Għallem bid-Dehen u l-Persważjoni
“Qalb l-għaref iġġiegħel lil fommu juri d-dehen, u lil xofftejh iżżidilhom il-persważjoni.”—PROVERBJI 16:23, NW.
1. Għala li ngħallmu l-Kelma t’Alla jinvolvi iktar milli sempliċement ngħaddu l-informazzjoni?
IL-MIRA tagħna bħala għalliema tal-Kelma t’Alla hi li ndawlu mhux biss moħħ l-istudenti tagħna imma wkoll qalbhom. (Efesin 1:18) Għalhekk, it-tagħlim jinvolvi iktar milli sempliċement ngħaddu l-informazzjoni. Proverbji 16:23 (NW) jgħid: “Qalb l-għaref iġġiegħel lil fommu juri d-dehen, u lil xofftejh iżżidilhom il-persważjoni.”
2. (a) X’ifisser li tipperswadi? (b) Kif inhu possibbli li l-Kristjani kollha jkunu għalliema persważivi?
2 L-appostlu Pawlu bla dubju li applikah dan il-prinċipju fix-xogħol tiegħu tat-tagħlim. Meta kien Korintu, “Kull nhar taʼ Sibt kien imur jiddiskuti fis-sinagoga u jfittex li jipperswadi lil-Lhud u l-Griegi.” (Atti 18:4) Skond awtorità waħda, il-kelma Griega li hawnhekk tingħata “jipperswadi” tfisser “li ġġib bidla fil-moħħ permezz taʼ l-influwenza tar-raġuni jew taʼ konsiderazzjonijiet morali.” Permezz t’argumenti konvinċenti, Pawlu kien kapaċi jqanqal lin-nies biex ibiddlu l-istess mod taʼ ħsieb tagħhom. L-abbiltà tiegħu li jipperswadi tant kienet taʼ l-għaġeb li l-għedewwa tiegħu kienu jibżgħu minnu. (Atti 19:24-27) Minkejja dan, it-tagħlim taʼ Pawlu ma kienx xi turija taʼ xi abbiltà umana. Hu qal lill-Korintin: “Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi [“persważiv,” NW] taʼ l-għerf, imma bil-wiri taʼ l-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa taʼ Alla.” (1 Korintin 2:4, 5) Ladarba l-Kristjani kollha għandhom l-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla Jehovah, ilkoll kemm huma jistgħu jsiru għalliema persważivi. Imma kif? Ejja nħarsu lejn xi tekniki effettivi tat-tagħlim.
Kun Semmiegħ Tajjeb
3. Id-dehen għala huwa meħtieġ meta tgħallem lil xi ħadd, u kif nistgħu nilħqu l-qalb taʼ l-istudent tal-Bibbja?
3 L-ewwel teknika tat-tagħlim tinvolvi, mhux li nitkellmu, imma li nagħtu widen. Kif ġie nnotat fi Proverbji 16:23, biex inkunu persważivi jrid ikollna d-dehen. Ġesù ċertament li kellu d-dehen rigward in-nies li kien jgħallem. Ġwann 2:25 jgħid: “Hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.” Imma kif nistgħu nkunu nafu x’hemm f’qalb dawk li ngħallmu? Mod wieħed hu li nkunu semmiegħa tajbin. Ġakbu 1:19 jgħid: “Kull bniedem ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem.” Veru, mhux kulħadd ikun lest li jesprimi l-ħsibijiet tiegħu. Hekk kif l-istudenti tagħna tal-Bibbja jikkonvinċu ruħhom li għandna interess ġenwin fihom, għandhom mnejn iħossuhom iktar inklinati li jesprimu s-sentimenti veri tagħhom. Mistoqsijiet b’qalb tajba u bid-dehen taʼ spiss jistgħu jgħinuna nilħqu l-qalb u ngħinuhom ‘joħorġu’ espressjonijiet bħal dawn.—Proverbji 20:5.
4. L-anzjani Kristjani għala għandhom ikunu semmiegħa tajbin?
4 Huwa importanti b’mod partikulari li l-anzjani Kristjani jkunu semmiegħa tajbin. B’hekk biss jistgħu verament ‘ikunu jafu jwieġbu sewwa lil kulħadd.’ (Kolossin 4:6) Proverbji 18:13 iwissi: “Min iwieġeb qabel ma jismaʼ, bluha jagħmel u mistħija jkollu.” Darba żewġt aħwa rġiel b’intenzjoni tajba taw parir lil waħda oħt dwar il-ġibdiet tad-dinja minħabba li kienet falliet xi laqgħat. L-oħt tgħidx kemm ħassitha mweġġaʼ li lanqas staqsewha għala ma kinitx attendiet. Kienet qed tirkupra minn operazzjoni li kienet għadha kemm għamlet. Mela kemm hu importanti li nisimgħu qabel ma nagħtu parir!
5. L-anzjani kif jistgħu jittrattaw xi tilwim li jistaʼ jinqalaʼ bejn l-aħwa?
5 Għall-anzjani, it-tagħlim taʼ spiss jinvolvi li jagħtu parir lil oħrajn. Hawnhekk, ukoll, huwa importanti li jkunu semmiegħa tajbin. Huwa speċjalment neċessarju li jagħtu widen meta tinqalaʼ xi tilwima bejn il-Kristjani fil-kongregazzjoni. Huwa biss wara li jkunu taw widen li l-anzjani jistgħu jimitaw ‘lill-Missier li ma jħarisx lejn l-uċuħ.’ (1 Pietru 1:17) F’sitwazzjonijiet bħal dawn taʼ spiss ikun hemm emozzjonijiet intensi, u anzjan jagħmel tajjeb li jżomm f’moħħu l-parir taʼ Proverbji 18:17: “Min jitkellem l-ewwel taħsbu għandu raġun, sakemm ħaddieħor jgħarblu u jistaqsih.” Għalliem effettiv jismaʼ liż-żewġ naħat. Billi joffri talba, hu jkun qed jgħin biex jistabbilixxi atmosfera kalma. (Ġakbu 3:18) Jekk l-irjus jibdew jisħnu, għandu mnejn jissuġġerixxi li kull wieħed mill-aħwa jgħid dak li għandu jgħid direttament lilu, minflok ma joqogħdu jargumentaw bejniethom. Permezz taʼ mistoqsijiet f’lokhom, l-anzjan forsi jkun jistaʼ jiċċara l-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati. F’ħafna każi, il-kaġun tat-tilwima jirriżulta minn nuqqas taʼ komunikazzjoni, u mhux minn malizzja. Imma jekk niksru xi prinċipji tal-Bibbja, għalliem li juri mħabba jistaʼ issa jistruwixxi bid-dehen wara li jkun samaʼ ż-żewġ naħat.
Il-Valur tas-Sempliċità
6. Pawlu u Ġesù kif taw eżempju f’li jgħallmu bis-sempliċità?
6 Mod imprezzabbli ieħor taʼ tagħlim bis-sengħa hu li l-affarijiet jinżammu sempliċi. Huwa minnu, aħna rridu li l-istudenti tal-Bibbja jsiru kapaċi ‘jifhmu bir-reqqa, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisaʼ u t-tul, l-għoli u l-fond’ tal-verità. (Efesin 3:18) Hemm xi aspetti tad-duttrini tal-Bibbja li huma affaxxinanti u taʼ spiss joħolqu sfida. (Rumani 11:33) Minkejja dan, meta Pawlu ppriedka lill-Griegi, hu ffoka fuq il-messaġġ sempliċi taʼ ‘Kristu msallab.’ (1 Korintin 2:1, 2) Bl-istess mod, Ġesù ppriedka b’mod ċar u li jolqtok. Hu uża vokabolarju sempliċi fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. Madankollu, din fiha xi wħud mill-iktar veritajiet profondi li qatt tlissnu.—Mattew, kapitli 5-7.
7. Kif nistgħu nżommu l-affarijiet sempliċi meta nkunu qed nikkonduċu studju tal-Bibbja?
7 Aħna bl-istess mod nistgħu nżommu l-affarijiet sempliċi meta nkunu qed ngħallmu waqt studju tal-Bibbja maʼ xi ħadd. Kif? Billi niffokaw fuq l-“affarijiet iktar importanti.” (Filippin 1:10, NW) Meta nkunu qed ngħaddu suġġetti tqal, għandna nipprovaw nesprimu ruħna bi kliem ħafif. Għandna niffokaw fuq l-iskritturi prinċipali minflok ma nipprovaw naqraw u niddiskutu kull skrittura mill-Bibbja ċċitata fil-pubblikazzjoni. Dan jirrikjedi preparazzjoni tajba min-naħa tagħna. Jeħtieġ li nevitaw li nibbombardjaw lill-istudent b’ħafna dettalji, u ma nħallux lilna nfusna niġu żvijati bi kwistjonijiet li m’humiex daqstant importanti. Jekk student ikollu xi mistoqsija li ma jkollhiex x’taqsam direttament maʼ l-istudju, nistgħu bit-tattika nissuġġerixxu li tiġi diskussa wara li nkunu lestejna l-lezzjoni.
Użu Effettiv tal-Mistoqsijiet
8. Ġesù kif uża l-mistoqsijiet b’mod effettiv?
8 Mod utli ieħor taʼ tagħlim bis-sengħa jinvolvi li nistaqsu mistoqsijiet effettivi. Ġesù Kristu uża mistoqsijiet b’mod estensiv fit-tagħlim tiegħu. Per eżempju, Ġesù staqsa lil Pietru: “‘Int x’jidhirlek, Xmun? Is-slaten taʼ l-art mingħand min jiġbruha t-taxxa jew il-ħaraġ, mingħand is-sudditi [“uliedhom,” Saydon] jew mingħand il-barranin?’ ‘Mingħand il-barranin,’ wieġbu Pietru. U Ġesù qallu: ‘Mela s-sudditi [“l-ulied,” Saydon] meħlusa minnha.’” (Mattew 17:24-26) Bħala l-iben uniġenitu taʼ Dak li kien meqjum fit-tempju, Ġesù tabilħaqq ma kienx obbligat li jħallas taxxa tat-tempju. Imma Ġesù wassal din il-verità billi uża mistoqsijiet b’mod effettiv. Ġesù b’hekk għen lil Pietru jasal għal konklużjoni xierqa bbażata fuq informazzjoni li diġà kellu.
9. Kif nistgħu nagħmlu użu minn mistoqsijiet matul l-istudji tal-Bibbja?
9 Nistgħu nagħmlu użu tajjeb minn mistoqsijiet matul l-istudji tal-Bibbja. Jekk student jagħti tweġiba żbaljata, nistgħu nħossuna ttantati biex nagħtuh it-tweġiba t-tajba, imma se jirnexxilu jżommha f’moħħu dik l-informazzjoni? Taʼ spiss l-aħjar ħaġa hi li tipprova tiggwida lill-istudent lejn il-konklużjoni t-tajba permezz taʼ mistoqsijiet. Per eżempju, jekk qed isibha diffiċli biex jifhem għala għandu juża l-isem divin, nistgħu nistaqsu, ‘Hu ismek importanti għalik? . . . Għala? . . . Kif tħossok kieku jkun hemm xi ħadd li jirrifjuta li juża ismek? . . . M’huwiex raġunevoli li Alla jirrikjedi li aħna nużaw l-isem persunali tiegħu?’
10. Kif jistgħu l-anzjani jagħmlu użu tajjeb minn mistoqsijiet meta jgħinu lil individwi li sfaw imweġġgħin emozzjonalment?
10 L-anzjani jistgħu wkoll jagħmlu użu tajjeb mill-mistoqsijiet meta jirgħu l-merħla. Bosta huma dawk fil-kongregazzjoni li ġew imweġġgħin u msawtin emozzjonalment mid-dinja taʼ Satana u għandhom mnejn iħossuhom mhux nodfa u mhux taʼ min iħobbhom. Anzjan jistaʼ jirraġuna maʼ dan it-tip taʼ persuna billi jgħid: “Għalkemm int tgħid li ma tħossokx nadif spiritwalment, Jehovah kif iħossu dwarek? Jekk Missierna tas-sema kollu mħabba ħalla lil Ibnu jmut u jipprovdi l-prezz tal-fidwa għalik, ma jfissirx dan li Alla jħobbok?”—Ġwann 3:16.
11. Xi skop għandhom il-mistoqsijiet retoriċi, u kif jistgħu jintużaw f’xi taħdita pubblika?
11 Mistoqsijiet retoriċi huma teknika utli oħra taʼ tagħlim. Is-semmiegħa m’humiex mistennijin li jagħtu t-tweġiba, imma permezz tagħhom jiġu megħjunin jirraġunaw fuq is-suġġett. Il-profeti tal-qedem taʼ spiss staqsew mistoqsijiet bħal dawn biex iġegħlu lis-semmiegħa tagħhom jaħsbu fil-fond. (Ġeremija 18:14, 15) Ġesù uża mistoqsijiet retoriċi b’mod effettiv. (Mattew 11:7-11) Mistoqsijiet bħal dawn huma effettivi partikolarment fit-taħditiet pubbliċi. Minflok ma sempliċement tgħid lill-udjenza li jridu jaqdu b’ruħhom kollha sabiex jogħġbu lil Jehovah, jistaʼ jkun iktar effettiv li tistaqsi, ‘Jekk ma nkunux verament qed nagħtu servizz b’ruħna kollha, taħsbu li Jehovah se jieħu gost?’
12. X’inhu l-valur taʼ mistoqsijiet li jitolbu l-opinjoni taʼ dak li jkun?
12 Mistoqsijiet li jitolbu l-opinjoni taʼ dak li jkun huma utli biex jiġi ddeterminat jekk l-istudent tal-Bibbja jemminx tassew dak li qed jitgħallem. (Mattew 16:13-16) Student jistaʼ jwieġeb b’mod korrett li ż-żîna hija ħażina. Imma għala ma tistaqsihx mistoqsijiet oħrajn bħal ngħidu aħna, Int kif tħossok personalment dwar il-livell t’Alla fuq il-moralità? Tħoss li dan huwa restrittiv iżżejjed? Taħseb li jimporta jekk issegwix il-livelli t’Alla jew le?
Tixbihat li Jilħqu l-Qalb
13, 14. (a) X’ifisser li tagħti tixbieha dwar xi ħaġa? (b) Tixbihat tajbin għala huma effettivi?
13 Mod ieħor biex tilħaq il-qalb tas-semmiegħa u taʼ l-istudenti tal-Bibbja huwa permezz taʼ tixbihat effettivi. L-espressjoni Griega tradotta “tixbieha” litteralment tfisser “li tpoġġi ħdejn jew flimkien.” Meta tagħti tixbieha, tkun qed tispjega xi ħaġa billi ‘tpoġġiha ħdejn’ xi ħaġa simili. Per eżempju, Ġesù staqsa: “Maʼ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna taʼ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha?” Bi tweġiba, Ġesù semma l-famuża żerriegħa tal-mustarda.—Mark 4:30-32.
14 Il-profeti t’Alla wżaw ħafna tixbihat qawwijin. Meta l-Assirjani, li kienu qdew bħala strument t’Alla biex jikkastiga lill-Iżraeliti, bdew jaġixxu b’mod krudil għall-aħħar, Isaija kixef il-prużunzjoni tagħhom b’din it-tixbieha: “Forsi qatt ftaħret il-mannara kontra min iqaċċat biha? Forsi l-munxar qatt qam għal min jaħdem bih?” (Isaija 10:15) Meta kien jgħallem lil oħrajn, Ġesù kien juża wkoll tixbihat b’mod estensiv. Hemm miktub li “mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom.” (Mark 4:34) Tixbihat tajbin huma effettivi għax jinvolvu kemm il-moħħ u kemm il-qalb. Dawn jagħmluha faċli biex is-semmiegħa jassorbu informazzjoni ġdida billi jqabbluha maʼ xi ħaġa li tkun diġà familjari għalihom.
15, 16. X’inhu dak li jagħmel it-tixbihat l-iktar effettivi? Agħti eżempji.
15 Kif nistgħu nużaw tixbihat li verament jilħqu l-qalb? L-ewwelnett, tixbieha trid tkun parallela b’mod raġunevoli maʼ dik il-ħaġa li tkun qed tiġi spjegata. Jekk il-paragun ma jkunx tassew jaqbel, it-tixbieha tħawwad lis-semmiegħa minflok ma tgħinhom jifhmu iktar. Kelliemi b’intenzjoni tajba darba pprova jfiehem is-sottomissjoni tal-fdal midluk lejn Ġesù Kristu billi qabbilhom maʼ kelb li hu fidil lejn sidu. Imma huwa xieraq li tagħmel paragun umiljanti bħal dan? Il-Bibbja twassal l-istess ħsieb b’mod bil-wisq iktar pjaċevoli u dinjituż. Din tipparaguna lill-144,000 segwaċi midlukin taʼ Ġesù m’“għarusa mżejjna għall-għarus.”—Apokalissi 21:2.
16 It-tixbihat ikunu l-iktar effettivi meta jkollhom x’jaqsmu mal-ħajjiet tan-nies. It-tixbieha taʼ Natan dwar il-ħarufa maqtula messet qalb is-Sultan David għax hu kien iħobb in-nagħaġ, billi meta kien għadu żagħżugħ kien ragħaj. (1 Samwel 16:11-13; 2 Samwel 12:1-7) Kieku t-tixbieha kienet dwar barri, għandha mnejn ma kinitx tkun daqshekk effettiva. B’mod simili, tixbihat ibbażati fuq fenomeni xjentifiċi jew ġrajjiet storiċi li ħadd ma jaf bihom jistgħu ma jkunux daqshekk sinjifikanti għas-semmiegħa tagħna. Ġesù fassal it-tixbihat tiegħu fuq il-ħajja taʼ kuljum. Hu tkellem dwar affarijiet li kulħadd jaf bihom bħalma huma l-musbieħ, l-għasafar tas-sema, u l-ġilji taʼ l-għelieqi. (Mattew 5:15, 16; 6:26, 28) Dawk li semgħu lil Ġesù setgħu jifhmu faċilment dawk l-affarijiet.
17. (a) Fuqiex nistgħu nibbażaw it-tixbihat tagħna? (b) Kif nistgħu naddattaw it-tixbihat li jintużaw fil-pubblikazzjonijiet tagħna għaċ-ċirkustanzi taʼ l-istudenti tagħna?
17 Fil-ministeru tagħna jkollna ħafna opportunitajiet biex nużaw tixbihat sempliċi u fl-istess ħin effettivi. Osserva x’ikun qed jiġri. (Atti 17:22, 23) Forsi tistaʼ tibbaża t-tixbieha fuq it-tfal, id-dar, l-impjieg jew il-passatemp taʼ dak li jkun qed jisimgħek. Jew forsi nistgħu nużaw dak li nkunu nafu dwar l-istudent tal-Bibbja biex inżejnu t-tixbihat li diġà jkun hemm fil-materjal li nkunu qed nistudjaw. Ħu, per eżempju, it-tixbieha effettiva li ntużat f’paragrafu 14 taʼ kapitlu 8 fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Din tinvolvi ġenitur li jaf iħobb u li jiġi mmalafamat minn wieħed mill-ġirien. Nagħmlu tajjeb jekk naħsbu kif nistgħu naddattaw din it-tixbieha għaċ-ċirkustanzi taʼ l-istudent tal-Bibbja li jinzerta li jkun ġenitur.
Aqra l-Iskrittura bis-Sengħa
18. Għala għandna nagħmlu ħilitna biex inkunu qarrejja fluwenti?
18 Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Hu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa, it-twissijiet u t-tagħlim.” (1 Timotju 4:13) Ladarba l-Bibbja hija l-pedament tat-tagħlim tagħna, hu taʼ benefiċċju li nkunu kapaċi naqrawha b’mod fluwenti. Il-Leviti kellhom il-privileġġ li jaqraw il-Liġi Mosajka lill-poplu t’Alla. Kienu huma joqogħdu jlaqalqu, jew jaqrawha bil-kantaliena? Le, il-Bibbja f’Neħemija 8:8 tgħid: “Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari.”
19. Kif nistgħu ntejbu l-qari tagħna taʼ l-Iskrittura?
19 Xi rġiel Kristjani li huma kelliema fluwenti ma tantx jinqalgħu għall-qari. Kif jistgħu jitjiebu? Billi jipprattikaw. Iva, billi jaqraw b’leħen għoli għal darba wara l-oħra sakemm jaqraw b’mod fluwenti. Jekk fil-lingwa tiegħek hemm il-Bibbja fuq awdjokasetts, ikun għaqli li tismaʼ kif il-qarrej jagħmel enfasi fuq il-kliem u l-modulazzjoni tiegħu u innota l-pronunzja taʼ l-ismijiet u l-kliem tqil. Dawk li għandhom in-New World Translation fil-lingwa tagħhom jistgħu jieħdu vantaġġ mill-għajnuna li din tagħti dwar il-pronunzja.a Bil-prattika, saħansitra ismijiet bħal Maħer-salal-ħas-baż jistgħu jinqraw faċilment.—Isaija 8:1.
20. Kif nistgħu ‘ngħassu fuq it-tagħlim tagħna’?
20 Bħala l-poplu taʼ Jehovah, xi privileġġ għandna li nintużaw bħala għalliema! Mela ħalli kull wieħed u waħda minna, jieħu dik ir-responsabbiltà bis-serjetà. Jalla ‘ngħassu fuqna nfusna u fuq it-tagħlim tagħna.’ (1 Timotju 4:16) Nistgħu nkunu għalliema mill-aqwa billi nkunu semmiegħa tajbin, inżommu l-affarijiet sempliċi, nistaqsu mistoqsijiet li juru d-dehen, nużaw tixbihat effettivi, u naqraw l-iskritturi bis-sengħa. Jalla lkoll kemm aħna nibbenefikaw mit-taħriġ ipprovdut minn Jehovah permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, għax dan jistaʼ jgħinna jkollna “l-ilsien taʼ dawk li huma mgħallmin.” (Isaija 50:4) Billi nieħdu vantaġġ sħiħ mill-għodda kollha pprovduta għall-ministeru tagħna, inkluż il-browxers, l-awdjokasetts, u l-vidjokasetts, aħna nistgħu nitgħallmu kif ngħallmu bid-dehen u l-persważjoni.
[Nota taʼ taħt]
a Ismijiet jistgħu jinqasmu f’sillabi, b’kull sillaba sseparata b’tikka jew aċċent. L-enfasi titpoġġa fuq is-sillaba mmarkata mill-aċċent. Jekk is-sillaba tispiċċa b’vokali, il-vokali tingħata l-ħoss twil tagħha. Jekk is-sillaba tispiċċa b’konsonanti, il-vokali tingħata l-ħoss qasir tagħha.
Tiftakar Int?
◻ Il-fatt li nkunu semmiegħa tajbin, kif jistaʼ jgħinna fit-tagħlim tagħna?
◻ Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu u lil Ġesù f’li ngħallmu bis-sempliċità?
◻ Liema xorta taʼ mistoqsijiet nistgħu nużaw meta nkunu qed ngħallmu lil oħrajn?
◻ Liema xorta taʼ tixbihat huma l-iktar effettivi?
◻ Kif nistgħu ntejbu s-sengħa tagħna bħala qarrejja pubbliċi?
[Stampa f’paġna 16]
Għalliem tajjeb jagħti widen sabiex jikseb id-dehen
[Stampi f’paġna 18]
Ġesù fassal it-tixbihat tiegħu fuq il-ħajja taʼ kuljum