-
Dak li l-Jum taʼ Ġeħova Se JirrivelaIt-Torri tal-Għassa—2010 | Lulju 15
-
-
2 “Il-jum taʼ Ġeħova,” kiteb l-appostlu Pietru, “se jiġi bħal ħalliel, u f’dan il-jum is-smewwiet jgħibu b’ħoss kbir, u l-elementi tant ikunu jikwu li jdubu, u l-art u x-xogħlijiet li fiha jinkixfu.” (2 Pt. 3:10) X’inhuma “s-smewwiet” u “l-art” imsemmijin hawnhekk? X’inhuma “l-elementi” li se jdubu? U Pietru x’ried ifisser meta qal li “l-art u x-xogħlijiet li fiha” se “jinkixfu”? Li nkunu nafu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinna nħejju ruħna għall-ġrajjiet li jqanqlu l-biżaʼ u li se jseħħu fil-futur qarib.
Is-Smewwiet u l-Art li Se Jgħibu
3. X’inhuma “s-smewwiet” imsemmijin fit-2 Pietru 3:10, u kif se jgħibu?
3 Meta tintuża b’mod simboliku fil-Bibbja, il-kelma “smewwiet” spiss tirreferi għal qawwiet li jaħkmu u li jitgħollew ’il fuq mis-sudditi tagħhom. (Is. 14:13, 14; Riv. 21:1, 2) “Is-smewwiet [li se] jgħibu” jirrappreżentaw il-ħakma umana fuq soċjetà mbiegħda minn Alla. Il-fatt li jgħibu “b’ħoss kbir” jistaʼ jindika l-qerda b’ħeffa taʼ dawn is-smewwiet.
4. X’inhi “l-art,” u kif se tinqered?
4 “L-art” tirrappreżenta d-dinja tal-umanità mbiegħda minn Alla. Dinja bħal din kienet teżisti fi żmien Noè u, bil-kmand t’Alla, inqerdet bid-Dilluvju. “Bl-istess kelma, is-smewwiet u l-art t’issa huma merfugħin għan-nar u qed jinżammu għal jum il-ġudizzju u l-qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pt. 3:7) Filwaqt li d-Dilluvju qered lin-nies mill-agħar kollha f’daqqa, il-qerda li ġejja se sseħħ pass pass matul “it-tribulazzjoni l-kbira.” (Riv. 7:14) Fl-ewwel fażi taʼ din it-tribulazzjoni, Alla se jqanqal lill-ħakkiema politiċi taʼ din id-dinja biex jeqirdu lil “Babilonja l-Kbira,” u b’hekk juri l-istmerrija tiegħu għal din il-prostituta reliġjuża. (Riv. 17:5, 16; 18:8) Imbagħad, fil-gwerra taʼ Armageddon, l-aħħar fażi tat-tribulazzjoni l-kbira, Ġeħova nnifsu se jelimina l-kumplament tad-dinja taʼ Satana.—Riv. 16:14, 16; 19:19-21.
“L-Elementi . . . Jdubu”
5. L-elementi figurattivi x’jinkludu?
5 X’inhuma “l-elementi” li se “jdubu”? Dizzjunarju Bibliku jagħti definizzjoni tal-kelma “elementi” bħala “prinċipji ewlenin,” jew “rudimenti.” Din il-kelma, jgħid id-dizzjunarju, “intużat għall-ittri tal-alfabett, bħala elementi tad-diskors.” B’hekk, “l-elementi” msemmijin minn Pietru jirreferu għall-affarijiet fundamentali li jagħtu lid-dinja l-karatteristiki, l-attitudnijiet, il-modi, u l-miri tagħha li huma mbegħdin minn Alla. “L-elementi” jinkludu “l-ispirtu tad-dinja,” li “jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.” (1 Kor. 2:12; aqra Efesin 2:1-3.) Dan l-ispirtu, jew “arja,” hu mxerred mad-dinja taʼ Satana. Iġiegħel lin-nies jaħsbu, jippjanaw, jitkellmu, u jaġixxu b’modi li jirriflettu l-moħħ taʼ Satana, “il-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja,” li hu kburi u ribelluż.
6. L-ispirtu tad-dinja kif jintwera?
6 Għalhekk, kemm jekk jafu u kemm jekk le, dawk infettati bl-ispirtu tad-dinja jħallu lil moħħhom u lil qalbhom jiġu influwenzati minn Satana, sabiex b’hekk jirriflettu l-mod taʼ ħsib tiegħu u l-attitudni tiegħu. Minħabba f’hekk, jagħmlu dak li jridu, mingħajr ma jqisu r-rieda t’Alla. Huma jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet fuq il-bażi tal-kburija jew l-egoiżmu, juru attitudni ribelluża lejn l-awtorità, u bla rażan iċedu għax-“xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn.”—Aqra l-1 Ġwanni 2:15-17.a
7. Għala għandna ‘nħarsu lil qalbna’?
7 Għalhekk, kemm hu importanti li aħna ‘nħarsu lil qalbna’ billi neżerċitaw l-għerf divin meta nagħżlu maʼ min nissieħbu, x’naqraw, id-divertiment, u l-Web sites li forsi niftħu fuq l-Internet! (Prov. 4:23) L-appostlu Pawlu kiteb: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.” (Kol. 2:8) Dan il-kmand isir saħansitra iktar urġenti hekk kif joqrob il-jum taʼ Ġeħova, għax tant se jkun ‘jikwi’ li se jdewweb “l-elementi” tas-sistema taʼ Satana, u b’hekk juri li dawn ma jistgħux jirreżistu r-rabja taħraq t’Alla. Dan ifakkarna fil-kliem taʼ Malakija 4:1: “Ġej il-jum jaqbad bħall-forn, u l-prużuntużi kollha u dawk kollha li qed jagħmlu l-ħażen iridu jsiru bħat-tiben. U l-jum li ġej se jiblagħhom żgur.”
“L-Art u x-Xogħlijiet li Fiha Jinkixfu”
8. L-art u x-xogħlijiet li fiha kif “jinkixfu”?
8 Pietru x’ried ifisser meta kiteb li “l-art u x-xogħlijiet li fiha jinkixfu”? Pietru kien qed jgħid li matul it-tribulazzjoni l-kbira, Ġeħova se jikxef id-dinja taʼ Satana, billi jesponiha bħala li hi kontra Tiegħu u kontra s-Saltna Tiegħu, u b’hekk jixirqilha li tinqered. Fi kliem profetiku dwar dak iż-żmien, Isaija 26:21 jgħid: “Ġeħova ġej minn postu biex jitlob kont mill-abitanti taʼ l-art għall-iżball tagħhom, u l-art se tikxef it-tixrid taʼ demm tagħha u ma tkomplix tgħatti l-maqtulin tagħha.”
9. (a) X’għandna niċħdu, u għala? (b) X’għandna nikkultivaw, u għala?
9 Matul il-jum taʼ Ġeħova, dawk li ġew imsawrin mid-dinja u l-ispirtu mill-agħar tagħha se juru x’inhuma verament, billi saħansitra joqtlu lil xulxin. Fil-fatt, jistaʼ jkun li d-diversi forom taʼ divertiment vjolenti li huma popolari llum qed iħarrġu l-imħuħ taʼ ħafna għaż-żmien meta l-id taʼ kull bniedem “se tintrefaʼ kontra id sieħbu.” (Żak. 14:13) Għalhekk, kemm hu importanti li niċħdu dak kollu—films, kotba, logħob tal-kompjuter, eċċetra—li jistaʼ jipproduċi fina karatteristiki li Alla jistmerr, bħall-kburija u l-imħabba għall-vjolenza! (2 Sam. 22:28; Salm 11:5) Minflok, ejja nikkultivaw il-frott tal-ispirtu qaddis t’Alla, għax kwalitajiet bħal dawn se jkunu kapaċi jirreżistu s-sħana figurattiva tal-jum taʼ Ġeħova.—Gal. 5:22, 23.
-
-
Dak li l-Jum taʼ Ġeħova Se JirrivelaIt-Torri tal-Għassa—2010 | Lulju 15
-
-
Ħejji Ruħek għall-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova
12. Il-jum taʼ Ġeħova għala se jkun xokkanti għad-dinja?
12 Kemm Pawlu kif ukoll Pietru bassru li l-jum taʼ Ġeħova kellu jiġi “bħal ħalliel”—bil-moħbi u bla mistenni. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:1, 2.) Anki l-Kristjani veri, li qed jibqgħu jistennew dak il-jum, se jkunu sorpriżi b’kemm jiġi f’daqqa. (Mt. 24:44) Madankollu, id-dinja se tesperjenza ħafna iktar minn sorpriża. Pawlu kiteb: “Meta [dawk li huma mbegħdin minn Ġeħova] jkunu qed jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa bħall-weġgħa tal-ħlas fuq mara tqila; u żgur ma jeħilsuhiex.”—1 Tess. 5:3.
-