Ejjew Inżommu Sod mal-Fidi Prezzjuża Tagħna!
“Lil dawk, li, . . . kellhom ix-xorti li jkollhom fidi għażiża [“miżmuma bi privileġġ,” “NW”] daqs tagħna.”—2 PIETRU 1:1.
1. Ġesù x’qalilhom lill-appostli bi twissija, u madankollu Pietru xi ftaħar?
FIL-LEJLA taʼ qabel il-mewt tiegħu, Ġesù qal li l-appostli kollha tiegħu kienu se jabbandunawh. Wieħed minnhom, Pietru, ftaħar: “Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt.” (Korsiv tagħna.) (Mattew 26:33) Imma Ġesù kien jaf x’se jiġri. Għalhekk qal lil Pietru f’dik l-istess okkażjoni: “Jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġaʼ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek.”—Luqa 22:32.
2. Minkejja li Pietru kien kunfidenti żżejjed, liema azzjonijiet tiegħu kixfu li l-fidi tiegħu kienet dgħajfa?
2 Pietru, li kien sar kunfidenti żżejjed rigward il-fidi tiegħu, ċaħad lil Ġesù dak il-lejl stess. Tliet darbiet hu nnega li kien saħansitra jafu lil Kristu! (Mattew 26:69-75) Meta ‘reġaʼ lura għas-sewwa,’ il-kliem taʼ Sidu, “wettaq lil ħutek,” żgur li dewa f’widnejh ċar u tond. Il-bqija tal-ħajja taʼ Pietru ġiet effettwata profondament minn dik it-twissija, bħalma huwa muri miż-żewġ ittri li kiteb, li huma ppreservati fil-Bibbja.
Għala Pietru Kiteb L-Ittri Tiegħu
3. Pietru għala kiteb l-ewwel ittra tiegħu?
3 Madwar 30 sena wara l-mewt taʼ Ġesù, Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu u indirizzaha lil ħutu f’Pontu, fil-Galazja, fil-Kappadoċja, fl-Asja, u fil-Bitinja, inħawi li issa jifformaw it-Tramuntana u l-Punent tat-Turkija. (1 Pietru 1:1) Il-Lhud, li ftit minnhom setgħu saru Kristjani f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., kienu bla dubju inklużi fost dawk li lilhom Pietru kiteb. (Atti 2:1, 7-9) Bosta kienu Ġentili li kienu għaddejjin minn provi tan-nar taħt idejn dawk li jopponu. (1 Pietru 1:6, 7; 2:12, 19, 20; 3:13-17; 4:12-14) Għalhekk Pietru kiteb lil dawn l-aħwa biex jinkuraġġihom. Il-mira tiegħu kienet li jgħinhom jakkwistaw “l-għan tal-fidi [tagħhom], li hu s-salvazzjoni [tagħhom].” B’hekk, fit-twissija li tahom qabel ħalliehom, hu ħeġġiġhom: “Iqfulu [lix-Xitan], sħaħ fil-fidi.”—1 Pietru 1:9; 5:8-10.
4. Pietru għala kiteb it-tieni ittra tiegħu?
4 Iktar tard, Pietru kiteb it-tieni ittra lil dawn il-Kristjani. (2 Pietru 3:1) Għala? Għaliex kien hemm theddida bil-wisq akbar. Individwi immorali kienu se jipprovaw jippromwovu l-kondotta korrotta tagħhom fost il-kredenti u kienu se jiżvijaw lil xi wħud! (2 Pietru 2:1-3) Iktar minn hekk, Pietru wissa dwar dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt. Fl-ewwel ittra tiegħu kien kiteb li “qrib hu t-tmiem taʼ kollox,” u issa xi wħud milli jidher kienu qegħdin jiżżuffjettaw b’idea bħal din. (1 Pietru 4:7; 2 Pietru 3:3, 4) Ejjew neżaminaw it-tieni ittra taʼ Pietru u naraw kif saħħet lill-aħwa biex jibqgħu sħaħ fil-fidi. F’dan l-ewwel artiklu, se nikkunsidraw it-2 Pietru kapitlu 1.
L-Iskop Taʼ Kapitlu 1
5. Pietru kif jipprepara lill-qarrejja tiegħu għal diskussjoni dwar xi problemi?
5 Pietru ma jittrattax immedjatament mal-problemi serji. Minflok, hu jipprepara t-triq għad-diskussjoni taʼ dawn il-problemi billi jibni l-apprezzament tal-qarrejja tiegħu għal dak li huma rċevew meta saru Kristjani. Hu jfakkarhom dwar il-wegħdi meraviljużi t’Alla u dwar kemm kienu taʼ min jorbot fuqhom il-profeziji tal-Bibbja. Dan jagħmlu billi jirrakkonta dwar it-trasfigurazzjoni, il-viżjoni li kellu personalment taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna.—Mattew 17:1-8; 2 Pietru 1:3, 4, 11, 16-21.
6, 7. (a) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-introduzzjoni taʼ l-ittra taʼ Pietru? (b) Jekk nagħtu parir, liema xorta t’affarijiet persunali għandu mnejn xi kultant ikun t’għajnuna li nammettu?
6 Nistgħu aħna nitgħallmu xi ħaġa mill-introduzzjoni taʼ Pietru? Ma jkunx il-parir iktar aċċettabbli jekk l-ewwel ngħaddu mas-semmiegħa xi karatteristiċi tat-tama grandjuża tas-Saltna li lkoll tant ngħożżu? U xi ngħidu dwar li nużaw xi esperjenza persunali? X’aktarx, wara l-mewt taʼ Ġesù, Pietru spiss irrakkonta dwar meta kien ra dik il-viżjoni taʼ Kristu fil-glorja tas-Saltna.—Mattew 17:9.
7 Ftakar, ukoll, li wisq probabbli, sakemm Pietru kiteb it-tieni ittra tiegħu, il-Vanġelu taʼ Mattew u l-ittra taʼ l-appostlu Pawlu lill-Galatin kienu ġew imqassmin maʼ kullimkien. Għalhekk kemm in-nuqqasijiet umani kif ukoll l-eżempju tal-fidi taʼ Pietru għandhom mnejn li kienu saru magħrufin sewwa fost in-nies taʼ żmienu. (Mattew 16:21-23; Galatin 2:11-14) Dan, madankollu, ma waqqfux milli jkollu l-libertà tal-kelma. Tabilħaqq, għandu mnejn li dan ġagħal lill-ittra tiegħu tappella iktar għal dawk li kienu konxji tad-dgħjufijiet tagħhom stess. Għalhekk, meta nkunu qegħdin ngħinu lil dawk li għandhom xi problemi, ma taħsbux li jkun effettiv li nammettu li aħna wkoll kultant niżbaljaw?—Rumani 3:23; Galatin 6:1.
Tislima Li Tqawwi L-Qalb
8. Pietru f’liema sens x’aktarx li uża l-kelma “fidi”?
8 Ikkunsidra issa t-tislima taʼ Pietru. Immedjatament hu jsemmi s-suġġett tal-fidi, billi jindirizza lis-semmiegħa tiegħu bħala “lil dawk, li, . . . kellhom ix-xorti li jkollhom fidi għażiża [“miżmuma bi privileġġ,” NW] daqs tagħna.” (2 Pietru 1:1) Hawnhekk l-espressjoni “fidi” x’aktarx li tfisser “persważjoni soda” u tirreferi għall-ġabra taʼ twemmin jew tagħlim Kristjan, li fl-Iskrittura huwa xi drabi msejjaħ “is-sewwa,” jew “il-verità.” (Galatin 5:7; 2 Pietru 2:2; 2 Ġwann 1) Il-kelma “fidi” spiss hija wżata f’dan is-sens minflok fis-sens ġenerali taʼ fiduċja jew fidi sħiħa mpoġġija f’persuna jew f’xi ħaġa.—Atti 6:7; 2 Korintin 13:5; Galatin 6:10; Efesin 4:5; Ġuda 3.
9. It-tislima taʼ Pietru għala min jaf kemm instemgħet speċjalment pjaċevoli għall-Ġentili?
9 It-tislima taʼ Pietru min jaf kemm instemgħet pjaċevoli għal widnejn il-qarrejja Ġentili. Il-Lhud ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-Ġentili, saħansitra kienu jistmerruhom, u l-preġudizzju kontra l-Ġentili baqaʼ fost il-Lhud li kienu saru Kristjani. (Luqa 10:29-37; Ġwann 4:9; Atti 10:28) Madankollu, Pietru, Lhudi mit-twelid u appostlu taʼ Ġesù Kristu, qal li l-qarrejja tiegħu—Lhud u Ġentili—kellhom l-istess fidi u gawdew privileġġ indaqs miegħu.
10. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mit-tislima taʼ Pietru?
10 Aħseb dwar il-lezzjonijiet mill-aħjar li t-tislima taʼ Pietru tgħallimna llum. Alla m’huwiex parzjali; ma jurix preferenzi maʼ xi razza jew nazzjonalità. (Atti 10:34, 35; 11:1, 17; 15:3-9) Bħalma għallem Ġesù nnifsu, il-Kristjani kollha huma aħwa, u ħadd minna m’għandu jħossu superjuri. Barra minn hekk, it-tislima taʼ Pietru tenfasizza li aħna tabilħaqq fratellanza mad-dinja kollha, li nżommu “bi privileġġ daqs tagħna” l-fidi li kellhom Pietru u l-appostli sħabu.—Mattew 23:8; 1 Pietru 5:9.
Għarfien u L-Wegħdi T’Alla
11. Liema affarijiet vitali jenfasizza Pietru wara t-tislima tiegħu?
11 Wara t-tislima tiegħu, Pietru jikteb: “Grazzja [“qalb tajba mhix mistħoqqa,” NW] lilkom u sliem bil-kotra [“jkunu miżjudin lilkom,” NW].” Il-qalb tajba mhix mistħoqqa u s-sliem kif se jkunu miżjudin lilna? “Bis-saħħa taʼ l-għarfien sħiħ tagħkom taʼ Alla u taʼ Ġesù Sidna,” iwieġeb Pietru. Imbagħad jgħid: “Is-setgħa . . . taʼ Alla tatna dak kollu li hu meħtieġ għall-ħajja u t-tjieba.” Imma kif nirċevuhom dawn l-affarijiet vitali? “Billi għarrfitna ’l Dak li sejjħilna għall-glorja u l-qawwa tiegħu nnifsu.” B’hekk Pietru darbtejn jenfasizza li għarfien eżatt dwar Alla u Ibnu huwa essenzjali.—2 Pietru 1:2, 3; Ġwann 17:3.
12. (a) Pietru għala jenfasizza l-importanza taʼ l-għarfien eżatt? (b) Biex ingawdu l-wegħdi t’Alla, l-ewwel x’irridu nkunu għamilna?
12 L-“għalliema foloz” li Pietru jwissi dwarhom f’kapitlu 2 jużaw “kliem qarrieq” biex iqarrqu bil-Kristjani. B’dan il-mod huma jipprovaw jisseduċuhom ħalli jerġgħu lura għall-immoralità li minnha ġew meħlusin. Ir-riżultati għal kulmin ġie salvat permezz taʼ “għarfien taʼ Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu” u li iktar tard ċeda għal qerq bħal dan huma diżastrużi. (2 Pietru 2:1-3, 20) Evidentement b’antiċipazzjoni biex iktar tard jiddiskuti din il-problema, Pietru jenfasizza mill-bidunett taʼ l-ittra tiegħu l-irwol taʼ l-għarfien eżatt f’li wieħed iżomm waqfa nadifa m’Alla. Pietru josserva li Alla ‘tana l-egħżeż u l-akbar ġid li kien wegħedna, biex bih nissieħbu fin-natura t’Alla.’ Madankollu, biex ingawdu dawn il-wegħdi, li huma parti integrali mill-fidi tagħna, jgħid Pietru, l-ewwel irridu nkunu ‘ħlisna mit-taħsir li hawn fid-dinja ħtija tal-ġibdiet ħżiena.’—2 Pietru 1:4.
13. Kemm il-Kristjani midlukin u kemm in-“nagħaġ oħra” maʼ liema ħaġa huma ddeterminati li jżommu sħaħ?
13 Int kif tqishom il-wegħdi t’Alla? Bil-mod kif iqisuhom il-fdal taʼ Kristjani midlukin? Fl-1991, Frederick Franz, li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Bible and Tract Society, u li kien qeda fil-ministeru full-time għal iktar minn 75 sena, ġabar fil-qosor is-sentimenti taʼ dawk li jittamaw li jsaltnu maʼ Kristu: “Aħna qegħdin inżommu sħaħ sa din is-siegħa stess, u se nibqgħu nżommu sħaħ sakemm Alla jkun attwalment wera li hu leali lejn ‘il-wegħdi prezzjużi u grandjużi ferm’ tiegħu.” Ħuna Franz baqaʼ fiduċjuż fil-wegħdi t’Alla taʼ rxoxt għas-sema, u żamm sħiħ fil-fidi sa mewtu fl-età taʼ 99 sena. (1 Korintin 15:42-44; Filippin 3:13, 14; 2 Timotju 2:10-12) Bl-istess mod, miljuni qegħdin iżommu sħaħ fil-fidi, billi jibqgħu jiffokaw fuq il-wegħda t’Alla taʼ ġenna taʼ l-art li fiha n-nies se jgħixu għal dejjem fl-hena. Int wieħed minnhom?—Luqa 23:43; 2 Pietru 3:13; Apokalissi 21:3, 4.
Rispons Għall-Wegħdi T’Alla
14. Pietru għala jsemmi l-virtù bħala l-ewwel kwalità li trid tiġi miżjuda mal-fidi?
14 Grati aħna lejn Alla għal dak li wiegħed? Jekk inhu hekk, jargumenta Pietru, dan għandna nuruh. “Għalhekk, mela” (minħabba li Alla tana wegħdi prezzjużi ħafna), għandna nagħmlu sforz ġenwin biex naġixxu. Ma nistgħux nikkuntentaw billi sempliċement inkunu fil-fidi jew billi sempliċement inkunu familjari mal-verità tal-Bibbja. Dak m’huwiex biżżejjed! Forsi fi żmien Pietru xi wħud fil-kongregazzjonijiet parlaw ħafna dwar il-fidi imma involvew ruħhom f’kondotta immorali. L-imġiba tagħhom kien jeħtiġilha tkun mimlija virtù, għalhekk Pietru jħeġġeġ: ‘Żidu mal-fidi l-virtù.’—2 Pietru 1:5; Ġakbu 2:14-17.
15. (a) L-għarfien għala jissemma wara l-virtù bħala kwalità li trid tiġi miżjuda mal-fidi? (b) Liema kwalitajiet oħrajn se jgħammruna biex inżommu sħaħ fil-fidi?
15 Wara li jsemmi l-virtù, Pietru jsemmi sitt kwalitajiet oħrajn li jridu jiġu fornuti, jew miżjudin, mal-fidi tagħna. Kull waħda minnhom hija meħtieġa jekk se ‘nżommu sħaħ fil-fidi.’ (1 Korintin 16:13) Minħabba li l-apostati kienu qegħdin ‘ifissru ħażin l-Iskrittura’ u jxerrdu “tagħlim qarrieq,” Pietru mbagħad isemmi l-għarfien bħala vitali, billi jgħid: “Mal-virtù [żidu] l-għerf [“għarfien,” NW].” Imbagħad ikompli: “Maʼ l-għerf [“għarfien,” NW] [żidu] ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tjieba; mat-tjieba l-ħbiberija taʼ l-aħwa; mal-ħbiberija taʼ l-aħwa l-imħabba.”—2 Pietru 1:5-7; 2:12, 13, NW; 3:16.
16. X’jiġri jekk il-kwalitajiet li jsemmi Pietru jiġu miżjudin mal-fidi, imma x’jiġri jekk ma jiġux miżjudin?
16 X’jiġri jekk dawn is-sebaʼ affarijiet jiġu miżjudin mal-fidi tagħna? “Jekk ikollkom dawn il-kwalitajiet u tkattruhom fikom,” iwieġeb Pietru, “ma jħallukomx rieqda u bla frott fl-għarfien [“eżatt,” “NW”] tagħkom taʼ Sidna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:8) Mill-banda l-oħra, Pietru jgħid: “Min hu nieqes minnhom hu agħma, ma jarax sewwa; nesa li ġie mnaddaf minn dnubietu taʼ l-imgħoddi.” (2 Pietru 1:9) Innota li Pietru jibdel mill-użu taʼ pronomi persunali bħal “intom” u “tagħna” għal pronomi ġenerali bħal “min,” “hu,” u “tiegħu.” Għalkemm, b’sogħba, xi wħud huma għomja, traskurati, u mhux nodfa, Pietru b’qalb tajba ma jimplikax li l-qarrej huwa wieħed minn dawn.—2 Pietru 2:2.
Isaħħaħ Lil Ħutu
17. X’setaʼ qanqal l-appell teneru taʼ Pietru biex jipprattikaw “dawn l-affarijiet”?
17 Forsi billi jirrikonoxxi li l-ġodda b’mod partikulari jistgħu faċilment jiġu mqarrqin, Pietru jinkuraġġihom b’mod teneru: “Ħuti, b’ħeġġa akbar għandkom tfittxu li ssaħħu s-sejħa u l-għażla tagħkom; għax jekk tagħmlu hekk [“dawn l-affarijiet,” NW], ma titfixklu qatt.” (2 Pietru 1:10; 2:18) Kristjani midlukin li mal-fidi tagħhom iżidu dawn is-sebaʼ affarijiet se jgawdu premju kbir, bħalma jgħid Pietru: “Hekk ikollkom miftuħ beraħ quddiemkom il-bieb tad-dħul fis-saltna taʼ dejjem taʼ Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:11) In-“nagħaġ oħra” se jirċievu wirt taʼ dejjem fil-qasam taʼ l-art tas-Saltna t’Alla.—Ġwann 10:16; Mattew 25:33, 34.
18. Pietru għala huwa dispost li ‘dejjem ifakkar’ lil ħutu?
18 Pietru jixtieq sinċerament li ħutu jkollhom dan il-premju. “Għalhekk,” hu jikteb, “jien bi ħsiebni nibqaʼ dejjem infakkarkom fuq dawn il-ħwejjeġ, għalkemm tafuhom u intom sħaħ fil-verità.” (2 Pietru 1:12) Pietru juża l-kelma Griega ste·riʹzo, hawnhekk tradotta “sħaħ” imma mogħtija “wettaq” fit-twissija li Ġesù iktar qabel kien ta lil Pietru: “Wettaq lil ħutek.” (Luqa 22:32) L-użu taʼ dik il-kelma għandu mnejn jissuġġerixxi li Pietru jiftakar fit-twissija potenti li rċieva mingħand il-Mulej tiegħu. Pietru issa jgħid: “Jidhirli li hi ħaġa flokha li, sakemm jien f’dan il-ġisem [uman], nżommkom imħeġġin billi nibqaʼ nfakkarkom; għax jien naf li dalwaqt ikolli nħalli dan il-ġisem.”—2 Pietru 1:13, 14.
19. Liema għajnuniet neħtieġu llum?
19 Għalkemm Pietru b’qalb tajba jgħid li l-qarrejja tiegħu huma “sħaħ fil-verità,” hu jirrealizza li l-fidi tagħhom setgħet iġġarrab nawfraġju. (1 Timotju 1:19) Ladarba jaf li dalwaqt se jmut, hu jsaħħaħ lil ħutu billi jsemmi affarijiet li huma setgħu jiftakru iktar tard biex iżommu lilhom infushom b’saħħithom spiritwalment. (2 Pietru 1:15; 3:12, 13) Bl-istess mod, aħna llum neħtieġu tfakkiriet kontinwi biex nibqgħu sħaħ fil-fidi. Aħna min aħna u ilna kemm ilna fil-verità, ma nistgħux nittraskuraw il-qari regulari tal-Bibbja, l-istudju persunali, u l-attendenza għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Xi wħud iġibu skużi biex ma jattendux, billi jgħidu li huma għajjenin wisq jew li l-laqgħat huma dejjem l-istess jew m’humiex ippreżentati tajjeb, imma Pietru kien jaf kemm kwalunkwe wieħed jew waħda minna nistgħu nitilfu l-fidi malajr jekk insiru kunfidenti żżejjed.—Mark 14:66-72; 1 Korintin 10:12; Lhud 10:25.
Bażi Soda Għall-Fidi Tagħna
20, 21. It-trasfigurazzjoni kif saħħet il-fidi taʼ Pietru u tal-qarrejja taʼ l-ittri tiegħu, li jinkludu lilna llum?
20 Hija l-fidi tagħna bbażata sempliċement fuq ħrejjef ivvintati b’inġenwità? “[Le],” Pietru jwieġeb b’enfasi, “aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa taʼ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu.” Pietru, Ġakbu, u Ġwanni kienu preżenti maʼ Ġesù meta raw viżjoni tiegħu fil-qawwa tas-Saltna. Pietru jispjega: “Hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instemaʼ jgħid għalih: ‘Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.’ Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa.”—2 Pietru 1:16-18.
21 Meta Pietru, Ġakbu, u Ġwanni raw dik il-viżjoni, is-Saltna ċertament li saret reali għalihom! “U hekk,” Pietru jagħmel l-osservazzjoni, “għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha.” Iva, qarrejja taʼ l-ittra taʼ Pietru, li jinkludu lilna llum, għandhom raġuni qawwija biex joqogħdu attenti għall-profeziji dwar is-Saltna t’Alla. B’liema mod għandna bżonn nagħtu attenzjoni? Pietru jwieġeb: “Bħal [lil xi] fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titlaʼ l-kewkba taʼ filgħodu.”—2 Pietru 1:19; Danjel 7:13, 14; Isaija 9:6, 7.
22. (a) Qlubna għal liema ħaġa għandhom bżonn jibqgħu attenti? (b) Kif noqogħdu attenti għall-kelma profetika?
22 Qlubna jkunu mudlama mingħajr l-illuminazzjoni tal-kelma profetika. Imma billi qagħdu attenti għaliha, il-qlub tal-Kristjani baqgħu għassa għaż-żerniq tal-jum meta l-“kewkba taʼ filgħodu,” Ġesù Kristu, titlaʼ fil-glorja tas-Saltna. (Apokalissi 22:16) Illum aħna kif noqogħdu attenti għall-kelma profetika? Bi studju tal-Bibbja, bi preparazzjoni għal u parteċipazzjoni fil-laqgħat, u billi ‘ħsiebna f’dawn il-ħwejjeġ, u nagħtu ruħna għalihom.’ (1 Timotju 4:15) Jekk il-kelma profetika għandha tkun bħal fanal jixgħel f’“post mudlam” (qlubna), irridu nħalluha teffettwana profondament—ix-xewqat, l-emozzjonijiet, il-motivazzjonijiet, u l-miri tagħna. Għandna bżonn inkunu studenti tal-Bibbja, għax Pietru jikkonkludi kapitlu 1: “L-ebda profezija taʼ l-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.”—2 Pietru 1:20, 21.
23. L-ewwel kapitlu tat-2 Pietru għal liema ħaġa ppreparahom lill-qarrejja?
23 Fl-ewwel kapitlu tat-tieni ittra tiegħu, Pietru pprovdielna motivazzjoni qawwija biex inżommu sod mal-fidi prezzjuża tagħna. Aħna issa ninsabu preparati għal konsiderazzjoni tal-kwistjonijiet serji li jiġu wara. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kapitlu 2 tat-2 Pietru, fejn l-appostlu jittratta maʼ l-isfida taʼ influwenzi immorali li kienu infiltraw fil-kongregazzjonijiet. (w97 9/1)
Tiftakar?
◻ Pietru għala jenfasizza l-importanza taʼ l-għarfien eżatt?
◻ X’tistaʼ tkun ir-raġuni għala l-virtù hija msemmija bħala l-ewwel kwalità li trid tiġi miżjuda mal-fidi?
◻ Pietru għala huwa dejjem dispost li jagħti tfakkiriet lil ħutu?
◻ Pietru jipprovdi liema bażi soda għall-fidi tagħna?
[Stampa f’paġna 17]
In-nuqqasijiet taʼ Pietru ma ġagħluhx jabbanduna l-fidi tiegħu