Oqgħod fil-“Belt tar-Refuġju” u Għix!
“[Hu] għandu jibqaʼ fil-belt tal-kenn [“tar-refuġju,” KŻ] sal-mewt tal-qassis il-kbir.”—NUMRI 35:28.
1. Min hu l-Vendikatur tad-demm, u liema azzjoni se jieħu dalwaqt?
IL-VENDIKATUR tad-demm taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, wasal biex jaġixxi. Mal-forzi anġeliċi tiegħu, dan il-Vendikatur dalwaqt se jieħu azzjoni kontra dawk kollha li m’humiex niedma minn ħtija taʼ demm. Iva, Ġesù se jaqdi bħala l-Esekutur t’Alla matul id-“diqa kbira” li riesqa bil-għaġla. (Mattew 24:21, 22; Isaija 26:21) L-umanità mbagħad se tinġieb wiċċ imb’wiċċ mal-ħtija taʼ demm tagħhom.
2. Liema huwa l-uniku veru post taʼ refuġju, u liema mistoqsijiet jirrikjedu tweġibiet?
2 Il-mogħdija lejn is-salvezza hija li taqbad it-triq li tagħti għall-belt taʼ refuġju antitipika u tiġri għal ħajtek! Jekk jiddaħħal fil-belt, refuġjat ikollu jibqaʼ hemmhekk, għaliex huwa l-uniku veru post taʼ refuġju. Imma forsi tistaqsi, ‘Ladarba l-biċċa l-kbira minna qatt ma qtilna lil ħadd, aħna tassew ħatjin taʼ demm? Ġesù għala hu l-Vendikatur tad-demm? X’inhi l-belt taʼ refuġju taż-żmien modern? Jistaʼ xi ħadd qatt jitlaq minnha mingħajr periklu?’
Tassew Ħatjin Aħna Taʼ Demm?
3. Liema fattur tal-Liġi Mosajka se jgħinna naraw li l-biljuni taʼ l-art għandhom sehem fi ħtija taʼ demm?
3 Aspett tal-Liġi Mosajka se jgħinna naraw li l-biljuni taʼ l-art għandhom sehem fi ħtija taʼ demm. Alla poġġa fuq l-Iżraeliti responsabbiltà msieħba għal tixrid taʼ demm. Jekk xi ħadd kien jinstab maqtul u l-qattiel tiegħu ma kienx magħruf, imħallfin kellhom ikejlu d-distanza lejn l-ibliet taʼ madwar biex jiddeterminaw l-eqreb belt. Biex ineħħu l-ħtija, l-anzjani taʼ dik il-belt li kienet apparentement ħatja taʼ demm kellhom jiksru l-għonq taʼ baqra żgħira, mhix imħaddma f’wied mhux ikkultivat taʼ ilma ġieri. Dan kien isir quddiem qassisin Leviti ‘għax lilhom għażel il-Mulej biex fuq kelmthom tinqataʼ kull tilwima u kull ħabta.’ L-anzjani tal-belt kienu jaħslu jdejhom fuq il-baqra u jgħidu: “Idejna ma xerrdux dan id-demm, u għajnejna ma raw xejn. Aħfer Mulej lill-poplu tiegħek Israel, li int fdejt, u tħallix il-ħtija taʼ demm innoċenti f’nofs il-poplu tiegħek Israel.” (Dewteronomju 21:1-9) Alla Jehovah ma riedx li l-pajjiż taʼ Iżrael ikun imniġġes bid-demm jew li l-poplu tiegħu jġorru ħtija taʼ demm imsieħba.
4. Babilonja l-Kbira għandha liema rekord taʼ ħtija taʼ demm?
4 Iva, hemm dik li tissejjaħ ħtija taʼ demm imsieħba, jew tal-komunità. Ikkunsidra l-ħtija taʼ demm immensa li għandha fuqha Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Iva, hija fis-sakra bid-demm tal-qaddejja taʼ Jehovah! (Apokalissi 17:5, 6; 18:24) Ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu jsostnu li qegħdin isegwu lill-Prinċep tal-Paċi, imma gwerer, inkwiżizzjonijiet reliġjużi, u kruċjati qattelin għamluha ħatja taʼ demm quddiem Alla. (Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW]; Ġeremija 2:34) Fil-fatt, din trid iġġorr ħtija ewlenija għall-imwiet taʼ miljuni fiż-żewġ gwerer dinjin taʼ dan is-seklu. Għalhekk, dawk li jħaddnu r-reliġjon falza kif ukoll dawk li jappoġġjaw u jipparteċipaw fi gwerer umani huma ħatjin taʼ demm quddiem Alla.
5. Xi nies kif kienu bħall-qattiel involontarju f’Iżrael?
5 Xi nies ikkaġunaw mewt umana volontarjament jew minħabba traskuraġni. Oħrajn ħadu sehem fi qtil kollettiv, forsi pperswaduti minn mexxejja reliġjużi li din kienet ir-rieda t’Alla. Jerġaʼ oħrajn ippersegwitaw u qatlu lil qaddejja t’Alla. Saħansitra jekk aħna m’għamilniex affarijiet bħal dawn, iżda, għandna sehem f’responsabbiltà tal-komunità għat-telfa taʼ ħajja umana għaliex ma konniex nafu l-liġi u r-rieda t’Alla. Aħna bħall-qattiel involontarju ‘li qatel lil għajru bla ma kien jaf u bla ma kien jobogħdu qabel.’ (Dewteronomju 19:4) Individwi bħal dawn imisshom jissupplikaw lil Alla għall-ħniena u għandhom jiġru għal ġol-belt taʼ refuġju antitipika. Altrimenti se jkollhom laqgħa fatali mal-Vendikatur tad-demm.
L-Irwoli Vitali Taʼ Ġesù
6. Għala jistaʼ jingħad li Ġesù hu l-qarib l-iktar viċin taʼ l-umanità?
6 F’Iżrael il-vendikatur tad-demm kien il-qarib l-iktar viċin tal-vittma. Biex jivvendika lil dawk kollha maqtulin fuq l-art u speċjalment il-qaddejja maqtulin taʼ Jehovah, il-Vendikatur tad-demm taż-żmien preżenti jrid ikun qarib taʼ l-umanità kollha. Dak l-irwol ġie mwettaq minn Ġesù Kristu. Hu twieled raġel perfett. Ġesù ċeda l-ħajja tiegħu taʼ bla dnub fil-mewt bħala sagrifiċċju taʼ rahan, u wara l-irxoxt tiegħu lejn is-sema, ippreżenta l-valur tiegħu lil Alla għan-nom tad-dixxendenti moribondi tal-midneb Adam. Kristu b’hekk sar ir-Redentur taʼ l-umanità, il-qarib l-iktar viċin tagħna—il-Vendikatur tad-demm bi dritt. (Rumani 5:12; 6:23; Lhud 10:12) Ġesù hu identifikat bħala ħu s-segwaċi midlukin tal-passi tiegħu. (Mattew 25:40, 45; Lhud 2:11-17) Bħala Sultan tas-sema hu jsir il-“Missier għal dejjem” taʼ dawk li se jibbenefikaw mis-sagrifiċċju tiegħu bħala s-sudditi tiegħu fuq l-art. Dawn se jgħixu għal dejjem. (Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7, NW]) Mela Jehovah b’mod xieraq ħatar lil dan il-Qarib taʼ l-umanità bħala l-Vendikatur tad-demm.
7. Bħala l-aqwa Qassis il-Kbir, Ġesù x’jagħmel għall-bnedmin?
7 Ġesù hu wkoll Qassis il-Kbir bla dnub, ittestjat, u simpatetiku. (Lhud 4:15) F’dik il-pożizzjoni hu japplika l-mertu tas-sagrifiċċju tiegħu li jpatti għad-dnubiet għall-umanità. Il-bliet taʼ refuġju kienu mibnijin ‘għal ulied Israel u għall-barrani li kien jgħix f’nofshom.’ (Numri 35:15) Mela l-aqwa Qassis il-Kbir l-ewwel applika l-mertu tas-sagrifiċċju tiegħu għas-segwaċi midlukin tiegħu, “ulied Israel.” Issa dan qiegħed jiġi applikat għar-‘residenti barranin’ u ‘immigranti’ fil-belt taʼ refuġju antitipika. Dawn in-“ngħaġ oħra” tal-Mulej Ġesù Kristu jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-art.—Ġwann 10:16; Salm 37:29, 34.
Il-Belt Taʼ Refuġju Tal-Lum
8. Liema hija l-belt taʼ refuġju antitipika?
8 X’inhi l-belt taʼ refuġju antitipika? M’hijiex xi post ġeografiku bħal Ħebron, waħda mis-sitt ibliet taʼ refuġju Levitiċi u d-dar tal-qassis il-kbir taʼ Iżrael. Il-belt taʼ refuġju tal-lum hija l-provvediment t’Alla biex jipproteġina mill-mewt talli ksirna l-kmandament tiegħu dwar is-santità tad-demm. (Ġenesi 9:6) Kemm jekk volontarjament u kemm jekk involontarjament, kulmin jikser dak il-kmand irid ifittex il-maħfra t’Alla u l-ikkanċellar taʼ dnubu permezz taʼ fidi fid-demm tal-Qassis il-Kbir, Ġesù Kristu. Kristjani midlukin b’tamiet għas-sema u l-“kotra kbira” bi prospetti għall-art approfittaw erwieħhom mill-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù li jpatti għad-dnubiet u qegħdin fil-belt taʼ refuġju antitipika.—Apokalissi 7:9, 14; 1 Ġwann 1:7; 2:1, 2.
9. Sawlu taʼ Tarsu kif kiser il-kmandament t’Alla dwar id-demm, u kif wera bidla t’attitudni?
9 Qabel sar Kristjan, l-appostlu Pawlu kien kiser il-kmandament dwar id-demm. Bħala Sawlu taʼ Tarsu, ppersegwita lis-segwaċi taʼ Ġesù u saħansitra approva l-qtil tagħhom. “Iżda,” qal Pawlu, “sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi.” (1 Timotju 1:13; Atti 9:1-19) Sawlu kellu attitudni niedma, li iktar tard ta prova tagħha b’ħafna xogħlijiet taʼ fidi. Imma iżjed minn fidi fir-rahan hija meħtieġa sabiex nidħlu fil-belt taʼ refuġju antitipika.
10. Kif inhu possibbli li tikseb kuxjenza tajba, u x’irid isir biex iżżommha?
10 Qattiel involontarju setaʼ joqgħod f’waħda mill-ibliet taʼ refuġju taʼ Iżrael biss jekk hu setaʼ jagħti prova li kellu kuxjenza tajba lejn Alla rigward tixrid taʼ demm. Biex niksbu kuxjenza tajba, irridu neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, nindmu minn dnubietna, u nbiddlu l-korsa tagħna. Għandna bżonn nitolbu għal kuxjenza tajba f’dedikazzjoni bit-talb lil Alla permezz taʼ Kristu, billi nissimbolizzaw din bil-magħmudija taʼ l-ilma. (1 Pietru 3:20, 21) Din il-kuxjenza tajba tippermettilna li niksbu relazzjoni nadifa maʼ Jehovah. L-uniku mod biex inżommu kuxjenza tajba huwa billi nissodisfaw il-ħtiġijiet t’Alla u nwettqu x-xogħol assenjat lilna fil-belt taʼ refuġju antitipika, saħansitra bħalma refuġjati fl-ibliet taʼ refuġju tal-qedem kellhom jobdu l-Liġi u jwettqu x-xogħol assenjat lilhom. Ix-xogħol prinċipali għan-nies taʼ Jehovah illum huwa dak li jiddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Li nagħmlu dak ix-xogħol se jgħinna biex inkunu residenti utli tal-belt taʼ refuġju taż-żmien preżenti.
11. X’irid jiġi evitat jekk irridu nibqgħu salvi ġol-belt taʼ refuġju tal-lum?
11 Li nitilqu mill-belt taʼ refuġju jfisser li nkunu qegħdin nesponu lilna nfusna għall-qerda, għax il-Vendikatur tad-demm dalwaqt se jieħu azzjoni kontra dawk kollha li huma ħatjin taʼ demm. Dan m’huwiex żmien li tinqabad barra minn din il-belt protettiva jew f’xi naħa perikoluża ħdejn ix-xifer taʼ barra tal-mergħat tagħha. Nispiċċaw ’il barra mill-belt taʼ refuġju antitipika li kieku kellna nitilfu l-fidi fis-sagrifiċċju tal-Qassis il-Kbir li jpatti għad-dnub. (Lhud 2:1; 6:4-6) Aħna wkoll ma nkunux fiż-żgur li kieku kellna nadottaw mogħdijiet dinjin, noqogħdu fit-truf taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, jew niżvijaw mil-livelli taʼ tjieba taʼ Missierna tas-sema.—1 Korintin 4:4.
Meħlusin Mill-Belt Taʼ Refuġju
12. Uħud li qabel kienu ħatjin taʼ demm kemm iridu jdumu joqogħdu fil-belt taʼ refuġju antitipika?
12 Qattiel involontarju f’Iżrael kellu jibqaʼ f’belt taʼ refuġju “sal-mewt tal-qassis il-kbir.” (Numri 35:28) Mela wħud li qabel kienu ħatjin taʼ demm kemm iridu jdumu joqogħdu fil-belt taʼ refuġju antitipika? Sakemm ma jkollhomx bżonn iżjed tas-servizzi tal-Qassis il-Kbir, Ġesù Kristu. “Huwa jistaʼ jsalva għal kollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla,” qal Pawlu. (Lhud 7:25) Dment li jibqaʼ jkun hemm xi tbajja taʼ dnub u ħtija taʼ demm taʼ qabel, is-servizzi tal-Qassis il-Kbir huma meħtiġin sabiex bnedmin imperfetti jistgħu jkollhom waqfa xierqa m’Alla.
13. Min huma “ulied Israel” taż-żmien preżenti, u kemm iridu jdumu joqogħdu fil-“belt tal-kenn”?
13 Ftakar li l-ibliet taʼ refuġju tal-qedem kienu ġew stabbiliti għal “ulied Israel,” ir-residenti barranin, u l-immigranti. “Ulied Israel” huma Iżraeliti spiritwali. (Galatin 6:16) Huma jridu joqogħdu fil-belt taʼ refuġju antitipika sakemm idumu jgħixu fuq l-art. Għala? Għaliex għadhom fil-laħam imperfett u għalhekk għandhom bżonn il-mertu taʼ tpattija tal-Qassis il-Kbir tagħhom tas-sema. Imma meta dawn il-Kristjani midlukin imutu u jiġu rxoxtati għal ħajja spirtu fis-sema, ma jkollhomx bżonn iżjed is-servizzi taʼ tpattija tal-Qassis il-Kbir; ikunu ħallew għal dejjem il-laħam u l-ħtija taʼ demm marbuta miegħu. Għal uħud midlukin irxoxtati bħal dawn, il-Qassis il-Kbir se jkun miet f’pożizzjoni protettiva, taʼ tpattija.
14. X’iktar jirrikjedi li dawk bi prospetti għas-sema joqogħdu fil-belt taʼ refuġju tal-lum?
14 L-istess pussess tan-natura umana jirrikjedi li dawk li se jkunu “werrieta [sħab] maʼ Kristu” fis-sema joqogħdu fil-belt taʼ refuġju antitipika sakemm jispiċċaw fedelment il-korsa tagħhom fuq l-art fil-mewt. Meta jmutu, huma se jissagrifikaw in-natura umana għal dejjem. (Rumani 8:17; Apokalissi 2:10) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù japplika biss għal dawk li għandhom natura umana. Għaldaqstant, il-Qassis il-Kbir imut għal dawk taʼ Iżrael spiritwali meta jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti li se jgħammru għall-eternità fis-sema bħala ‘wħud li jissieħbu fin-natura t’Alla.’—2 Pietru 1:4.
15. Min huma r-‘residenti barranin’ u l-‘immigranti’ taż-żmien modern, u l-aqwa Qassis il-Kbir x’se jagħmel għalihom?
15 Il-Qassis il-Kbir meta se “jmut” rigward ir-‘residenti barranin’ u l-‘immigranti’ taż-żmien modern, billi b’hekk jippermettilhom li jitilqu mill-belt taʼ refuġju antitipika? Dawn il-membri tal-folla l-kbira ma jistgħux joħorġu minn dil-belt taʼ refuġju immedjatament wara t-tribulazzjoni l-kbira. Għala le? Għaliex huma se jkunu għadhom fil-laħam imperfett, midneb tagħhom u se jkollhom bżonn jibqgħu taħt il-protezzjoni tal-Qassis il-Kbir. Billi japprofittaw erwieħhom mis-servizzi taʼ tpattija tiegħu matul is-saltna u s-saċerdozju tiegħu t’elf sena, huma se jaslu għal perfezzjoni umana. Ġesù imbagħad se jippreżentahom lil Alla għal prova finali u deċiżiva eternament taʼ l-integrità tagħhom, billi jiġu maħlulin Satana u d-demonji tiegħu għal ftit żmien. Minħabba li jgħaddu minn din il-prova b’approvazzjoni divina, Jehovah se jiddikjarahom twajbin. B’hekk huma se jilħqu l-istess milja taʼ perfezzjoni umana.—1 Korintin 15:28; Apokalissi 20:7-10.a
16. Dawk li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira meta m’humiex se jkollhom bżonn iżjed tas-servizzi taʼ tpattija tal-Qassis il-Kbir?
16 Mela, allura, dawk li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira se jkollhom iżommu kuxjenza tajba billi joqogħdu fil-belt taʼ refuġju antitipika sat-tmiem tar-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. Bħala bnedmin ipperfezzjonati, m’humiex se jkollhom bżonn iżjed tas-servizzi taʼ tpattija tal-Qassis il-Kbir u se joħorġu minn taħt il-protezzjoni tiegħu. Ġesù mbagħad se jmut għalihom bħala Qassis il-Kbir, għaliex ma jkollux bżonn jaġixxi iżjed għan-nom tagħhom bid-demm li jnaddaf tas-sagrifiċċju tiegħu. F’dak iż-żmien huma se jitilqu mill-belt taʼ refuġju antitipika.
17. Għala m’huwiex se jkun neċessarju għal dawk irxoxtati matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu li jidħlu fil-belt taʼ refuġju antitipika u joqogħdu hemmhekk?
17 Iridu dawk li jiġu rxoxtati matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù jidħlu fil-belt taʼ refuġju antitipika u jibqgħu hemmhekk sal-mewt tal-qassis il-kbir? Le, għaliex billi mietu huma ħallsu l-piena talli kienu midinbin. (Rumani 6:7; Lhud 9:27) Minkejja dan, il-Qassis il-Kbir se jgħinhom jilħqu l-perfezzjoni. Jekk huma jgħaddu b’suċċess il-prova finali wara l-Millennju, Alla se jiddikjarahom ukoll twajbin b’garanzija taʼ ħajja eterna fuq l-art. M’għandniex xi ngħidu, nuqqas li jiġu segwiti l-ħtiġijiet t’Alla se jġib ġudizzju taʼ kundanna u qerda fuq kwalunkwe bnedmin li ma jgħaddux il-prova finali bħala wħud li jżommu l-integrità.
18. Rigward is-saltna u s-saċerdozju taʼ Ġesù, x’se jibqaʼ maʼ l-umanità għal dejjem?
18 Qassisin il-kbar Iżraeliti eventwalment mietu. Imma Ġesù “sar għal dejjem il-qassis il-kbir skond l-ordni taʼ Melkisedek.” (Lhud 6:19, 20; 7:3) Mela l-waqfien tal-ħatra taʼ Ġesù bħala Qassis il-Kbir li jintervjeni għall-umanità ma jtemmlux ħajtu. L-effetti tajbin tas-servizz tiegħu bħala Sultan u Qassis il-Kbir se jibqgħu maʼ l-umanità għal dejjem, u l-bnedmin se jkunu midjunin lejh eternament talli jkun qeda f’dawn il-pożizzjonijiet. Iktar minn hekk, għall-eternità kollha Ġesù se jkun fuq quddiem fil-qima pura taʼ Jehovah.—Filippin 2:5-11.
Lezzjonijiet Taʼ Valur Għalina
19. Liema lezzjoni rigward mibgħeda u mħabba nistgħu nitgħallmu mill-provvediment taʼ bliet taʼ refuġju?
19 Aħna nistgħu nitgħallmu diversi lezzjonijiet mill-provvediment taʼ bliet taʼ refuġju. Per eżempju, l-ebda qattiel b’mibgħeda qattiela għall-vittma tiegħu ma kien jitħalla jgħammar f’belt taʼ refuġju. (Numri 35:20, 21) Mela kif jistaʼ xi ħadd fil-belt taʼ refuġju antitipika jħalli mibgħeda għal ħu tiżviluppa f’qalbu? “Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel,” kiteb l-appostlu Ġwanni, “u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja taʼ dejjem.” Ejjew għalhekk “[nibqgħu] nħobbu lil xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla.”—1 Ġwann 3:15; 4:7.
20. Għal protezzjoni mill-Vendikatur tad-demm, dawk fil-belt taʼ refuġju antitipika x’iridu jagħmlu?
20 Għal protezzjoni mill-vendikatur tad-demm, qattelin involontarji kellhom joqogħdu f’belt taʼ refuġju u ma jitbiegħdux lil hinn mill-mergħat tagħha. Xi ngħidu għal dawk fil-belt taʼ refuġju antitipika? Għal salvezza mill-Vendikatur il-kbir tad-demm, huma m’għandhomx jitilqu mill-belt. Tabilħaqq, għandhom bżonn jgħassu kontra li jiġu mħajrin li jmorru lejn ix-xifer tal-mergħat, biex ngħidu hekk. Iridu joqogħdu attenti li ma jħallux imħabba għad-dinja taʼ Satana tiżviluppa fi qlubhom. Dan għandu mnejn jirrikjedi talb u sforz, imma ħajjiethom jiddependu minn dan.—1 Ġwann 2:15-17; 5:19.
21. Liema xogħol premjanti qiegħed isir minn dawk fil-belt taʼ refuġju tal-lum?
21 Qattelin involontarji fl-ibliet taʼ refuġju tal-qedem kellhom ikunu ħaddiema produttivi. B’mod simili, “ulied Israel” midlukin taw eżempju mill-aħjar bħala ħaddiema tal-ħsad u proklamaturi tas-Saltna. (Mattew 9:37, 38; Mark 13:10) Bħala ‘residenti barranin’ u ‘immigranti’ fl-ibliet taʼ refuġju tal-lum, Kristjani bi prospetti għall-art huma pprivileġġjati li jagħmlu dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet spalla maʼ spalla mal-midlukin li għadhom fuq l-art. U kemm huwa xogħol premjanti dan! Dawk li jaħdmu fedelment fil-belt taʼ refuġju antitipika se jiskappaw mewta eterna minn idejn il-Vendikatur tad-demm. Minflok, huma se jiksbu benefiċċji eterni mis-servizz tiegħu bħala l-aqwa Qassis il-Kbir t’Alla. Se toqgħod int fil-belt taʼ refuġju u tgħix għal dejjem? (w95 11/15)
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri Taʼ L-Għassa, 15 taʼ Diċembru, 1991, paġni 9, 10, paragrafi 15, 16.
Kif Twieġeb Int?
◻ Għala jistaʼ jingħad li l-biljuni taʼ l-art huma ħatjin taʼ demm?
◻ Ġesù Kristu liema rwoli jimla rigward l-umanità?
◻ X’inhi l-belt taʼ refuġju antitipika, u wieħed kif jidħol fiha?
◻ In-nies meta se jinħelsu mill-belt taʼ refuġju antitipika?
◻ Liema lezzjonijiet taʼ valur nistgħu nitgħallmu mill-provvediment taʼ bliet taʼ refuġju?
[Stampa f’paġna 14]
Taf int liema rwoli vitali qegħdin jimtlew minn Ġesù Kristu?