Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ittri taʼ Ġakbu u taʼ Pietru
KWAŻI 30 sena wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., id-dixxiplu Ġakbu—ħu Ġesù mill-omm—jikteb ittra “lit-tnax-il tribù” taʼ Israel spiritwali. (Ġak. 1:1) Il-mira tiegħu: biex iħeġġiġhom ħalli jkunu b’saħħithom fil-fidi u juru s-sabar meta jiffaċċjaw il-provi. Hu jipprovdi wkoll pariri biex jikkoreġi kundizzjonijiet inkwetanti li żviluppaw fil-kongregazzjonijiet.
Fis-sena 64 E.K., eżatt qabel il-kampanja taʼ persekuzzjoni mill-Imperatur Ruman Neruni, l-appostlu Pietru jikteb l-ewwel ittra tiegħu indirizzata lill-Kristjani, biex jinkuraġġihom ħalli jibqgħu sodi fil-fidi. Fit-tieni ittra tiegħu, miktuba ftit wara l-ewwel waħda, Pietru jinkuraġġixxi lil sħabu fit-twemmin biex joqogħdu attenti għall-kelma t’Alla u jwissihom dwar il-miġja taʼ jum Ġeħova. Tabilħaqq, aħna nistgħu nibbenefikaw jekk noqogħdu attenti għall-messaġġi taʼ l-ittri taʼ Ġakbu u taʼ Pietru.—Ebr. 4:12.
ALLA JAGĦTI L-GĦERF LIL DAWK LI ‘JITOLBU BIL-FIDI’
“Hieni l-bniedem li jibqaʼ jissaporti l-provi,” jikteb Ġakbu, “għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-kuruna tal-ħajja.” Lil dawk li ‘jibqgħu jitolbu bil-fidi,’ Ġeħova jagħtihom l-għerf meħtieġ biex jissaportu l-provi.—Ġak. 1:5-8, 12.
Il-fidi u l-għerf huma meħtiġin ukoll minn dawk li “jsiru għalliema” fil-kongregazzjoni. Wara li jidentifika l-ilsien bħala “membru ċkejken” li kapaċi “jtebbaʼ l-ġisem kollu,” Ġakbu jwissi dwar tendenzi dinjin li jistgħu jħassru r-relazzjoni li dak li jkun jistaʼ jkollu m’Alla. Hu jindika wkoll il-passi li għandu jieħu kulmin hu marid spiritwalment sabiex ifiq.—Ġak. 3:1, 5, 6; 5:14, 15.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:13—“Il-ħniena” b’liema mod “tifraħ bir-rebħa fuq il-ġudizzju”? Meta niġu biex nagħtu kont tagħna nfusna lil Alla, hu jqis il-ħniena li nkunu wrejna lil oħrajn u jaħfrilna fuq il-bażi tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ibnu. (Rum. 14:12) M’hijiex din raġuni waħda biex il-ħniena nagħmluha kwalità dominanti f’ħajjitna?
4:5—Ġakbu liema skrittura qed jikkwota hawnhekk? Ġakbu mhux qed jikkwota xi vers speċifiku. Madankollu, dan il-kliem ispirat b’mod divin jistaʼ jkun li hu bbażat fuq il-ħsieb ġenerali li hemm wara skritturi bħalma huma Ġenesi 6:5; 8:21; Proverbji 21:10; u Galatin 5:17.
5:20—“Dak li jreġġaʼ midneb lura mill-iżball li kien miexi fih” ir-ruħ taʼ min isalva mill-mewt? Kristjan li jreġġaʼ midneb lura minn triq midinba jsalva r-ruħ taʼ l-individwu niedem mill-mewt spiritwali u forsi mill-qerda taʼ dejjem. L-individwu li jgħin lill-midneb b’dan il-mod se ‘jgħattilu [ukoll] kotra taʼ dnubiet.’
Lezzjonijiet Għalina:
1:14, 15. Id-dnub jibda b’xewqa mhix xierqa. Għalhekk, m’għandniex niżviluppaw xewqat ħżiena billi noqogħdu naħsbu fuqhom. Minflok, għandna bżonn ‘inkomplu naħsbu’ fuq affarijiet li jibnu u nimlew imħuħna u qlubna bihom.—Flp. 4:8.
2:8, 9. Il-fatt li ‘nħarsu lejn l-uċuħ’ hu kuntrarju għal-“liġi nobbli” taʼ l-imħabba. Għaldaqstant, il-Kristjani veri ma jħarsux lejn l-uċuħ.
2:14-26. Aħna niġu “salvati permezz tal-fidi,” mhux “bis-saħħa taʼ l-għemejjel” tal-Liġi Mosajka jew taʼ l-għemejjel li nwettqu bħala Kristjani. Il-fidi tagħna għandha tkun iktar milli sempliċement ngħidu li nemmnu f’Alla. (Efes. 2:8, 9; Ġw. 3:16) Għandha tqanqalna biex naġixxu kif jogħġob lil Alla.
3:13-17. “L-għerf li ġej minn fuq” żgur li hu superjuri għall-għerf “taʼ l-art, taʼ l-annimali, tad-demonji”! Għandna ‘nibqgħu nfittxu għall-għerf divin bħal teżori moħbijin.’—Prov. 2:1-5.
3:18. Iż-żerriegħa taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna għandha tinżeraʼ bil-paċi minn “dawk li qegħdin iġibu l-paċi.” Huwa importanti li aħna nkunu wħud li jġibu l-paċi u mhux inkunu arroganti, argumentattivi, jew naqilgħu l-inkwiet.
‘IEQFU SODI FIL-FIDI’
Pietru jfakkar lil sħabu fit-twemmin dwar it-“tama ħajja” tagħhom taʼ wirt fis-sema. “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis,’” jgħidilhom Pietru. Wara li jagħtihom pariri speċifiċi dwar is-sottomissjoni, hu jħeġġiġhom biex ilkoll ikunu ‘fehma waħda, billi jħossu għal xulxin, juru affezzjoni lejn l-aħwa, jagħdru b’tenerezza, ikunu umli.’—1 Pt. 1:3, 4; 2:9; 3:8.
Ladarba “qorob it-tmiem” tas-sistema Lhudija, Pietru jagħti parir lil ħutu biex ‘ikunu moħħhom f’loku, u joqogħdu attenti u ma jittraskurawx it-talb.’ Hu jgħidilhom: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. . . . Iqfulu [lil Satana], sodi fil-fidi.”—1 Pt. 4:7; 5:8, 9.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
3:20-22—Il-magħmudija kif issalvana? Il-magħmudija hija ħtieġa għal dawk li qed ifittxu s-salvazzjoni. Madankollu, il-magħmudija nfisha ma ssalvaniex. Is-salvazzjoni hi attwalment “permezz taʼ l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu.” Il-kandidat għall-magħmudija jrid ikollu l-fidi li s-salvazzjoni hi possibbli biss għaliex Ġesù miet mewta taʼ sagrifiċċju, ġie rxoxtat, u “qiegħed fuq il-leminija t’Alla,” u għandu l-awtorità fuq il-ħajjin u l-mejtin. Il-magħmudija msejsa fuq fidi bħal din tikkorrispondi maʼ ‘tmien erwieħ li nġarrew mill-ilma u ġew salvati.’
4:6—Min kienu l-“mejtin” li lilhom ‘ixxandret l-aħbar tajba’? Dawn kienu wħud li kienu ‘mejtin minħabba n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħhom,’ jew li kienu mejtin spiritwalment, qabel ma semgħu l-aħbar tajba. (Efes. 2:1) Iżda, wara li poġġew il-fidi tagħhom fl-aħbar tajba, huma bdew “jgħixu” spiritwalment.
Lezzjonijiet Għalina:
1:7. Biex il-fidi tagħna jkollha valur kbir, trid tkun taʼ kwalità provata, jew testjata. Fidi b’saħħitha bħal din tabilħaqq li ‘żżomm ir-ruħ ħajja.’ (Ebr. 10:39) M’għandniex nerġgħu lura meta l-fidi tagħna tiġi testjata.
1:10-12. L-anġli xtaqu jkunu jafu u jifhmu l-veritajiet spiritwali u profondi li l-profeti li kellu Alla fil-qedem kitbu dwar il-kongregazzjoni Kristjana midluka. Madankollu, dawn l-affarijiet iċċaraw biss meta Ġeħova beda jittratta mal-kongregazzjoni. (Efes. 3:10) M’għandniex aħna nsegwu l-eżempju taʼ l-anġli u nistinkaw biex ngħarblu l-“affarijiet profondi t’Alla”?—1 Kor. 2:10.
2:21. Biex nimitaw lix-Xempju tagħna, Ġesù Kristu, għandna nkunu lesti li nsofru saħansitra sal-punt li mmutu sabiex nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova.
5:6, 7. Meta nixħtu l-ansjetà tagħna fuq Ġeħova, hu jgħinna biex f’ħajjitna nibqgħu nagħtu l-prijorità lill-qima vera minflok ma nkunu konċernati żżejjed dwar x’se jġib l-għada.—Mt. 6:33, 34.
“IL-JUM TAʼ ĠEĦOVA SE JIĠI”
“Il-profezija qatt ma ġiet bir-rieda tal-bniedem,” jikteb Pietru, “imma xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.” Il-fatt li noqogħdu attenti għall-kelma profetika jistaʼ jipproteġina minn “għalliema foloz” u minn individwi korrotti oħrajn.—2 Pt. 1:21; 2:1-3.
“Fl-aħħar jiem jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt u jieħdu kollox biż-żuffjett,” iwissi Pietru. Imma “l-jum taʼ Ġeħova se jiġi bħal ħalliel.” Pietru jagħlaq l-ittra tiegħu b’parir sod għal dawk ‘li qed jistennew u jżommu dejjem f’moħħhom il-preżenza taʼ dan il-jum.’—2 Pt. 3:3, 10-12.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:19—Min hu “l-kewkba taʼ fil-għodu,” meta jitlaʼ, u kif inkunu nafu li dan ikun ġara? Il-“kewkba taʼ fil-għodu” hi Ġesù Kristu fil-qawwa tas-Saltna. (Riv. 22:16) Fl-1914, Ġesù telaʼ quddiem il-ħolqien kollu bħala s-Sultan Messjaniku, billi ħabbar iż-żerniq taʼ jum ġdid. It-trasfigurazzjoni pprovdiet viżjoni bħala ħarsa bil-quddiem tal-glorja u l-qawwa tas-Saltna taʼ Ġesù, billi enfasizzat iċ-ċertezza tal-kelma profetika t’Alla. Jekk noqogħdu attenti għal din il-kelma, qlubna jiddawlu, u b’hekk insiru konxji li l-Kewkba taʼ fil-għodu telgħet.
2:4—X’inhu “Tartaru,” u l-anġli ribellużi meta ġew mitfugħin fih? Tartaru hu kundizzjoni bħal ħabs li fih jiġu mitfugħin ħlejjaq spirti biss—mhux bnedmin. Huwa stat taʼ dlam ċappa mentali rigward l-iskopijiet brillanti t’Alla. Dawk f’Tartaru m’għandhom l-ebda tama għall-futur. Alla tefaʼ lill-anġli diżubbidjenti f’Tartaru fi żmien Noè, u se jibqgħu f’dik il-kundizzjoni degradanti sakemm jiġu meqrudin.
3:17—Pietru x’ried ifisser b’“għarfien bil-quddiem”? Pietru kien qed jirreferi għall-għarfien bil-quddiem, jew l-għarfien minn qabel, dwar ġrajjiet futuri li ngħata b’ispirazzjoni lilu u lil kittieba Bibliċi oħrajn. Ladarba dan ma kienx għarfien infinit, il-Kristjani tal-bidu li kellhom dan l-għarfien ma kinux jafu d-dettalji kollha dwar il-ġrajjiet futuri. Huma saru jafu biss l-aspett ġenerali taʼ dak li setgħu jistennew.
Lezzjonijiet Għalina:
1:2, 5-7. Minbarra li jgħinna niżdiedu fl-“għarfien eżatt dwar Alla u dwar Ġesù,” l-isforz ħerqan li nagħmlu biex nikkultivaw kwalitajiet bħalma huma l-fidi, is-sabar, u d-devozzjoni lejn Alla jistaʼ ma jħalliniex inkunu “inattivi jew bla frott” rigward dan l-għarfien.—2 Pt. 1:8.
1:12-15. Biex nibqgħu “stabbiliti sew fil-verità” neħtieġu tfakkiriet il-ħin kollu, bħal dawk li nirċievu permezz tal-laqgħat tal-kongregazzjoni, l-istudju persunali, u l-qari tal-Bibbja.
2:2. Għandna noqogħdu attenti biex il-kondotta tagħna ma ġġibx tmaqdir fuq Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu.—Rum. 2:24.
2:4-9. Meta nqisu dak li għamel fil-passat, nistgħu nkunu ċerti li “Ġeħova jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh, imma jżomm lil dawk li huma inġusti għall-qtugħ f’jum il-ġudizzju.”
2:10-13. Waqt li l-“glorjużi,” jiġifieri, l-anzjani Kristjani, għandhom in-nuqqasijiet u kultant jistgħu jiżbaljaw, aħna m’għandniex immaqdruhom.—Ebr. 13:7, 17.
3:2-4, 12. Jekk noqogħdu attenti ferm għal “dak li ngħad qabel mill-profeti mqaddsa u l-kmandament li ta l-Mulej u s-Salvatur” niġu megħjunin biex nibqgħu ffokati fuq kemm hu qrib jum Ġeħova.
3:11-14. Bħala dawk li qed ‘nistennew u nżommu dejjem f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova,’ għandna (1) ‘inkunu qaddisin fil-kondotta,’ billi nżommu l-indafa fiżika, mentali, morali, u spiritwali; (2) noktru b’għemejjel li jirriflettu d-“devozzjoni lejn Alla,” bħal dawk li huma konnessi maʼ l-ippridkar tas-Saltna u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli; (3) inżommu l-kondotta u l-personalità tagħna “bla tebgħa,” bla tiċpis mid-dinja; (4) inkunu “bla difett,” billi nagħmlu kollox b’motiv pur; u (5) inkunu “fil-paċi”—fil-paċi m’Alla, maʼ ħutna l-Kristjani, u maʼ sħabna l-bnedmin.