Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nagħmilha Parti Minni l-Verità?
“Trabbejt bħala Xhud taʼ Jehovah, u dejjem ħassejt li jekk titrabba b’dan il-mod, attwalment tkun taf lil Jehovah. Kemm kont sejra żmerċ!”—Antoinette.
‘IL-VERITÀ x’inhi?’ Ponzju Pilatu, ir-raġel li ta lil Ġesù għall-esekuzzjoni, qajjem din il-mistoqsija famuża. (Ġwann 18:38) Madankollu, b’mod evidenti l-intenzjoni taʼ Pilatu kienet li b’din il-mistoqsija ċinika, jagħlaq—mhux jiftaħ—djalogu onest. Hu ma kienx interessat tassew fil-“verità.” Imma xi ngħidu għalik? Interessat int fil-verità?
Għal sekli sħaħ il-filosfi qagħdu jħabblu rashom dwar x’inhi l-verità, imma l-ħaġa taʼ mistħija hi, li l-isforzi tagħhom ma tantx ġabu riżultati. Madankollu, int tistaʼ ssibha t-tweġiba għall-mistoqsija taʼ Pilatu. Ġesù Kristu għallem li l-Kelma t’Alla hi verità. Tkellem ukoll dwaru nnifsu bħala “l-Verità.” U l-appostlu Ġwanni kiteb: ‘Il-verità seħħet permezz taʼ Ġesù.’ (Ġwann 1:17; 14:6; 17:17) Għalhekk, il-ġabra kollha kemm hi tat-tagħlim Kristjan, li iktar tard saret parti mill-Bibbja, hija msejħa wkoll “il-verità” jew “il-verità taʼ l-Evanġelju.” (Titu 1:14; Galatin 2:14; 2 Ġwann 1, 2) Dan it-tagħlim Kristjan jinkludi affarijiet bħalma huma l-isem persunali t’Alla, il-fatt li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita, l-irxoxt, u r-rahan taʼ Ġesù.—Salm 83:19 [Salm 83:18, NW]; Mattew 6:9, 10; 20:28; Ġwann 5:28, 29.
Eluf taʼ żgħażagħ ġew mgħallmin il-verità tal-Bibbja minn ġenituri Kristjani. Imma jfisser dan li wħud bħal dawn huma “mexjin fil-verità”? (3 Ġwann 3, 4) Mhux bilfors. Per eżempju Jennifer, li għandha 20 sena, trabbiet bħala waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hi tiftakar: “Ommi kienet tiħodni għall-konvenzjonijiet tax-Xhieda u kienet tissuġġerili li suppost qed naħseb dwar il-magħmudija. Imma kont naħseb bejni u bejn ruħi, ‘Jien qatt ma rrid insir Xhud. Irrid biss niddeverti!’”
Xi żgħażagħ jemmnuh dak li ġew mgħallmin, imma jkunu naqsu li jiżviluppaw fehma profonda taʼ dak li l-Bibbja tgħallem tassew. X’periklu hemm? Ġesù wissa li xi individwi ‘m’għandhomx għeruq.’ Uħud bħal dawn “ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-kelma, malajr jitfixklu.” (Mark 4:17) Oħrajn jistgħu jispjegawh it-twemmin tagħhom ibbażat fuq il-Bibbja sa ċertu punt, imma ma sarux jafu lil Alla fuq bażi persunali. Waħda żagħżugħa jisimha Aneesa tgħid: “Ma naħsibx li kelli relazzjoni vera maʼ Jehovah meta kont iżgħar . . . Naħseb kienet iktar tiddependi fuq ir-relazzjoni tal-ġenituri tiegħi miegħu.”
X’inhi s-sitwazzjoni tiegħek f’dan ir-rigward? Huwa Jehovah sempliċement dak Alla tal-ġenituri tiegħek? Jew, tistaʼ tgħid bħalma jgħid is-salmista tal-Bibbja: “Jien fik nittama, Mulej; jien ngħidlek: ‘Alla tiegħi int!’”? (Salm 31:15 [31:14, NW]) Jistaʼ jirrikjedi l-kuraġġ biex tiffaċċja r-realtà. Wieħed żagħżugħ jismu Alexander jgħid: “Għalija, l-ewwel pass kien li neżamina lili nnifsi bl-onestà kollha.” Wara li tkun eżaminajt lilek innifsek, tistaʼ tasal biex tirrealizza li qatt ma tajt verament prova għalik innifsek li din hi l-verità (il-ġabra kollha kemm hi tat-tagħlim Kristjan). Jistaʼ jkun li int nieqes mill-konvinzjoni soda, u allura l-ħajja tiegħek tistaʼ tidher bla skop, mingħajr direzzjoni vera.
Fil-laqgħat Kristjani tagħhom, ix-Xhieda taʼ Jehovah spiss ikantaw għanja li jisimha “Għożż il-Verità.”a Dan il-parir jistaʼ jgħodd għalik. Imma kif tistaʼ tagħmel dan? Minfejn se tibda?
Agħti Prova Lilek Innifsek
F’Rumani 12:2, insibu l-parir taʼ l-appostlu Pawlu: ‘Agħrfu x’inhi r-rieda t’Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.’ Kif tistaʼ tagħmlu dan? Billi tikseb it-“tagħrif tal-verità.” (Titu 1:1) Dawk li fil-qedem kienu jgħixu fil-belt taʼ Berija m’aċċettawx l-affarijiet li semgħu qabel ma staqsew xi mistoqsijiet. Għall-kuntrarju, kienu “kuljum . . . iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.”—Atti 17:11.
Żagħżugħa Kristjana jisimha Erin ħasset il-ħtieġa li tagħmel l-istess. Hi tiftakar: “Kont nagħmel ir-riċerki. Kont nistaqsi lili nnifsi, ‘Kif naf li din hija r-reliġjon vera? Kif naf li hemm Alla li jismu Jehovah?’” Għala ma tibdiex il-programm tiegħek stess taʼ studju persunali? Tistaʼ tibda bil-ktieb ibbażat fuq il-Bibbja Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem.b Aqrah bir-reqqa. Fittex l-iskritturi ċċitati kollha u innota kif dawn huma marbutin maʼ dak li jkun hemm miktub. Għandek mnejn tibqaʼ skantat li tiskopri kemm se tħossok differenti dwar il-verità meta ssir “ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.”—2 Timotju 2:15.
L-appostlu Pietru qal li xi affarijiet fil-Bibbja huma “tqal biex wieħed jifhimhom,” u se ssib li dan huwa minnu. (2 Pietru 3:16) Imma l-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinek tifhem is-suġġetti tqal ukoll. (1 Korintin 2:11, 12) Meta ssibha diffiċli biex tifhem xi ħaġa, itlob għall-għajnuna t’Alla. (Salm 119:10, 11, 27) Ipprova agħmel iżjed riċerka fil-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà (Watch Tower). Jekk m’intix ċert kif tagħmlu dan, itlob l-għajnuna. Il-ġenituri tiegħek jew forsi xi membri maturi oħrajn tal-kongregazzjoni Kristjana jistgħu jgħinuk.
Tinsiex, m’intix qed tistudja biex timpressjona lil ħaddieħor bil-għarfien tiegħek. Żagħżugħ jismu Collin jispjega: “Tibda ssir taf il-kwalitajiet taʼ Jehovah.” Ħu l-ħin biex timmedita fuq dak li taqra sabiex tħallih jinżel fil-fond taʼ qalbek.—Salm 1:2, 3.
Is-sħubija mal-kongregazzjoni fil-laqgħat Kristjani tistaʼ tgħinek ukoll. Wara kollox, bħalma kiteb l-appostlu Pawlu, il-kongregazzjoni hija “kolonna u pedament tal-verità.” (1 Timotju 3:15) Xi żgħażagħ igergru li l-laqgħat Kristjani jraqqduk. “Imma jekk m’intix tipprepara għal-laqgħat,” ifakkarna ż-żagħżugħ Collin, “allura mhux se tibbenefika wisq minnhom.” Mela ipprepara l-lezzjonijiet tiegħek minn qabel. Il-laqgħat ikunu bil-wisq iktar interessanti meta int tkun parteċipant—mhux sempliċement spettatur.
Imħabbat Wisq biex Tistudja?
Ngħiduha kif inhi, bix-xogħol kollu tiegħek taʼ l-iskola u bil-faċendi tad-dar, tistaʼ tkun taʼ sfida biex issib ħin għall-istudju. Persuna żagħżugħa jisimha Susan tikteb: “Għal snin sħaħ issarajt mal-fatt li kont naf li kien hemm bżonn li nipprepara għal-laqgħat u nagħmel studju persunali, imma qatt ma rnexxieli.”
Susan tgħallmet ‘tixtri l-ħin’ minn attivitajiet inqas importanti. (Efesin 5:15, 16, NW) L-ewwel, għamlet lista taʼ l-affarijiet kollha li kellha bżonn tistudja. Imbagħad, għamlet skeda tal-ħin biex tistudjahom. Imma fl-iskeda tagħha inkludiet ukoll ftit ħin għar-rikreazzjoni. Hi tagħti l-parir: “Tagħmilx skeda għal kull ħin liberu li jkollok. Ilkoll neħtieġu ftit mistrieħ.” Skeda x’aktarx li se tkun effettiva għalik ukoll.
Aqsam maʼ Ħaddieħor Dak li Titgħallem
L-iktar li se jgħinek biex dak li titgħallem tagħmlu parti minnek huwa li tużah. Ipprova għallem lil ħaddieħor. Is-salmista qal: “Fommi jitkellem l-għerf, u nxandar il-fehmiet taʼ qalbi.”—Salm 49:4 [49:3, NW].
Jekk l-aħbar tajba ma ġġagħlekx tistħi, mhux se taħsibha darbtejn biex taqsamha maʼ sħabek taʼ l-iskola u m’oħrajn li tistaʼ tħabbat wiċċek magħhom. (Rumani 1:16) Billi tieħu vantaġġ minn opportunitajiet bħal dawn biex titkellem dwar il-verità m’oħrajn, se tkun qed tuża dak li titgħallem; u b’dan il-mod tkun qed tnaqqax il-verità f’moħħok u f’qalbek stess.
Oqgħod Attent maʼ Min Tagħmilha
Xi Kristjani fl-ewwel seklu għamlu progress spiritwali tajjeb. Imma l-appostlu Pawlu malajr kellu jiktbilhom, u saqsiehom: “Min fixkilkom li ma toqogħdux għas-sewwa?” (Galatin 5:7) Ġuvnott jismu Alex ġratlu xi ħaġa simili. Hu jammetti li l-isforzi tiegħu biex jistudja l-Kelma t’Alla ddgħajfu minħabba li kien “iqattaʼ l-ħin maʼ sħubijiet ħżiena.” Biex timxi ’l quddiem spiritwalment, għandu mnejn ikollok bżonn ukoll tagħmel xi bidliet f’dan ir-rigward.
Mill-banda l-oħra, sħubijiet tajbin jistgħu tassew jgħinuk timxi ’l quddiem. Proverbji 27:17 jgħid: “Kif il-ħadid isinn il-ħadid, hekk bniedem jirfina lil sieħbu.” Sib eżempji tajbin—nies li japplikaw il-verità f’ħajjithom stess. Forsi m’għandekx għalfejn tħares lil hinn mill-familja tiegħek. Iż-żagħżugħa Jennifer tiftakar: “In-nannu kien l-aqwa eżempju għalija. Dejjem kien iqattaʼ tliet sigħat jipprepara għall-istudju tagħna tal-Bibbja tal-kongregazzjoni nhar taʼ Ħadd. Kien ifittex kull skrittura fil-lezzjoni f’diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja u kien jiċċekkja l-kliem fid-dizzjunarju tiegħu. Kien espert fuq fatti mill-Bibbja li ftit li xejn kienu magħrufin. Stajt issaqsih kulma ridt, u kien jagħtik it-tweġiba.”
Meta l-verità tagħmilha parti minnek, tkun qed tikseb xi ħaġa prezzjuża—xi ħaġa li m’inti se ċċediha għall-ebda prezz. Mela, qatt tqis il-verità sempliċement bħala “r-reliġjon tal-ġenituri tiegħi.” Il-konvinzjoni tiegħek għandha tkun bħal dik tas-salmista li qal: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Billi tkun taf eżatt dak li tgħallem il-Bibbja, temmnu, taqsam it-twemmin tiegħek m’oħrajn u, fuq kollox, timxi fi qbil maʼ dan it-twemmin, se turi li int għamilt il-verità parti minnek innifsek.
[Noti taʼ taħt]
a Mill-ktieb taʼ l-għanjiet Għannu Tifħir lil Jehovah, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 13]
Agħti prova lilek innifsek li din hi l-verità billi tagħmel ir-riċerka u l-istudju persunali tiegħek stess