Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
1-7 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 7-8
“Lezzjonijiet mill-Kamp taʼ Iżrael”
it-1 497 ¶3
Kongregazzjoni
F’Iżrael, rappreżentanti responsabbli spiss aġixxew għan-nom tal-poplu. (Esd 10:14) B’hekk, “kapijiet ewlenin tat-tribujiet” ippreżentaw l-offerti wara li ġie armat it-tabernaklu. (Nu 7:1-11) Ukoll, fi żmien Neħemija kien hemm qassisin, Leviti, u “l-kapijiet tal-poplu” li affermaw l-“arranġament taʼ min jafdah” permezz tas-siġill. (Ne 9:38–10:27) Matul il-vjaġġ tal-Iżraelin fix-xagħri, kien hemm “kapijiet ewlenin tal-ġemgħa, li kienu jissejħu għal-laqgħat, irġiel taʼ fama,” u minnhom kien hemm 250 li ngħaqdu maʼ Koraħ, Datan, Abiram, u On biex jiħduha kontra Mosè u Aron. Fi qbil mad-direzzjoni minn Alla, Mosè għażel 70 mix-xjuħ taʼ Iżrael li kienu uffiċjali biex jgħinuh iġorr “it-tagħbija tal-poplu” li ma felaħx għaliha waħdu. (Nu 11:16, 17, 24, 25) Levitiku 4:15 isemmi “x-xjuħ tal-ġemgħa,” u jidher li r-rappreżentanti tal-poplu kienu x-xjuħ, il-kapijiet, l-imħallfin, u l-uffiċjali tiegħu.—Nu 1:4, 16; Ġoż 23:2; 24:1.
it-2 796 ¶1
Ruben
Fil-kamp taʼ Iżrael, ir-Rubenin, li fuq kull naħa tagħhom kellhom id-dixxendenti taʼ Simegħon u Gad, qagħdu fin-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. Meta kienu jmorru minn post għall-ieħor, din it-taqsima taʼ tliet tribujiet immexxija minn Ruben kienet timxi wara t-taqsima taʼ tliet tribujiet taʼ Ġuda, Issakkar, u Żebulun. (Nu 2:10-16; 10:14-20) Dan kien ukoll il-mod kif it-tribujiet kienu jimxu wara xulxin biex jippreżentaw l-offerti tagħhom fil-ġurnata tal-inawgurazzjoni tat-tabernaklu.—Nu 7:1, 2, 10-47.
Ġawhar Spiritwali
it-1 835
L-Ewwel Imwieled
Ladarba l-ewwel imweldin tas-sess maskil fost l-Iżraelin maż-żmien kellhom isiru kapijiet taʼ diversi familji, huma rrappreżentaw lin-nazzjon kollu. Fil-fatt Ġeħova rrefera għan-nazzjon sħiħ bħala “l-ewwel imwieled” tiegħu, peress li kien l-ewwel nazzjon li twieled permezz tal-patt Abrahamiku. (Eżo 4:22) Minħabba li kien salvalhom ħajjithom, Ġeħova kkmanda li “kull l-ewwel imwieled tas-sess maskil li jiftaħ kull ġuf minn fost ulied Israel, fost il-bnedmin u l-bhejjem,” ikun imqaddes għalih. (Eżo 13:2) B’hekk, l-ewwel imweldin tas-sess maskil kienu dedikati lil Ġeħova.
8-14 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 9-10
“Ġeħova Jmexxi lill-Qaddejja Tiegħu”
it-1 398 ¶3
Kamp
Iċ-ċaqliq tal-kamp kbir taʼ Iżrael minn post għall-ieħor kien juri organizzazzjoni kbira u f’Numri 33 hemm madwar 40 post li kkampjaw fih. Sakemm is-sħaba kienet tibqaʼ fuq it-tabernaklu, il-kamp kien jibqaʼ fl-istess post. Meta s-sħaba mxiet, il-kamp mexa. “Bl-ordni taʼ Ġeħova kienu jikkampjaw, u bl-ordni taʼ Ġeħova kienu jitilqu.” (Nu 9:15-23) Żewġ trumbetti tal-fidda taw dawn l-ordnijiet taʼ Ġeħova lill-kamp kollu. (Nu 10:2, 5, 6) Meta n-nies kienu jisimgħu l-ħoss tat-trumbetta jogħla u jitbaxxa, dan kien sinjal għalihom biex iżarmaw il-kamp. Dan ġara l-ewwel darba “fit-tieni sena [1512 QK], fit-tieni xahar, fl-għoxrin tax-xahar.” Bl-arka tal-patt fuq quddiem, ħarġet it-taqsima taʼ tliet tribujiet immexxija minn Ġuda, segwita minn Issakkar, u warajh Żebulun. Il-Gersonin u l-Merarin ħarġu warajhom filwaqt li ġarrew il-partijiet tat-tabernaklu li kellhom iġorru huma. Imbagħad kien imiss it-taqsima taʼ tliet tribujiet immexxija minn Ruben u segwita minn Simegħon u Gad. Warajhom kien hemm il-Keħatin bis-santwarju, imbagħad it-tielet taqsima taʼ tliet tribujiet taʼ Efrajm, segwita minn Manasse u Benjamin. Fl-aħħar, kien hemm l-għassa tat-taqsima mmexxija minn Dan u magħhom kien hemm Aser u Naftali. B’hekk l-iktar żewġ taqsimiet numerużi u b’saħħithom kienu fuq in-naħa taʼ quddiem u taʼ wara.—Nu 10:11-28.
Ġawhar Spiritwali
it-1 199 ¶3
Laqgħat
L-Importanza taʼ li Niltaqgħu Flimkien. Huwa importanti li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti taʼ Ġeħova biex niltaqgħu flimkien ħalli nibbenefikaw spiritwalment. Dan jiġi enfasizzat fl-osservanza tal-Qbiż taʼ kull sena. Kull raġel li kien nadif u li ma kienx qed jivvjaġġa imma li naqas milli jiċċelebra l-Qbiż kellu jingħata l-mewt. (Nu 9:9-14) Meta s-Sultan Ħeżekija sejjaħ lill-abitanti taʼ Ġuda u Iżrael biex imorru Ġerusalemm għal ċelebrazzjoni tal-Qbiż, parti mill-messaġġ tiegħu kien: “Ulied Israel, erġgħu lura lejn Ġeħova . . . twebbsux raskom bħalma għamlu missirijietkom. Issottomettu ruħkom lejn Ġeħova u ejjew fis-santwarju tiegħu li hu qaddes għal żmien indefinit u aqdu lil Ġeħova Alla tagħkom, sabiex ir-rabja taħraq tiegħu ddur lura minn fuqkom. . . . Ġeħova Alla tagħkom hu grazzjuż u ħanin, u ma jdawwarx wiċċu lil hinn minnkom jekk terġgħu lura lejh.” (2Kr 30:6-9) Jekk wieħed ma attendiex għax hekk għażel, dan żgur kien juri li telaq lil Alla. U filwaqt li festi bħal tal-Qbiż ma jiġux iċċelebrati mill-Kristjani, Pawlu bix-xieraq ħeġġiġhom biex ma jabbandunawx il-laqgħat regolari tal-poplu t’Alla, u qalilhom: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.”—Eb 10:24, 25.
15-21 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 11-12
“Evita li Tgerger”
it-2 719 ¶4
Argumenti
Tgergir. It-tgergir jiskuraġġixxi u jkisser lil dak li jkun. L-Iżraelin, li ma kinux ilhom li ħarġu mill-Eġittu, bdew igergru kontra Ġeħova u jikkritikaw it-tmexxija li pprovdielhom permezz taʼ Mosè u Aron. (Eżo 16:2, 7) Iżjed tard, it-tgergir tagħhom tant skuraġġixxa lil Mosè li talab li jmut. (Nu 11:13-15) It-tgergir jistaʼ jkun periklu li jwassal għall-mewt taʼ min igerger. Ġeħova qies it-tgergir dwar Mosè bħala ribelljoni kontra t-tmexxija Tiegħu stess. (Nu 14:26-30) Ħafna tilfu ħajjithom minħabba t-tgergir tagħhom.
Ġawhar Spiritwali
it-2 309
Manna
Deskrizzjoni. Il-manna kienet “bajda bħaż-żerriegħa tal-kosbor” u “fid-dehra” kienet bħall-gomma tar-raża tfuħ, sustanza trasparenti u bħax-xamaʼ. Il-forma tagħha kienet qisha perla. It-togħma kienet titqabbel maʼ “ftajjar bl-għasel” jew “ftira ħelwa biż-żejt.” Wara li kienet tiġi mitħuna fil-mitħna tal-idejn jew misħuqa fil-mehrież, il-manna kienet titgħalla jew moħmija fi ftajjar.—Eżo 16:23, 31; Nu 11:7, 8.
22-28 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 13-14
Ġawhar Spiritwali
it-1 740
L-Art li Alla Ta lil Iżrael
L-art li Alla ta lil Iżrael kienet art tajba tassew. Meta Mosè bagħat lill-ispiji qabel l-Iżraelin biex jitkixxfu l-Art Imwiegħda u biex jieħdu xi ftit mill-prodotti tagħha, huma ħadu tin, rummien, u għanqud għeneb li tant kien kbir li żewġt irġiel ġarrewh fuq lasta bejniethom! Għalkemm beżgħu minħabba nuqqas taʼ fidi, huma rrapportaw: L-art “tabilħaqq li tnixxi ħalib u għasel.”—Nu 13:23, 27.
19-25 T’APRIL
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 22-24
“Ġeħova Jdawwar Saħta f’Barka”
it-2 291
Bluha
Il-Bluha taʼ li Tmur Kontra Ġeħova. Il-profeta Balgħam bi bluha ried jipprofetizza kontra Iżrael biex jieħu l-flus mingħand is-Sultan Balak tal-Mowabin, imma Ġeħova intervjena u ġab fix-xejn l-isforzi tiegħu. L-appostlu Pietru kiteb dwar Balgħam li “bhima tat-tagħbija bla leħen, li tkellmet b’vuċi taʼ bniedem, fixklet lill-profeta fil-kondotta miġnuna tiegħu.” Il-kelma Griega użata għall-mod kif aġixxa Balgħam tfisser “li wieħed jitlef moħħu.”—2Pt 2:15, 16; Nu 22:26-31.
26 T’APRIL–2 TAʼ MEJJU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 25-26
Ġawhar Spiritwali
it-1 359 ¶1-2
Fruntiera
Jidher li t-tqassim tal-art fost it-tribujiet kien jiddependi minn żewġ fatturi: ir-riżultat tat-tfigħ tax-xorti u d-daqs tat-tribù. Ix-xorti setgħet stabbiliet biss il-post bejn wieħed u ieħor tal-wirt li kull tribù kellu jkollu. B’hekk kienu jkunu jafu jekk is-sezzjoni tagħhom kinitx se tkun in-naħa tal-baħar jew fil-muntanji. Id-deċiżjoni tax-xorti kienet tiġi minn Ġeħova, u b’hekk kien jiġi evitat li jkun hemm l-għira u l-ġlied fost it-tribujiet. (Pr 16:33) B’dan il-mod Alla kien ukoll jiggwida l-affarijiet biex is-sitwazzjoni taʼ kull tribù kienet tkun fi qbil mal-profezija ispirata taʼ Ġenesi 49:1-33 li Ġakobb qal qabel miet.
Wara li t-tfigħ tax-xorti kien jiddetermina l-post ġeografiku tat-tribù, imbagħad kien hemm bżonn li jiġi determinat il-kobor tat-territorju skont id-daqs tat-tribù. “Qassmu bix-xorti l-art għalikom stess biex tkun tagħkom skond il-familji tagħkom. Lil min ikun ħafna għandkom iżżidulu l-wirt tiegħu, u lil min ikun ftit għandkom tnaqqsulu l-wirt tiegħu. Skond fejn jitlagħlu bix-xorti, hemmhekk isir tiegħu.” (Nu 33:54) Id-deċiżjoni dwar fejn kien ikun il-wirt kienet tibqaʼ, imma setgħu jsiru aġġustamenti fid-daqs tal-wirt. Għalhekk, meta t-territorju taʼ Ġuda nstab li kien kbir wisq, il-kobor tal-art ġie mnaqqas billi taw porzjonijiet minnu lit-tribù taʼ Simegħon.—Ġoż 19:9.