LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 4/1 pp. 5-7
  • Ħolqien Ġdid Imwelled!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħolqien Ġdid Imwelled!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħolqien taʼ “Smewwiet Ġodda u Art Ġdida”
  • Kollox Isir Ġdid—Bħalma Tbassar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Dinja Ġdida Skond il-Wegħda t’Alla
    Ibqaʼ Għassa!
  • Jinġabar Kulma Hemm fis-Sema u fuq l-Art
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 4/1 pp. 5-7

Ħolqien Ġdid Imwelled!

IL-​GĦAREF Sultan Salamun darba qal: “M’hemm xejn ġdid taħt ix-​xemx.” (Ekkleżjasti 1:9) Dan huwa minnu dwar id-​dinja fiżika li qegħdin ingħixu fiha, imma xi ngħidu dwar il-​qasam vast tal-​ħolqien spiritwali taʼ Jehovah? F’dak il-​qasam, wieħed li hu akbar minn Salamun, tabilħaqq, li kien l-​aqwa bniedem li qatt għex, sar ħolqien ġdid li jispikka. Dan kif ġara?

Fis-sena 29 tal-​Era Komuni tagħna, ir-​raġel perfett, Ġesù, ippreżenta lilu nnifsu biex ikun imgħammed minn Ġwanni fix-​Xmara Ġordan. “Wara li ġie mgħammed Ġesù minnufih telaʼ mill-​ilma; u, ħares! is-​smewwiet infetħu, u ra nieżel bħal ħamiema l-​ispirtu t’Alla ġej fuqu. Ħares! Ukoll, kien hemm leħen mis-​smewwiet li qal: ‘Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:​16, 17) B’hekk, ir-​raġel Kristu Ġesù kien l-​ewwel minn ħolqien ġdid, midluk biex jagħmel ir-​rieda t’Alla. Iktar tard, fuq il-​bażi tal-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, Ġesù sar il-​Medjatur taʼ patt ġdid bejn Alla u grupp magħżul taʼ bnedmin. Kull wieħed jew waħda minn dawn sar “ħolqien ġdid,” imnissel mill-​ispirtu t’Alla għal tama fis-​sema, bil-​prospett taʼ li jaħkmu maʼ Ġesù fis-​Saltna tas-​smewwiet tiegħu.​—2 Korintin 5:17; 1 Timotew 2:​5, 6; Ebrej 9:15.

Matul is-​sekli, dawn il-​Kristjani midlukin u mnisslin bl-​ispirtu ġew miġburin f’unjoni maʼ Kristu bħala l-​kongregazzjoni Kristjana vera, li fiha nfisha hi ħolqien ġdid. Alla sejħilha ’l barra minn din id-​dinja għal skop, kif jistqarr l-​appostlu Pietru: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu għal pussess speċjali, biex għandkom tiddikjaraw barra l-​pajjiż l-​affarijiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom ’il barra mid-​dlam għal ġod-​dawl tal-​għaġeb tiegħu.” (1 Pietru 2:9) Bħal Kristu Ġesù, il-​bidu tal-​ħolqien ġdid t’Alla, dan il-​ħolqien ġdid li ġie warajh għandu obbligu primarju biex jippriedka l-​aħbar tajba. (Luqa 4:​18, 19) Individwalment, il-​membri tiegħu, li fl-​aħħar igħoddu 144,000, iridu ‘jilbsu l-​personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-​rieda t’Alla fit-​tjieba vera u l-​lealtà.’ (Efesin 4:24; Rivelazzjoni 14:​1, 3) Dan jirrikjedi li huma jikkultivaw “il-​frott tal-​ispirtu,” deskritt f’​Galatin 5:​22, 23, u fedelment jieħdu ħsieb il-​ħatra tagħhom.—1 Korintin 4:2; 9:16.

Xi ngħidu dwar dan il-​ħolqien ġdid fi żmien modern? Fis-​sena 1914, kif turi l-​iskeda tal-​Bibbja, il-​kliem taʼ Rivelazzjoni 11:15 ġie imwettaq: “Is-​saltna tad-​dinja tassew saret is-​saltna tal-​Mulej tagħna [Jehovah] u tal-​Kristu tiegħu, u hu se jaħkem bħala sultan għal dejjem taʼ dejjem.” L-​ewwel att taʼ Kristu bħala s-​Sultan imlaħħaq ġdid kien li jitfaʼ ’l barra lil Satana u lill-​anġli demoniċi tiegħu mis-​sema għall-​viċinanza tal-​art. Dan ġab “gwaj għall-​art,” fil-​forma tal-​ewwel gwerra dinjija u l-​inkwiet kollu li ġabet magħha.​—Rivelazzjoni 12:​9, 12, 17.

Dan ukoll serva bħala tfakkira għall-​bqija taʼ wħud mill-​ħolqien il-​ġdid fuq l-​art li huma jridu jieħdu sehem f’li jwettqu l-​profezija taʼ Ġesù: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna [stabbilita] se tkun ippridkata fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-​tmiem.” X’inhu dak it-​“tmiem”? Ġesù jkompli jispjega: “Imbagħad se jkun hemm tribulazzjoni kbira li bħalha ma seħħitx sa mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ sseħħ. Fil-​fatt, jekk dawk il-​jiem ma jitqassrux, ebda laħam ma se jsalva; imma minħabba fil-​magħżulin dawk il-​jiem se jitqassru.”​—Mattew 24:​3-14, 21, 22.

L-ispirtu taʼ Jehovah qanqal lil dawk il-​midlukin mill-​ħolqien ġdid tiegħu biex imiddu għonqhom għall-​iktar kampanja estensiva taʼ ppridkar li qatt kellha sseħħ fuq din l-​art. Minn ftit eluf fl-​1919, in-​numru taʼ dawn il-​proklamaturi żelużi tas-​Saltna żdied sa madwar 50,000 sa nofs is-​snin tletin. Kif kien ipprofetizzat, “mal-​art kollha ħareġ ħosshom, u sat-​trufijiet tal-​art abitata l-​ħwejjeġ mitkellma tagħhom.”​—Rumani 10:18.

Kienu l-​uħud li fadal mill-​ħolqien il-​ġdid l-​uniċi li kellhom jinġabru għas-​salvazzjoni? Le, għax il-​profezija stqarret li l-​anġli t’Alla kellhom iżommu lura l-​irjieħ tat-​tribulazzjoni l-​kbira sakemm jitlesta l-​ġbir mhux biss taʼ dawk l-​Iżraeliti spiritwali li kienu għas-​sema imma wkoll taʼ oħrajn, “folla kbira, li l-​ebda bniedem ma kellu l-​ħila jgħodd, mill-​ġnus u t-​tribujiet u l-​popli u l-​ilsna kollha.” X’ser ikun id-​destin tagħhom? Se joħorġu qawwijin u sħaħ “mit-​tribulazzjoni l-​kbira” biex igawdu ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-​art!​—Rivelazzjoni 7:​1-4, 9, 14.

B’ferħ, din il-​folla kbira, miġbura minn xi 229 art, żdiedet għal kważi 4,500,000 taʼ Xhieda attivi. Ħafna oħrajn qed jiġu, kif indikat mill-​attendenza taʼ 11,431,171 fil-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù fis-​17 t’April tas-​sena l-​oħra. Minn dawn il-​miljuni kollha, 8,683 biss, li jistqarru li huma l-​fdal fuq l-​art tal-​ħolqien il-​ġdid, ħadu sehem mill-​emblemi tal-​Mafkar. Dawn f’dan il-​grupp żgħir qatt ma setgħu, waħedhom, iwettqu x-​xogħol vast taʼ ppridkar illum. Il-​miljuni li jagħmlu parti mill-​folla kbira issa jaħdmu spalla maʼ spalla magħhom f’li jlestu x-​xogħol. (Sofonija 3:9) Barra minn hekk, membri mħarrġin sewwa tal-​folla kbira issa qegħdin jagħmlu xogħol amministrattiv u xogħol responsabbli ieħor maġenb il-​Ġemgħa li Tiggverna taʼ Iżrael spiritwali midlukin, sewwa sew bħalma n-​Netinim mhux Iżraeliti ħadmu mal-​qassisin f’li jsewwu l-​ħitan taʼ Ġerusalemm.​—Neħemija 3:​22-26.

Ħolqien taʼ “Smewwiet Ġodda u Art Ġdida”

B’liema ferħ jiġi akkumpanjat dan il-​ġbir! Huwa sewwa sew bħalma Jehovah qal li kellu jkun: “Hawn jien qiegħed noħloq smewwiet ġodda u art ġdida; u l-​affarijiet taʼ qabel m’humiex se jitfakkru, lanqas ma se jidħlu fil-​qalb. Imma eżaltaw, u kunu mimlijin ferħ għal dejjem f’dak li qiegħed noħloq. Għax hawn jien qiegħed noħloq lil Ġerusalemm kawża taʼ ferħ u n-​nies tagħha kawża taʼ eżaltar. U jien se nifraħ b’Ġerusalemm u neżalta bil-​poplu tiegħi; u qatt iktar ma se jinstemaʼ fiha l-​ħoss tal-​biki jew il-​ħoss taʼ għajta taʼ niket.” (Isaija 65:​17-19) Is-​smewwiet ġodda tal-​ħolqien taʼ Jehovah se jkunu jinkludu fl-​aħħarnett lil Kristu Ġesù u l-​144,000 membri rxoxtati tal-​ħolqien ġdid li ġew mixtrijin minn fost l-​umanità matul dawn l-​aħħar 19-il seklu. Huwa bil-​wisq iktar glorjuż minn kwalunkwe gvern tal-​art li qatt ħakem f’Ġerusalemm litterali, saħansitra minn dak taʼ żmien Salamun. Jinkludi lil Ġerusalemm Ġdida, belt tas-​sema, deskritta bi ġmiel liema bħalu f’​Rivelazzjoni kapitlu 21.

Ġerusalemm Ġdida hija l-​għarusa spiritwali taʼ Kristu, il-​144,000 segwaċi midlukin tiegħu, li jingħaqdu mal-​Għarus tagħhom fis-​sema wara l-​mewt u l-​irxoxt spiritwali tagħhom. Huma deskritti f’​Rivelazzjoni 21:​1-4 bħala ‘neżlin mis-​sema mingħand Alla,’ jiġifieri, użati minnu f’li jidderieġi l-​barkiet lill-​umanità hawn fuq l-​art. B’dan il-​mod titwettaq il-​profezija: “Ħares! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu se jgħammar magħhom, u huma se jkunu l-​popli tiegħu. U Alla nnifsu se jkun magħhom. U se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-​mewt mhix se tkun iżjed, u la l-​għali u la l-​biki u lanqas l-​uġigħ ma jkunu iżjed. L-​affarijiet taʼ qabel għaddew.”

Kemm nistgħu nkunu grati għal dak il-​ħolqien minn Alla taʼ dawk is-​smewwiet ġodda! Kuntrarju għall-​ħakmiet korrotti u transitorji li għakksu għal tant żmien lill-​umanità, dan l-​arranġament governattiv t’Alla se jkun permanenti. Il-​ħolqien ġdid u n-​nisel spiritwali tagħhom, il-​folla kbira, jeżaltaw b’wegħda oħra mingħand Alla: “‘Għax sewwa sew bħalma s-​smewwiet ġodda u l-​art ġdida li qiegħed nagħmel huma weqfin quddiemi,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘hekk in-​nisel tagħkom u l-​isem tagħkom se jibqgħu weqfin.’”—Isaija 66:22.

“L-​art ġdida” se tiġi mibdija minn dan in-​nisel tal-​uħud midlukin tal-​ħolqien ġdid. Hija s-​soċjetà ġdida li tibżaʼ minn Alla taʼ bnedmin fuq l-​art. Il-​mibgħeda, il-​kriminalità, il-​vjolenza, il-​korruzzjoni, u l-​immoralità fis-​soċjetà umana tal-​lum ċertament li juru ċar il-​ħtieġa għal soċjetà ġdida tal-​art, li topera taħt id-​direzzjoni tas-​smewwiet ġodda taʼ rieda tajba. Dan hu dak li Jehovah għandu skop li jagħmel. Sewwa sew bħalma ħalaq smewwiet ġodda, hekk hu se joħloq art ġdida billi jġib flimkien il-​folla kbira bħala n-​nukleu taʼ soċjetà paċifika tad-​dinja ġdida. Din is-​soċjetà waħedha se tiġi salvata ħajja “mit-​tribulazzjoni l-​kbira.”—Rivelazzjoni 7:14.

X’nistgħu nistennew wara t-​tribulazzjoni l-​kbira? Waqt li kellem lill-​appostli tiegħu, l-​ewwel uħud minn dawk li fformaw is-​smewwiet ġodda li se jiggvernaw l-​art ġdida, Ġesù wiegħed: “Verament ingħidilkom, Fil-​ħolqien mill-​ġdid, meta Bin il-​bniedem joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu, intom li segwejtuni se toqogħdu wkoll bil-​qiegħda fuq tnax-il tron.” (Mattew 19:28) Il-​144,000 kollha taʼ din Ġerusalemm Ġdida se jieħdu sehem maʼ Ġesù f’li jiġġudikaw lill-​umanità. L-​imħabba mbagħad se tkun minflok l-​egoiżmu u l-​mibgħeda bħala l-​bażi li fuqha s-​soċjetà umana tiġi mibnija. Problemi razzjali, nazzjonalistiċi, u bejn it-​tribujiet, se jiġu mħassrin. L-​irxoxt se jġib lura b’mod progressiv lil uħud maħbubin. L-​umanità leali bil-​biljuni se ssir familja waħda kbira u unita, u tiġi mmexxija lejn ħajja taʼ dejjem fuq art mibdula f’ġenna.

Din se tkun ferm iktar minn xi soċjetà perfetta u immaġinarja bħal Utopia jew Shangri-la. Se jkun ħolqien permanenti​—“smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-​wegħda tiegħu, u f’dawn it-​tjieba għandha tgħammar”! (2 Pietru 3:13) Żgur li dan huwa prospett meraviljuż, wegħda tal-​għaġeb mingħand Dak li qal, “Ħares! Qed nagħmel l-​affarijiet kollha ġodda,” u li żied l-​istqarrija li tispira l-​fidi: “Dawn il-​kelmiet huma fidili u veri.”​—Rivelazzjoni 21:5.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja