Ngħinu lir-Romol fid-Diffikultajiet Tagħhom
WAĦDA mill-iktar stejjer magħrufin dwar ir-romol tinsab fil-Bibbja fir-rakkont dwar Rut u l-kunjata tagħha, Nagħomi. Dawn iż-żewġ nisa kienu t-tnejn romol. Iżda Nagħomi ma tilfitx biss lil żewġha imma tilfet ukoll liż-żewġ uliedha subien, li wieħed minnhom kien ir-raġel taʼ Rut. Is-sitwazzjoni tagħhom kienet verament tal-biki għaliex huma kienu jgħixu f’soċjetà li fiha l-biedja kienet il-mezz ewlieni t’għajxien, u kważi kollox kien jiddependi mill-irġiel.—Rut 1:1-5, 20, 21.
Madankollu, Nagħomi kellha ħabiba speċjali ferm li kienet ukoll taʼ faraġ kbir għaliha. Din kienet Rut, il-mara taʼ binha, li b’xejn ma riedet tabbandunaha. Maż-żmien, Rut uriet li kienet “aħjar minn sebaʼ wlied,” għal Nagħomi, mhux biss minħabba l-imħabba profonda li kellha lejn Nagħomi, imma wkoll minħabba l-imħabba li kellha lejn Alla. (Rut 4:15) Meta Nagħomi ssuġġeriet li Rut tmur lura Mowab għand il-familja u l-ħbieb tagħha, ir-risposta li tatha Rut kienet waħda mill-iktar espressjonijiet taʼ lealtà li qatt inkitbu u li verament tmisslek qalbek: “Fejn tmur int, immur jien; fejn toqgħod int, noqgħod jien; niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi; fejn tmut int, immut jien; u hemm nindifen. Dan jagħmilli, u aktar, il-Mulej, jekk ma tkunx il-mewt li tifridna.”—Rut 1:16, 17.
Alla Jehovah nnotaha l-attitudni taʼ Rut. Hu bierek lill-familja ċkejkna taʼ Nagħomi u Rut, u maż-żmien Rut iżżewġet lil Bogħaż l-Iżraeli. Lil binhom, li sar wieħed mill-antenati taʼ Ġesù Kristu, kienet tieħu ħsiebu Nagħomi, u dan għamlitu bħallikieku kien binha stess. Dan ir-rakkont storiku huwa eżempju taʼ kemm Jehovah għandu għal qalbu lir-romol li jersqu qrib lejh u jafdaw fih. Iżjed minn hekk, il-Bibbja tgħidilna li hu jgħożżhom ħafna lil dawk li bl-imħabba kollha jgħinu lir-romol fid-diffikultajiet tagħhom. Għalhekk, kif nistgħu aħna llum nappoġġaw lir-romol li hemm fostna?—Rut 4:13, 16-22; Salm 68:6 [68:5, NW].
Għajnuna Speċifika bla Ma Nimponu
Meta toffri biex tgħin lil xi armla, l-aħjar li tispjega ruħek b’mod ċar u turi x’għajnuna trid tagħti bla ma timponi. Evita kummenti bħal, “Ara jekk ikollok bżonn xi ħaġa, għidli.” Dan ikun bħallikieku qed tgħid lil xi ħadd li qed imut bil-bard u bil-ġuħ, ‘żomm sħun u mitmugħ tajjeb’ bla ma tagħmel xejn biex tgħinu. (Ġakbu 2:16) Ħafna ma jitolbukx biex tgħinhom meta jkollhom bżonn xi ħaġa, u jippreferu jibqgħu jbatu biex ma jdejqu lil ħadd. Jeħtieġ id-dehen biex tkun tistaʼ tinduna xi jkollhom bżonn u tgħinhom. Mill-banda l-oħra, meta wieħed ikun irid jindaħal f’kollox, billi kważi ma jħallix lill-armla tgħix ħajjitha kif trid hi, dan jistaʼ jwassal għal uġigħ taʼ qalb jew konflitt. Għalhekk, il-Bibbja tisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm il-bilanċ fil-mod kif naġixxu maʼ xulxin. Filwaqt li tinkuraġġina biex bla egoiżmu nieħdu interess persunali fin-nies, tfakkarna biex ma nindaħlux fejn ma jesagħniex.—Filippin 2:4; 1 Pietru 4:15.
Rut użat il-bilanċ fil-mod kif aġixxiet maʼ Nagħomi. Waqt li bil-lealtà kollha Rut baqgħet qrib il-kunjata tagħha, hi ma sforzathiex jew iddominatha. Ħadet il-passi meħtieġa, bħal li takkwista l-ikel għal Nagħomi u għaliha stess, imma fl-istess ħin kienet toqgħod fuq dak li kienet tgħidilha Nagħomi.—Rut 2:2, 22, 23; 3:1-6.
M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd hu l-istess. Hemm min għandu bżonn ħaġa u min oħra. Sandra, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, tgħid: “Sibt dak li kelli bżonn meta kont imnikkta—kont imdawra minn ħbieb tal-qalb li jħobbuni.” Elaine, li wkoll issemmiet qabel, mill-banda l-oħra, kellha bżonn toqgħod waħedha għal xi żmien. Għalhekk, li tkun t’għajnuna jfisser li tuża d-dehen u turi l-bilanċ billi tirrispetta l-privatezza taʼ dak li jkun u tkun disponibbli biex tagħti l-għajnuna meta din tkun meħtieġa.
Appoġġ mill-Familja
Meta l-membri tal-familja, jekk din għandha familja, juru mħabba u għożża lejn l-armla, hi se tħossha iktar kapaċi biex tkampa man-niket tagħha. Għalkemm xi membri tal-familja jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jgħinu iktar minn membri oħra, ilkoll jistgħu jagħtu sehemhom. “Jekk mara armla għandha l-ulied jew ulied uliedha, dawn għandhom jitgħallmu l-ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-familja tagħhom u jroddu lill-ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla.”—1 Timotju 5:4.
Ħafna drabi, ma jkunx hemm bżonn t’appoġġ finanzjarju. Xi romol ikollhom biżżejjed flus imfaddlin biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom. Oħrajn jieħdu l-benefiċċji soċjali li jistgħu jinkisbu f’ċerti pajjiżi. Imma fil-każ li jkun hemm romol li għandhom bżonn l-għajnuna, il-membri tal-familja huma fid-dmir li jgħinuhom. Jekk armla m’għandhiex min jiġi minnha biex ikun jistaʼ joffrilha l-għajnuna meħtieġa, jew jekk il-qraba tagħha ma jistgħux jgħinuha, l-Iskrittura tinkuraġġixxi lil sħabha fit-twemmin biex jgħinuha: “Quddiem Alla u Missierna t-tjieba safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom.”—Ġakbu 1:27.
Dawk li jaġixxu fi qbil maʼ dawn il-prinċipji tal-Bibbja verament ‘iweġġħu lir-romol.’ (1 Timotju 5:3) Meta tweġġaħ lil xi ħadd, fil-fatt, tkun qed turi rispett lejh. Nies li jintwerew ġieħ iħossuhom stmati, maħbubin, u mogħtijin id-dinjità. M’humiex se jħossu li l-oħrajn qed jgħinuhom sempliċement għaliex iħossu li hu d-dmir tagħhom li jagħmlu hekk. Għalkemm Rut infisha kienet armla għal xi żmien, verament stmat lil Nagħomi bil-ġieħ billi minn jeddha u bl-imħabba kollha kienet tieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali taʼ Nagħomi. Fil-fatt, Rut ma damitx ma kisbet fama bħala mara mill-aħjar, tant li r-raġel li kienet se tiżżewweġ qalilha: “Il-belt kollha tal-poplu tiegħi taf li inti mara sewwa.” (Rut 3:11, Karm Żammit) Fl-istess ħin, l-imħabba li Nagħomi kellha lejn Alla, il-karattru ħelu tagħha, u l-apprezzament li kienet turi għal dak kollu li Rut kienet tagħmel magħha bla ebda dubju għenu lil Rut biex dak li tagħmel tagħmlu minn qalbha. X’eżempju mill-aħjar hi Nagħomi għar-romol kollha llum!
Ersaq Qrib Lejn Alla
M’għandniex xi ngħidu, il-membri tal-familja u l-ħbieb ma jistgħux jimlew il-vojt li jkun tħalla minħabba l-mewt tas-sieħeb jew sieħba. Minħabba f’hekk, huwa importanti li l-persuna li tkun romlot tersaq qrib ferm lejn “Missier il-ħniena u Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fl-hemm kollu tagħna.” (2 Korintin 1:3, 4) Ikkunsidra l-eżempju taʼ Anna, armla devota li kellha 84 sena fiż-żmien meta twieled Ġesù.
Meta Anna tilfet lil żewġha wara li kienu ilhom biss sebaʼ snin miżżewġin, hi strieħet fuq Jehovah għall-faraġ. “[Hi] ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.” (Luqa 2:36, 37) Għoġbitu lil Jehovah d-devozzjoni taʼ Anna lejh? Iva! Hu wera l-imħabba tiegħu lejha b’mod verament speċjali billi ħallieha tara b’għajnejha lit-tarbija tifel li meta jikber kien se jkun is-Salvatur tad-dinja. Kemm ħadet gost u ħassitha mfarrġa Anna! B’mod ċar hi rat kemm huwa minnu l-kliem taʼ Salm 37:4: “Qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek.”
Alla Juża lill-Kristjani Sħabna
Elaine tistqarr: “Għal ħafna żmien wara li miet David, kont inħoss uġigħ fiżiku, bħallikieku xi ħadd qed jgħawwar b’xi sikkina fuq il-qafas taʼ sidri. Kont naħseb li kien ġej mill-istonku. Darba tant kien kbir dan l-uġigħ li ħsibt li kien se jkolli mmur għand it-tabib. Oħt spiritwali, ħabiba kbira tiegħi, li indunat b’dan qaltli li x’aktarx kollox kien kaġun tan-niket li kont qed inħoss u inkuraġġietni biex nitlob lil Jehovah għall-għajnuna u l-faraġ. Ħadt il-parir tagħha dak il-ħin stess u minn taħt l-ilsien tlabt b’qalbi kollha lil Jehovah biex jieqaf miegħi fin-niket tiegħi. U hekk għamel!” Elaine bdiet tħossha aħjar, u ftit taż-żmien wara anki l-uġigħ fiżiku li kellha marilha.
Speċjalment l-anzjani tal-kongregazzjoni jistgħu b’qalb tajba joffru l-ħbiberija tagħhom lil romol imnikktin. Billi jipprovdu regolarment appoġġ spiritwali u faraġ bit-tattika u bid-dehen, l-anzjani jistgħu jgħinuhom iżommu relazzjoni intima maʼ Jehovah minkejja dak li jkunu għaddejjin minnu. Fejn ikun hemm bżonn, l-anzjani jistgħu wkoll jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex tingħata għajnuna materjali. Dawn l-anzjani mimlijin dehen u mogħdrija verament isiru “lqugħ għar-riħ.”—Isaija 32:2; Atti 6:1-3.
Faraġ Permanenti mis-Sultan il-Ġdid taʼ l-Art
Dak li lilu x-xwejħa Anna tant ħadet gost tara madwar elfejn sena ilu issa sar is-Sultan Messjaniku tas-Saltna t’Alla fis-sema. Dan il-gvern dalwaqt se jneħħi min-nofs kull kaġun taʼ niket, inkluż il-mewt. Fi qbil maʼ dan, Apokalissi 21:3, 4 jgħid: “Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin . . . Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” Innotajt int li din l-iskrittura tirreferi għall-“bnedmin”? Iva, il-bnedmin se jinħelsu mill-mewt, mill-biki, u mill-għajat kollu li jiġu minħabba fiha.
Imma hemm saħansitra iktar aħbarijiet sbieħ! Il-Bibbja twiegħed ukoll irxoxt tal-mejtin. “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Preċiż bħalma ġralu Lazzru, li Ġesù kien qajmu mill-mewt, huma se joħorġu bħala bnedmin, u mhux bħala spirti. (Ġwann 11:43, 44) Dawk li minn dakinhar ’il quddiem ‘jagħmlu t-tajjeb’ se jiksbu l-perfezzjoni umana u Jehovah, bħala missierhom, se jieħu ħsiebhom personalment hekk kif ‘jiftaħ idu u jaqtaʼ x-xewqa taʼ kull maħluq.’—Salm 145:15, 16, KŻ.
Dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt u li jpoġġu l-fidi tagħhom f’din it-tama ċerta jsibu li din tant tfarraġhom. (1 Tessalonikin 4:13) Għalhekk, jekk int armla, kun ċerta li ‘titlob bla heda’ għall-faraġ u għall-għajnuna li teħtieġ kuljum biex tkun tistaʼ tiflaħ id-diversi tagħbijiet li jistaʼ jkollok. (1 Tessalonikin 5:17; 1 Pietru 5:7) Sib ħin kuljum biex taqra l-Kelma t’Alla sabiex il-ħsibijiet t’Alla jistgħu jkunu taʼ faraġ għalik. Jekk tagħmel dawn l-affarijiet, tara kemm, minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi kollha li tiffaċċja bħala armla, Jehovah verament jistaʼ jgħinek issib il-paċi.
[Kumment f’paġna 5]
Li tkun t’għajnuna jfisser li turi bilanċ bejn li tirrispetta l-privatezza taʼ dak li jkun u li tkun disponibbli meta tkun meħtieġa l-għajnuna
[Stampa f’paġna 7]
Anna, l-armla xwejħa, ġiet imbierka minn Alla