LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 5/15 pp. 29-31
  • Sawl—Għodda Magħżula għall-Mulej

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sawl—Għodda Magħżula għall-Mulej
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isfond tal-​Familja taʼ Sawl
  • L-​Edukazzjoni taʼ Sawl
  • Użu Tajjeb mill-​Abbiltajiet
  • Ġesù jagħżel lil Sawl
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Il-Kongregazzjoni “Kellhom Perjodu taʼ Paċi”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Il-Persekutur Jara Dawl Kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • “Li Tobdi Hu Aħjar Minn Xi Sagrifiċċju”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 5/15 pp. 29-31

Sawl—Għodda Magħżula għall-​Mulej

SAWL taʼ Tarsu kien opponent qattiel tas-​segwaċi taʼ Kristu. Imma l-​Mulej kellu futur differenti merfugħ għalih. Sawl kellu jsir rappreżentant prominenti taʼ l-​istess kawża li kien oppona tant bl-​aħrax. Ġesù qal: “Dan ir-​raġel [Sawl] hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-​ġnus u s-​slaten u quddiem ulied Iżrael.”—Atti 9:15.

Il-ħajja taʼ Sawl bħala raġel “żeblieħi” nbidlet kompletament meta ntwera ħniena u sar l-​“għodda magħżula” taʼ Sidna Ġesù Kristu. (1 Timotju 1:12, 13) Il-​forzi li mmotivawh biex jipparteċipa fit-​tħaġġir taʼ Stiefnu u f’attakki oħrajn fuq id-​dixxipli taʼ Ġesù ġew diretti lejn objettivi totalment differenti meta Sawl sar l-​appostlu Kristjan Pawlu. Evidentement, Ġesù ra kwalitajiet li għoġbuh f’Sawl. Liema kwalitajiet? Min kien Sawl? L-​isfond li minnu kien ġej kif ikkontribwixxa biex hu jkun addattat biex jintuża ħalli javanza l-​qima vera? Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mill-​esperjenza tiegħu?

L-​Isfond tal-​Familja taʼ Sawl

Fi żmien il-​qtil taʼ Stiefnu, ftit wara Pentekoste tat-​33 E.K., Sawl kien raġel “żagħżugħ.” Meta kiteb lil Filemon, madwar is-​sena 60 jew 61 E.K., hu kien “raġel xwejjaħ.” (Atti 7:58; Filemon 9) L-​istudjużi jissuġġerixxu li, skond il-​mod antik li bih kienu jqisu l-​etajiet, it-​terminu “żagħżugħ” x’aktarx li kien jingħad għal raġel taʼ età bejn l-​24 u l-​40 sena, mentri “raġel xwejjaħ” kien ikun raġel li kellu bejn 50 u 56 sena. Għalhekk, Sawl probabbilment twieled ftit snin biss wara t-​twelid taʼ Ġesù.

Il-Lhud dak iż-​żmien kienu jgħixu f’ħafna partijiet tad-​dinja. Il-​konkwista, il-​jasar, id-​deportazzjoni, il-​kummerċ, u l-​emigrazzjoni volontarja kienu fost il-​kaġuni tat-​tixrid tagħhom mil-​Lhudija. Għalkemm il-​familjari tiegħu kienu Lhud li xterdu, Sawl jenfasizza ż-​żamma tagħhom mal-​Liġi, billi jistqarr li ‘taʼ tmint ijiem għamlulu ċ-​ċirkonċiżjoni, twieled fil-​poplu taʼ Iżrael, mit-​tribù taʼ Benjamin, Lhudi mil-​Lhud, Fariżew fl-​osservanza tal-​Liġi.’ Sawl kellu l-​istess isem Ebrajk li kellu membru eminenti taʼ l-​istess tribù tiegħu​—l-​ewwel sultan taʼ Iżrael. Bħala Ruman mit-​twelid, Sawl taʼ Tarsu kellu wkoll isem Latin, Paullus.—Filippin 3:5; Atti 13:21; 22:25-29.

Il-fatt li Sawl kien imwieled Ruman kien ifisser li xi ħadd mill-​antenati maskili tiegħu kien kiseb il-​privileġġ taċ-​ċittadinanza. Kif? Hemm diversi possibbiltajiet. Apparti mill-​possibbiltà li wieħed jiret iċ-​ċittadinanza, din setgħet tingħata lil individwi jew gruppi, jew għal merti partikulari, jew għal sempliċi espedjenza politika, jew bħala premju għal xi servizz kbir li jkun ngħata lill-​Istat. Ilsir li kien ikun kapaċi jixtri l-​ħelsien tiegħu mingħand Ruman, jew wieħed li kien jiġi emanċipat minn xi ċittadin Ruman, kien isir Ruman hu nnifsu. L-​istess kien jiġri fil-​każ taʼ veteran tal-​forzi awżiljarji malli jingħata s-​sensja mil-​leġjuni Rumani. Nies li twieldu u li baqgħu joqogħdu f’kolonji Rumani, maż-​żmien setgħu jsiru ċittadini. Jintqal ukoll li f’ċerti perijodi, iċ-​ċittadinanza setgħet tinxtara b’somom kbar taʼ flus. Kif iċ-​ċittadinanza daħlet fil-​familja taʼ Sawl jibqaʼ mhux magħruf.

Nafu, iżda, li Sawl kien minn Tarsu, il-​belt prinċipali u l-​kapitali tal-​provinċja Rumana taċ-​Ċiliċja (fit-Turkija tan-​nofsinhar tal-​lum). Għalkemm kien hemm komunità Lhudija mdaqqsa tgħix f’dawk l-​inħawi, il-​ħajja hemmhekk kienet ukoll tesponi lil Sawl għall-​kultura tal-​Ġentili. Tarsu kienet belt kbira u prosperuża magħrufa bħala ċentru taʼ tagħlim Ellenistiku, jew Grieg. Huwa kkalkulat li l-​popolazzjoni tagħha fl-​ewwel seklu kienet bejn 300,000 u 500,000 ruħ. Kienet ċentru taʼ kummerċ li kien jinsab fit-​triq prinċipali bejn l-​Asja Minuri, is-​Sirja, u l-​Mesopotamja. Tarsu kienet taf il-​prosperità tagħha lill-​kummerċ u l-​fertilità tal-​pjanura taʼ madwar, li fil-​biċċa l-​kbira kienet tipproduċi l-​qamħ, l-​inbid, u l-​għażel. Mill-​industrija prosperuża tagħha tat-​tessuti kienu jieħdu d-​drapp magħmul mix-​xagħar tal-​mogħoż, li minnu kienu jagħmlu t-​tined.

L-​Edukazzjoni taʼ Sawl

Sawl, jew Pawlu, kien jaqlaʼ x’jiekol onestament u jappoġġa finanzjarjament l-​attivitajiet missjunarji tiegħu billi jagħmel it-​tined. (Atti 18:2, 3; 20:34) Is-​sengħa tat-​tined kienet waħda tipika tal-​belt fejn twieled, Tarsu. X’aktarx li Sawl tgħallem is-​sengħa tat-​tined mingħand missieru, meta kien żagħżugħ.

L-għarfien lingwistiku taʼ Sawl​—speċjalment il-​fatt li kien jaf tajjeb il-​Grieg, il-​lingwa komuni taʼ l-​Imperu Ruman—​ukoll kien taʼ siwi kbir fix-​xogħol missjunarju tiegħu. (Atti 21:37–22:2) Analisti tal-​kitbiet tiegħu jgħidu li l-​Grieg tiegħu huwa eċċellenti. Il-​vokabolarju tiegħu m’huwiex klassiku jew letterarju, imma pjuttost, jirrifletti dak tas-​Settanta, it-​traduzzjoni Griega taʼ l-​Iskrittura Ebrajka li taʼ spiss kien jikkwota jew jagħmel parafrażi tagħha. Minħabba din l-​evidenza, diversi studjużi jassumu li Sawl irċieva minn taʼ l-​inqas edukazzjoni elementari tajba tal-​Grieg, probabbilment fi skola Lhudija. “Fl-​antik, edukazzjoni tajba​—b’mod speċjali edukazzjoni Griega—​ma kinitx tingħata b’xejn; ġeneralment, din kienet tkun prova li wieħed kellu ċertu appoġġ materjali,” jgħid l-​istudjuż Martin Hengel. B’hekk, l-​edukazzjoni taʼ Sawl tissuġġerixxi li hu kien ġej minn familja prominenti.

Wisq probabbli, meta kellu mhux iktar minn 13-il sena, Sawl kompla jistudja f’Ġerusalemm, li kienet tinsab xi 840 kilometru ’l bogħod mid-​dar. Hu ħa l-​edukazzjoni tiegħu f’riġlejn Gamaljel, għalliem magħruf sew u stmat ħafna tat-​tradizzjoni Fariżajka. (Atti 22:3; 23:6) Dawn l-​istudji, li jistgħu jitqabblu maʼ edukazzjoni universitarja tal-​lum, fetħulu l-​opportunità biex jikseb prominenza fil-​Ġudaiżmu.a

Użu Tajjeb mill-​Abbiltajiet

Minħabba li twieled ġewwa familja Lhudija f’belt Ellenistika u Rumana, Sawl kien jagħmel parti minn tliet dinjiet. Bla dubju taʼ xejn, ambjent kosmopolitan multilingwali għenu jsir “kollox maʼ kulħadd.” (1 Korintin 9:19-23) Iktar tard, iċ-​ċittadinanza Rumana tiegħu għamlitha possibbli biex hu jiddefendi l-​ministeru tiegħu legalment u jieħu l-​aħbar tajba quddiem l-​ogħla awtorità fl-​Imperu Ruman. (Atti 16:37-40; 25:11, 12) M’għandniex xi ngħidu, l-​isfond li minnu kien ġej Sawl, l-​edukazzjoni, u l-​personalità tiegħu kien jaf dwarhom Ġesù rxoxtat, li qal lil Ħananija: “Mur, għax dan ir-​raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-​ġnus u s-​slaten u quddiem ulied Iżrael. Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi.” (Atti 9:13-16) Meta ntwera għal raġuni tajba, iż-​żelu taʼ Sawl kien strumentali għat-​tixrid tal-​messaġġ tas-​Saltna f’territorji ’l bogħod.

Il-​fatt li Ġesù għażel lil Sawl għal inkarigu speċjali kien ġrajja unika fl-​istorja Kristjana. Madankollu, il-​Kristjani tal-​lum kollha għandhom abbiltajiet u karatteristiċi individwali li jistgħu jintużaw b’mod effettiv fit-​tixrid taʼ l-​aħbar tajba. Meta Sawl fehem dak li Ġesù ried minnu, ma żammx lura. Hu għamel dak kollu li setaʼ biex jippromwovi l-​interessi tas-​Saltna. Jistaʼ dan jingħad dwarek ukoll?

[Nota taʼ taħt]

a Dwar il-​kontenut u n-​natura taʼ l-​edukazzjoni li Sawl kien irċieva mingħand Gamaljel, ara The Watchtower tal-​15 taʼ Lulju, 1996 paġni 26-9.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 30]

Reġistrazzjoni u Ċertifikazzjoni taċ-​Ċittadinanza Rumana

Ir-​reġistrazzjoni taʼ l-​ulied leġittimi taʼ ċittadini Rumani ġiet stabbilita minn Awgustu permezz taʼ żewġ statuti li ġew illeġislati fis-​sena 4 u fis-​sena 9 E.K. Ir-​reġistrazzjoni kellha ssir fi żmien 30 jum mit-​twelid. Fil-​provinċji, familja kellha tagħmel dikjarazzjoni quddiem maġistrat fl-​uffiċċju xieraq tar-​rekords pubbliċi, u tiddikjara li t-​tarbija kienet leġittima u li kellha ċittadinanza Rumana. Kienu jiġu rreġistrati wkoll l-​ismijiet tal-​ġenituri, is-​sess u l-​isem tat-​tarbija, u d-​data tat-​twelid. Saħansitra qabel ġew introdotti dawn il-​liġijiet, ir-​reġistrazzjoni taċ-​ċittadini fil-​muniċipji, kolonji, u prefetturi Rumani kollha kienet tiġġedded kull ħames snin permezz taʼ ċensiment.

B’hekk, wieħed setaʼ jagħti prova taʼ l-​istatus tiegħu permezz taʼ referenza għal ġabra t’arkivji li kienu jinżammu b’mod eżatt. Kopji ċċertifikati taʼ rekords bħal dawn setgħu jinkisbu fil-​forma taʼ dittiki taʼ l-​injam (twavel li jingħalqu) li wieħed setaʼ jġorrhom faċilment. Skond l-​opinjoni taʼ xi studjużi, meta Pawlu sostna li kellu ċittadinanza Rumana, għandu mnejn setaʼ jipproduċi ċertifikat għall-​korroborazzjoni. (Atti 16:37; 22:25-29; 25:11) Ladarba ċ-​ċittadinanza Rumana kienet meqjusa bħallikieku kienet taʼ “kwalità sagra” u kienet tintitola lil persuna għal ħafna privileġġi, il-​falsifikazzjoni taʼ dokumenti bħal dawn kienet offiża estremament serja. Jekk wieħed kien jiffalsifika l-​istatus tiegħu, kien jiġi kkastigat bil-​mewt.

[Sors]

Historic Costume in Pictures/Dover Publications, Inc., New York

[Kaxxa/Stampa f’paġna 31]

L-​Isem Ruman taʼ Sawl

Kull ċittadin maskil Ruman kellu ismu magħmul minn għall-​inqas tliet komponenti. Kien ikollu isem, kunjom tal-​familja (li kellu x’jaqsam mat-​tribù tiegħu, jew gens), u laqam. Eżempju famuż hu Gaju Ġulju Ċesari. Il-​Bibbja ma tagħti ebda ismijiet Rumani sħaħ, imma sorsi sekulari jgħidulna li Agrippa kien Marku Ġulju Agrippa. Galljon kien Luċju Ġunju Galljon. (Atti 18:12; 25:13) Eżempji Skritturali taʼ l-​aħħar tnejn mit-​tliet ismijiet taʼ persuna huma Ponzju Pilatu (ara l-​iskrizzjoni hawn taħt), Serġju Pawlu, Klawdju Lisja, u Porċju Festu.—Atti 4:27; 13:7; 23:26; 24:27.

M’huwiex possibbli li nistabbilixxu b’ċertezza jekk Paullus kienx isem Sawl jew il-​laqam tiegħu. Ma kinitx xi ħaġa stramba li wieħed iżid informalment isem ieħor li bih setgħu jgħajtulu l-​familjari tiegħu u dawk li jafuh. Inkella, isem mhux Ruman, bħal Sawl, setaʼ jintuża bħala sostitut. “[Sawl] qatt ma kien se jkun addattat bħala isem Ruman,” jgħid wieħed studjuż, “imma bħala isem mogħti fit-​twelid bħala signum lil ċittadin Ruman, ikun ferm addattat tabilħaqq.” Fi nħawi fejn in-​nies kienu jitkellmu b’diversi lingwi, jistaʼ jkun li kienet tkun is-​sitwazzjoni li tiddetermina liema mill-​ismijiet tiegħu l-​individwu kien jagħżel li juża.

[Sors]

Ritratt mill-​Israel Museum, ©Israel Antiquities Authority

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja