LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 3/1 pp. 12-16
  • Nipprattikaw ir-Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nipprattikaw ir-Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kelma “Reliġjon” fil-​Bibbja
  • “Nadifa u bla Tinġis” mill-​Ħarsa t’Alla
  • “Mingħajr Tebgħa mid-​Dinja”
  • Marki Oħrajn tar-​Reliġjon Vera
  • Ir-​Reliġjon Vera—Mod taʼ Ħajja
  • Forza Pożittiva, li Tgħaqqad
  • It-​Trijonf tar-​Reliġjon Pura
  • Ninħelsu mir-Reliġjon Falza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Il-Bibbja x’tgħid?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 3/1 pp. 12-16

Nipprattikaw ir-​Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin

“Reliġjon li hi pura u ġenwina fil-​ħarsa t’Alla l-​Missier se turi lilha nfisha b’affarijiet bħalma huma . . . li żżomm lilek innifsek bla tinġis mid-​dinja.”—ĠAKBU 1:27, Phillips.

1. Ir-​reliġjon kif ġiet definita, u min loġikament għandu d-​dritt li jiddetermina d-​differenza bejn reliġjon falza u dik vera?

IR-​RELIĠJON ġiet definita bħala “l-​espressjoni tat-​twemmin u tar-​reverenza tal-​bniedem lejn qawwa sopranaturali rikonoxxuta bħala l-​ħallieq u l-​gvernatur tal-​univers.” Min, allura, loġikament għandu d-​dritt li jiddetermina d-​differenza bejn reliġjon vera u reliġjon falza? Ċertament irid ikun Dak il-​Wieħed emmnut u meqjum, il-​Ħallieq. Jehovah wera b’mod ċar fil-​Kelma tiegħu l-​pożizzjoni tiegħu dwar ir-​reliġjon vera u dik falza.

Il-​Kelma “Reliġjon” fil-​Bibbja

2. Id-​dizzjunarji kif jispjegaw il-​kelma Griega originali tradotta “forma taʼ qima” jew “reliġjon,” u għal liema tipi taʼ qima tistaʼ tiġi applikata?

2 Il-​kelma Griega tradotta “forma taʼ qima,” jew “reliġjon,” hi thre·skeiʹa. A Greek-English Lexicon of the New Testament jiddefinixxi din il-​kelma bħala “l-​qima taʼ Alla, reliġjon, speċ[jalment] hekk kif tesprimi lilha nfisha f’servizz jew kult reliġjuż.” It-​Theological Dictionary of The New Testament jipprovdi iktar dettalji, billi jgħid: “L-​etimoloġija hija disputibbli; . . . studjużi moderni jiffavorixxu rabta maʼ therap- (‘li taqdi’). . . . Tistaʼ tiġi nnotata wkoll distinzjoni taʼ tifsir. Is-​sens tajjeb hu ‘żelu reliġjuż’ . . ., ‘qima lejn Alla,’ ‘reliġjon.’ . . . Imma hemm ukoll sens ħażin, jiġifieri, ‘eċċess reliġjuż,’ ‘qima żballjata.’” B’hekk, thre·skeiʹa tistaʼ tiġi tradotta “reliġjon” jew “forma taʼ qima,” tajba jew ħażina.

3. L-​appostlu Pawlu kif uża l-​kelma tradotta “forma taʼ qima,” u liema kumment interessanti sar dwar it-​traduzzjoni taʼ Kolossin 2:18?

3 Din il-​kelma tidher biss erbaʼ darbiet fl-​Iskrittura Kristjana Griega. L-​appostlu Pawlu użaha darbtejn biex jindika reliġjon falza. F’Atti 26:6, hu msemmi bħala li qal illi qabel ma sar Kristjan, “skond is-​setta l-​iktar stretta tal-​forma taʼ qima [“reliġjon,” Phillips] tagħna jien għext Fariżew.” Fl-​ittra tiegħu lill-​Kolossin, hu wissa: “Tħallu l-​ebda bniedem iċaħħadkom mill-​premju li jieħu gost b’umiltà taparsi u forma taʼ qima tal-​anġli.” (Kolossin 2:18) Din il-​qima tal-​anġli milli jidher kienet prevalenti fil-​Friġja f’dak iż-​żmien, imma kienet forma taʼ reliġjon falza.a Taʼ interess, fil-​waqt li xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jittraduċu thre·skeiʹa “reliġjon,” f’Kolossin 2:18 il-​biċċa l-​kbira jużaw il-​kelma “qima.” In-​New World Translation b’mod konsistenti tittraduċi thre·skeiʹa “forma taʼ qima,” fil-​waqt li nota taʼ taħt fir-​Reference Bible issemmi kull darba li t-​traduzzjoni alternattiva “reliġjon” hija wżata fil-​verżjonijiet bil-​Latin.

“Nadifa u bla Tinġis” mill-​Ħarsa t’Alla

4, 5. (a) Skond Ġakbu, il-​pożizzjoni taʼ min dwar ir-​reliġjon hija l-​iktar waħda importanti? (b) X’jistaʼ jirrendiha għalxejn il-​forma taʼ qima tat persuna, u xi tfisser il-​kelma tradotta “għalxejn”?

4 Iż-​żewġ postijiet l-​oħra fejn tidher il-​kelma thre·skeiʹa huma fl-​ittra miktuba mid-​dixxiplu Ġakbu, membru tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​kongregazzjoni Kristjana fl-​ewwel seklu. Hu kiteb: “Jekk xi bniedem jidhirlu li hu nnifsu hu adoratur formali [“li hu ‘reliġjuż,’” Phillips] u madankollu ma jliġġimx ilsienu, imma jissokta jqarraq b’qalbu stess, il-​forma taʼ qima [“reliġjon,” Phillips] taʼ dan il-​bniedem hi għalxejn. Il-​forma taʼ qima [“reliġjon,” Phillips] li hi nadifa u bla tinġis mill-​ħarsa t’Alla u Missier tagħna hi din: li tieħu ħsieb l-​iltiema u r-​romol fit-​tribulazzjoni tagħhom, u li żżomm lilek innifsek mingħajr tebgħa mid-​dinja.”−Ġakbu 1:26, 27.

5 Iva, li nosservaw il-​pożizzjoni taʼ Jehovah dwar ir-​reliġjon huwa vitali jekk irridu li jkollna l-​approvazzjoni tiegħu u li nibqgħu ħajjin għal ġod-​dinja ġdida li wiegħed. (2 Pietru 3:13) Ġakbu juri li wieħed jistaʼ jaħseb li hu verament reliġjuż u madankollu l-​forma taʼ qima tiegħu tkun għalxejn. Il-​kelma Griega hawn tradotta “għalxejn” tfisser ukoll “għażżien, vojt, bla frott, bla użu, bla qawwa, nieqes mill-​verità.” Dan jistaʼ jkun il-​każ jekk xi ħadd li jistqarr li hu Kristjan ma jliġġimx ilsienu u jużah biex ifaħħar lil Alla u biex jibni lill-​Kristjani sħabu. Hu jkun qed “iqarraq b’qalbu stess” u ma jkunx qed jipprattika “reliġjon li hi pura u ġenwina mill-​ħarsa t’Alla.” (Phillips) Hija l-​ħarsa taʼ Jehovah li tgħodd.

6. (a) X’inhi t-​tema tal-​ittra taʼ Ġakbu? (b) Ġakbu enfasizza liema ħtieġa għall-​qima pura, u l-​Ġemgħa li Tiggverna taż-​żmien modern x’qalet f’dan ir-​rigward?

6 Ġakbu ma jagħmilx lista tal-​affarijiet kollha li Jehovah jirrikjedi f’konnessjoni mal-​qima pura. F’linja mat-​tema ġenerali tal-​ittra tiegħu, li hi l-​fidi murija bix-​xogħlijiet u l-​ħtieġa li nżommu ħelsin mill-​ħbiberija mad-​dinja taʼ Satana, hu jenfasizza biss żewġ ħtiġijiet. Waħda hi “li tieħu ħsieb l-​iltiema u r-​romol fit-​tribulazzjoni tagħhom.” Din tinvolvi mħabba Kristjana vera. Jehovah minn dejjem wera tħassib taʼ mħabba għall-​iltiema u r-​romol. (Dewteronomju 10:17, 18; Malakija 3:5) Wieħed mill-​atti inizzjali tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​kongregazzjoni Kristjana fl-​ewwel seklu kien għan-​nom tar-​romol Kristjani. (Atti 6:1-6) L-​appostlu Pawlu ta struzzjonijiet dettaljati biex tiġi provduta għajnuna taʼ mħabba lil romol imdaħħlin fiż-​żmien li kienu fil-​bżonn u li kienu taw prova li kienu leali matul is-​snin u li ma kellhomx familja biex tgħinhom. (1 Timotew 5:3-16) Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah taż-​żmien modern bl-​istess mod tat struzzjonijiet preċiżi dwar kif “Nieħdu Ħsieb il-​Fqar,” billi qalet: “Il-​qima vera tinvolvi li nieħdu ħsieb uħud fidili u leali li jistgħu jkunu fil-​bżonn taʼ għajnuna materjali.” (Ara l-​ktieb Organized to Accomplish Our Ministry, paġni 122-3.) Ġemgħat taʼ anzjani jew Kristjani individwali li juru lilhom infushom negliġenti f’dan ir-​rigward qegħdin iħallu barra aspett importanti tal-​forma taʼ qima li hi nadifa u bla tinġis mill-​ħarsa t’Alla u Missier tagħna.

“Mingħajr Tebgħa mid-​Dinja”

7, 8. (a) Ġakbu semma liema ħtieġa oħra għar-​reliġjon vera? (b) Il-​kleru u l-​qassisin jilħqu din il-​ħtieġa? (ċ) X’jistaʼ jingħad dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah?

7 It-​tieni ħtieġa għar-​reliġjon vera msemmija minn Ġakbu kienet “li żżomm lilek innifsek mingħajr tebgħa mid-​dinja.” Ġesù stqarr: “Is-​saltna tiegħi ma hi ebda parti minn din id-​dinja”; b’mod konsistenti, is-​segwaċi veri tiegħu ma kellhom ikunu “ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 15:19; 18:36) Jistaʼ dan jingħad dwar il-​kleru u l-​qassisin taʼ kwalunkwe waħda mir-​reliġjonijiet taʼ did-dinja? Huma jappoġġjaw lill-​Ġnus Magħquda. Ħafna mill-​mexxejja tagħhom aċċettaw l-​istedina tal-​papa biex jiltaqgħu f’Assisi, fl-​Italja, f’Ottubru tal-​1986 biex igħaqqdu t-​talbiet tagħhom għas-​suċċess tas-​“Sena Internazzjonali tal-​Paċi” sponsorjata mill-​ĠM. Madankollu, l-​isforzi tagħhom kienu għalxejn, meta tiġġudika mill-​miljuni maqtulin fil-​gwerer taʼ dik is-​sena u fis-​snin suċċessivi. Il-​kleru taʼ spiss jitħabbeb mal-​partit politiku li jkun imexxi, fil-​waqt li b’mod qarrieq jagħmel trattati sigrieti mal-​oppożizzjoni biex b’hekk kull min imexxi jħares lejhom bħala “ħbieb.”—Ġakbu 4:4.

8 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għamlu reputazzjoni għalihom infushom bħala Kristjani li jibqgħu newtrali f’affarijiet politiċi u f’konflitti taʼ did-dinja. Huma jżommu din il-​waqfa f’kull kontinent u f’kull ġens, bħalma jixhdu rapporti tal-​istampa u kitbiet storiċi moderni f’kull parti tad-​dinja. Huma verament “mingħajr tebgħa mid-​dinja.” Huma għandhom ir-​“reliġjon li hi pura u ġenwina mill-​ħarsa t’Alla.”−Ġakbu 1:27, Phillips.

Marki Oħrajn tar-​Reliġjon Vera

9. Liema hi t-​tielet ħtieġa għar-​reliġjon vera, u għala?

9 Jekk ir-​reliġjon hi “reverenza lejn qawwa sopranaturali rikonoxxuta bħala l-​ħallieq u l-​gvernatur tal-​univers,” ċertament li r-​reliġjon vera trid tidderieġi l-​qima lejn l-​uniku veru Alla, Jehovah. Ma tridx iddallam il-​fehma tan-​nies dwar Alla billi tgħallem kunċetti pagani bħal dak taʼ alla bi tlieta fejn il-​Missier jaqsam is-​setgħa kollha, il-​glorja, u l-​eternità tiegħu maʼ żewġ persuni oħrajn fi Trinità misterjuża. (Dewteronomju 6:4; 1 Korintin 8:6) Trid tgħarraf ukoll l-​isem bla paragun t’Alla, Jehovah, u tonora dak l-​isem, tabilħaqq iġġorr l-​isem t’Alla bħala poplu organizzat. (Salm 83:18; Atti 15:14) F’din il-​ħaġa dawk li jipprattikawha jridu jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 17:6) Liema nies illum jilħqu din il-​ħtieġa ħlief ix-​Xhieda Kristjani taʼ Jehovah?

10. Biex reliġjon toffri salvazzjoni għal ġod-​dinja ġdida t’Alla, xi trid tagħmel, u għala?

10 L-​appostlu Pietru stqarr: “Iktar minn hekk, m’hemm ebda salvazzjoni f’ħadd iżjed, għax ma hemmx isem ieħor [Ġesù Kristu] taħt is-​sema li ngħata fost il-​bnedmin li bih irridu niġu salvati.” (Atti 4:8-12) Ir-​reliġjon pura li se toffri salvazzjoni għal ġod-​dinja ġdida t’Alla trid, għalhekk, tispira fidi fi Kristu u fil-​valur tas-​sagrifiċċju bħala rahan. (Ġwann 3:16, 36; 17:3; Efesin 1:7) Barra minn dan, trid tgħin lill-​adoraturi veri biex jissottomettu ruħhom lejn Kristu bħala s-​Sultan renjanti u l-​Qassis il-​Kbir midluk taʼ Jehovah.—Salm 2:6-8; Filippin 2:9-11; Ebrej 4:14, 15.

11. Ir-​reliġjon vera fuq liema ħaġa trid tkun ibbażata, u x’inhi l-​pożizzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’dan ir-​rigward?

11 Ir-​reliġjon pura trid tkun ibbażata fuq ir-​rieda rrivelata taʼ Alla wieħed u veru u mhux fuq tradizzjonijiet u filosofiji magħmulin mill-​bniedem. Ma konna nkunu nafu xejn dwar Jehovah u dwar il-​għanijiet tal-​għaġeb tiegħu, lanqas dwar Ġesù u dwar is-​sagrifiċċju bħala rahan, li kieku ma kienx għall-​Bibbja. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah irawmu fin-​nies fiduċja li ma titħarrikx fil-​Bibbja. Huma jagħtu prova wkoll bil-​għixien tagħhom minn jum għal jum li huma jaqblu mal-​istqarrija tal-​appostlu Pawlu: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-​tagħlim, għat-​twiddib, biex tiddritta l-​affarijiet, . . . biex il-​bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, imgħammar bis-​sħiħ għal kull xogħol tajjeb.”​—2 Timotew 3:16, 17.

Ir-​Reliġjon Vera—Mod taʼ Ħajja

12. Minbarra l-​fidi, x’inhu neċessarju biex qima tkun vera, u r-​reliġjon vera f’liema aspetti hi mod taʼ ħajja?

12 Ġesù ddikjara: “Alla huwa Spirtu, u dawk li qed iqimuh iridu jqimu bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:24) Ir-​reliġjon vera, jew il-​forma taʼ qima, mhix, għalhekk, xi turija minn barra ċerimonjali u ritwalistika taʼ tjieba. Il-​qima pura hija spiritwali, ibbażata fuq il-​fidi. (Ebrej 11:6) Dik il-​fidi, madankollu, trid tkun appoġġjata minn xogħlijiet. (Ġakbu 2:17) Ir-​reliġjon vera tirriffjuta xejriet popolari. Hija żżomm sod mal-​livelli tal-​Bibbja dwar moralità u kliem nadif. (1 Korintin 6:9, 10; Efesin 5:3-5) Dawk li jipprattikawha jistinkaw b’mod sinċier biex jipproduċu l-​frott tal-​ispirtu t’Alla fil-​ħajja tal-​familja tagħhom, fix-​xogħol sekulari tagħhom, fl-​iskola, u saħansitra fir-​rikreazzjoni tagħhom. (Galatin 5:22, 23) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw li qatt ma jinsew il-​parir tal-​appostlu Pawlu: “Għalhekk, kemm jekk qegħdin tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.” (1 Korintin 10:31) Ir-​reliġjon tagħhom mhix sempliċi formaliżmu; hija mod taʼ ħajja.

13. Il-​qima vera x’tinvolvi, u għala jistaʼ jingħad li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma verament nies reliġjużi?

13 M’għandniex xi ngħidu, ir-​reliġjon vera tinvolvi attivitajiet spiritwali. Dawn jinkludu talb persunali u mal-​familja, l-​istudju regulari tal-​Kelma t’Alla u taʼ għajnuniet għal studju tal-​Bibbja, u li tattendi għal laqgħat tal-​kongregazzjoni Kristjana vera. Dawn tal-​aħħar jibdew u jispiċċaw b’għanjiet taʼ tifħir lil Jehovah u bit-​talb. (Mattew 26:30; Efesin 5:19) Suġġetti spiritwali li jibnu jiġu eżaminati permezz taʼ taħdidiet u diskussjonijiet b’mistoqsijiet u tweġibiet taʼ materjal stampat li jistaʼ jinkiseb minn kulħadd. Laqgħat bħal dawn ġeneralment jinżammu fi Swali tas-​Saltna miżmumin tajjeb imma mhux imżejnin b’mod elaborat, liema swali jintużaw esklussivament għal għanijiet reliġjużi: laqgħat regulari, żwiġijiet, funerali. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrispettaw is-​Swali tas-​Saltna u s-​Swali akbar tal-​Assembleat li għandhom bħala postijiet iddedikati għall-​qima taʼ Jehovah. Kuntrarju għal ħafna knejjes fil-​Kristjaneżmu, is-​Swali tas-​Saltna m’humiex każini.

14. Il-​qima x’kienet tfisser għal nies li kienu jitkellmu bl-​Ebrajk, u liema attività tiddistingwi lix-​Xhieda taʼ Jehovah illum?

14 Rajna qabel li xi studjużi jorbtu l-​kelma Griega tradotta “forma taʼ qima” jew “reliġjon” mal-​verb “li taqdi.” Taʼ interess, l-​ekwivalenti Ebrajk, ‛avo·dhahʹ, jistaʼ jiġi tradott “servizz” jew “qima.” (Qabbel in-​noti taʼ taħt għal Eżodu 3:12 u 10:26.) Għall-​Ebrej, qima kienet tfisser servizz. U dan ħu li tfisser għall-​adoraturi veri llum. Marka importanti ħafna u distintiva tar-​reliġjon vera hi li dawk kollha li jipprattikawha jieħdu sehem fis-​servizz taʼ tjieba tal-​ippridkar taʼ “din l-​aħbar tajba tas-​saltna . . . fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:14; Atti 1:8; 5:42) Liema reliġjon hi magħrufa mad-​dinja kollha għall-​għoti taʼ xiehda fil-​pubbliku dwar is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama tal-​umanità?

Forza Pożittiva, li Tgħaqqad

15. Liema hi karatteristika li tispikka tar-​reliġjon vera?

15 Ir-​reliġjon falza tifred. Hija kkaġunat, u għadha tikkaġuna, mibgħeda u tixrid taʼ demm. Għall-​kuntrarju, ir-​reliġjon vera tgħaqqad. Ġesù stqarr: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) L-​imħabba li tgħaqqad lix-​Xhieda taʼ Jehovah tissupera l-​fruntieri nazzjonali, soċjali, ekonomiċi, u razzjali li jifirdu lill-​bqija tal-​umanità. Ix-​Xhieda qegħdin ‘iżommu sodi fi spirtu wieħed, billi b’ruħ waħda jistinkaw ġenb maʼ ġenb għall-​fidi tal-​aħbar tajba.’—Filippin 1:27.

16. (a) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah liema “aħbar tajba” jippridkaw? (b) Liema profeziji qegħdin jitwettqu fuq il-​poplu taʼ Jehovah, u liema barkiet segwew?

16 L-​“aħbar tajba” li huma jippridkaw hi li dalwaqt se jitwettaq il-​għan li qatt ma jitbiddel t’Alla. Ir-​rieda tiegħu se sseħħ, “kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) L-​isem glorjuż taʼ Jehovah se jiġi mqaddes, u l-​art se ssir ġenna, fejn adoraturi veri se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem. (Salm 37:29) Litteralment miljuni taʼ nies f’kull art qegħdin jassoċjaw max-​Xhieda taʼ Jehovah, billi jgħidu, bi twettieq tal-​profezija tal-​Bibbja: “Aħna se mmorru magħkom, għax smajna li Alla qiegħed magħkom.” (Żakkarija 8:23) Jehovah qed ibierek lill-​poplu tiegħu. “Iċ-​ċkejken” sar verament “ġens setgħani,” kongregazzjoni dinjija magħquda kompletament f’kull aspett—fil-​ħsieb, fix-​xogħol, fil-​qima. (Isaija 60:22) Din hi xi ħaġa li r-​reliġjon falza qatt ma setgħet twettaq.

It-​Trijonf tar-​Reliġjon Pura

17. X’hemm maħżun għal Babilonja l-​Kbira, u dan kif se jseħħ?

17 Il-​Kelma t’Alla bassret il-​qerda tal-​imperu dinji tar-​reliġjon falza, imsejjaħ simbolikament “Babilonja l-​Kbira.” Il-​Bibbja tirrappreżenta wkoll lis-​“slaten,” jew mexxejja politiċi, tal-​art bis-​simbolu tal-​qran taʼ bhima selvaġġa. Hi tgħidilna li Alla se jpoġġi fil-​qlub taʼ dawn il-​mexxejja l-​għan li jwaqqgħu u jeqirdu għalkollox lil din l-​istituzzjoni bħal mara żienja taʼ Satana x-​Xitan.—Ara Rivelazzjoni 17:​1, 2, 5, 6, 12, 13, 15-18.b

18. Il-​Bibbja liema raġuni importanti tagħti għala se tinqered Babilonja l-​Kbira, u meta bdiet ir-​reliġjon falza f’din il-​korsa li tkexkex?

18 Babilonja l-​Kbira għala tixirqilha l-​qerda? Il-​Bibbja twieġeb: “Fiha nstab id-​demm tal-​profeti u tal-​qaddisin u taʼ dawk kollha li ġew imbiċċrin fuq l-​art.” (Rivelazzjoni 18:24) Billi juri li din il-​ħtija taʼ demm ikkaġunata mir-​reliġjon falza tmur lura saħansitra iktar mit-​tisjis taʼ Babilonja, Ġesù kkundanna lill-​mexxejja reliġjużi tal-​Ġudaiżmu, li kien ingħaqad maʼ Babilonja l-​Kbira, meta qal: “Serpenti, nisel il-​lifgħat, kif sejrin taħarbu mill-​ġudizzju taʼ Geħenna? . . . [Se] jiġi fuqkom id-​demm twajjeb kollu mxerred fuq l-​art, mid-​demm tat-​twajjeb Abel.” (Mattew 23:33-35) Iva, ir-​reliġjon falza, li bdiet fuq l-​art fiż-​żmien tal-​irvell f’Għeden, trid twieġeb għall-​ħtija taʼ demm tagħha li tkexkex.

19, 20. (a) L-​adoraturi veri x’se jagħmlu wara li l-​ġudizzju jkun ġie esegwit fuq Babilonja l-​Kbira? (b) Imbagħad x’se jiġri, u liema prospett se jinfetaħ quddiem l-​adoraturi veri kollha?

19 Wara l-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​adoraturi veri fuq l-​art se jgħaqqdu l-​vuċijiet tagħhom mal-​kor tas-​sema li jkanta: “Faħħru lil Jah! . . . Għax hu esegwixxa l-​ġudizzju fuq il-​mara żienja l-​kbira . . ., u hu vvindika d-​demm tal-​irsiera tiegħu taħt idha. . . . U d-​duħħan minnha jibqaʼ tielaʼ għal dejjem taʼ dejjem.”−Rivelazzjoni 19:1-3.

20 Imbagħad il-​partijiet l-​oħrajn li jifformaw l-​organizzazzjoni viżibbli taʼ Satana se jiġu meqrudin. (Rivelazzjoni 19:17-21) Wara dan, Satana, il-​fundatur tar-​reliġjon falza kollha, u d-​demonji tiegħu se jintefgħu fl-​abbiss. Qatt iżjed ma se jkunu ħelsin biex jippersegwitaw lill-​adoraturi veri taʼ Jehovah. (Rivelazzjoni 20:1-3) Ir-​reliġjon pura se tkun ittrijonfat fuq dik falza. Irġiel u nisa leali li jagħtu kas tat-​twissija divina biex jaħarbu issa minn Babilonja l-​Kbira se jkollhom l-​opportunità li jibqgħu ħajjin u jidħlu fid-​dinja ġdida t’Alla. Hemm, se jkunu jistgħu jipprattikaw ir-​reliġjon vera u jaqdu b’qima lil Jehovah għal dejjem.

[Noti taʼ taħt]

a Għal spjegazzjoni tal-​qima tal-​anġli msemmija f’​Kolossin 2:18, ara The Watchtower, tal-​15 taʼ Lulju, 1985, paġni 12-13.

b Għal spjegazzjoni sħiħa taʼ din il-​profezija ara l-​ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand! ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., kapitli 33-6.

Ittestja l-​Memorja Tiegħek

◻ Il-​pożizzjoni taʼ min dwar ir-​reliġjon hija l-​iktar importanti, u għala?

◻ Ġakbu liema żewġ ħtiġijiet għar-​reliġjon vera enfasizza?

◻ Liema huma ħtiġijiet oħrajn għall-​qima pura?

◻ Ix-​Xhieda taʼ Jehovah liema “aħbar tajba” qegħdin jippridkaw?

Ir-reliġjon vera kif se tittrijonfa fuq ir-​reliġjon falza?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja