Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Pawlu għala kiteb dwar il-mara Kristjana miżżewġa: “Tinżamm salva billi tiled it-tfal”?—1 Timotju 2:15.
Il-kuntest taʼ dan il-vers x’juri li ried ifisser Pawlu? B’ispirazzjoni hu kien qed jagħti parir dwar l-irwol tan-nisa Kristjani fil-kongregazzjoni. Hu kiteb: “Nixtieq li n-nisa jiżżejnu bi lbies addattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar immaljat u deheb jew perli jew ħwejjeġ li jiswew ħafna flus, imma bil-mod li jixraq lil nisa li jgħidu li jqimu lil Alla, jiġifieri, b’għemejjel tajbin.” (1 Timotju 2:9, 10) Pawlu kien qed iħeġġeġ lil ħutu Kristjani nisa biex ikunu modesti, biex ikunu bilanċjati meta jagħżlu t-tiżjin persunali, u biex “jiżżejnu” b’għemejjel tajbin.
Imbagħad, Pawlu spjega l-arranġament taʼ l-istat taʼ kap fil-kongregazzjoni, billi qal: “Ma nippermettix li mara tgħallem, jew li teżerċita awtorità fuq raġel, imma li toqgħod siekta.” (1 Timotju 2:12; 1 Korintin 11:3) Hu jispjega l-bażi taʼ dan l-arranġament billi juri li waqt li Adam ma tqarraqx minn Satana, Eva “ġiet imqarrqa għalkollox u saret ħatja taʼ ksur tal-liġi.” Kif tistaʼ mara Kristjana tkun protetta mid-dnub t’Eva? Pawlu jwieġeb: “Madankollu, hi tinżamm salva billi tiled it-tfal, dment li jibqgħu fil-fidi u l-imħabba u l-qdusija kif ukoll iżommu moħħ f’loku.” (1 Timotju 2:14, 15) X’ried ifisser Pawlu b’dan il-kliem?
Xi tradutturi donnhom jimplikaw li s-salvazzjoni taʼ mara tiddependi milli jkollha t-tfal. Però, din l-interpretazzjoni għall-kliem taʼ Pawlu m’hijiex eżatta. Ħafna skritturi juru li biex isalva, individwu jrid isir jaf lil Ġeħova, jemmen f’Ġesù, u jeżerċita l-fidi bl-għemejjel tiegħu. (Ġwanni 17:3; Atti 16:30, 31; Rumani 10:10; Ġakbu 2:26) Barra minn hekk, Pawlu ma riedx ifisser li n-nisa li jemmnu żgur se jixtru t-tfal mingħajr ebda perikli. Xi nisa ħelsu b’wiċċ il-ġid kemm jekk kienu jemmnu u kemm jekk le. U b’dispjaċir, xi wħud mietu huma u jwelldu, kemm jekk kienu wħud li jemmnu u kemm jekk le.—Ġenesi 35:16-18.
Il-parir li Pawlu jkompli jagħti f’konnessjoni man-nisa iktar tard f’din l-istess ittra, jgħinna nifhmu dak li ried ifisser. Hu jwissi dwar xi romol żgħażagħ li kienu “jitgħażżnu, jiġġerrew minn dar għall-oħra; iva, mhux biss jitgħażżnu, imma wkoll iseksku u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor, billi jitkellmu dwar affarijiet li m’għandhomx jitkellmu dwarhom.” X’kien il-parir taʼ Pawlu? Hu jkompli: “Għaldaqstant nixtieq li r-romol żgħażagħ jiżżewġu, ikollhom it-tfal, u jmexxu darhom tajjeb, biex lil min jopponi ma jagħtuhx raġuni biex iżeblaħna.”—1 Timotju 5:13, 14.
Pawlu jsemmi l-irwol pożittiv tan-nisa fl-arranġament tal-familja. Mara okkupata b’attivitajiet bħal li ‘jkollha t-tfal u tmexxi darha tajjeb,’ li tkun kompliet ‘fil-fidi u l-imħabba u l-qdusija kif ukoll iżżomm moħħ f’loku,’ ma kinitx se tkun inklinata biex iġġib ruħha b’mod li ma jibnix. L-ispiritwalità tagħha kienet se tkun preservata, jew “tinżamm salva.” (1 Timotju 2:15) Ħafna nisa żgħażagħ, jekk jgħixu b’dan il-mod, kienu se jiġu megħjunin jevitaw in-nases taʼ Satana.
Il-kliem taʼ Pawlu lil Timotju jfakkarna lkoll, kemm irġiel u kemm nisa, biex nimlew il-ħin b’affarijiet li huma taʼ benefiċċju. Il-Kelma t’Alla tagħti l-parir lill-Kristjani kollha: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief.”—Efesin 5:15.