LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 11/15 pp. 4-8
  • Ma Ninqatgħux mil-Laqgħat Tagħna Flimkien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ma Ninqatgħux mil-Laqgħat Tagħna Flimkien
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Dar lil Isem Alla’
  • “Ma Tibqax Ġebla fuq Oħra”
  • “Il-​Knisja li Tiltaqaʼ f’Darhom”
  • Kongregazzjonijiet għall-​Inkuraġġiment
  • Għandna Nattendu Laqgħat Kristjani?
    Stenbaħ!—2001
  • Is-Sinagoga—Fejn Ippritkaw Ġesù u d-Dixxipli Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • “Dar it-Talb għall-Ġnus Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Apprezza l-Privileġġ li Taqdi lil Ġeħova fit-Tempju Spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 11/15 pp. 4-8

Ma Ninqatgħux mil-​Laqgħat Tagħna Flimkien

“Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum,” tgħid l-​Iskrittura. (Lhud 10:25) B’mod ċar, l-​aduraturi veri għandhom jiltaqgħu f’post għall-​qima biex ‘jaraw kif jistgħu jħajru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb.’—Lhud 10:24.

META l-​appostlu Pawlu kiteb il-​kliem li għadu kif issemma, fl-​ewwel seklu taʼ l-​Era Komuni tagħna kien hemm tempju impressjonanti f’Ġerusalemm li kien iservi bħala post għall-​qima għal-​Lhud. Kien hemm ukoll is-​sinagogi. Ġesù ‘għallem fis-​sinagoga u fit-​tempju fejn kienu jinġabru l-​Lhud kollha.’—Ġwann 18:20.

Liema tip taʼ postijiet għal-​laqgħat kellu f’moħħu Pawlu meta wissa lill-​Kristjani biex jiltaqgħu ħalli jagħmlu l-​qalb lil xulxin? Huwa l-​bini reliġjuż tal-​Kristjaneżmu bbażat fuq l-​arranġament tat-​tempju f’Ġerusalemm? Il-​bini reliġjuż enormi meta beda jintuża minn dawk li jistqarru li huma Kristjani?

‘Dar lil Isem Alla’

L-​ewwel istruzzjonijiet dwar post għall-​qima lil Alla jinsabu fil-​ktieb Bibliku taʼ l-​Eżodu. Alla Jehovah istruwixxa lill-​poplu magħżul tiegħu—l-​Iżraelin—biex jibni “t-​tabernaklu,” jew “it-​tinda tal-​laqgħa.” L-​arka tal-​patt u diversi għodod qaddisin oħra kienu jinżammu hemmhekk. “Il-​glorja tal-​Mulej imliet it-​tabernaklu” meta tlesta fl-​1512 Q.E.K. Għal iktar minn erbaʼ sekli, din it-​tinda li setgħet tinġarr serviet bħala karatteristika ċentrali taʼ l-​arranġament t’Alla biex il-​bnedmin jersqu lejh. (Eżodu, kapitli 25-27; 40:​33-38) Il-​Bibbja tirreferi wkoll għal din it-​tinda bħala “t-​tempju tal-​Mulej” u “d-​dar tal-​Mulej.”—1 Samwel 1:​9, 24.

Iktar tard, meta David kien sultan f’Ġerusalemm, hu wera xewqa qawwija li jibni dar permanenti għall-​glorja taʼ Jehovah. Madankollu, peress li David kien gwerrier, Jehovah qallu: “Ma tibnix inti dar lil ismi.” Minflok, Hu għażel lil Salamun bin David biex jibni t-​tempju. (1 Kronaki 22:​6-10) Salamun inawgura t-​tempju fl-​1026 Q.E.K., wara li l-​bini kien ilu għaddej għal sebaʼ snin u nofs. Jehovah approva dan il-​bini, u qal: “Jien qaddist din id-​dar li int bnejt, u hemm jien inqiegħed ismi għal dejjem; hemm ikunu għajnejja u qalbi l-​jiem kollha.” (1 Slaten 9:3) Sakemm l-​Iżraelin kienu se jibqgħu leali, Jehovah kien se jiffavorixxi lil dik id-​dar. Madankollu, jekk kienu se jitbiegħdu minn dak li huwa tajjeb, Jehovah kien se jneħħi l-​favur tiegħu minn dak il-​post, u ‘t-​tempju kien se jsir ħerba.’—1 Slaten 9:​4-9; 2 Kronaki 7:​16, 19, 20.

Maż-żmien, l-​Iżraelin fil-​fatt warrbu mill-​qima vera. (2 Slaten 21:​1-5) “[Jehovah] tallaʼ għalihom is-​sultan tal-​Kaldin; u . . . ħarqulhom it-​tempju taʼ Alla, ġarrfu s-​swar taʼ Ġerusalemm, taw in-​nar lill-​palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kulma kellha prezzjuż. U dawk li ħelsu mill-​qerda tax-​xabla, Nabukodonosor eżiljahom lejn il-​Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal uliedu.” Skond il-​Bibbja, dan seħħ fis-​sena 607 Q.E.K.—2 Kronaki 36:​15-​21; Ġeremija 52:​12-​14.

Bħalma bassar il-​profeta Isaija, Alla qajjem is-​Sultan Ċiru tal-​Persja sabiex jeħles lil-​Lhud mill-​qawwa taʼ Babilonja. (Isaija 45:1) Wara 70 sena t’eżilju, dawn irritornaw lejn Ġerusalemm fis-​sena 537 Q.E.K. bl-​iskop li jerġgħu jibnu t-​tempju. (Esdra 1:​1-6; 2:​1, 2; Ġeremija 29:10) Wara dewmien fil-​bini, it-​tempju fl-​aħħar tlesta fis-​sena 515 Q.E.K., u l-​qima vera t’Alla ġiet imġedda. Għalkemm ma kienx glorjuż daqs it-​tempju taʼ Salamun, il-​bini serva għal kważi 600 sena. Madankollu, dan it-​tempju wkoll spiċċa fi stat ħażin għaliex l-​Iżraelin ittraskuraw il-​qima taʼ Jehovah. Meta Ġesù Kristu ġie fuq l-​art, it-​tempju kien qed jerġaʼ jinbena ftit ftit mis-​Sultan Erodi. X’kien se jiġrilu dalwaqt it-​tempju?

“Ma Tibqax Ġebla fuq Oħra”

Meta kien qed jirreferi għat-​tempju f’Ġerusalemm, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Hawnhekk ma tibqax ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx!” (Mattew 24:​1, 2) Fi qbil maʼ dan il-​kliem, il-​post li għal sekli sħaħ kien aċċettat bħala ċ-​ċentru tal-​qima lil Alla nqered fis-​sena 70 E.K. mit-​truppi Rumani li ġew biex irażżnu l-​irvell tal-​Lhud.a Dan it-​tempju qatt ma reġaʼ nbena. Fis-​sebaʼ seklu twaqqaf is-​santwarju Musulman magħruf bħala l-​Koppla tal-​Blata, u għadu mwaqqaf sa llum fil-​post fejn qabel kien hemm il-​post Lhudi għall-​qima.

X’kellu jkun l-​arranġament taʼ qima għas-​segwaċi taʼ Ġesù? Kellhom il-​Kristjani tal-​bidu li kienu ġejjin minn sfond Lhudi jkomplu jqimu lil Alla fit-​tempju li dalwaqt kien se jinqered? Il-​Kristjani li ma kinux Lhud fejn kienu se jqimu lil Alla? Kien il-​bini reliġjuż tal-​Kristjaneżmu se jieħu post it-​tempju? Il-​konversazzjoni taʼ Ġesù maʼ mara Samaritana tgħinna nifhmu din il-​kwistjoni.

Għal sekli sħaħ, is-​Samaritani qiemu lil Alla f’tempju kbir fuq il-​Muntanja Gariżim fis-​Samarija. “Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-​muntanja,” qalet il-​mara Samaritana lil Ġesù, “imma intom tgħidu li l-​post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.” Ġesù weġibha: “Emminni, mara: jiġi żmien meta mhux fuq din il-​muntanja taduraw lill-​Missier, anqas f’Ġerusalemm.” Ma kienx se jkun hemm iktar bżonn tempju materjali għall-​qima lil Jehovah, għaliex Ġesù spjega: “Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:​20, 21, 24) L-​appostlu Pawlu iktar tard qal lin-​nies t’Ateni: “Alla, li għamel id-​dinja u kull ma fiha, u li hu sid is-​sema u l-​art, ma joqgħodx f’tempji maħduma bl-​idejn.”—Atti 17:24.

B’mod ċar, il-​bini reliġjuż tal-​Kristjaneżmu m’għandu l-​ebda konnessjoni maʼ l-​arranġament tat-​tempju taʼ l-​era taʼ qabel il-​Kristjanità. U l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ma kellhomx għalfejn jibnu postijiet bħal dawn. Madankollu, wara l-​mewt taʼ l-​appostli seħħ l-​iżvijar mit-​tagħlim veru li kien ġie mbassar—l-​apostasija. (Atti 20:​29, 30) Ħafna snin qabel ma l-​Imperatur Ruman Kostantinu mingħalih ikkonverta għall-​Kristjanità fis-​sena 313 E.K., uħud li kienu jistqarru li huma Kristjani bdew jitbiegħdu minn dak li kien għallem Ġesù.

Kostantinu għen biex il-​“Kristjanità” titħallat mar-​reliġjon Rumana pagana. The Encyclopædia Britannica tgħid: “Kostantinu nnifsu inkariga li jsir il-​bini taʼ tliet bażiliki Kristjani enormi f’Ruma: taʼ San Pietru, taʼ S. Paolo Fuori le Mura, u taʼ S. Giovanni f’Laterano. Hu . . . vvinta [id-disinn arkitettoniku] f’għamla taʼ salib li matul il-​Medju Evu sar mudell għall-​knejjes fl-​Ewropa tal-​Lvant.” Il-​Bażilika taʼ San Pietru f’Ruma li ġiet mibnija mill-​ġdid għadha kunsidrata bħala ċ-​ċentru tal-​Knisja Kattolika Rumana.

“Il-​Knisja adottat xi drawwiet reliġjużi u forom [taʼ qima] li kienu komuni f’Ruma [pagana] taʼ qabel il-​Kristjanità,” jgħid l-​istudjuż taʼ l-​istorja Will Durant. Dan inkluda “l-​arkitettura tal-​bażilika.” Mis-​seklu 10 sa 15 kien hemm żjieda qawwija fil-​bini taʼ knejjes u katidrali, u tpoġġiet enfasi kbira fuq l-​arkitettura. Dan kien meta bdew jeżistu ħafna mill-​binjiet tal-​Kristjaneżmu li issa huma kunsidrati bħala monumenti artistiċi.

In-nies dejjem isibu serħan u inkuraġġiment spiritwali meta jqimu fi knisja? “Għalija, il-​knisja kienet saret tirrappreżenta dak kollu li fir-​reliġjon huwa tedjanti u monotonu,” jgħid Francisco mill-​Brażil. “Il-​Quddiesa kienet ċerimonja bla sinifikat u ripetittiva li ma kinitx tissodisfa l-​bżonnijiet veri tiegħi. Kont nieħu r-​ruħ meta tispiċċa.” Minkejja dan, il-​kredenti veri huma kmandati biex jiltaqgħu flimkien. Liema arranġament għal-​laqgħat għandhom isegwu?

“Il-​Knisja li Tiltaqaʼ f’Darhom”

Il-​mudell għal kif il-​Kristjani jiltaqgħu flimkien jittieħed minn eżami taʼ kif kienu jiltaqgħu l-​kredenti taʼ l-​ewwel seklu. L-​Iskrittura tindika li ġeneralment kienu jiltaqgħu flimkien fid-​djar privati. Per eżempju, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Selluli għal Priska u Akwila, li ħadmu miegħi fi Kristu Ġesù . . . ; nselli wkoll għall-​knisja li tiltaqaʼ f’darhom.” (Rumani 16:​3, 5; Kolossin 4:15; Filemon 2) Il-​kelma Griega ek·kle·siʹa hawnhekk tradotta “knisja” tirreferi għal grupp taʼ nies miġburin flimkien għall-​istess skop, mhux għal xi bini. (Atti 8:1; 13:1) Il-​qima prattikata mill-​Kristjani veri ma teħtieġx bini reliġjuż imżejjen b’mod elaborat.

Kif kienu jsiru l-​laqgħat fil-​kongregazzjonijiet Kristjani tal-​bidu? Id-​dixxiplu Ġakbu juża forma tal-​kelma Griega sy·na·go·geʹ biex jirreferi għal laqgħa Kristjana. (Ġakbu 2:2) Din il-​kelma Griega tfisser “ġbir flimkien” u hi u l-​kelma ek·kle·siʹa jintużaw waħda flok l-​oħra. Iżda, maż-​żmien it-​terminu “sinagoga” ħa t-​tifsira taʼ post jew bini fejn in-​nies kienu jinġabru. L-​ewwel Kristjani Lhud kienu familjari maʼ dak li kien jiġri f’sinagoga.b

Filwaqt li l-​Lhud kienu jiltaqgħu f’Ġerusalemm għall-​festi annwali tagħhom, is-​sinagogi servew bħala postijiet lokali biex wieħed jitgħallem dwar Jehovah u jikseb edukazzjoni fil-​Liġi. Il-​prattiċi li kienu jsiru fis-​sinagogi milli jidher kienu jikkonsistu f’talb u qari taʼ l-​Iskrittura, kif ukoll diskussjoni dettaljata dwar l-​Iskrittura u l-​għoti taʼ pariri. Meta Pawlu u oħrajn miegħu marru f’Sinagoga f’Antjokja, “il-​kapijiet tas-​sinagoga bagħtu jgħidulhom: ‘L-​aħwa, jekk xi ħadd minnkom irid jgħid kelmtejn taʼ tħeġġiġ lill-​poplu, tkellmu.’” (Atti 13:15) Meta l-​ewwel Kristjani Lhud kienu jiltaqgħu flimkien fid-​djar privati, huma bla dubju segwew mudell simili, u l-​laqgħat tagħhom kienu jagħmluhom istruttivi Skritturalment u inkuraġġanti spiritwalment.

Kongregazzjonijiet għall-​Inkuraġġiment

Bħall-​Kristjani tal-​bidu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum jiltaqgħu f’postijiet sempliċi għall-​qima biex jirċievu tagħlim mill-​Bibbja u jgawdu sħubija bnina. Għal ħafna snin kienu jiltaqgħu biss fi djar privati, u f’xi postijiet hekk għadhom jagħmlu. Imma issa l-​għadd taʼ kongregazzjonijiet kiber għal iktar minn 90,000, u l-​postijiet prinċipali tagħhom għal-​laqgħat jissejħu Swali tas-​Saltna. Dawn il-​postijiet la jlellxu u lanqas ma jidhru qishom xi knisja. Dawn huma strutturi prattiċi u mhux komplikati li jippermettu lill-​kongregazzjonijiet taʼ minn 100 sa 200 ruħ biex jiltaqgħu flimkien għal-​laqgħat taʼ kull ġimgħa sabiex jisimgħu u jitgħallmu mill-​Kelma t’Alla.

Il-biċċa l-​kbira mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah jiltaqgħu tliet darbiet fil-​ġimgħa. Laqgħa minnhom hija lezzjoni pubblika fuq suġġett taʼ interess kurrenti. Warajha jkun hemm studju bbażat fuq tema jew profezija Biblika billi tintuża r-​rivista Torri taʼ l-​Għassa bħala s-​sors tal-​materjal. Laqgħa oħra hija skola mfassla biex tipprovdi taħriġ kif wieħed jippreżenta l-​messaġġ tal-​Bibbja. Warajha ssir laqgħa magħmula b’mod speċjali biex jingħataw suġġerimenti prattiċi għall-​ministeru Kristjan. Darba fil-​ġimgħa x-​Xhieda jiltaqgħu wkoll għal studju tal-​Bibbja fi gruppi żgħar ġo djar privati. Dawn il-​laqgħat kollha huma miftuħin għall-​pubbliku. Qatt ma jsir ġbir.

Francisco, li ssemma qabel, sab il-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna taʼ benefiċċju kbir. Hu jgħid: “L-​ewwel post tal-​laqgħa li żort kien bini komdu fiċ-​ċentru tal-​belt, u tlaqt mis-​Sala b’impressjoni tajba. Dawk fl-​attendenza kienu dħulin, u stajt inħoss l-​imħabba li kellhom bejniethom. Kelli ġenn biex nerġaʼ nattendi. Fil-​fatt ma tliftx laqgħa waħda minn dakinhar ’l hawn. Dawn il-​laqgħat Kristjani huma vivaċi, u jissodisfaw il-​bżonn spiritwali tiegħi. Anki meta għal xi raġuni jew oħra nħossni skuraġġit, jien immur fis-​Sala tas-​Saltna fiduċjuż li se nħossni inkuraġġit meta mmur lura d-​dar.”

L-edukazzjoni Biblika, is-​sħubija inkuraġġanti, u l-​opportunità li tfaħħar lil Alla qed jistennew lilek ukoll fil-​laqgħat Kristjani tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Int mistieden kordjalment biex tattendi fl-​eqreb Sala tas-​Saltna. Se tkun kuntent li għamilt dan.

[Noti taʼ taħt]

a It-​tempju nqered kompletament mir-​Rumani. Il-​Ħajt tal-​Biki, li ħafna Lhud jiġu mill-​bogħod biex jitolbu ħdejh, m’huwiex parti minn dak it-​tempju. Huwa biss parti mill-​ħajt tal-​bitħa tat-​tempju.

b Jidher li x’aktarx is-​sinagogi twaqqfu matul l-​eżilju Babiloniż taʼ 70 sena meta ma kien jeżisti l-​ebda tempju jew ftit wara r-​ritorn mill-​eżilju waqt li t-​tempju kien qed jinbena mill-​ġdid. Sa l-​ewwel seklu, kull belt fil-​Palestina kellha s-​sinagoga tagħha, u l-​akbar bliet kellhom iktar minn waħda.

[Stampi f’paġna 4 , 5]

It-​tabernaklu u iktar tard it-​tempji servew bħala ċentri mill-​aqwa għall-​qima taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 6]

Il-​Bażilika taʼ San Pietru f’Ruma

[Stampa f’paġna 7]

Il-​Kristjani tal-​bidu ltaqgħu flimkien fi djar privati

[Stampi f’paġna 8 , 9]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu laqgħat Kristjani fi djar privati u fi Swali tas-​Saltna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja