiet jipprovdu bażi għal fidi fl-istqarrija taʼ Pawlu. Dawn isaħħulna l-fiduċja fl-assiguranza taʼ Ġesù: “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Kemm huwa kliem li jqawwilna qalbna! U kemm huwa kliem taʼ faraġ għall-miljuni li l-maħbubin tagħhom raqdu fil-mewt!
4, 5. Il-Bibbja liema rxoxtijiet differenti ssemmi, u liema minnhom se jiġu diskussi f’dan l-artiklu?
4 Il-maġġuranza minn dawk li se jiġu rxoxtati se jiġu lura f’art paċifika taħt is-Saltna t’Alla. (Salm 37:10, 11, 29; Isaija 11:6-9; 35:5, 6; 65:21-23) Madankollu, kellhom iseħħu rxoxtijiet oħrajn qabel jiġri dan. L-ewwel, Ġesù Kristu kellu jiġi mqajjem mill-mewt sabiex jippreżenta l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu lil Alla għan-nom tagħna. Ġesù miet u ġie rxoxtat fis-sena 33 E.K.
5 Imbagħad, membri midlukin taʼ “l-Iżrael t’Alla” jridu jingħaqdu mal-Mulej Ġesù Kristu fil-glorja tas-sema, fejn ‘ikunu dejjem mal-Mulej.’ (Galatin 6:16; 1 Tessalonikin 4:17) Dan l-avveniment jissejjaħ ‘l-irxoxt taʼ l-ewwel’ jew “l-ewwel irxoxt.” (Filippin 3:10, 11; Rivelazzjoni 20:6) Meta dan l-irxoxt ikun tlesta, ikun wasal iż-żmien għal miljuni taʼ nies biex jiġu rxoxtati lura fuq l-art bil-prospett li jiksbu l-ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna taʼ l-art. Għaldaqstant, kemm jekk it-tama tagħna hija waħda għas-sema u kemm jekk għall-art, aħna jinteressana ħafna mill-“ewwel irxoxt.” X’tip taʼ rxoxt huwa dan? Meta jseħħ?
“B’Liema Xorta taʼ Ġisem?”
6, 7. (a) X’għandu jiġri qabel ma l-midlukin ikunu jistgħu jmorru fis-sema? (b) B’liema tip taʼ ġisem se jiġu rxoxtati?
6 Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu qajjem mistoqsija dwar l-ewwel irxoxt: “Kif se jiġu mqajmin il-mejtin? Iva, b’liema xorta taʼ ġisem ġejjin?” Imbagħad hu jwieġeb il-mistoqsija: “Dak li tiżraʼ ma jingħatax il-ħajja jekk l-ewwel ma jmutx . . . imma Alla jagħtiha [liż-żerriegħa] ġisem skond kif jogħġbu . . . Il-glorja taʼ l-iġsma tas-sema hi ħaġa, u dik taʼ l-iġsma taʼ l-art hi oħra.”—1 Korintin 15:35-40.
7 Il-kliem taʼ Pawlu juri li l-Kristjani midlukin bl-ispirtu qaddis iridu jmutu qabel ma jkunu jistgħu jirċievu l-premju tagħhom fis-sema. F’mewthom, il-ġisem fiżiku tagħhom imur lura lejn it-trab. (Ġenesi 3:19) Fiż-żmien stabbilit t’Alla, huma jiġu rxoxtati b’tip taʼ ġisem li huwa xieraq għall-ħajja fis-smewwiet. (1 Ġwanni 3:2) Alla jagħtihom ukoll l-immortalità. Din m’hijiex xi ħaġa li jitwieldu biha, bħallikieku tidħol fihom l-hekk imsejħa ruħ immortali. “Dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità,” jgħid Pawlu. L-immortalità hija għotja minn Alla, li ‘jilbsu’ dawk li jkollhom sehem mill-ewwel irxoxt.—1 Korintin 15:50, 53; Ġenesi 2:7; 2 Korintin 5:1, 2, 8.
8. Kif nafu li Alla ma jagħżilx lill-144,000 minn fost membri taʼ reliġjonijiet differenti?
8 Il-144,000 biss għandhom sehem mill-ewwel irxoxt. Ġeħova beda jagħżilhom f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., ftit wara li rxoxta lil Ġesù. Ilkoll għandhom “[isem Ġesù] u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.” (Rivelazzjoni 14:1, 3) Għaldaqstant, dawn m’humiex magħżulin minn fost ħafna reliġjonijiet differenti. Ilkoll huma Kristjani, u lkoll kburin li jġorru isem il-Missier—Ġeħova. Meta jiġu rxoxtati, huma jirċievu inkarigu taʼ xogħol fis-smewwiet. Il-prospett li jaqdu lil Alla b’mod daqstant dirett huwa xi ħaġa verament eċċitanti għalihom.
Qed Isir fi Żmienna?
9. Rivelazzjoni 12:7 u 17:14 kif jgħinuna naraw iż-żmien meta bejn wieħed u ieħor jibda l-ewwel irxoxt?
9 L-ewwel irxoxt meta jseħħ? Teżisti evidenza ċara li dan qed iseħħ fi żmienna. Per eżempju, qabbel żewġ kapitli mir-Rivelazzjoni. L-ewwel, ara Rivelazzjoni kapitlu 12. Hemmhekk naqraw li Ġesù Kristu li għadu kif ġie maħtur sultan, flimkien maʼ l-anġli qaddisa tiegħu, jagħmel gwerra kontra Satana u d-demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 12:7-9) Bħalma wriet spiss din ir-rivista, din il-battalja bdiet fl-1914.b Innota, però, li ħadd mis-segwaċi midlukin taʼ Kristu ma jintqal li qiegħed maʼ Ġesù f’dik il-gwerra fis-sema. Issa ara kapitlu 17 tar-Rivelazzjoni. Hemm naqraw li wara l-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira,” il-Ħaruf se jirbaħ lill-ġnus. Imbagħad ikompli jingħad: “Anki dawk li huma msejħin u magħżulin u leali miegħu jirbħulhom.” (Rivelazzjoni 17:5, 14) Dawk l-“imsejħin u magħżulin u leali” jridu jkunu diġà ġew irxoxtati jekk iridu jkunu maʼ Ġesù biex iġibu l-qerda finali tad-dinja taʼ Satana. Għaldaqstant, b’mod raġunevoli, l-uħud midlukin li jmutu qabel Armageddon jiġu rxoxtati bejn l-1914 u Armageddon.
10, 11. (a) Min huma l-24 anzjan, u wieħed minnhom x’jurih lil Ġwanni? (b) X’nistgħu nikkonkludu minn dan?
10 Nistgħu ngħidu iktar bl-eżatt meta jibda l-ewwel irxoxt? F’Rivelazzjoni 7:9-15 insibu ħjiel interessanti fejn l-appostlu Ġwanni jiddeskrivi l-viżjoni tiegħu taʼ “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha.” L-identità taʼ din il-folla l-kbira tiġi rivelata lil Ġwanni minn wieħed mill-24 anzjan, u dawn l-anzjani jirrappreżentaw lill-144,000 werriet bi sħab maʼ Kristu fil-glorja tagħhom tas-sema.c (Luqa 22:28-30; Rivelazzjoni 4:4) Ġwanni nnifsu kellu tama għas-sema; imma ladarba kien għadu fuq l-art bħala bniedem meta kellmu wieħed mill-anzjani, fil-viżjoni Ġwanni bilfors jirrappreżenta lil uħud midlukin fuq l-art li għadhom ma rċivewx il-premju tagħhom fis-sema.
11 Għalhekk, x’nistgħu nikkonkludu mill-fatt li wieħed mill-24 anzjan juri lil Ġwanni min hi l-folla l-kbira? Jidher li dawk l-uħud irxoxtati li jagħmlu parti mill-grupp taʼ l-24 anzjan jistgħu jkunu involuti f’li jikkomunikaw veritajiet divini llum. Dan għala hu importanti? Għaliex l-identità korretta tal-folla l-kbira ġiet rivelata lill-qaddejja midlukin t’Alla fuq l-art fl-1935. Jekk wieħed mill-24 anzjan intuża biex iwassal dik il-verità importanti, hu kellu jkun irxoxtat fis-sema sa mhux iktar tard mill-1935. Dan jindika li l-ewwel irxoxt beda f’xi żmien bejn l-1914 u l-1935. Nistgħu nkunu iktar preċiżi?
12. Spjega għala r-rebbiegħa taʼ l-1918 tistaʼ titqies bħala żmien li fih jistaʼ jkun li beda l-ewwel irxoxt.
12 Issa jkun t’għajnuna li nikkunsidraw dak li jistaʼ jitqies bħala parallel fil-Bibbja. Ġesù Kristu kien midluk bħala s-Sultan futur tas-Saltna t’Alla fil-ħarifa tas-sena 29 E.K. Tliet snin u nofs wara, fir-rebbiegħa tas-sena 33 E.K., hu ġie rxoxtat bħala spirtu setgħan. Nistgħu allura naslu għall-konklużjoni li ladarba Ġesù sar sultan fil-ħarifa taʼ l-1914, l-irxoxt tas-segwaċi leali tiegħu beda tliet snin u nofs wara, fir-rebbiegħa taʼ l-1918? Din hija possibbiltà interessanti. Għalkemm ma jistax jiġi konfermat direttament fil-Bibbja, dan m’huwiex f’konflitt maʼ skritturi oħrajn li jindikaw li l-ewwel irxoxt beda ftit wara li bdiet il-preżenza taʼ Kristu.
13. L-1 Tessalonikin 4:15-17 b’liema mod jissuġġerixxi li l-ewwel irxoxt beda kmieni fil-preżenza taʼ Kristu?
13 Per eżempju, Pawlu kiteb: “Aħna l-ħajjin li nibqgħu sal-preżenza tal-Mulej [mhux, sa l-aħħar tal-preżenza tiegħu] żgur li m’aħniex se niġu qabel dawk li raqdu fil-mewt; għax il-Mulej stess jinżel mis-sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen t’arkanġlu u bit-trumbetta t’Alla, u l-mejtin f’unjoni maʼ Kristu jqumu l-ewwel. Wara dan, aħna l-ħajjin li nkunu għadna hawnhekk nittieħdu fis-sħab magħhom biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru; u b’hekk inkunu dejjem mal-Mulej.” (1 Tessalonikin 4:15-17) Għalhekk, il-Kristjani midlukin li mietu qabel il-preżenza taʼ Kristu rxoxtaw għall-ħajja fis-sema qabel dawk li kienu għadhom ħajjin matul il-preżenza taʼ Kristu. Dan ifisser li l-ewwel irxoxt kellu jibda kmieni fil-preżenza taʼ Kristu, u jkompli “matul il-preżenza tiegħu.” (1 Korintin 15:23) Minflok ma jsir kollu f’daqqa, l-ewwel irxoxt isir f’perijodu taʼ żmien.
“Ngħatat Libsa Bajda lil Kull Wieħed Minnhom”
14. (a) Il-viżjonijiet imniżżlin f’Rivelazzjoni kapitlu 6 meta twettqu? (b) Xi stampa tingħata f’Rivelazzjoni 6:9?
14 Ikkunsidra wkoll l-evidenza misjuba f’Rivelazzjoni kapitlu 6. Hemmhekk Ġesù jidher riekeb bħala Sultan rebbieħ. (Rivelazzjoni 6:2) Il-ġnus jinsabu f’battalja kbira immens. (Rivelazzjoni 6:4) Hemm ġuħ maʼ kullimkien. (Rivelazzjoni 6:5, 6) Mard qattiel ħarbat lill-umanità kollha. (Rivelazzjoni 6:8) Dawn il-ġrajjiet profetizzati kollha jaqblu mal-kundizzjonijiet tad-dinja sa mill-1914. Imma tiġri xi ħaġa oħra. L-attenzjoni tagħna tinġibed lejn artal tas-sagrifiċċji. Taħt l-artal kien hemm “l-erwieħ taʼ dawk li nqatlu minħabba l-kelma t’Alla u minħabba x-xogħol taʼ xiehda li kellhom.” (Rivelazzjoni 6:9) Ladarba “ħajjet [jew, ruħ] il-laħam hi fid-demm,” dak li huwa rappreżentat li qiegħed taħt l-artal huwa d-demm tal-qaddejja leali taʼ Ġesù li nqatlu minħabba l-ippridkar kuraġġuż u żeluż tagħhom.—Levitiku 17:11.
15, 16. Spjega għala l-kliem f’Rivelazzjoni 6:10, 11 jirreferi għall-ewwel irxoxt.
15 Bħad-demm tar-raġel sewwa Abel, id-demm taʼ dawn il-Kristjani martri qed jgħajjat għall-ġustizzja. (Ġenesi 4:10) “Għajtu b’leħen għoli u qalu: ‘Mulej Sovran qaddis u veru, kemm se ddum ma tiġġudika lil dawk li jgħammru fuq l-art u titħallas taʼ demmna?’” X’jiġri wara? “Ngħatat libsa bajda lil kull wieħed minnhom; u ntqalilhom biex jistrieħu għal ftit ieħor, sakemm ikun imtela wkoll l-għadd taʼ l-ilsiera sħabhom u ħuthom li kienu se jinqatlu dalwaqt bħalma kienu nqatlu huma wkoll.”—Rivelazzjoni 6:10, 11.
16 Allura dawn l-ilbiesi bojod ngħataw lill-għadajjar tad-demm li kienu taħt l-artal? Dażgur li le! L-ilbiesi ngħataw lill-individwi li kellhom demmhom imxerred, b’mod figurattiv, fuq l-artal. Huma ssagrifikaw ħajjithom f’isem Ġesù u issa ġew irxoxtati bħala spirti. Kif nafuh dan? Iktar kmieni fil-ktieb tar-Rivelazzjoni, naqraw: “Min jirbaħ ikun imżejjen bi ħwejjeġ bojod; u żgur ma nħassarlux ismu mill-ktieb tal-ħajja.” Ftakar ukoll li l-24 anzjan kienu “lebsin ħwejjeġ bojod, u fuq rashom kellhom kuruni tad-deheb.” (Rivelazzjoni 3:5; 4:4) Għalhekk, wara li l-gwerra, il-ġuħ, u l-mard bdew iħarbtu d-dinja, il-membri tal-144,000 li kienu mejtin, rappreżentati mid-demm taħt l-artal, ġew imqajmin għall-ħajja fis-sema, imlibbsin bi lbiesi bojod simboliċi.
17. Dawk li jirċievu l-ilbiesi bojod f’liema sens se “jistrieħu”?
17 Dawk li jkunu għadhom kemm irxoxtaw iridu “jistrieħu.” Huma jridu jistennew bil-paċenzja għall-jum tal-vendetta t’Alla. L-“ilsiera sħabhom,” il-Kristjani midlukin li għadhom fuq l-art, għad iridu jagħtu prova taʼ l-integrità tagħhom meta jiġu mġarrbin. Meta jasal iż-żmien għall-ġudizzju minn Alla, il-‘mistrieħ’ ikun spiċċa. (Rivelazzjoni 7:3) Dak iż-żmien, dawk l-uħud irxoxtati se jieħdu sehem mal-Mulej Ġesù Kristu biex iġibu qerda fuq in-nies mill-agħar, fosthom dawk li xerrdu d-demm taʼ Kristjani innoċenti.—2 Tessalonikin 1:7-10.
Xi Jfisser Għalina
18, 19. (a) Għal liema raġunijiet tistaʼ tikkonkludi li l-ewwel irxoxt qed iseħħ fi żmienna? (b) Kif tħossok minħabba l-fehma tiegħek dwar l-ewwel irxoxt?
18 Il-Kelma t’Alla ma tagħtix data preċiża għall-ewwel irxoxt, imma din tirrivela li dan jiġri f’perijodu taʼ żmien, matul il-preżenza taʼ Kristu. L-ewwel li jiġu rxoxtati huma l-Kristjani midlukin li mietu qabel ma bdiet il-preżenza taʼ Kristu. Hekk kif il-preżenza taʼ Kristu tkompli għaddejja, il-Kristjani midlukin li jtemmu l-ħajja tagħhom fuq l-art lealment jinbidlu “f’ħakka t’għajn” fi ħlejjaq spirti setgħanin. (1 Korintin 15:52) Il-midlukin kollha kemm huma se jirċievu l-premju tagħhom tas-sema qabel il-gwerra t’Armageddon? Ma nafux. Madankollu, li nafu huwa li fi żmien magħżul minn Alla, il-144,000 kollha se jkunu bil-wieqfa fuq il-Muntanja Sijon tas-sema.
19 Nafu wkoll li l-maġġuranza mill-144,000 diġà jinsabu magħqudin maʼ Kristu. Relattivament ftit fadal hawn fuq l-art. Kemm hi indikazzjoni qawwija li ż-żmien għall-esekuzzjoni tal-ġudizzju t’Alla qed joqrob bil-ħeffa! Dalwaqt, is-sistema dinjija taʼ Satana kollha kemm hi se tkun meqruda. Satana nnifsu se jintefaʼ f’abbiss. Imbagħad ikun jistaʼ jinbeda l-irxoxt ġenerali, u l-bnedmin leali, fuq il-bażi tas-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù, ikunu jistgħu jilħqu l-perfezzjoni bħal dik li tilef Adam. Il-profezija taʼ Ġeħova mniżżla f’Ġenesi 3:15 qed titwettaq b’mod taʼ l-għaġeb. Xi privileġġ mill-aqwa huwa li qed ngħixu f’dawn iż-żminijiet!
[Noti taʼ taħt]
a Għat-tmienja l-oħra, ara l-1 Slaten 17:21-23; 2 Slaten 4:32-37; 13:21; Marku 5:35, 41-43; Luqa 7:11-17; 24:34; Ġwanni 11:43-45; Atti 9:36-42.
b Għal evidenza Skritturali li l-preżenza taʼ Kristu bdiet fl-1914, ara l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? paġni 215-18, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
c Għal informazzjoni dwar kif nafu li l-24 anzjan jirrappreżentaw lill-Kristjani midlukin fil-pożizzjoni tagħhom fis-sema, ara l-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand! paġna 77, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Tistaʼ Tispjega?
L-iskritturi li ġejjin kif jgħinuna nagħrfu ż-żmien taʼ “l-ewwel irxoxt”?
• 1 Korintin 15:23; 1 Tessalonikin 4:15-17
[Stampi f’paġna 26]
Liema tipi taʼ rxoxtijiet iseħħu qabel l-umanità in ġenerali tqum mill-mewt?
[Stampa f’paġna 29]
B’liema mod tingħata libsa bajda lil xi wħud li kienu reqdin fil-mewt?