Inqanqlu għall-Imħabba u Xogħlijiet mill-Aħjar—Kif?
“Ejjew inqisu lil xulxin biex inqanqlu għall-imħabba u xogħlijiet mill-aħjar, . . . billi ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar hekk kif tilmħu l-jum riesaq fil-qrib.”—EBREJ 10:24, 25.
1, 2. (a) Għala kien importanti li l-Kristjani bikrin isibu faraġ u inkuraġġiment fil-laqgħat tagħhom flimkien? (b) Liema parir taʼ Pawlu ndirizza l-ħtieġa li niltaqgħu flimkien?
ILTAQGĦU bil-moħbi, imgeddsin flimkien bil-bibien imsakkrin. Barra, il-periklu kien jitlajja kullimkien. Il-Mexxej tagħhom, Ġesù, kien għadu kif ġie mogħti l-mewt fil-pubbliku, u kien wissa lis-segwaċi tiegħu li ma kinux se jiġu stmati aħjar minnu. (Ġwann 15:20; 20:19) Imma hekk kif tkellmu minn taħt l-ilsien dwar il-maħbub Ġesù tagħhom, il-fatt li kienu flimkien żgur li taʼ l-inqas għamilhom iħossuhom iktar fiż-żgur.
2 Hekk kif gerbbu s-snin, il-Kristjani ffaċċjaw kull xorta taʼ provi u persekuzzjoni. Bħal dawk l-ewwel dixxipli, kisbu faraġ u inkuraġġiment billi ltaqgħu flimkien. B’hekk, l-appostlu Pawlu kiteb f’Ebrej 10:24, 25: “Ejjew inqisu lil xulxin biex inqanqlu għall-imħabba u xogħlijiet mill-aħjar, billi ma nabbandunawx il-ġbir tagħna nfusna flimkien, bħalma xi wħud għandhom id-drawwa, imma billi ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar hekk kif tilmħu l-jum riesaq fil-qrib.”
3. Għala tgħid li Ebrej 10:24, 25 huwa iżjed minn sempliċi kmand biex il-Kristjani jiltaqgħu flimkien?
3 Dak il-kliem huwa bil-wisq iżjed minn kmand biex nibqgħu niltaqgħu flimkien. Jagħti livell imnebbaħ b’mod divin għal-laqgħat Kristjani kollha—u tassew, għal kwalunkwe okkażjoni meta l-Kristjani jassoċjaw flimkien. Illum iktar minn qatt qabel, meta nilmħu b’mod ċar jum Jehovah riesaq qrib, il-pressjonijiet u l-perikli taʼ din is-sistema mill-agħar jagħmluha ħaġa imperattiva li l-laqgħat tagħna jkunu bħal menqa taʼ sigurtà, sors taʼ saħħa u inkuraġġiment għal kulħadd. X’nistgħu nagħmlu biex niżguraw dan? Sewwa, ejjew neżaminaw bir-reqqa l-kliem taʼ Pawlu, billi nistaqsu tliet mistoqsijiet ewlenin: Xi jfisser li ‘nqisu lil xulxin’? Xi jfisser li ‘nqanqlu lil xulxin għall-imħabba u xogħlijiet mill-aħjar’? Finalment, kif nistgħu “ninkuraġġixxu lil xulxin” f’dawn iż-żminijiet ibsin?
‘Qisu Lil Xulxin’
4. Xi jfisser li ‘nqisu lil xulxin’?
4 Meta Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘iqisu lil xulxin,’ uża l-verb Grieg ka·ta·no·eʹo, forma intensifikata tat-terminu komuni “li tilmaħ.” It-Theological Dictionary of the New Testament jgħid li jfisser “li wieħed jidderieġi moħħu kollu lejn oġġett.” Skond W. E. Vine, jistaʼ jfisser ukoll “li tifhem bis-sħiħ, li tikkunsidra mill-qrib.” Mela meta l-Kristjani ‘jqisu lil xulxin,’ ma jarawx biss minn barra imma japplikaw il-fakultajiet mentali kollha tagħhom u jipprovaw jaraw iżjed fil-fond.—Qabbel Ebrej 3:1.
5. Liema huma xi aspetti taʼ persuna li jistgħu jkunu moħbijin, u għala għandna nikkunsidraw dawn?
5 Irridu niftakru li hemm wisq iżjed dwar persuna milli ħarsa superfiċjali lejn l-apparenza, ix-xogħlijiet, jew il-personalità tagħha tistaʼ tirrivela. (1 Samwel 16:7) Taʼ spiss dehra kwieta minn barra taħbi sentimenti profondi jew sens t’umoriżmu pjaċevoli. Imbagħad, ukoll, l-ambjenti taʼ trobbija jvarjaw bil-kbir. Xi wħud għaddew minn provi taʼ qtugħ il-qalb fil-ħajjiet tagħhom; oħrajn qegħdin jissaportu issa stess sitwazzjonijiet li aħna konna nsibuhom ibsin biex nimmaġinawhom. Kemm jiġri taʼ spiss li xi ħaġa li ddejjaqna f’ħu jew oħt iddub meta nitgħallmu iktar dwar l-ambjent taʼ trobbija jew iċ-ċirkostanzi tal-persuna.—Proverbji 19:11.
6. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nsiru nafu lil xulxin aħjar, u liema ġid jistaʼ jirriżulta?
6 M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li għandna nindaħlu fejn ma jesagħniex fl-affarijiet persunali taʼ ħaddieħor. (1 Tessalonkin 4:11) Xorta waħda, nistgħu ċertament nuru interess persunali f’xulxin. Dan jinvolvi iżjed minn sempliċi tislima fis-Sala tas-Saltna. Għala ma tagħżilx lil xi ħadd li tixtieq issir tafu aħjar u timmira għal ftit minuti taʼ konversazzjoni qabel jew wara l-laqgħa? Jerġaʼ aħjar, ‘segwi l-korsa taʼ l-ospitalità’ billi tistieden ħabib jew tnejn id-dar tiegħek għal xi ftit ikel ħafif. (Rumani 12:13) Uri interess. Agħti widen. Li sempliċement tistaqsi kif individwu sar jaf u jħobb lil Jehovah jistaʼ jirrivela ħafna. Tistaʼ ssir taf saħansitra iżjed, iżda, billi taħdem flimkien miegħu fil-ministeru minn dar għal dar. Li nqisu lil xulxin b’dawn il-modi se jgħinna niżviluppaw sentimenti kordjali ġenwini, jew empatija.—Filippin 2:4; 1 Pietru 3:8.
‘Qanqlu Lil Xulxin’
7. (a) It-tagħlim taʼ Ġesù kif effettwa lin-nies? (b) X’għamel lit-tagħlim tiegħu daqshekk dinamiku?
7 Meta nqisu lil xulxin, inkunu ppreparati aħjar biex inqanqlu, inħeġġu lil xulxin għall-azzjoni. Anzjani Kristjani b’mod partikulari jaqdu rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Dwar żmien meta Ġesù tkellem pubblikament, naqraw: “L-effett kien li l-folol baqgħu mgħaġġbin bil-mod kif kien jgħallem.” (Mattew 7:28) F’okkażjoni oħra saħansitra xi suldati li kienu ntbagħtu biex jarrestawh telqu minn ħdejh jgħidu: “Ebda bniedem ieħor ma qatt tkellem hekk.” (Ġwann 7:46) X’għamel lit-tagħlim taʼ Ġesù daqshekk dinamiku? Turijiet t’emozzjonaliżmu? Le; Ġesù tkellem b’dinjità. Madankollu, dejjem immira biex jilħaq il-qlub tas-semmiegħa tiegħu. Peress li kien iqis lin-nies, kien jaf eżatt kif jimmotivahom. Kien juża tixbihat ħajjin u sempliċi li kienu jirriflettu r-realtajiet tal-ħajja taʼ kuljum. (Mattew 13:34) B’mod simili, dawk li jwettqu inkarigi fil-laqgħat tagħna għandhom jimitaw lil Ġesù billi jagħtu preżentazzjonijiet entużjastiċi u kordjali li jimmotivaw. Bħal Ġesù, nistgħu naraw kif nagħmlu biex insibu tixbihat li japplikaw għall-udjenza tagħna u jilħqu l-qlub tagħhom.
8. Ġesù kif qanqal permezz taʼ l-eżempju, u kif nistgħu nimitawh f’dan ir-rigward?
8 F’li naqdu lil Alla tagħna, ilkoll kemm aħna nistgħu nqanqlu lil xulxin bl-eżempju. Ġesù ċertament li qanqal lis-semmiegħa tiegħu. Kien iħobb ix-xogħol tal-ministeru Kristjan u eżalta l-ministeru. Qal li kien bħal ikel għalih. (Ġwann 4:34; Rumani 11:13) Entużjażmu bħal dan jistaʼ jittieħed. Tistaʼ int bl-istess mod tħalli l-ferħ tiegħek fil-ministeru jidher? Fil-waqt li tevita b’attenzjoni ton taʼ ftaħir, aqsam l-esperjenzi sbieħ tiegħek m’oħrajn fil-kongregazzjoni. Meta tistieden lil oħrajn biex jaħdmu miegħek, ara jekk tistax tgħinhom isibu pjaċir ġenwin f’li jitkellmu m’oħrajn dwar il-Ħallieq Grandjuż tagħna, Jehovah.—Proverbji 25:25.
9. (a) Liema huma xi metodi biex inqanqlu lil oħrajn li rridu nevitaw, u għala? (b) X’għandu jimmotivana biex nagħtu minna nfusna fis-servizz taʼ Jehovah?
9 Oqgħod attent, iżda, biex ma tqanqalx lil oħrajn b’mod żbaljat. Per eżempju, nistgħu bla ma rridu nġagħluhom iħossuhom ħatjin għax m’humiex jagħmlu iżjed. Nistgħu bla ħsieb inġagħluhom jistħu billi npoġġuhom f’dawl ikrah ħdejn oħrajn li fid-dehra huma iktar attivi, jew nistgħu saħansitra nistabbilixxu livelli riġidi u nbaxxu lil dawk li ma jilħquhomx. Kwalunkwe wieħed minn dawn il-metodi jistaʼ jqanqal lil xi wħud għall-azzjoni għal xi żmien, imma Pawlu ma kitibx, ‘qanqal għal ħtija u xogħlijiet mill-aħjar.’ Le, irridu nqanqlu għall-imħabba, imbagħad ix-xogħlijiet isegwu b’mottiv tajjeb. Ħadd m’għandu jiġi mmotivat fil-biċċa l-kbira billi jqis dak li oħrajn fil-kongregazzjoni se jaħsbu dwaru jekk ma jagħmilx eżatt dak li huma jistennew minnu.—Qabbel 2 Korintin 9:6, 7.
10. Għala għandna niftakru li m’aħniex sidien fuq il-fidi t’oħrajn?
10 Li nqanqlu lil xulxin ma jfissirx li nikkontrollaw lil xulxin. Minkejja l-awtorità kollha mogħtija minn Alla li kellu, l-appostlu Pawlu umilment fakkar lill-kongregazzjoni taʼ Korintu: ‘M’aħniex is-sidien fuq il-fidi tagħkom.’ (2 Korintin 1:24) Jekk bħalu aħna nirrealizzaw umilment li m’huwiex id-dmir tagħna li niddeterminaw oħrajn kemm għandhom jaħdmu f’servizz lil Jehovah, jew li nirregolaw il-kuxjenzi tagħhom għalihom f’deċiżjonijiet persunali oħrajn, se nevitaw li nsiru ‘twajbin iżżejjed,’ bla ferħ, riġidi, negattivi, jew moħħna fir-regoli. (Ekkleżjasti 7:16) Kwalitajiet bħal dawn ma jqanqlux; jgħakksu.
11. Liema ħaġa stimulat l-għoti taʼ kontribuzzjonijiet meta kien qiegħed jinbena t-tabernaklu taʼ Iżrael, u dak kif jistaʼ jkun veru fi żmienna?
11 Irridu li l-isforzi kollha fis-servizz taʼ Jehovah isiru bl-istess spirtu bħal f’Iżrael tal-qedem meta donazzjonijiet kienu meħtieġa għall-bini tat-tabernaklu. Eżodu 35:21 jaqra: “Imbagħad ġew, kulmin ġagħlitu qalbu, u ġabu, kulmin qanqlu l-ispirtu tiegħu, il-kontribuzzjoni taʼ Jehovah għax-xogħol.” Ma ġewx imġegħlin minn barra imma mqanqlin minn ġewwa, mill-qalb. Fil-fatt, l-Ebrajk litteralment jaqra hawn li “kull wieħed li lilu qalbu refgħet ’il fuq” għamel dawn l-għotjiet. (Korsiv tagħna.) Iktar minn hekk, ejjew nipprovaw nerfgħu ’l fuq il-qlub taʼ xulxin kulmeta nkunu flimkien. L-ispirtu taʼ Jehovah jistaʼ jagħmel il-kumplament.
‘Inkuraġġixxu Lil Xulxin’
12. (a) Liema huma xi tifsiriet tal-kelma Griega tradotta “ninkuraġġixxu”? (b) L-imseħbin taʼ Ġob kif naqsu li jinkuraġġuh? (ċ) Għala għandna nżommu lura milli niġġudikaw lil xulxin?
12 Meta Pawlu kiteb li għandna ‘ninkuraġġixxu lil xulxin,’ uża forma tal-kelma Griega pa·ra·ka·leʹo, li tistaʼ tfisser ukoll ‘li ssaħħaħ, li tfarraġ.’ Fil-verżjoni Settwaġinta Griega, din l-istess kelma kienet użata f’Ġob 29:25, fejn Ġob kien deskritt bħala wieħed li jfarraġ lill-vistużi. Ironikament, meta Ġob innifsu kien taħt prova ħarxa, ma rċieva ebda inkuraġġiment bħal dan. It-tliet “farraġa” tiegħu tant kellhom x’jagħmlu f’li jiġġudikawh u jippridkawlu li naqsu li jifhmuh jew iħossu għalih. Fil-fatt, fid-diskors kollu tagħhom, lanqas darba saħansitra ma ndirizzaw lil Ġob b’ismu. (Qabbel Ġob 33:1, 31.) Evidentement qisuh iżjed bħala problema milli bħala persuna. Mhux taʼ b’xejn li Ġob esklamalhom bi frustrazzjoni: “Kieku biss erwieħkom eżistew fejn ruħi hija”! (Ġob 16:4) L-istess illum, jekk trid tinkuraġġixxi lil xi ħadd, uri empatija! Tiġġudikax. Bħalma jgħid Rumani 14:4, “min int biex tiġġudika l-qaddej taʼ dar ħaddieħor? Għal sidu stess jieqaf jew jaqaʼ. Tabilħaqq, se jintgħamel wieqaf, għax Jehovah jistaʼ jagħmlu wieqaf.”
13, 14. (a) Dwar liema verità fundamentali jeħtieġ li nikkonvinċu lil ħutna rġiel u nisa sabiex infarrġuhom? (b) Danjel kif kien imsaħħaħ minn anġlu?
13 Forma taʼ pa·ra·ka·leʹo u n-nom relatat tagħha huma tradotti “faraġ” fit-2 Tessalonkin 2:16, 17: “Iktar minn hekk, jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu nnifsu u Alla Missierna, li ħabbewna u taw faraġ dejjiemi u tama tajba permezz tal-qalb tajba m’hijiex mistħoqqa, ifarrġu lil qlubkom u jagħmlukom sodi f’kull għemil u kelma tajbin.” Innota li Pawlu jorbot il-ħsieb taʼ li jkollna qlubna mfarrġin mal-verità fundamentali li Jehovah iħobbna. Mela nistgħu ninkuraġġixxu u nfarrġu lil xulxin billi nikkonfermaw dik il-verità importanti.
14 F’okkażjoni minnhom il-profeta Danjel kien tant iddisturbat wara li ra viżjoni tal-biżaʼ li qal: “[I]d-dinjità tiegħi stess saret mibdula fuqi għal rovina, u ma żammejt ebda qawwa.” Jehovah bagħat anġlu li għal bosta drabi fakkar lil Danjel li kien “mixtieq ferm” f’għajnejn Alla. Ir-riżultat? Danjel qal lill-anġlu: “Int saħħaħtni.”—Danjel 10:8, 11, 19.
15. Anzjani u indokraturi li jivvjaġġaw kif għandhom jibbilanċjaw it-tifħir mal-korrezzjoni?
15 Hawnhekk, allura, għandna mod ieħor kif ninkuraġġixxu lil oħrajn. Faħħarhom! Huwa faċli ħafna li taqaʼ fi spirtu kritiku u aħrax. Veru, hemm waqtiet meta l-korrezzjoni tistaʼ tkun neċessarja, speċjalment minn anzjani u indokraturi li jivvjaġġaw. Imma jkun tajjeb għalihom jekk oħrajn jiftakruhom għall-inkuraġġiment kordjali tagħhom minflok għal li juru attitudni taʼ ġudikar.
16. (a) Meta ninkuraġġixxu lid-dipressi, għala taʼ spiss m’huwiex biżżejjed li sempliċement tħeġġiġhom biex jagħmlu iżjed fis-servizz taʼ Jehovah? (b) Jehovah kif għen lil Elija meta kien dipress?
16 Partikolarment dawk li huma dipressi jeħtieġu inkuraġġiment, u Jehovah jistenna minna bħala Kristjani sħab li nkunu sors t’għajnuna—speċjalment jekk aħna anzjani. (Proverbji 21:13) X’nistgħu nagħmlu? It-tweġiba tistaʼ ma tkunx daqshekk sempliċi bħal li tgħidilhom biex jagħmlu iżjed fis-servizz taʼ Jehovah. Għala? Għaliex dak jistaʼ jimplika li d-dipressjoni tagħhom hija dovuta għax m’humiex jagħmlu biżżejjed. Dak normalment m’huwiex il-każ. Il-profeta Elija darba tant kien dipress profondament li ried imut; madankollu dan ġie fi żmien meta kien attiv estremament fis-servizz tiegħu lil Jehovah. Jehovah kif ittratta miegħu? Bagħatlu anġlu biex jipprovdilu għajnuna prattika. Elija fetaħ qalbu maʼ Jehovah, billi rrivela li ħassu li kien bla siwi daqs l-antenati mejtin tiegħu, li x-xogħol tiegħu kien kollu għal xejn, u li kien waħdu totalment. Jehovah ta widen u farrġu b’turijiet taʼ l-għaġeb tal-qawwa Tiegħu u b’assiguranzi li hu ċertament ma kienx waħdu u li x-xogħol li kien beda kien se jitlesta. Jehovah ukoll wiegħed li jagħti lil Elija sieħeb biex iħarrġu li eventwalment kien se jilħaq floku.—1 Slaten 19:1-21.
17. Anzjan kif jistaʼ jinkuraġġixxi lil xi ħadd li hu aħrax iżżejjed miegħu nnifsu?
17 Kemm huwa taʼ inkuraġġiment! Jalla aħna bl-istess mod ninkuraġġixxu lil dawk fostna li għandhom problemi emozzjonali. Fittex li tifhimhom billi tagħtihom widen! (Ġakbu 1:19) Ipprovdi faraġ Skritturali mfassal għall-ħtiġijiet individwali tagħhom. (Proverbji 25:11; 1 Tessalonkin 5:14) Biex jinkuraġġixxu lil dawk li huma ħorox iżżejjed magħhom infushom, anzjani jistgħu bil-ħlewwa joffru evidenza Skritturali li Jehovah iħobbhom u jqishom taʼ valur.a Li jiddiskutu dwar ir-rahan jistaʼ jkun mezz qawwi taʼ inkuraġġar għal dawk li jħossuhom li ma jiswew xejn. Wieħed li hu mnikket dwar xi dnub tal-passat jistaʼ jkollu bżonn jiġi muri li r-rahan naddfu jekk hu verament nidem u dar lura minn xi prattika bħal dik.—Isaija 1:18.
18. It-tagħlim tar-rahan kif għandu jintuża biex jinkuraġġixxi lil xi ħadd li ġie vvittimizzat minn ħaddieħor, bħal permezz taʼ stupru?
18 M’għandniex xi ngħidu, anzjan se jagħti attenzjoni għall-każ partikulari sabiex juża dak it-tagħlim b’mod xieraq. Ikkunsidra eżempju: Is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu kien iffigurat bil-quddiem bis-sagrifiċċji taʼ l-annimali tal-Liġi Mosajka, li kienu meħtieġa għat-tpattija tad-dnubiet kollha. (Levitiku 4:27, 28) Ma kien hemm ebda ħtieġa, iżda, li vittma taʼ stupru kellha tagħmel offerta taʼ dnub bħal din. Il-liġi qalet li ‘ma jridu jagħmlu xejn’ biex jikkastigawha. (Dewteronomju 22:25-27) Mela llum, jekk oħt ġiet attakkata u vjolentata, u dan ġegħilha jħossha maħmuġa u bla siwi, ikun xieraq li tenfasizza l-ħtieġa tagħha għar-rahan biex inaddafha minn dak id-dnub? Ċertament li le. Hi ma dinbitx billi ġiet attakkata. Huwa l-istupratur li dineb u jeħtieġ jiġi mnaddaf. Madankollu, l-imħabba murija minn Jehovah u Kristu f’li pprovdew ir-rahan tistaʼ tintuża bħala evidenza li hi ma ġietx imniġġsa f’għajnejn Alla bid-dnub taʼ xi ħadd ieħor imma li hi prezzjuża għal Jehovah u tibqaʼ fl-imħabba tiegħu.—Qabbel Mark 7:18-23; 1 Ġwann 4:16.
19. Għala m’għandniex nistennew li s-sħubija kollha maʼ ħutna rġiel u nisa se tkun inkuraġġanti, imma x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
19 Iva, tkun xi tkun is-sitwazzjoni fil-ħajja taʼ individwu, minkejja ċ-ċirkostanzi taʼ wġigħ li jistgħu jdallmu l-passat tiegħu, hu għandu jkun jistaʼ jsib inkuraġġiment fil-kongregazzjoni tal-poplu taʼ Jehovah. U hekk jagħmel jekk individwalment nistinkaw biex inqisu lil xulxin, biex inqanqlu lil xulxin, u biex ninkuraġġixxu lil xulxin kulmeta nassoċjaw flimkien. Billi aħna imperfetti, iżda, ilkoll nonqsu li nagħmlu hekk xi drabi. B’mod inevitabbli, niddiżappuntaw lil xulxin u saħansitra nweġġgħu lil xulxin kultant. Ipprovaw biex ma tiffokawx fuq in-nuqqasijiet t’oħrajn f’dan ir-rigward. Jekk tiffokaw fuq difetti, tirriskjaw li ssiru kritiċi żżejjed tal-kongregazzjoni u tistgħu saħansitra taqgħu fl-istess nassa li Pawlu kien tant ħerqan biex jgħinna nevitaw, jiġifieri, nabbandunaw il-ġbir tagħna flimkien. Jalla dak qatt ma jiġri! Hekk kif din is-sistema qadima ssir dejjem iżjed perikoluża u oppressiva, ejjew inkunu determinati b’mod sod biex nagħmlu dak li nistgħu biex is-sħubija fil-laqgħat nagħmluha edifikanti—u dan iktar hekk kif nilmħu l-jum taʼ Jehovah riesaq fil-qrib! (w95 4/1)
[Nota taʼ taħt]
a Anzjan jistaʼ jagħżel li jistudja artikli inkuraġġanti mill-Watchtower u l-Awake! maʼ individwu bħal dan—per eżempju, “Will You Benefit From Undeserved Kindness?” (“Se Tibbenefika Int Mill-Qalb Tajba M’hijiex Mistħoqqa?”) u “Winning the Battle Against Depression.” (“Nirbħu L-Battalja Kontra D-Dipressjoni”)—The Watchtower, 15 taʼ Frar u 1 taʼ Marzu, 1990.
Kif Twieġeb Int?
◻ Għala huwa vitali li l-laqgħat u s-sħubija tagħna jkunu inkuraġġanti f’dawn l-aħħar jiem?
◻ Xi jfisser li nqisu lil xulxin?
◻ Xi jfisser li nqanqlu lil xulxin?
◻ X’inhu nvolut f’li ninkuraġġixxu lil xulxin?
◻ Dawk dipressi u skuraġġiti kif jistgħu jiġu inkuraġġiti?
[Stampa f’paġna 27]
L-ospitalità tgħinna nsiru nafu lil xulxin aħjar
[Stampa f’paġna 29]
Meta Elija kien dipress, Jehovah b’qalb tajba farrġu