LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 9/15 pp. 29-31
  • Timotju—‘Iben Tassew fil-Fidi’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Timotju—‘Iben Tassew fil-Fidi’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Magħżul minn Pawlu
  • Timotju Ppromwova l-​Interessi tas-​Saltna
  • Tidwil fuq il-​Personalità taʼ Timotju
  • Agħmel Lilek Innifsek Disponibbli!
  • Pawlu u Timotju
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Timotju ried jgħin lin-nies
    Għallem lil Uliedek
  • Irġiel maħturin—Tgħallmu minn Timotju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • X’Jistaʼ Jgħinna Nimmaniġġaw il-Kelma tal-Verità Sewwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 9/15 pp. 29-31

Timotju—‘Iben Tassew fil-​Fidi’

TIMOTJU kien komparattivament żgħir meta l-​appostlu Kristjan Pawlu għażlu biex jissieħeb miegħu fil-​vjaġġi tiegħu. Dan ta bidu għal sħubija li damet sejra xi 15-il sena. Ir-​relazzjoni li żviluppat bejn iż-​żewġt irġiel kienet tali li Pawlu setaʼ jsejjaħ lil Timotju “ibni l-​għażiż u fidil fil-​Mulej” u “ibni tassew fil-​fidi.”—1 Korintin 4:17; 1 Timotju 1:2.

X’kien hemm fil-​personalità taʼ Timotju li ġagħlet lil Pawlu jinġibed daqshekk lejh? Timotju kif sar sieħeb daqshekk tal-​qalb? U liema lezzjonijiet utli nistgħu nitgħallmu mir-​rakkonti ispirati taʼ l-​attivitajiet taʼ Timotju?

Magħżul minn Pawlu

Pawlu ltaqaʼ mad-​dixxiplu żagħżugħ Timotju meta l-​appostlu żar Listra (illum fit-​Turkija) fit-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu għall-​ħabta tas-​sena 50 E.K. Timotju, li bejn wieħed u ieħor x’aktarx li kellu dawk l-​għoxrin sena, kellu fama tajba mal-​Kristjani taʼ Listra u Ikonju. (Atti 16:1-3) Hu għex fi qbil maʼ ismu, li jfisser “Wieħed li Jonora ’l Alla.” Minn tfulitu, Timotju kien ġie mgħallem mill-​Iskrittura Mqaddsa minn nanntu Lojd u ommu Ewniki. (2 Timotju 1:5; 3:14, 15) X’aktarx li dawn kienu ħaddnu l-​Kristjanità matul l-​ewwel żjara taʼ Pawlu fil-​belt tagħhom xi ftit tas-​snin qabel. Issa, permezz tal-​ħidma taʼ l-​ispirtu qaddis, ċerta tħabbira indikat x’kien se jkun il-​futur taʼ Timotju. (1 Timotju 1:18) Fi qbil maʼ din id-​direzzjoni, Pawlu u l-​irġiel ixjeħ tal-​kongregazzjoni qegħdu idejhom fuq il-​ġuvnott, u b’hekk iddedikawh għal servizz partikulari, u l-​appostlu għażlu bħala sieħeb missjunarju.—1 Timotju 4:14; 2 Timotju 1:6.

Ladarba missieru kien Grieg li ma jemminx, Timotju ma kienx ġie ċirkonċiż. M’għandniex xi ngħidu, din ma kinitx xi ħtieġa Kristjana. Madankollu, biex ma jkunx taʼ xkiel għal-​Lhud li huma kienu se jżuru, Timotju baxxa rasu għal din il-​proċedura taʼ wġigħ.—Atti 16:3.

Kien Timotju kunsidrat bħala Lhudi qabel dan? Xi studjużi jargumentaw li skond awtoritajiet rabbiniċi, “l-​istat taʼ nisel minn żwieġ bejn persuna Lhudija u waħda Ġentili huwa determinat mill-​omm, mhux mill-​missier.” Jiġifieri, “mara Lhudija twelled tfal Lhud.” Madankollu, il-​kittieb Shaye Cohen jiddubita jekk din “il-​liġi rabbinika taʼ persuni kinitx diġà teżisti fl-​ewwel seklu E.K.” u jekk kinitx tiġi osservata mil-​Lhud taʼ l-​Asja Minuri. Wara li jikkunsidra l-​evidenza storika, hu jikkonkludi li meta rġiel Ġentili żżewġu nisa Iżraeliti, “it-​tfal minn dawn iż-​żwiġijiet kienu kunsidrati Iżraeliti biss jekk il-​familja kienet tgħix fost l-​Iżraeliti. Id-​dixxendenza kienet ibbażata fuq l-​omm meta kienu jgħixu f’pajjiżha. Meta l-​mara Iżraelita tkun marret tgħix barra l-​pajjiż biex tingħaqad mar-​raġel Ġentil tagħha, it-​tfal tagħha kienu jiġu kunsidrati bħala Ġentili.” Kien x’kien il-​każ, li Timotju kellu ġenitur minnhom Lhudi u l-​ieħor le kien taʼ vantaġġ għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Ma kien se jkollu l-​ebda problema relatata mal-​Lhud jew mal-​Ġentili. Għandu mnejn li dan ippermettielu jtaffi l-​firdiet li kien hemm bejniethom.

Iż-żjara taʼ Pawlu f’Listra kienet punt deċiżiv fil-​ħajja taʼ Timotju. Il-​ħeġġa li wera dan ir-​raġel żagħżugħ f’li jsegwi l-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis u f’li jikkoopera umilment maʼ l-​anzjani Kristjani wasslet għal barkiet kbar u privileġġi taʼ servizz. Jekk dak in-​nhar għaddielux minn moħħu jew le, Timotju, taħt id-​direzzjoni taʼ Pawlu, iktar tard kien se jintuża f’inkarigi teokratiċi importanti, li ħaduh ’il bogħod minn daru saħansitra sal-​belt kapitali taʼ l-​imperu, Ruma.

Timotju Ppromwova l-​Interessi tas-​Saltna

Illum ftit għandna tagħrif rigward l-​attivitajiet taʼ Timotju, imma hu vvjaġġa ħafna biex jippromwovi l-​interessi tas-​Saltna. L-​ewwel vjaġġ taʼ Timotju maʼ Pawlu u Sila fis-​sena 50 E.K. ħadu mill-​Asja Minuri għal ġo l-​Ewropa. Hemmhekk hu ħa sehem f’kampanji taʼ ppridkar ġewwa Filippi, Tessalonika, u Berija. Wara li xi oppożizzjoni ġagħlet lil Pawlu jitlaq lejn Ateni, Timotju u Sila tħallew f’Berija biex jieħdu ħsieb il-​grupp taʼ dixxipli li kien ġie fformat hemmhekk. (Atti 16:6–17:14) Iktar tard, Pawlu bagħat lil Timotju lejn Tessalonika biex isaħħaħ lill-​kongregazzjoni l-​ġdida t’hemmhekk. Timotju wassal aħbarijiet tajba fuq il-​progress tagħha meta ltaqaʼ maʼ Pawlu f’Korintu.—Atti 18:5; 1 Tessalonkin 3:1-7.

L-Iskrittura ma tgħidilniex kemm Timotju dam mal-​Korintin. (2 Korintin 1:19) Madankollu, madwar is-​sena 55 E.K., Pawlu wisq probabbli kkunsidra li jibagħtu lura għandhom għaliex irċieva aħbarijiet li inkwetawh dwar il-​qagħda tagħhom. (1 Korintin 4:17; 16:10) Iktar tard, flimkien maʼ Erastu, Timotju ntbagħat minn Efesu għall-​Maċedonja. U meta Pawlu kiteb lir-​Rumani minn Korintu, Timotju kien għal darb’oħra miegħu.—Atti 19:22; Rumani 16:21.

Timotju u oħrajn telqu minn Korintu għal Ġerusalemm maʼ Pawlu, u dawn akkumpanjaw lill-​appostlu minn taʼ l-​inqas sa Troas. Jekk Timotju kompliex sa Ġerusalemm ma nafux. Imma hu jissemma fl-​introduzzjonijiet taʼ tliet ittri li Pawlu kiteb mill-​ħabs f’Ruma għall-​ħabta tas-​snin 60-​61 E.K.a (Atti 20:4; Filippin 1:1; Kolossin 1:1; Filemon 1) Pawlu kien qed jippjana li jibgħat lil Timotju minn Ruma lejn Filippi. (Filippin 2:19) U wara l-​ħelsien taʼ Pawlu mill-​ħabs, Timotju baqaʼ f’Efesu skond id-​direttiva taʼ Pawlu.—1 Timotju 1:3.

Ladarba fl-​ewwel seklu la kien faċli u lanqas komdu li tivvjaġġa, il-​ħeġġa taʼ Timotju biex jagħmel lilu nnifsu disponibbli għal ħafna vjaġġi f’isem il-​kongregazzjonijiet kienet verament xi ħaġa li taʼ min ifaħħarha. (Ara The Watchtower, tal-​15 t’Awissu 1996, paġna 29, il-​kaxxa.) Ikkunsidra biss wieħed mill-​vjaġġi prospettivi tiegħu u dak li dan jgħallimna dwar Timotju.

Tidwil fuq il-​Personalità taʼ Timotju

Timotju kien maʼ Pawlu f’Ruma meta l-​appostlu kalzrat kiteb lill-​Kristjani persegwitati fil-​Filippi u qal: “Nittama fil-​Mulej Ġesù li nibagħtilkom malajr lil Timotju biex nieħu r-​ruħ jiena wkoll b’aħbarkom. ’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa. Kulħadd ifittex li jaqbel lilu u mhux dak li hu taʼ Ġesù Kristu. Intom tafu bit-​tiġrib tiegħu; kif bħal iben maʼ missieru ħadem miegħi għat-​tixrid taʼ l-​Evanġelju.”—Filippin 1:1, 13, 28-30; 2:19-22.

Dan il-​kliem jixhed li Timotju kien interessat fi sħabu fit-​twemmin. Sakemm ma vvjaġġax bil-​baħar, vjaġġ bħal dan kien jirrikjedi 40 jum mixi minn Ruma sa Filippi, vjaġġ ieħor qasir biex taqsam minn naħa għall-​oħra tal-​Baħar Adrijatiku, u mbagħad 40 jum ieħor biex dak li jkun jirritorna lejn Ruma. Timotju kien lest li jagħmel dan kollu biex jaqdi lil ħutu.

Għalkemm Timotju vvjaġġa ħafna, xi drabi saħħtu ma kinitx tagħtih. Evidentement, hu kellu xi tip taʼ problemi fl-​istonku u esperjenza ‘mard taʼ spiss.’ (1 Timotju 5:23) Madankollu hu kien jitħabat ħafna minħabba l-​aħbar tajba. Mhux taʼ b’xejn, mela, li Pawlu kien jinġieb daqstant miegħu!

Taħt il-​gwida taʼ l-​appostlu u permezz taʼ l-​esperjenzi tagħhom flimkien, Timotju mid-​dehra sar jirrifletti l-​personalità taʼ Pawlu. B’hekk, Pawlu setaʼ jgħidlu: “Imma inti mxejt warajja fit-​tagħlim tiegħi, fl-​imġiba tiegħi, fil-​pjan u t-​twemmin tiegħi; fis-​sabar, fl-​imħabba u fil-​perseveranza tiegħi; fil-​persekuzzjonijiet u t-​tbatijiet li ġew fuqi f’Antijokja, f’Ikonju u f’Listra. X’persekuzzjonijiet għaddejt minnhom!” Timotju beka maʼ Pawlu, kien fit-​talb tiegħu, u tjassar miegħu spalla maʼ spalla biex jippromwovu l-​interessi tas-​Saltna.—2 Timotju 1:3, 4; 3:10, 11.

Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju billi qallu biex ‘iqis li ħadd ma jmaqdru għax kien żagħżugħ.’ Dan jistaʼ jindika li Timotju kien kemxejn mistħi, u forsi kien iżomm lura milli juri l-​awtorità li kellu. (1 Timotju 4:12; 1 Korintin 16:10, 11) Madankollu, kien kapaċi jaħdem għal rasu, u Pawlu setaʼ bil-​fiduċja jibagħtu fuq missjonijiet responsabbli. (1 Tessalonikin 3:1, 2) Meta Pawlu għaraf il-​bżonn għal indokrar teokratiku qawwi fil-​kongregazzjoni taʼ Efesu, hu ħeġġeġ lil Timotju biex jibqaʼ hemmhekk sabiex ‘jordna lil xi wħud ħalli ma jgħallmux tagħlim ieħor.’ (Korsiv tagħna.) (1 Timotju 1:3) Madankollu, għalkemm kien inkarigat b’ħafna responsabbiltajiet, Timotju kien modest. U minkejja kwalunkwe mistħija li setaʼ kellu, kien kuraġġuż. Per eżempju, hu mar Ruma biex jassisti lil Pawlu, li kien għaddej ġuri minħabba l-​fidi tiegħu. Fil-​fatt, Timotju nnifsu sofra perijodu taʼ priġunerija, x’aktarx għall-​istess raġuni.—Lhud 13:23.

Mingħajr ebda dubju, Timotju tgħallem ħafna mingħand Pawlu. Xiehda taʼ l-​istima li kellu l-​appostlu għall-​ħaddiem sieħeb tiegħu qegħda fil-​fatt li dan kitiblu żewġ ittri ispirati divinament li jinsabu fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Madwar is-​sena 65 E.K., meta Pawlu rrealizza li l-​martirju tiegħu stess kien imminenti, hu għal darb’oħra reġaʼ sejjaħ lil Timotju. (2 Timotju 4:6, 9) Jekk Timotju rnexxilux jara lil Pawlu qabel ma l-​appostlu ġie maqtul, l-​Iskrittura ma tgħidilniex.

Agħmel Lilek Innifsek Disponibbli!

Hemm ħafna x’nitgħallmu mill-​eżempju mill-​aħjar taʼ Timotju. Hu bbenefika ħafna milli jagħmilha maʼ Pawlu, billi kiber minn żagħżugħ mistħi għal indokratur. Nisa u rġiel Kristjani li għadhom żgħar jistgħu jiggwadanjaw ħafna minn sħubija simili llum. U jekk jagħmlu s-​servizz taʼ Jehovah l-​karriera tagħhom, ikollhom ħafna xogħol utli x’jagħmlu. (1 Korintin 15:58) Jistgħu jsiru pijunieri, jew predikaturi full-time, fil-​kongregazzjoni lokali tagħhom, jew jistgħu jaqdu fejn il-​bżonn għal proklamaturi tas-​Saltna huwa akbar. Fost il-​ħafna possibbiltajiet hemm ix-​xogħol missjunarju f’pajjiż ieħor jew servizz fil-​kwartieri ġenerali tal-​Watch Tower Society jew f’waħda mill-​fergħat tagħha. U, m’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani kollha jistgħu juru l-​istess spirtu muri minn Timotju, billi jagħtu servizz b’ruħhom kollha lil Jehovah.

Tixtieq int li tkompli tikber spiritwalment, li tkun utli għall-​organizzazzjoni taʼ Jehovah fi kwalunkwe kapaċità li hu jistaʼ jara addattata għalik? F’dak il-​każ, agħmel bħalma għamel Timotju. Sa fejn hu possibbli, agħmel lilek innifsek disponibbli. Min jistaʼ jgħid xi privileġġi taʼ servizz jistgħu jinfetħu għalik fil-​futur?

[Nota taʼ taħt]

a Timotju jissemma wkoll f’erbaʼ ittri oħrajn taʼ Pawlu.—Rumani 16:21; 2 Korintin 1:1; 1 Tessalonkin 1:1; 2 Tessalonkin 1:1.

[Stampa f’paġna 31]

“’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja