Għandek Verament Għalfejn Titlob Apoloġija?
‘JIEN QATT ma nitlob apoloġija,’ kiteb George Bernard Shaw. ‘Li sar sar,’ forsi jgħidu oħrajn.
Forsi aħna nfusna nsibuha bi tqila biex nammettu xi ħtija għax nibżgħu li nbaxxu lilna nfusna. Forsi naqtgħuha li l-problema qiegħda fil-persuna l-oħra. Jew jistaʼ jkollna l-ħsieb li nitolbu apoloġija imma nipposponuh sakemm jidhrilna li l-affari sa fl-aħħar tkun intesiet.
Mela, allura, huma l-apoloġiji essenzjali? Jistgħu verament iwettqu xi ħaġa?
L-Imħabba Tobbligana Nitolbu Apoloġija
L-imħabba taʼ l-aħwa hija marka li tidentifika s-segwaċi veri taʼ Ġesù Kristu. Hu qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) L-Iskrittura tħeġġeġ lill-Kristjani biex “[i]ħobbu ’l xulxin b’qalb[h]om kollha u bil-qawwa kollha.” (1 Pietru 1:22) L-imħabba intensa tobbligana li nitolbu apoloġija. Għala? Għaliex l-imperfezzjoni umana b’mod inevitabbli tikkaġuna sentimenti mweġġgħin li jxekklu l-imħabba jekk ma jitfejqux.
Per eżempju, minħabba differenzi persunali maʼ xi ħadd fil-Kongregazzjoni Kristjana, forsi nippreferu li ma nitkellmux miegħu. Jekk ikkommettejna xi offiża, kif tistaʼ relazzjoni taʼ mħabba tiġi rrestawrata? F’ħafna każi, billi nitolbu skuża u mbagħad nagħmlu l-isforz biex nitħaddtu b’manjiera kordjali. Aħna għandna d-dejn taʼ l-imħabba lejn il-kredenti sħabna, u meta ngħidu li jiddispjaċina li kkaġunajna offiża, inpattu lura xi ftit minn dak id-dejn.—Rumani 13:8.
Ħa nagħtu tixbieha: Mari Carmen u Paqui huma żewġ nisa Kristjani li kienu ilhom ħbieb għal ħafna żmien. Minħabba li Mari Carmen emmnet xi seksik li jikkaġuna ħsara, madankollu, il-ħbiberija tagħha maʼ Paqui birdet. Mingħajr spjegazzjoni, hija qatgħet lil Paqui kompletament. Kważi sena wara, Mari Carmen saret taf li s-seksik ma kienx minnu. X’kienet ir-reazzjoni tagħha? L-imħabba qanqlitha tmur għand Paqui u bl-umiltà tesprimi d-dispjaċir kbir tagħha talli aġixxiet daqshekk ħażin. It-tnejn li huma nfaqgħu jibku, u ilhom ħbieb intimi minn dak in-nhar.
Għalkemm forsi nħossuna li m’għamilna xejn ħażin, apoloġija tistaʼ tirrisolvi nuqqas taʼ ftehim. Manuel jiftakar: “Bosta snin ilu marti u jien qgħadna fid-dar taʼ waħda minn ħutna spiritwali waqt li hi kienet l-isptar. Għamilna l-almu tagħna kollu biex ngħinu lilha u ’l uliedha waqt li kienet marida. Imma wara li rritornat id-dar, gergret maʼ ħabib li ma konniex amministrajna l-infiq tad-dar sewwa.
“Morna nżuruha u spjegajnielha li forsi minħabba li konna għadna żgħar u mingħajr esperjenza, ma konniex ħadna ħsieb l-affarijiet bħalma kieku kienet tagħmel hi. Mill-ewwel irrispondiet billi qalet li hi kienet il-waħda li kienet midjuna lejna u li kienet grata ferm għal kull m’għamilna magħha. Il-problema ġiet solvuta. Dik l-esperjenza għallmitni l-importanza li b’umiltà nitolbu skuża meta jkun hemm nuqqas taʼ ftehim.”
Jehovah bierek lil din il-koppja talli wrew imħabba u ‘fittxew dak li jġib is-sliem.’ (Rumani 14:19) L-imħabba tinvolvi wkoll li nkunu konxji tas-sentimenti t’oħrajn. Pietru jagħtina parir biex “[in]ħossu għal xulxin.” (1 Pietru 3:8) Jekk inħossu għal xulxin, x’aktarx li se nagħrfu iktar l-uġigħ li nkunu kkaġunajna permezz taʼ kelma jew azzjoni bla ħsieb u se nkunu mqanqlin nitolbu apoloġija.
“Ilbsu L-Umiltà”
Saħansitra anzjani Kristjani leali jistgħu xi kultant ikollhom xi jgħidu. (Qabbel Atti 15:37-39.) Dawn huma okkażjonijiet meta apoloġija tkun tassew taʼ benefiċċju. Imma x’se jgħin anzjan jew kwalunkwe Kristjan ieħor li jsibha bi tqila li jitlob skuża?
L-umiltà hija l-muftieħ. L-appostlu Pietru ta l-parir: “Ilbsu l-umiltà maʼ xulxin.” (1 Pietru 5:5) Għalkemm huwa veru li fil-maġġoranza tat-tilwim iż-żewġ naħat jaqsmu l-ħtija, il-Kristjan umli jagħti kas tad-dgħjufijiet tiegħu nnifsu u se jkun lest li jammettihom.—Proverbji 6:1-5.
Dak li jirċievi apoloġija għandu jaċċettaha b’mod umli. Biex nagħtu tixbieha, ħalli nissoponu li żewġt irġiel li għandhom bżonn jikkomunikaw qegħdin fuq il-quċċata taʼ żewġ muntanji differenti. Konversazzjoni minn naħa għall-oħra tad-dagħbien li jifridhom hija impossibbli. Meta wieħed minnhom jinżel fil-wied taʼ taħt u l-ieħor isegwi l-eżempju tiegħu, madankollu, jistgħu jitħaddtu faċilment. B’mod simili, jekk żewġ Kristjani għandhom bżonn jirrisolvu xi differenza bejniethom, ħalli kull wieħed minnhom b’umiltà jiltaqaʼ maʼ l-ieħor fil-wied, biex ngħidu hekk, u jitolbu l-apoloġiji xierqa.—1 Pietru 5:6.
L-Apoloġiji Importanti Ferm Fiż-Żwieġ
Iż-żwieġ taʼ tnejn min-nies imperfetti b’mod inevitabbli jipprovdi opportunitajiet biex tintalab skuża. U jekk ir-raġel u l-mara t-tnejn iħossu għal xulxin, se jiġu mqanqlin jitolbu apoloġija kemm-il darba jitkellmu jew jaġixxu b’nuqqas taʼ ħsieb. Proverbji 12:18 indika: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal b’sejf, imma lsien il-għorrief idewwi.” ‘Infid’ b’nuqqas taʼ ħsieb ma jistax jitreġġaʼ lura, imma jistaʼ jiddewwa b’apoloġija sinċiera. Sintendi, dan jirrikjedi attenzjoni u sforz kontinwu.
Hi u titkellem dwar iż-żwieġ tagħha, Susana tgħid: “Jack* u jien ilna miżżewġin 24 sena, imma għadna nitgħallmu affarijiet ġodda dwar xulxin. B’niket, xi żmien ilu, isseparajna u għexna mifrudin għal ftit ġimgħat. Madankollu, tajna kas taʼ pariri Skritturali mill-anzjani u erġajna lura flimkien. Issa nirrealizzaw li minħabba li għandna personalitajiet differenti ħafna, faċilment ikollna nuqqas taʼ qbil. Meta jiġri hekk, nitolbu apoloġija malajr u nipprovaw bis-serjetà nifhmu l-ħarsa taʼ xulxin. Nieħu pjaċir ngħid li ż-żwieġ tagħna tjieb b’mod konsiderevoli.” Jack iżid: “Tgħallimna wkoll nidentifikaw dawk il-mumenti meta l-iktar jistgħu jitilgħulna. F’mumenti bħal dawn nittrattaw maʼ xulxin b’mod iktar sensittiv.”—Proverbji 16:23.
Għandek int titlob apoloġija jekk taħseb li t-tort mhux tiegħek? Meta emozzjonijiet profondi huma involuti, diffiċli tkun oġġettiv dwar taʼ min hija l-ħtija. Imma l-iktar ħaġa importanti hija l-paċi fiż-żwieġ. Ikkunsidra lil Abigajl, mara Israelita li żewġha ttratta ħażin lil David. Minkejja li ma setgħetx tingħata t-tort għall-istupidaġni taʼ żewġha, talbet skuża. “Aħfer dnub il-qaddejja tiegħek,” talbitu. David wieġeb billi ttrattaha b’mogħdrija, waqt li ammetta illi li kieku ma kienx għaliha, kien se jxerred demm innoċenti.—1 Samwel 25:24-28, 32-35.
B’mod simili, mara Kristjana jisimha June, li ilha miżżewġa 45 sena, tħoss li biex żwieġ jirnexxi għandu bżonn rieda li wieħed ikun l-ewwel li jitlob apoloġija. Tgħid: “Ngħid lili nnifsi li ż-żwieġ tagħna hu iktar importanti mill-emozzjonijiet tiegħi bħala individwa. Għalhekk meta nitlob skuża, inħoss li qiegħda nagħti kontribut liż-żwieġ.” Raġel anzjan jismu Jim jistqarr: “Nitlob skuża lill-mara saħansitra dwar ħwejjeġ żgħar. Minn mindu għamlet operazzjoni serja, malajr saret titlef is-sabar. Għalhekk spiss nitfaʼ dirgħajja madwarha u ngħid, ‘Skużani, Qalbi. Ma ridtx ninkwetak.’ Bħal pjanta li tkun għadek kemm saqqejtha, tirpilja immedjatament.”
Jekk inkunu weġġgħajna lill-persuna li l-iktar inħobbu, apoloġija fil-pront tkun effettiva immens. Milagros taqbel minn qalbha, billi tgħid: “Jien insofri minn nuqqas taʼ kunfidenza fija nnifsi, u kelma iebsa mir-raġel tinnervjani. Imma meta jitlobni skuża, inħossni aħjar immedjatament.” Bix-xieraq, l-Iskrittura tgħidilna: “Il-kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.”—Proverbji 16:24.
Ipprattika L-Arti Taʼ Li Titlob Apoloġija
Jekk neħduha drawwa li nitolbu apoloġija meta jkun hemm bżonn, x’aktarx insibu li n-nies se jwieġbu b’mod favorevoli. U forsi saħansitra jitolbu skuża huma wkoll. Meta nissuspettaw li inkwetajna lil xi ħadd, għax ma neħduhiex drawwa li nitolbu skuża flok ma noqogħdu ntawluha biex nevitaw li nammettu xi ħtija? Id-dinja forsi tħoss li apoloġija hi sinjal taʼ dgħjufija, imma fir-realtà tagħti evidenza taʼ maturità Kristjana. M’għandniex xi ngħidu, ma rridux inkunu bħal dawk li jammettu xi ħtijiet imma li mbagħad iċekknu r-responsabbiltà tagħhom. Per eżempju, qatt ngħidu li jiddispjaċina mingħajr ma jkun veru xejn? Jekk naslu tard u tgħidx kemm indumu nitolbu skuża, nagħmluha d-determinazzjoni tagħna li nsiru iktar puntwali?
Mela, allura, għandna verament għalfejn nitolbu apoloġija? Iva, għandna. Huwa obbligu lejna nfusna u lejn oħrajn li nagħmlu hekk. Apoloġija tistaʼ tgħin biex jittaffa l-uġigħ ikkawżat mill-imperfezzjoni, u tistaʼ tfejjaq relazzjonijiet mhux tajbin. Kull apoloġija li nagħmlu hi lezzjoni fl-umiltà u tħarriġna biex insiru iktar sensittivi għall-emozzjonijiet t’oħrajn. Bħala riżultat, kredenti sħabna, ir-raġel jew il-mara, u oħrajn se jħarsu lejna bħala wħud li jixirqilna l-affezzjoni tagħhom u jafdawna. Aħna se jkollna moħħna mistrieħ, u Alla Jehovah se jberikna. (w96 9/15)
[Nota taʼ taħt]
a Mhux isimhom propju.
[Stampi f’paġna 21]
Apoloġiji sinċieri jippromwovu mħabba Kristjana