LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/15 pp. 21-25
  • Żomm Ruħek fl-Imħabba t’Alla!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm Ruħek fl-Imħabba t’Alla!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Uri l-​Imħabba Tiegħek għal Alla
  • Uri Mħabba għall-​Iben t’Alla
  • Ħalli l-​Ispirtu taʼ Ġeħova Jmexxik
  • Uri Mħabba Vera għal Oħrajn
  • Żomm Kuxjenza Nadifa
  • Modi Oħrajn Kif Tevita Kondotta Ħażina
  • Xi Ngħidu jekk Dnibt?
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Meħlusin “b’Demm Prezzjuż”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Dinja Mingħajr Dnub—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Dnibt Int Kontra l-Ispirtu Qaddis?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/15 pp. 21-25

Żomm Ruħek fl-​Imħabba t’Alla!

“Maħbubin, . . . żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla, . . . bil-​ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejkom.”​—ĠUDA 20, 21.

1, 2. Kif tistaʼ tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla?

ĠEĦOVA tant iħobb lill-​umanità li ta lill-​Iben uniġenitu tiegħu sabiex dawk li jeżerċitaw fidi fih ikollhom il-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 3:​16) Kemm hu taʼ l-​għaġeb li tesperjenza mħabba bħal din! Jekk int qaddej taʼ Ġeħova, żgur li trid tgawdi din l-​imħabba għal dejjem.

2 Id-​dixxiplu Ġuda wera kif int tistaʼ tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla. Ġakbu kiteb: ‘Billi tinbena fuq il-​fidi l-​iktar qaddisa tiegħek u titlob bl-​ispirtu qaddis, żomm ruħek fl-​imħabba t’Alla, waqt li qed tistenna l-​ħniena tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu bil-​ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejk.’ (Ġuda 20, 21) L-​istudju tal-​Kelma t’Alla u l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba jgħinuk tinbena fuq “il-​fidi l-​iktar qaddisa”​—it-​tagħlim Kristjan. Sabiex tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla għandek titlob “bl-​ispirtu qaddis,” jew taħt l-​influwenza tiegħu. Sabiex tiġi premjat b’ħajja taʼ dejjem għandek ukoll teżerċita fidi fil-​prezz li tħallas għall-​fidwa minn Ġesù Kristu.​—1 Ġwanni 4:​10.

3. Xi wħud għala m’għadhomx Xhieda taʼ Ġeħova?

3 Xi wħud li darba kellhom il-​fidi ma baqgħux fl-​imħabba t’Alla. Minħabba li għażlu li jgħixu ħajja midinba, huma m’għadhomx Xhieda taʼ Ġeħova. Int kif tistaʼ tevita li tgħaddi minn din l-​esperjenza? Il-​meditazzjoni fuq il-​punti li ġejjin tistaʼ tgħinek tevita d-​dnub u tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla.

Uri l-​Imħabba Tiegħek għal Alla

4. Kemm hi importanti l-​ubbidjenza lejn Alla?

4 Uri l-​imħabba tiegħek għal Alla billi tobdih. (Mattew 22:37) L-​appostlu Ġwanni kiteb: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Id-​drawwa li tobdi lil Alla tistaʼ ssaħħek biex tirreżisti t-​tentazzjoni u tagħmlek ferħan. Is-​salmista qal: “Hieni l-​bniedem li ma jimxix fuq il-​parir tal-​ħżiena, . . . imma fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu.”​—Salm 1:​1, 2.

5. L-​imħabba għal Ġeħova b’liema mod se tqanqlek biex taġixxi?

5 L-​imħabba tiegħek għal Ġeħova se tqanqlek biex tevita li tikkommetti dnub serju li jistaʼ jġib tmaqdir fuq ismu. Agur talab: “Tagħtinix la faqar u lanqas għana, iżda agħtini l-​ikel li neħtieġ. Għax jekk ikolli bix-​xabaʼ, nistaʼ niċħdek, u ngħid: ‘Min hu l-​Mulej?’ Jekk niftaqar, nasal biex nisraq u nkasbar isem Alla.” (Proverbji 30:​1, 8, 9) Kun determinat li ma ‘tkasbarx isem Alla’ billi ġġib tmaqdir fuqu. Minflok, dejjem stinka biex tagħmel affarijiet retti li jġibulu unur.​—Salm 86:12.

6. X’jistaʼ jiġri kieku kellek tikkommetti xi dnub intenzjonalment?

6 Itlob regolarment lil Missierek tas-​sema, li hu kollu mħabba, biex jgħinek tirreżisti t-​tentazzjoni li taqaʼ fid-​dnub. (Mattew 6:​13; Rumani 12:12) Kompli segwi l-​pariri t’Alla sabiex it-​talb tiegħek ma jiġix imfixkel. (1 Pietru 3:7) Li kieku kellek tikkommetti xi dnub intenzjonalment, il-​konsegwenzi jistgħu jkunu traġiċi, għax Ġeħova bħallikieku juża sħab figurattiv biex iwaqqaf lil dawk li huma ribellużi milli javviċinawh billi ma jħallix it-​talb tagħhom jasal għandu. (Lamentazzjonijiet 3:​42-​44) Għalhekk, uri attitudni umli, u itlob biex ma tagħmel xejn li jistaʼ jżommok milli tavviċina lil Alla bit-​talb.​—2 Korintin 13:7.

Uri Mħabba għall-​Iben t’Alla

7, 8. Jekk wieħed jagħti kas il-​parir taʼ Ġesù kif jistaʼ jiġi megħjun biex jiċħad ħajja midinba?

7 Uri mħabba għal Ġesù Kristu billi tobdi l-​kmandamenti tiegħu, għax dan se jgħinek tiċħad ħajja midinba. Ġesù qal: “Jekk tosservaw il-​kmandamenti tiegħi, tibqgħu fi mħabbti, bħalma jien osservajt il-​kmandamenti tal-​Missier u nibqaʼ fi mħabbtu.” (Ġwanni 15:10) L-​applikar tal-​kliem taʼ Ġesù kif jistaʼ jgħinek tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla?

8 Jekk toqgħod attent għall-​kliem taʼ Ġesù se tiġi megħjun biex iżżomm mal-​prinċipji morali. Il-​Liġi li Alla ta lil Iżrael kienet tgħid: “La tagħmilx adulterju.” (Eżodu 20:14) Imma Ġesù rrivela prinċipju wara dan il-​kmand billi qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:​27, 28) L-​appostlu Pietru qal li xi wħud fil-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu kellhom “għajnejhom mimlijin adulterju” u ‘ħajru erwieħ li m’humiex sodi.’ (2 Pietru 2:​14) Madankollu, għall-​kuntrarju taʼ dawn, jekk tħobb u tobdi lil Alla u lil Kristu u tkun determinat li żżomm ir-​relazzjoni tiegħek magħhom, int tistaʼ tevita dnubiet marbutin mas-​sess.

Ħalli l-​Ispirtu taʼ Ġeħova Jmexxik

9. X’jistaʼ jiġri mill-​ispirtu qaddis jekk wieħed ikompli jidneb?

9 Itlob għall-​ispirtu qaddis t’Alla, u ħallih imexxik. (Luqa 11:13; Galatin 5:​19-​25) Alla jistaʼ jneħħi l-​ispirtu tiegħu minn fuqek jekk int tkompli tikkommetti d-​dnub. Wara d-​dnub taʼ David konness maʼ Batseba, hu talab lil Alla bil-​ħrara: “La twarrabnix minn quddiemek; tneħħix minni l-​ispirtu qaddis tiegħek.” (Salm 51:13 [51:​11, NW]) Minħabba li s-​Sultan Sawl dineb mingħajr ma nidem hu tilef l-​ispirtu t’Alla. Sawl dineb billi offra sagrifiċċju tal-​ħruq u billi ma qeridx għalkollox l-​imrieħel, il-​baqar, u s-​sultan taʼ l-​Għamalekin. Minn dakinhar, Ġeħova neħħa l-​ispirtu qaddis tiegħu minn fuq Sawl.​—1 Samwel 13: ​1-​14; 15: ​1-​35; 16:​14-​23.

10. Għala għandek twarrab saħansitra l-​ħsieb li tipprattika d-​dnub?

10 Warrab saħansitra l-​ħsieb li tipprattika d-​dnub. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk wara li nkunu rċivejna l-​għarfien eżatt dwar il-​verità nipprattikaw id-​dnub għax irridu, ma jibqaʼ ebda sagrifiċċju għad-​dnubiet.” (Ebrej 10:​26-​31) Kemm ikun traġiku li kieku kellek tipprattika d-​dnub minn jeddek!

Uri Mħabba Vera għal Oħrajn

11, 12. L-​imħabba u r-​rispett b’liema modi se jżommu lil dak li jkun milli jinvolvi ruħu f’kondotta sesswali ħażina?

11 Imħabba għal bnedmin oħrajn se żżommok milli tieħu sehem f’kondotta sesswali ħażina. (Mattew 22:39) Imħabba bħal din se tqanqlek biex tgħasses lil qalbek sabiex ma tħajrekx biex tisraq l-​affezzjonijiet tas-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ taʼ ħaddieħor. Dan jistaʼ jwassal għad-​dnub taʼ l-​adulterju. (Proverbji 4:​23; Ġeremija 4:​14; 17:​9, 10) Kun bħar-​raġel rett Ġob, li ma ħalliex lilu nnifsu jitfaʼ għajnejh fuq ebda mara oħra ħlief martu.​—Ġob 31:1.

12 Rispett għall-​qdusija taż-​żwieġ jistaʼ jgħinek tevita dnub serju. L-​iskop t’Alla hu li żwieġ onorabbli u relazzjonijiet sesswali għandhom ikunu l-​mezz li bih jitnisslu ħajjiet ġodda. (Ġenesi 1:​26-​28) Ftakar li l-​organi sesswali għandhom x’jaqsmu mal-​ħajja, li hija sagra. Iż-​żienja u l-​adulteri ma jobdux lil Alla, iwaqqgħu l-​valur taʼ l-​att sesswali, m’għandhomx rispett għas-​santità taż-​żwieġ, u jidinbu kontra ġisimhom stess. (1 Korintin 6:​18) Imma l-​imħabba għal Alla u l-​ġirien flimkien m’ubbidjenza lejn Alla se jgħinu lil dak li jkun biex iżomm lura milli jinvolvi ruħu f’kondotta li tistaʼ tirriżulta fi qtugħ mis-​sħubija mill-​kongregazzjoni Kristjana.

13. Individwu immorali b’liema mod “iberbaq ġidu”?

13 Aħna rridu rrażżnu ħsibijiet midinbin sabiex ma nweġġgħux lill-​maħbubin tagħna. Proverbji 29:3 jgħid: “Min imur man-​nisa żienja jberbaq ġidu.” Adulteru li ma jindimx jeqred ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla u jkisser ir-​rabtiet tal-​familja. Martu jkollha bażi għad-​divorzju. (Mattew 19:9) Kemm jekk dak li jkun ikkommetta l-​ħażen ikun ir-​raġel u kemm jekk tkun il-​mara, żwieġ imkisser jistaʼ jikkaġuna wġigħ kbir lill-​persuna innoċenti, lit-​tfal u lil oħrajn. Il-​fatt li nkunu konxji dwar id-​diżastru li ġġib magħha kondotta immorali għandu jqanqalna biex nirreżistu t-​tentazzjoni li ninvolvu ruħna fiha.

14. X’lezzjoni dwar min jagħmel il-​ħażen nistgħu nisiltu minn Proverbji 6:​30-​35?

14 Il-​fatt li m’hemm ebda mod kif tpatti għall-​adulterju għandu jqanqal lil dak li jkun biex jevita dan l-​att egoistiku għall-​aħħar. Proverbji 6:​30-​35 juri li filwaqt li xi persuni għandhom mnejn jissimpatizzaw maʼ ħalliel li jisraq minħabba li għandu l-​ġuħ, huma jkasbru adulteru għaliex ikollu motiv ħażin. Hu “jeqred lilu nnifsu [jew, lil ħajtu].” Taħt il-​Liġi Mosajka kien jingħata l-​mewt. (Levitiku 20:10) Xi ħadd li jikkommetti adulterju jweġġaʼ lil oħrajn biex jissodisfa x-​xewqa żienja tiegħu, u adulteru li ma jindimx ma jibqax fl-​imħabba t’Alla imma jitkeċċa mill-​kongregazzjoni Kristjana li hija nadifa.

Żomm Kuxjenza Nadifa

15. X’inhi l-​kundizzjoni taʼ kuxjenza mmarkata “qisu b’ħadida mikwija”?

15 Sabiex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla, ma nistgħux inħallu lill-​kuxjenza tagħna ssir insensittiva għad-​dnub. Tabilħaqq, m’għandniex naċċettaw il-​livelli morali baxxi tad-​dinja, u rridu noqogħdu attenti għal dawk li nagħżlu li nqattgħu l-​ħin magħhom, dak li naqraw, u d-​divertiment. Pawlu wissa: “F’xi żminijiet iktar tard xi wħud jitbiegħdu mill-​fidi għax jagħtu kas kliem imnebbaħ li jqarraq u tagħlim tad-​demonji, bl-​ipokrisija taʼ bnedmin li jgħidu l-​gideb u li għandhom il-​kuxjenza tagħhom immarkata qisu b’ħadida mikwija.” (1 Timotju 4:​1, 2) Kuxjenza mmarkata “qisu b’ħadida mikwija” hija bħal ġilda iebsa li jkollha farrett u ma tibqax sensittiva. Kuxjenza bħal din ma tibqax twissina biex inżommu ’l bogħod mill-​apostati u minn sitwazzjonijiet li jistgħu jġagħluna nitbiegħdu mill-​verità.

16. Għala huwa daqshekk importanti li jkollna kuxjenza nadifa?

16 Is-​salvazzjoni tagħna tiddependi milli jkollna kuxjenza nadifa. (1 Pietru 3:​21) Permezz tal-​fidi tagħna fid-​demm imxerred taʼ Ġesù, il-​kuxjenza tagħna ġiet imnaddfa minn għemejjel mejtin “sabiex nagħtu servizz sagru lil Alla l-​ħaj.” (Ebrej 9:​13, 14) Jekk nidinbu minn jeddna, il-​kuxjenza tagħna titħammeġ u ma nibqgħux nies nodfa, xierqa għas-​servizz t’Alla. (Titu 1:​15) Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, jistaʼ jkollna kuxjenza nadifa.

Modi Oħrajn Kif Tevita Kondotta Ħażina

17. Kif tibbenefika jekk ‘iżżomm sħiħ mal-​Mulej’?

17 ‘Żomm sħiħ mal-​Mulej,’ bħalma għamel Kaleb taʼ Iżrael tal-​qedem. (Dewteronomju 1:​34-​36) Agħmel dak li Alla jirrikjedi minnek, u qatt tikkunsidra li tieħu sehem “mill-​mejda tad-​demonji.” (1 Korintin 10:21) Iċħad l-​apostasija. B’apprezzament, ħu mill-​ikel spiritwali disponibbli biss mill-​mejda taʼ Ġeħova u m’intix se tiġi żvijat mill-​għalliema foloz jew mill-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar. (Efesin 6:​12; Ġuda 3, 4) Iffoka fuq affarijiet spiritwali, bħall-​istudju tal-​Bibbja, l-​attendenza għal-​laqgħat, u l-​ministeru taʼ l-​għalqa. Żgur se tkun ferħan jekk issegwi lil Ġeħova bis-​sħiħ u jkollok ħafna x’tagħmel fix-​xogħol tal-​Mulej.​—1 Korintin 15:58.

18. Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova kif se jeffettwa lkondotta tiegħek?

18 Kun determinat li ‘tagħti servizz sagru lil Alla bil-​biżaʼ t’Alla u b’rispett profond.’ (Ebrej 12:28) Biżaʼ riverenzjali taʼ Ġeħova se jqanqlek biex tiċħad kwalunkwe triq ħażina. Se jgħinek taġixxi fi qbil mal-​parir taʼ Pietru lil sħabu l-​midlukin: “Jekk qed issejħu lill-​Missier li jiġġudika b’mod imparzjali lil kull wieħed skond għemilu, ġibu ruħkom bil-​biżaʼ matul iż-​żmien li qed tgħixu bħala residenti barranin.”​—1 Pietru 1:​17.

19. Għala għandek tipprattika kontinwament l-​affarijiet li titgħallem mill-​Kelma t’Alla?

19 Ipprattika kontinwament dak li qed titgħallem mill-​Kelma t’Alla. Dan se jgħinek tevita li tagħmel dnub serju għax se tagħti prova li int fost “dawk li bl-​użu għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:​14) Minflok ma tkun traskurat fil-​kliem u l-​kondotta, oqgħod attent sabiex timxi bħal nies għorrief, billi ‘tuża l-​ħin bl-​aħjar mod’ f’dawn il-​jiem mill-​agħar. ‘Ibqaʼ ifhem x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova,’ u kompli agħmilha.​—Efesin 5: ​15-​17; 2 Pietru 3:​17.

20. Għala għandna nevitaw għalkollox ix-​xenqa b’għira?

20 Evita għalkollox ix-​xenqa b’għira​—xewqa rgħiba għal dak li hu taʼ ħaddieħor. Wieħed mill-​Għaxar Kmandamenti jgħid: “La tixtieqx [“tixxennaqx b’għira,” New International Version] dar għajrek: la tixtieqx il-​mara taʼ għajrek, il-​qaddej jew il-​qaddejja tiegħu, l-​għoġol jew il-​ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek.” (Eżodu 20:17) Din il-​liġi pproteġiet id-​dar, il-​mara, il-​qaddejja, l-​annimali, u kulma jkollu l-​individwu. Imma l-​iktar importanti hija l-​istqarrija taʼ Ġesù li x-​xenqa b’għira tniġġes lill-​bniedem.​—Marku 7:​20-​23.

21, 22. Liema passi minn qabel jistaʼ jieħu Kristjan sabiex jevita li jidneb?

21 Ħu passi minn qabel sabiex ix-​xewqa ma twassalx għad-​dnub. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Kull bniedem jiġġarrab billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.” (Ġakbu 1:​14, 15) Per eżempju, jekk individwu kellu problema tax-​xorb fil-​passat, forsi jiddeċiedi li ma jżommx xorb alkoħoliku d-​dar. Sabiex jevita t-​tentazzjoni fejn jidħol membru tas-​sess oppost, Kristjan forsi jkollu jbiddel postu fuq ix-​xogħol jew ifittex xogħol ieħor.​—Proverbji 6:​23-​28.

22 Evita saħansitra l-​ewwel pass li jwasslek għad-​dnub. Il-​ksuħat maʼ dawk tas-​sess oppost u l-​ħsibijiet dwar affarijiet immorali jistgħu jirriżultaw f’żína jew adulterju. Jekk xi ħadd jgħid gideb żgħir dan jistaʼ jħeġġu biex jgħid gideb akbar u jistaʼ jwassal għall-​prattika midinba tal-​gideb. Serq żgħir jistaʼ jdgħajjef il-​kuxjenza taʼ individwu sal-​punt li jibda jisraq fuq skala akbar. Jekk nittolleraw anki ħsieb żgħir dwar xi ħaġa apostata, dan jistaʼ jqabbadna t-​triq taʼ l-​apostasija sfaċċata.​—Proverbji 11:9; Rivelazzjoni 21:8.

Xi Ngħidu jekk Dnibt?

23, 24. Liema faraġ nistgħu niksbu mit-​2 Kronaki 6:​29, 30 u minn Proverbji 28:13?

23 Il-​bnedmin kollha huma imperfetti. (Koħèlet 7:​20) Imma jekk dnibt serjament, tistaʼ tikseb faraġ mit-​talba tas-​Sultan Salamun fl-​inawgurazzjoni tat-​tempju taʼ Ġeħova. Salamun talab lil Alla: “Mqar jekk bniedem waħdu jonkella l-​poplu tiegħek kollu taʼ Iżrael, jitlob u jitkarrab bil-​ħniena; kull meta xi ħadd jistqarr il-​ġrieħi taʼ qalbu u n-​niket tiegħu u jiftaħ idejh lejn din id-​dar, ismaʼ int mis-​smewwiet fejn tgħammar, u aħfer, u agħti lil kulħadd skond imġibtu, għax tagħraf qalbu; int waħdek tagħraf il-​qalb taʼ kull bniedem.”​—2 Kronaki 6:​29, 30.

24 Iva, Alla jaf x’hemm f’qalbna u hu jaħfer. Proverbji 28:13 jgħid: “Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid, imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqlaʼ l-​ħniena.” Jekk dak li jkun jistqarr dnubietu bl-​indiema u jieqaf jipprattika d-​dnub, dan jistaʼ jirċievi l-​ħniena t’Alla. Madankollu, jekk int batut spiritwalment, x’hemm iktar li jistaʼ jgħinek tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla?

Int Kif Twieġeb?

• Kif nistgħu nżommu lilna nfusna fl-​imħabba t’Alla?

• L-​imħabba għal Alla u għal Kristu kif tgħinna niċħdu ħajja midinba?

• Imħabba vera għal oħrajn għala żżommna lura milli ninvolvu ruħna f’kondotta ħażina sesswalment?

• Liema huma xi modi kif nistgħu nevitaw kondotta ħażina?

[Stampa f’paġna 21]

Ġuda jurina kif nistgħu nibqgħu fl-​imħabba t’Alla

[Stampa f’paġna 23]

Żwieġ imkisser jistaʼ jikkaġuna wġigħ kbir fuq il-​persuna innoċenti u t-​tfal

[Stampa f’paġna 24]

Bħal Kaleb, determinat int li ‘żżomm sħiħ mal-​Mulej’?

[Stampa f’paġna 25]

Itlob regolarment għall-​għajnuna biex tirreżisti t-​tentazzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja