Żgħażagħ, Qegħdin Tippreparaw għall-Futur Tagħkom?
“Għax jien naf il-ħsibijiet li naħseb fuqkom ... ħsibijiet taʼ sliem, u mhux taʼ ħsara, biex nagħtikom futur u tama.”—Ġeremija 29:11, KŻ.
1, 2. Iż-żmien taż-żgħożija, b’liema modi differenti jistaʼ jitqies?
KWAŻI l-adulti kollha jqisu ż-żgħożija bħala żmien mill-isbaħ tal-ħajja. Huma jiftakru fl-enerġija u l-entużjażmu li kellhom meta kienu għadhom żgħar. Huma jiftakru b’għożża fiż-żmien meta kellhom bil-wisq inqas responsabbiltajiet, żmien meta kienu jieħdu ħafna pjaċir u meta kellhom ħajja mimlija opportunitajiet quddiemhom.
2 Dawk minnkom li għadkom żgħar x’aktarx taraw l-affarijiet differenti. Forsi qed issib xi diffikultà biex tkampa mal-problemi minħabba l-bidliet fiżiċi u emozzjonali li ġġib magħha ż-żgħożija. L-iskola għandek mnejn tiffaċċja pressjoni qawwija minn dawk taʼ mparek. Għandek mnejn tagħmel sforz kbir biex tirreżisti l-abbuż tad-drogi, l-alkoħol, u l-immoralità. Ħafna minnkom tiffaċċjaw il-kwistjoni tan-newtralità jew kwistjonijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-fidi tagħkom. Iva, iż-żgħożija tistaʼ tkun żmien diffiċli. Minkejja dan, hija żmien t’opportunità. Il-mistoqsija hi, Kif se tuża dawn l-opportunitajiet?
Gawdi ż-Żgħożija Tiegħek
3. Salamun liema parir u twissija ta liż-żgħażagħ?
3 Bir-raġun kollu, il-kbar jgħidulek li ż-żgħożija ma tantx iddum. Fi ftit snin, iż-żgħożija ssir xi ħaġa tal-passat. Għalhekk, gawdiha sakemm għadek fiha! Dan kien il-parir tas-Sultan Salamun, li kiteb: “Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa taʼ ħajtek, u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek. Imxi wara t-taħbit taʼ qalbek, u wara l-għaxqa taʼ għajnejk.” Madankollu, Salamun wissa liż-żgħażagħ: “Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib, u żomm il-ħsara ’l bogħod minn ġismek.” Iżjed minn hekk, hu qal: “It-tfulija u ż-żgħożija [“huma frugħa,” NW].”—Koħèlet 11:9, 10.
4, 5. Għala huwa għaqli li ż-żgħażagħ jippreparaw għall-futur tagħhom? Agħti eżempju.
4 Fhimtu dak li ried ifisser Salamun? Sabiex nagħtu eżempju, immaġina żagħżugħ li rċieva somma kbira taʼ flus jew bħala rigal jew bħala wirt. X’se jagħmel bih? Jistaʼ jberbaq kollox fix-xalar—l-istess bħalma għamel l-iben il-ħali fil-parabbola taʼ Ġesù. (Luqa 15:11-23) Imma x’se jagħmel meta l-flus jispiċċaw? Żgur li se jiddispjaċih talli jkun aġixxa b’mod daqshekk irresponsabbli! Min-naħa l-oħra, immaġina li uża r-rigal li qalaʼ sabiex jipprepara għall-futur tiegħu, forsi billi b’mod għaqli jinvesti ammont sew mill-flus. Eventwalment, meta jkun qed jibbenefika minn dak l-investiment, taħseb li kien se jiddispjaċih talli ma berbaqx flusu kollha fix-xalar waqt li kien għadu żagħżugħ? Dażgur li le!
5 Aħseb ftit dwar is-snin taʼ żgħożitek bħala rigal mingħand Alla, għax fil-fatt hekk huma. Kif se tużahom? Tistaʼ taħli l-enerġija u l-entużjażmu tiegħek fuq li togħġob lilek innifsek, billi tixxala u tiddeverti mingħajr ma toqgħod taħseb dwar il-futur tiegħek. Però, jekk tagħmel hekk, “it-tfulija u ż-żgħożija” tiegħek se jkunu tabilħaqq “frugħa.” Kemm ikun aħjar li tieħu vantaġġ miż-żgħożija sabiex tipprepara għall-futur tiegħek.
6. (a) Liema parir taʼ Salamun jagħti gwida liż-żgħażagħ? (b) Jehovah x’jixtieq jagħmel għaż-żgħażagħ, u żagħżugħ kif jistaʼ jibbenefika minn dan?
6 Salamun semma prinċipju li jistaʼ jgħinek tuża ż-żgħożija tiegħek bil-għaqal. Hu qal: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek.” (Koħèlet 12:1) Dan il-prinċipju hu ċ-ċavetta għas-suċċess—ismaʼ lil Jehovah u agħmel ir-rieda tiegħu. Jehovah qal lill-Iżraelin tal-qedem dak li ried jagħmel għalihom: “Għax jien naf il-ħsibijiet li naħseb fuqkom . . . ħsibijiet taʼ sliem, u mhux taʼ ħsara, biex nagħtikom futur u tama.” (Ġeremija 29:11, KŻ) Jehovah jixtieq jagħti “futur u tama” lilek ukoll. Jekk tiftakar fih f’dak li tagħmel, taħseb, u tiddeċiedi, dak il-futur u dik it-tama se jkunu tajbin.—Apokalissi 7:16, 17; 21:3, 4.
‘Ersaq Lejn Alla’
7, 8. Żagħżugħ kif jistaʼ jersaq qrib lejn Jehovah?
7 Ġakbu inkuraġġiena biex niftakru f’Jehovah meta ħeġġiġna: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Jehovah hu l-Ħallieq, is-Sovran tas-sema, li jistħoqqlu kull qima u tifħir. (Apokalissi 4:11) Madankollu, jekk nersqu qrib lejh, hu se jersaq qrib lejna. Ma jmisslikx qalbek dan l-interess kollu mħabba?—Mattew 22:37.
8 Hemm diversi modi kif nistgħu nersqu qrib lejn Jehovah. Per eżempju, l-appostlu Pawlu jgħid: “Żommu sħiħ fit-talb, ishru fih b’radd taʼ ħajr lil Alla.” (Kolossin 4:2) Fi kliem ieħor, ikkultiva d-drawwa tat-talb. Tkunx kuntent biss għax tgħid amen wara li missierek jew xi Kristjan sieħbek fil-kongregazzjoni jirrappreżentak bit-talb. Qatt ftaħt qalbek maʼ Jehovah u għedtlu x’taħseb, xi jbeżżgħek, liema sfidi tiffaċċja? Qatt għedtlu affarijiet li stħajt titkellimhom maʼ kwalunkwe persuna oħra? Talb onest u mill-qalb inissel il-paċi fina. (Filippin 4:6, 7) Jgħinna nersqu qrib lejn Jehovah kif ukoll jgħinna nħossu li hu qed jersaq qrib lejna.
9. Żagħżugħ kif jistaʼ jismaʼ minn Jehovah?
9 Mod ieħor kif nistgħu nersqu qrib lejn Jehovah jinsab f’dan il-kliem: “Agħti widen għall-pariri u aċċetta d-dixxiplina, sabiex int tistaʼ ssir għaref fil-futur tiegħek.” (Proverbji 19:20, NW) Iva, jekk tismaʼ lil Jehovah u tobdih, int tkun qed tipprepara għall-futur tiegħek. Kif tistaʼ turi li int tismaʼ lil Jehovah? Mingħajr ebda dubju, int tattendi regolarment il-laqgħat Kristjani u tismaʼ dak li jkun hemm fil-programm. Ukoll, ‘tweġġaħ ’il missierek u ’l ommok’ billi tkun preżenti għall-istudju tal-Bibbja tal-familja tiegħek. (Efesin 6:1, 2; Lhud 10:24, 25) Għal dan ħaqqek prosit. Madankollu, flimkien maʼ dan ‘tuża l-ħin bl-aħjar mod’ sabiex tipprepara għal-laqgħat, biex taqra l-Bibbja regolarment, u biex tagħmel ir-riċerka? Tipprova tapplika dak li taqra, sabiex tkun tistaʼ timxi bħal “nies għorrief”? (Efesin 5:15-17, NW; Salm 1:1-3) Jekk tagħmel dan, int qed tersaq qrib lejn Jehovah.
10, 11. Liema benefiċċji mill-aqwa jirċievu żżgħażagħ meta jisimgħu minn Jehovah?
10 Fil-kliem tal-bidu fil-ktieb tal-Proverbji, il-kittieb ispirat jispjega l-iskop taʼ dan il-ktieb tal-Bibbja. Hu jgħid li l-iskop hu “biex jagħrfu l-bnedmin l-għerf u t-tagħlim, biex jifhmu kliem l-għaqal, biex jieħdu tagħlim tajjeb, skond il-ġustizzja, id-dritt u s-sewwa; biex jingħata d-dehen liċ-ċkejknin, l-għerf u l-għaqal liż-żgħażagħ.” (Proverbji 1:1-4) Għalhekk, hekk kif taqra u tapplika l-kliem li hemm fil-ktieb tal-Proverbji—kif ukoll dak tal-Bibbja kollha—int se tikkultiva l-ġustizzja kif ukoll is-sewwa, u Jehovah se jkun ferħan li int tkun qed tersaq qrib lejh. (Salm 15:1-5) Iktar ma tikkultiva l-għaqal, l-għarfien, l-abbiltà tal-ħsieb, u s-sens taʼ ġudizzju, id-deċiżjonijiet li tieħu se jkunu dejjem aħjar.
11 Huwa raġunevoli li tistenna li xi żagħżugħ se jaġixxi b’mod tant għaqli bħal dan? Iva, għax ħafna Kristjani żgħażagħ hekk jagħmlu. Bħala riżultat, oħrajn jirrispettawhom u ‘ma jmaqdruhomx għax huma żgħażagħ.’ (1 Timotju 4:12) U m’hux taʼ b’xejn li l-ġenituri tagħhom ikunu kburin bihom, u Jehovah jgħid li huma jferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11) Għalkemm għadhom żgħar, huma jistgħu jkunu żguri li dan il-kliem ispirat japplika għalihom: “Osserva lil dak li hu bla ħtija u żomm lir-rett fejn tarah, għax il-futur taʼ dak ir-raġel se jkun paċifiku.”—Salm 37:37, NW.
Agħmel Għażliet Għaqlin
12. X’inhi waħda mill-iktar għażliet importanti li ż-żgħażagħ iridu jagħmlu, u għażla bħal din għala għandha konsegwenzi li jdumu ħafna?
12 Iż-żgħożija hija żmien li fiha tagħmel ħafna għażliet, u xi ftit minnhom għandhom konsegwenzi fit-tul. Xi għażliet li tagħmel issa jistgħu jeffetwawlek il-futur tiegħek. Ir-riżultat t’għażliet għaqlin se jkun ħajja ferħana u taʼ suċċess. Jekk ma tagħżilx bil-għaqal, tistaʼ tħassar għomrok kollu. Ikkunsidra kif dan hu minnu f’dawn iż-żewġ għażliet li trid tagħmel. L-ewwel: Maʼ min tagħżel li tagħmilha? Dan għala hu importanti? Dwar dan, il-proverbju ispirat jgħid: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) Fi kliem ieħor, iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar nibdew insiru bħal dawk li nassoċjaw magħhom—għaqlin jew boloh. Int x’tippreferi li ssir?
13, 14. (a) Minbarra l-kuntatti li jistaʼ jkollna man-nies, is-sħubija x’tinkludi? (b) Liema żball għandhom jevitaw iż-żgħażagħ?
13 Meta taħseb fil-kelma sħubija, int għandek mnejn tassoċjaha maʼ li tkun man-nies. Dan hu korrett, imma hemm iktar involut. Meta tara xi programm fuq it-televixin, tismaʼ l-mużika, taqra xi ktieb, tmur iċ-ċinema, jew tuża xi riżorsi taʼ l-Internet, int tkun qed tissieħeb. Jekk l-iskop taʼ dik is-sħubija huwa biex tissodisfa inklinazzjonijiet vjolenti u immorali jew tinkuraġġixxi l-abbuż tad-drogi, is-sokor, jew kwalunkwe ħaġa oħra li tmur kontra l-prinċipji Bibliċi, int tkun qed tissieħeb maʼ “l-iblah,” li jaġixxi b’tali mod daqslikieku Jehovah ma jeżistix.—Salm 14:1.
14 Forsi tħoss li ladarba tattendi l-laqgħat Kristjani u int attiv fil-kongregazzjoni, int b’saħħtek biżżejjed biex ma tħallix lilek innifsek tiġi effettwat minn film vjolenti jew minn album b’diski tal-widna imma li l-kliem tagħhom hu dubjuż. Forsi tħoss li m’hu se jkun hemm l-ebda riżultat ħażin jekk tagħti daqqa t’għajn lejn xi Web site pornografika fuq l-Internet. L-appostlu Pawlu juri li int sejjer żball! Hu jgħid: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) B’sogħba, ħafna Kristjani żgħażagħ li wrew li kellhom potenzjal li jimxu ’l quddiem spiċċaw biex ħallew sħubija mhix għaqlija tħassar id-drawwiet tajbin tagħhom. Kun determinat, mela, li twarrab sħubija bħal din. Jekk tagħmel dan, int tkun qed issegwi l-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Timxux max-xejra taʼ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.”—Rumani 12:2.
15. X’inhi t-tieni għażla li ż-żgħażagħ iridu jagħmlu, u liema pressjonijiet jistaʼ kultant ikollhom minħabba dan?
15 Issa se niddiskutu għażla oħra li trid tiffaċċja. Se jasal il-waqt meta trid tiddeċiedi x’se tagħmel la tispiċċa mill-iskola. Jekk tgħix f’pajjiż fejn hemm nuqqas t’opportunitajiet għal xogħol, forsi tħossok li għandek taħtaf l-aħjar opportunità li hemm. Jekk tgħix f’pajjiż sinjur, għandu mnejn ikun hemm ħafna opportunitajiet differenti minfejn tagħżel, u xi wħud minnhom jistgħu verament iħajruk. Peress li l-ġenituri jew l-għalliema tiegħek sinċerament ikunu jridulek l-aħjar, għandhom mnejn iħeġġuk biex taqbad karriera li toffri sigurtà finanzjarja, forsi anki li permezz tagħha ssir sinjur. Madankollu, it-taħriġ li trid biex taqbad karriera bħal din jistaʼ jillimitalek il-ħin li tistaʼ tqattgħu taqdi lil Jehovah.
16, 17. Spjega kif skritturi differenti jistgħu jgħinu lil żagħżugħ ikollu ħarsa bilanċjata dwar ix-xogħol.
16 Ftakar li qabel ma tieħu deċiżjoni trid tara l-Bibbja x’għandha x’tgħid. Il-Bibbja tinkuraġġina sabiex naħdmu ħalli naqilgħu l-għajxien tagħna, billi turi li aħna għandna r-responsabbiltà li mmantnu lilna nfusna. (2 Tessalonikin 3:10-12) Barra minn hekk, hemm iktar involut. Inħeġġuk taqra l-iskritturi li ġejjin u taħseb dwar kif jistgħu jgħinu lil żagħżugħ isib bilanċ meta jiġi biex jagħżel karriera: Proverbji 30:8, 9; Koħèlet 7:11, 12; Mattew 6:33; 1 Korintin 7:31; 1 Timotju 6:9, 10. Wara li qrajt dawn il-versi, tistaʼ tara x’inhi l-ħarsa taʼ Jehovah dwar dan l-aspett?
17 Ix-xogħol sekulari m’għandu qatt ikun tant importanti li jingħata iktar prijorità mis-servizz tagħna lil Jehovah. Ikun tajjeb jekk permezz taʼ l-edukazzjoni li tkun ħadt mill-iskola tikkwalifika biex ikollok xogħol raġunevoli. Imma jekk għandek bżonn iktar taħriġ wara li tkun spiċċajt mill-iskola, trid tiddiskuti dan mal-ġenituri tiegħek. Madankollu, qatt tinsa x’inhu “l-aħjar”—il-miri spiritwali. (Filippin 1:9, 10) Tagħmilx l-istess żball li għamel Bàruk, l-iskriba taʼ Ġeremija. Hu tilef l-apprezzament tiegħu għall-privileġġ speċjali li kellu u beda ‘jfittex ħwejjeġ kbar.’ (Ġeremija 45:5) Għal xi żmien hu nesa li m’hemm l-ebda ‘ħaġa kbira’ f’din id-dinja li setgħet tressqu eqreb lejn Jehovah jew tgħinu jsalva mill-qerda taʼ Ġerusalemm. L-istess ħaġa jistaʼ jingħad dwarna llum.
Apprezza l-Affarijiet Spiritwali
18, 19. (a) Minn xiex qed ibatu ħafna min-nies taʼ madwarek, u kif għandek tħossok dwarhom? (b) Ħafna għala ma jħossuhomx bil-ġuħ spiritwalment?
18 Qatt rajt ritratti fuq il-mezzi tax-xandir taʼ tfal li jgħixu f’pajjiżi milqutin mill-ġuħ? Jekk iva, żgur li tħassarthom. Titħassarhom bl-istess mod lin-nies taʼ madwarek? Għala għandek tħossok hekk? Għax ħafna minnhom ukoll huma bil-ġuħ. Dawn qegħdin ibatu mill-ġuħ li Għamos ipprofetizza dwaru: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu taʼ Sidi l-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.”—Għamos 8:11.
19 Veru, ħafna minn dawk li qed ibatu minn ġuħ spiritwali m’humiex “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Ħafna ma jħossuhomx bil-ġuħ spiritwalment. Ħafna forsi jħossu li huma mitmugħin sew. Imma jħossuhom hekk minħabba li huma jieklu mill-“għerf tad-dinja” li ma jiswa xejn u li jinkludi l-materjaliżmu, l-ispekulazzjoni xjentifika, l-opinjonijiet dwar il-moralità, u affarijiet oħra bħal dawn. Xi wħud iħossu li “l-għerf” modern jagħmel it-tagħlim tal-Bibbja antikwat. Madankollu, “id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla.” L-għerf tad-dinja m’huwiex se jgħinek tersaq qrib lejn Alla. M’hu xejn ħlief “bluha quddiem Alla.”—1 Korintin 1:20, 21; 3:19.
20. Għala m’huwiex raġunevoli li tkun tixtieq timita lil dawk li ma jqimux lil Jehovah?
20 Meta tara dawk ir-ritratti taʼ tfal bil-ġuħ, qatt tixtieq tkun bħalhom? U żgur li le! Madankollu, xi żgħażagħ f’xi familji Kristjani juru li jixtiequ jkunu bħall-uħud taʼ madwarhom li qed ibatu minn ġuħ spiritwali. X’aktarx li żgħażagħ bħal dawn jaħsbu li ż-żgħażagħ fid-dinja huma bla problemi taʼ xejn, sempliċement qed igawdu l-ħajja. Jinsew li dawn l-individwi jinsabu ’l bogħod minn Jehovah. (Efesin 4:17, 18) Huma jinsew ukoll l-effetti ħżiena tal-ġuħ spiritwali. Xi wħud minn dawn huma tqala mhix mixtieqa fiż-żgħożija u l-effetti emozzjonali u fiżiċi taʼ l-immoralità, it-tipjip, ix-xorb, u l-abbuż tad-drogi. Il-ġuħ spiritwali jikkaġuna spirtu ribelluż kif ukoll nuqqas taʼ tama u direzzjoni fil-ħajja.
21. Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna milli nadottaw l-attitudnijiet mhux xierqa taʼ dawk li ma jqimux lil Jehovah?
21 Għalhekk, meta tkun l-iskola fost uħud li m’humiex sħabek li jqimu lil Jehovah, tħallihomx jinfluwenzawk bl-attitudnijiet tagħhom. (2 Korintin 4:18) Xi wħud se jitkellmu fuq affarijiet spiritwali bi stmerrija. Barra minn hekk, il-mezzi tax-xandir se jipproduċu propaganda sottili, billi jimplikaw li huwa normali li tikkommetti l-immoralità, li tisker, u li tuża lingwaġġ mhux xieraq. Irreżisti din l-influwenza. Kompli issieħeb regolarment maʼ wħud li għandhom “fidi u kuxjenza tajba.” ‘Ħabrek dejjem fil-ħidma tal-Mulej.’ (1 Timotju 1:19; 1 Korintin 15:58) Ibqaʼ bieżel fis-Sala tas-Saltna u fis-servizz taʼ l-għalqa. Matul is-snin li tqattaʼ l-iskola, minn żmien għal żmien, ħu sehem fis-servizz bħala pijunier awżiljarju. Saħħaħ il-ħarsa spiritwali tiegħek b’dan il-mod, u ma titlifx il-bilanċ.—2 Timotju 4:5.
22, 23. (a) Żagħżugħ Kristjan għala jieħu deċiżjonijiet li ħafna drabi xi wħud ma jifhmux? (b) Iż-żgħażagħ x’inhuma inkuraġġiti li jagħmlu?
22 Meta tqis l-affarijiet b’mod spiritwali x’aktarx li se tieħu deċiżjonijiet li oħrajn ma jifhmuhomx. Per eżempju, żagħżugħ Kristjan kien mużiċist b’talent kbir u fl-iskola kien student li jġib marki għoljin ħafna f’kull suġġett. Meta ggradwa, ix-xogħol li għażel kien dak taʼ li jnaddaf it-twieqi flimkien maʼ missieru biex b’hekk ikun jistaʼ jwettaq il-vokazzjoni tiegħu bħala evanġelizzatur full-time, jew pijunier. L-għalliema tiegħu qatt ma fehmu r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, imma jekk int ersaqt qrib lejn Jehovah, aħna ċerti li int fhimt.
23 Hekk kif tikkunsidra kif tistaʼ tuża ż-żgħożija tiegħek bl-aħjar mod, ‘aħżen għalik innifsek teżor sabiħ għal li ġej, biex bih tikseb il-ħajja, il-ħajja vera.’ (1 Timotju 6:19) Kun determinat li ‘tiftakar f’min ħalqek’ fiż-żgħożija tiegħek—u tul ħajtek kollha. Dan hu l-uniku mod kif tistaʼ tipprepara għall-futur mimli suċċess, futur li qatt m’hu se jispiċċa.
Int X’Tikkonkludi?
• Liema parir ispirat jgħin liż-żgħażagħ jippjanaw għall-futur?
• X’inhuma xi modi li bihom żagħżugħ jistaʼ ‘jersaq lejn Alla’?
• X’inhuma xi deċiżjonijiet li żagħżugħ jieħu u li se jeffettwawlu l-futur tiegħu?
[Stampi f’paġna 15]
Se tħalli int il-miri persunali jisirqulek l-enerġija u l-entużjażmu taʼ żgħożitek?
[Stampa f’paġna 16, 17]
Żgħażagħ Kristjani għaqlin iżommu l-viżjoni spiritwali tagħhom ċara