Il-Familja Kristjana Tagħmel l-Affarijiet Flimkien
“Issa nħeġġiġkom, l-aħwa,. . .biex tistgħu tkunu magħqudin kif jixraq bl-istess moħħ u bl-istess linja taʼ ħsieb.”—1 KORINTIN 1:10.
1. X’inhi s-sitwazzjoni rigward il-għaqda f’ħafna familji?
HIJA l-familja tiegħek waħda magħquda? Jew donnu li kulħadd sejjer għal rasu? Tagħmlu affarijiet flimkien? Jew rari għalikom li tkunu kollha fl-istess post fl-istess ħin? L-istess kelma “familja” timplika nies ġo dar magħqudin.a Madankollu, mhux il-familji kollha huma magħqudin. Wieħed oratur Ingliż saħansitra wasal biex qal: “Minflok ma hi l-bażi tas-soċjetà tajba, il-familja. . .hi s-sors tan-nuqqas taʼ kuntentizza kollha tagħna.” Huwa dak veru dwar il-familja tiegħek? Jekk iva, għandu għalfejn ikun hekk?
2. Liema personaġġi Bibliċi jagħtu evidenza li ġejjin minn familja tajba?
2 L-unità jew in-nuqqas taʼ unità taʼ familja normalment tiddependi mit-tmexxija tagħha, kemm jekk minn żewġ ġenituri u kemm jekk minn ġenitur wieħed. Fi żminijiet bibliċi, familji magħqudin li kienu jqimu flimkien kienu jgawdu l-barka taʼ Jehovah. Dan kien veru dwar Iżrael tal-qedem, fejn bint Ġefta, Sansun, u Samwel, kull wieħed f’modi differenti, taw evidenza li ġejjin minn familja devota. (Imħallfin 11:30-40; 13:2-25; 1 Samwel 1:21-23; 2:18-21) Fi żminijiet Kristjani bikrin, Timotew, is-sieħeb leali taʼ Pawlu f’xi vjaġġi missjunarji taʼ Pawlu, kien imrobbi b’għarfien taʼ l-Iskrittura Ebrajka minn nanntu Lojs u ommu, Ewniċe. X’dixxiplu u missjunarju tal-għaġeb hu sar!—Atti 16:1, 2; 2 Timotew 1:5; 3:14, 15; ara wkoll Atti 21:8, 9.
Għala Nagħmlu Affarijiet Flimkien?
3, 4. (a) Liema kwalitajiet għandhom ikunu evidenti ġo familja magħquda? (b) Dar kif tistaʼ tkun iktar minn sempliċi post fejn toqgħod?
3 Għala huwa taʼ benefiċċju li l-familji jagħmlu l-affarijiet flimkien? Għaliex dan jibni fehma u rispett reċiproku. Minflok ma nitbiegħdu minn xulxin, nibqgħu qrib u nagħtu appoġġ. Artiklu riċenti fil-ġurnal Family Relations stqarr: “Stampa relattivament ċara żviluppat li tiddeskrivi attributi speċifiċi taʼ ‘familji solidi.’ Dawn il-kwalitajiet jinkludu rabta maʼ xulxin, li jkunu flimkien, komunikazzjoni tajba, abbiltà li jsolvu l-problemi, u l-ispiritwalità bħala fattur qawwi fil-ħajja.”
4 Meta dawn il-kwalitajiet jeżistu ġo familja, id-dar ma tibqax qisha pompa tal-petrol, post biex tieqaf tieħu l-petrol. Hija iktar minn sempliċi dar. Hija post li jħajrek u li jattira l-membri tal-familja. Hija menqa taʼ intimità u affezzjoni, mogħdrija, u fehma. (Proverbji 4:3, 4) Hija bejta fejn tinsab l-għaqda tal-familja, mhux bejta taʼ skorpjuni taʼ ġlied u firda. Imma dan kif jinkiseb?
Nagħmlu l-Affarijiet Flimkien fl-Istudju tal-Familja
5. X’nużaw sabiex nitgħallmu l-qima vera?
5 Il-qima vera taʼ Jehovah nitgħallmuha permezz taʼ l-użu tal-fakultà tar-raġuni tagħna, jew il-“qawwa tar-raġuni.” (Rumani 12:1) Il-kondotta tagħna m’għandniex tiġi ggvernata minn emozzjonijiet tal-mument bħal dawk imqanqlin permezz taʼ priedki mogħtijin bis-sengħa u ppridkar kumplimentuż minn fuq it-TV. Minflok, aħna mqanqlin bl-istudju regulari tagħna u l-meditazzjoni fuq il-Bibbja u letteratura taʼ studju tal-Bibbja pprovduta permezz taʼ l-“irsir fidil u diskret.” (Mattew 24:45) L-azzjonijiet Kristjani tagħna huma r-riżultat taʼ li niksbu l-moħħ taʼ Kristu fi kwalunkwe sitwazzjoni jew tentazzjoni li jistgħu jqumu. F’dak il-rigward, Jehovah hu l-Edukatur il-Kbir tagħna.—Salm 25:9; Isaija 54:13; 1 Korintin 2:16.
6. Liema eżempju mad-dinja kollha taʼ studju tal-familja għandna?
6 L-istudju tal-Bibbja tal-familja għandu rwol essenzjali fl-ispiritwalità taʼ kull familja Kristjana. Meta jkollkom l-istudju tagħkom tal-familja? Jekk jitħalla mhux ippjanat jew isir meta jfettlilkom, allura wisq probabbli dan isir darba kultant, jekk isir. Li tagħmlu l-affarijiet flimkien fl-istudju tal-familja jirrikjedi skeda regulari u fissa. Imbagħad kulħadd ikun jaf f’liema ġurnata u f’liema ħin mistennijin li jkunu preżenti biex igawdu festin spiritwali bħala familja. L-iktar minn 12,000 membru tal-familja Betel jafu li l-istudju tal-familja tagħhom isir it-Tnejn fil-għaxija. Kemm hu impressjonanti għal dawn il-voluntiera taʼ Betel li jiftakru li huma kollha qegħdin jaqsmu mill-istess studju hekk kif il-jum jasal biex jispiċċa, fil-gżejjer tal-Paċifiku u New Zealand, imbagħad progressivament fl-Awstralja, fil-Ġappun, fit-Taiwan, f’Hong Kong, imbagħad matul l-Asja, l-Afrika, u l-Ewropa, u fl-aħħar l-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel. Għalkemm mifrudin b’eluf taʼ mili u ħafna lingwi, dan l-istudju tal-familja jispira fil-membri tal-familja Betel sentiment taʼ għaqda flimkien. Fuq skala iżgħar, int tistaʼ tikkultiva l-istess sentiment permezz taʼ l-istudju tal-familja tiegħek.—1 Pietru 2:17; 5:9.
7. Skond Pietru, kif għandna nħarsu lejn il-kelma tal-verità?
7 L-appostlu Pietru jagħtina l-parir: “Bħal trabi għadhom jitwieldu, ifformaw xenqa għall-ħalib mhux imħallat li jappartieni lill-kelma, biex permezz tiegħu tistgħu tikbru għas-salvazzjoni, bil-patt li doqtu li l-Mulej hu qalbu tajba.” (1 Pietru 2:2, 3) Xi xbiha sabiħa jqanqal Pietru b’dawk il-kelmiet! Hu uża l-verb Grieg e·pi·po·theʹsa·te, li, skond il-Linguistic Key to the Greek New Testament, ġej minn kelma li tfisser “li tixxennaq għal, li tixtieq, li titlebleb.” Din timplika xewqa intensa. Qatt innotajt kif ferħ taʼ annimal ifittex ħerqan għall-beżżul t’ommu u kemm tkun ferħana tarbija meta tkun qiegħda tixrob minn sider ommha? Għandna jkollna l-istess xewqa għall-kelma tal-verità. L-istudjuż tal-Grieg William Barclay stqarr: “Għall-Kristjan sinċier, li jistudja l-kelma t’Alla m’huwiex taħbit imma għaxqa, għax hu jaf li hemmhekk qalbu se ssib in-nutriment li tixxennaq għalih.”
8. Liema sfida tiffaċċja lill-kap tal-familja f’li jikkonduċi l-istudju tal-familja?
8 L-istudju tal-familja jpoġġi responsabbiltà kbira fuq il-kap tal-familja. Hu jrid jaċċerta ruħu li l-istudju hu wieħed interessanti għal kulħadd u li kulħadd jistaʼ jipparteċipa. It-tfal m’għandhomx iħossuhom li l-istudju hu verament biss għall-kbar. Il-kwalità taʼ l-istudju hi iktar importanti mill-ammont taʼ materjal li tkopri. Agħti l-ħajja lill-Bibbja. Fejn xieraq, għin lil uliedek iġibu quddiem għajnejhom l-inħawi u l-fatturi tal-Palestina fejn ġrajjiet li jkunu qegħdin jiġu diskussi seħħew. Ilkoll għandhom jiġu inkuraġġiti biex jagħmlu r-riċerka persunali tagħhom u li jaqsmuha mal-familja. B’dan il-mod it-tfal ukoll jistgħu ‘jikbru maʼ Jehovah.’—1 Samwel 2:20, 21.
Nagħmlu l-Affarijiet Flimkien fl-Evanġelizzar
9. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar kif jistaʼ jintgħamel esperjenza hienja tal-familja?
9 Ġesù qal: “Fil-ġnus kollha l-aħbar tajba trid tiġi ppridkata l-ewwel.” (Mark 13:10) Dawk il-kelmiet jagħtu lil kull Kristjan kuxjenzjuż inkarigu—li jevanġelizza, jaqsam l-aħbar tajba tal-ħakma tas-Saltna t’Alla maʼ oħrajn. Li nagħmlu dan flimkien bħala familja jistaʼ jkun esperjenza inkuraġġanti u taʼ ferħ. Ommijiet u missirijiet iħossuhom kburin bil-preżentazzjoni taʼ wliedhom taʼ l-aħbar tajba. Koppja bi tlett itfal subien taʼ bejn l-etajiet taʼ 15 u 21 igħidu li huma dejjem kellhom id-drawwa li jakkumpanjaw lil uliedhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar pubbliku kull nhar t’Erbgħa wara l-iskola u kull nhar taʼ Sibt fil-għodu. Il-missier qal: “Ngħallmuhom xi ħaġa kull darba. U nkunu żguri li tkun esperjenza pjaċevoli u inkuraġġanti.”
10. Il-ġenituri kif jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għal uliedhom fil-ministeru?
10 Li naħdmu flimkien bħala familja fl-ippridkar u fit-tagħlim jistaʼ jagħti ħafna frott. Xi drabi n-nies jirrispondu b’mod iżjed pożittiv għall-preżentazzjoni sempliċi imma ġenwina taʼ tifel jew tifla. Imbagħad, il-Mummy jew id-Daddy qegħdin hemm biex igħinu jekk ikun hemm bżonn. Il-ġenituri jistgħu jkunu żguri li wliedhom jieħdu taħriġ progressiv u b’hekk isiru ministri ‘li m’għandhom xejn imniex jistħu, billi jimmaniġġaw il-kelma tal-verità sewwa.’ Li jippridkaw flimkien b’dan il-mod jippermetti lill-ġenituri li josservaw l-attitudni, l-effettività, u l-manjieri tajbin tat-tfal tagħhom fil-ministeru. Billi jżommu rutina regulari, huma jaraw il-progress tat-tfal u jagħtu taħriġ u inkuraġġiment konsistenti biex isaħħu l-fidi tagħhom. Fl-istess ħin, it-tfal jaraw li l-ġenituri tagħhom huma eżempji tajbin fil-ministeru. F’dawn iż-żminijiet kritiċi u vjolenti, li naħdmu bħala familja magħquda fejn hemm l-affezzjoni u l-mogħdrija jistaʼ saħansitra jipprovdi miżura taʼ sigurtà fi nħawi fejn il-kriminalità hi prevalenti.—2 Timotew 2:15; Filippin 3:16.
11. Liema ħaġa tistaʼ tnaqqas faċilment iż-żelu taʼ tifel jew tifla għall-verità?
11 It-tfal faċilment jindunaw jekk l-adulti jimxu b’żewġt uċuħ. Jekk il-ġenituri ma jurux imħabba vera għall-verità u għall-ministeru minn dar għal dar, ma tantx tistaʼ tistenna li t-tfal se jkunu żelużi. B’hekk, ġenitur li hu b’saħħtu u li l-uniku servizz tal-għalqa li jagħmel hu l-istudju tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa mat-tfal jistaʼ jġarrab konsegwenzi mhux pjaċevoli meta dawn jikbru.—Proverbji 22:6; Efesin 6:4.
12. Xi familji kif jistgħu jiksbu barka speċjali mingħand Jehovah?
12 Vantaġġ minn li nkunu “magħqudin kif jixraq bl-istess moħħ” hu li forsi l-familja tistaʼ tikkopera flimkien biex minn taʼ l-inqas membru wieħed jistaʼ jaqdi bħala ministru pijunier full-time fil-kongregazzjoni. Ħafna familji madwar id-dinja jagħmlu dan, u lkoll jirċievu barka mill-esperjenzi u l-effettività miżjuda tal-membru tagħhom li hu pijunier.—2 Korintin 13:11; Filippin 2:1-4.
Nagħmlu l-Affarijiet Flimkien f’li Nittrattaw il-Problemi
13, 14. (a) Liema sitwazzjonijiet jistgħu jeffettwaw l-armonija taʼ familja? (b) Ħafna problemi tal-familja kif jistgħu jiġu evitati?
13 F’dawn iż-żminijiet diffiċli taʼ “stress” u “periklu”, ilkoll kemm aħna nġarrbu pressjoni. (2 Timotew 3:1, Revised Standard Version; Phillips) Hemm problemi fuq ix-xogħol, fl-iskola, fit-toroq, u saħansitra fid-dar infisha. Xi wħud isofru minn nuqqas taʼ saħħa jew problemi emozzjonali li ilhom is-snin, li xi drabi jwasslu għal tensjonijiet u nuqqas taʼ qbil fil-familja. Kif jistgħu jiġu ttrattati sitwazzjonijiet bħal dawn? Billi kull wieħed jidħol f’qoxortu? Billi wieħed jinqataʼ għalih innifsu fil-waqt li joqgħod fl-istess dar? Le. Minflok, hemm bżonn li nikkomunikaw l-anzjetajiet tagħna u nistaqsu għall-għajnuna. U liema post aħjar għal dan jekk mhux f’ċirku taʼ mħabba tal-familja?—1 Korintin 16:14; 1 Pietru 4:8.
14 Kif jaf kull tabib, il-prevenzjoni aħjar mill-kura. L-istess huwa veru dwar il-problemi tal-familja. Diskussjoni aperta u sinċiera tistaʼ taʼ spiss tevita l-problemi milli jsiru serji. Saħansitra jekk iqumu problemi serji, dawn jistgħu jiġu trattati u saħansitra solvuti jekk il-familja tikkunsidra flimkien il-prinċipji Bibliċi nvoluti. Taʼ spiss il-ġlied jistaʼ jinbidel f’relazzjoni tajba billi jiġi applikat il-kliem taʼ Pawlu f’Kolossin 3:12-14: “Tlibbsu bl-affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-moħħ, ħlewwa, u sabar fit-tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu x’jilmenta kontra ieħor. . .. Tlibbsu bl-imħabba, għax hi rabta perfetta taʼ għaqda.”
Nagħmlu l-Affarijiet Flimkien fir-Rikreazzjoni
15, 16. (a) Liema kwalità għandha tiddistingwi l-familji Kristjani? (b) Xi reliġjonijiet liema xorta taʼ nies jipproduċu, u għala?
15 Jehovah hu Alla hieni, u l-verità hi messaġġ taʼ hena—wieħed taʼ tama għall-umanità. Jerġaʼ, waħda mill-frottiet taʼ l-ispirtu hi l-ferħ. Dan il-ferħ hu bil-wisq differenti mill-eżaltar tal-mument taʼ l-atleta li jittrijonfa f’xi sport kompetittiv. Hu s-sentiment profond kontinwu taʼ sodisfazzjon li jfur fil-qalb bħala riżultat taʼ li wieħed jikkultiva relazzjoni intima maʼ Jehovah. Huwa ferħ ibbażat fuq valuri spiritwali u relazzjonijiet li jibnu.—Galatin 5:22; 1 Timotew 1:11.
16 Għalhekk, bħala Xhieda Kristjani taʼ Jehovah, m’għandna l-ebda raġuni biex inkunu bil-buri jew żorri. Xi reliġjonijiet jipproduċu nies hekk għaliex it-tip taʼ fidi tagħhom tenfasizza fatturi negattivi. It-tagħlim tagħhom jirriżulta f’għamla taʼ qima żorra u bla ferħ, li la hi Biblika u lanqas ibbilanċjata. Huma ma jipproduċux familji hienja fis-servizz t’Alla. Ġesù ra l-ħtieġa għal rikreazzjoni u rilassament. F’okkażjoni minnhom, per eżempju, stieden lid-dixxipli biex imorru ‘privatament f’post imwarrab u jistrieħu ftit’.—Mark 6:30-32; Salm 126:1-3; Ġeremija 30:18, 19.
17, 18. Il-familji Kristjani b’liema modi xierqa jistgħu jirrilassaw?
17 Il-famiji bl-istess mod jeħtieġu ħin biex jirrilassaw. Ġenitur wieħed qal dwar it-tfal tiegħu: “Aħna nagħmlu ħafna affarijiet pjaċevoli flimkien—immorru il-baħar, nilagħbu l-ballun fil-park, norganizzaw xi ħaġa fil-muntanji. Kultant, inqattgħu ġurnata sħiħa flimkien fil-ministeru bħalma jagħmlu l-pijunieri; imbagħad niċċelebraw b’xi ikla speċjali, u saħansitra ġieli nagħtu rigali lil xulxin.”
18 Xi suġġerimenti oħrajn li l-ġenituri jistgħu jikkunsidraw huma ħarġiet bħala familja fiż-zoo, fil-lunapark, fil-mużewijiet, u f’postijiet affaxxinanti oħrajn. Mixjiet fil-boskijiet, osservar tal-għasafar, u xogħol fil-ġnien huma attivitajiet li jistgħu jitgawdew flimkien. Il-ġenituri jistgħu jinkuraġġixxu lit-tfal tagħhom biex jitgħallmu jdoqqu xi strument mużikali jew jieħdu dehem f’xi passatemp prattiku. Ċertament, ġenituri bbilanċjati se jagħmlu l-ħin biex jilagħbu mat-tfal tagħhom. Jekk il-familji jilagħbu flimkien, iktar hemm ċans li jibqgħu flimkien!
19. Liema xeħta moderna tistaʼ tagħmel ħsara lil familja?
19 Xeħta moderna hi li ż-żgħażagħ ikunu jridu jisseparaw mill-familja u jagħmlu taʼ rashom fejn tidħol ir-rikreazzjoni. Fil-waqt li m’hemm l-ebda ħsara f’li persuna żagħżugħa jkollha xi hobby jew xi passatemp persunali favorit, ma jkunx għaqli li tħalli interessi bħal dawn joħolqu separazzjoni permanenti mill-bqija tal-familja. Minflok, irridu napplikaw il-prinċipju li stqarr Pawlu: “Żommu għajn, mhux fl’interess persunali fuq l-affarijiet tagħkom biss, imma wkoll fl-interess persunali fuq dawk taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:4.
20. Assembleat u konvenzjonijiet kif jistgħu jkunu żminijiet taʼ ferħ?
20 X’ferħ hu għalina lkoll li naraw familji bil-qiegħda flimkien f’konvenzjonijiet u assembleat! B’dak il-mod tfal kbar jistgħu taʼ spiss igħinu f’li jieħdu ħsieb uħud iżgħar. Arranġament bħal dan ukoll ma jħallix it-tendenza taʼ xi adolexxenti li jinġabru fi gruppi fil-fillieri taʼ wara u jagħtu ftit li xejn attenzjoni għall-programm tal-konvenzjoni. Saħansitra l-ivvjaġġar lejn l-assembleat u lura jistaʼ jkun taʼ ferħ meta l-familja tiġi kkonsultata dwar liema triq tittieħed, x’postijiet jaraw huma u sejrin, u fejn joqogħdu. Immaġina xi żmien eċċitanti kien ikun fi żmien Ġesù meta l-familji kienu jivvjaġġaw flimkien ’il fuq lejn Ġerusalemm!—Luqa 2:41, 42.
Il-Barkiet taʼ li Nagħmlu l-Affarijiet Flimkien
21. (a) Kif nistgħu nistinkaw għal suċċess fiż-żwieġ? (b) Liema huma erbaʼ suġġerimenti tajbin għal żwieġ dejjiemi?
21 Żwiġijiet taʼ suċċess u familji magħqudin qatt ma kienu faċli li jinkisbu, u dawn ma jiġux b’kumbinazzjoni. Xi wħud jidhru li jsibuha eħfef li ‘jieqfu jagħmlu sforz,’ billi jxolju ż-żwieġ f’divorzju, u jipprovaw jibdew mill-ġdid. Madankollu, l-istess problemi taʼ spiss jippreżentaw lilhom infushom fit-tieni jew fit-tielet żwieġ. Tweġiba ferm aħjar hi l-waħda Kristjana: Stinka għal suċċess billi tapplika l-prinċipji tal-Bibbja taʼ mħabba u rispett. Familji magħqudin jiddependu minn spirtu taʼ li tagħti u li tieħu, taʼ nuqqas taʼ egoiżmu. Wieħed kunsillier taż-żwieġ ippreżenta idea sempliċi biex iġiegħel iż-żwieġijiet jibqgħu sħaħ. Hu kiteb: “L-erbaʼ elementi kritiċi li jinsabu fi kważi ż-żwieġijiet tajbin kollha huma li jkunu lesti li jisimgħu, l-abbiltà li jiskużaw ruħhom, il-kapaċità li jipprovdu appoġġ emozzjonali konsistenti, u x-xewqa li jmissu b’affezzjoni.” Dawk il-fatturi jistgħu tabilħaqq igħinu lil żwieġ biex jibqaʼ għaliex huma bbażati wkoll fuq prinċipji sodi tal-Bibbja.—1 Korintin 13:1-8; Efesin 5:33; Ġakbu 1:19.
22. Liema huma xi benefiċċji milli jkollok familja magħquda?
22 Jekk insegwu l-pariri tal-Bibbja, se jkollna bażi solida għal familja magħquda, u familji magħqudin huma l-pedament taʼ kongregazzjoni magħquda u b’saħħitha spiritwalment. B’hekk, se nirċievu barkiet abbundanti mingħand Jehovah hekk kif nippreżentaw magħqudin tifħir miżjud għalih.
[Nota taʼ taħt]
a “Familja ġejja mil-L[atin] familia, oriġ[inalment] il-qaddejja u l-irsiera taʼ xi dar kbira, imbagħad id-dar infisha b’sid, sidt, tfal—u s-servitù.”—Origins—A Short Etymological Dictionary of Modern English, minn Eric Partridge.
Tiftakar Int?
◻ Għala hu taʼ benefiċċju li l-familji jagħmlu l-affarijiet flimkien?
◻ Studju tal-Bibbja regulari tal-familja għala huwa essenzjali?
◻ Għala huwa tajjeb għall-ġenituri li jieħdu sehem fil-ministeru tal-għalqa flimkien mat-tfal tagħhom?
◻ Għala jgħin li tiddiskuti l-problemi fiċ-ċirku tal-familja?
◻ Il-familji Kristjani għala m’għandhomx ikunu żorri u bla ferħ?