LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 3/1 pp. 28-32
  • Il-Kontroversja taʼ Jehovah mal-Ġnus

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kontroversja taʼ Jehovah mal-Ġnus
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġudizzju Kontra L-​Qasam Permissiv Tal-​Kristjaneżmu
  • Ġudizzju Kontra Babilonja L-​Kbira
  • Ġudizzju Kontra “L-​Ġnus Kollha”
  • Ragħajja Biex Inewħu u Jgħajtu
  • “Ġeħova Għamel li Kellu f’Moħħu”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Jaqdi “fl-​Aħħar Parti tal-​Jiem”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġeremija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 3/1 pp. 28-32

Il-Kontroversja taʼ Jehovah mal-Ġnus

“Ħoss ċertament li se jiġi dritt sa l-​iktar parti ’l bogħod taʼ l-​art, għax hemm kontroversja li Jehovah għandu mal-​ġnus.”—ĠEREMIJA 25:31.

1, 2. (a) X’ġara f’Ġuda wara l-​mewt tas-​Sultan Ġosija? (b) Min kien l-​aħħar sultan taʼ Ġuda, u kif sofra minħabba n-​nuqqas taʼ fedeltà tiegħu?

L-​ART taʼ Ġuda kienet ikkonfrontata bi żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom. Wieħed sultan tajjeb, Ġosija, kien temporanjament żamm lura r-​rabja taħraq taʼ Jehovah. Imma x’segwa wara li Ġosija ġie maqtul fis-​sena 629 Q.E.K.? Is-​slaten li ġew warajh iddiżonoraw lil Jehovah.

2 L-​aħħar sultan taʼ Ġuda, Żedekija, ir-​rabaʼ iben taʼ Ġosija, kompla, bħalma jistqarr it-​2 Slaten 24:19, “jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Jehovah, skond dak kollu li [ħuh il-​kbir] Ġeħojakim kien għamel.” Ir-​riżultat? Nebukadneżżar ġie kontra Ġerusalemm, qabad lil Żedekija, biċċer lil uliedu subien quddiem għajnejh, għamieh, u ħadu lejn Babilonja. Barra minn hekk, il-​Babilonjani ħatfu bħala priża r-​reċipjenti wżati fil-​qima taʼ Jehovah, u taw in-​nar lit-​tempju u lill-​belt. Dawk li salvaw sfaw eżiljati f’Babilonja.

3. Liema perijodu beda bil-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., u x’kien mistenni li jiġri fit-​tmiem taʼ dak il-​perijodu?

3 Dik is-​sena, 607 Q.E.K., immarkat mhux biss il-​ħerba finali taʼ Ġerusalemm imma wkoll il-​bidu taż-​“żminijiet maħturin tal-​ġnus,” li jirreferi għalihom Luqa 21:24. Dan il-​perijodu taʼ 2,520 sena ntemm fis-​seklu tagħna, fis-​sena 1914. Sa dak in-​nhar kien wasal iż-​żmien biex Jehovah, permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, li ġie mogħti t-​tron u li hu akbar minn Nebukadneżżar, jippronunzja u jesegwixxi ġudizzju fuq id-​dinja korrotta. Dan l-​iġġudikar jibda bl-​ekwivalenti taʼ Ġuda taʼ żmien modern, ekwivalenti li jsostni li jirrappreżenta lil Alla u lil Kristu fuq l-​art.

4. Liema mistoqsijiet jiġu issa mqajmin f’konnessjoni mal-​profezija taʼ Ġeremija?

4 Qegħdin naraw xi parallel bejn it-​taqlib taʼ matul is-​snin finali taʼ Ġuda taħt is-​slaten tagħha​—bi ġrajjiet qerrieda jinfirxu għal fuq ġnus ġirien​—u t-​taqlib fil-​Kristjaneżmu llum? Ċertament li qegħdin narawh! Allura, il-​profezija taʼ Ġeremija x’tindika dwar kif Jehovah se jittratta l-​affarijiet illum? Ejjew naraw.

5, 6. (a) Mill-​1914 ’il hawn, is-​sitwazzjoni fil-​Kristjaneżmu kif kienet tixbah lil dik taʼ Ġuda preċiż qabel il-​qerda tagħha? (b) Ġeremija tal-​lum liema messaġġ wassal lill-​Kristjaneżmu?

5 Il-​matematiku u filosfu Britanniku Bertrand Russell ikkummenta xi 40 sena ilu: “Mill-​1914 ’il hawn, kulmin kien konxju tax-​xejriet tad-​dinja safa inkwetat ħafna minħabba dak li donnu kien bħal immarċjar iddestinat u ddeterminat minn qabel lejn diżastru dejjem akbar.” U l-​istatista Ġermaniż Konrad Adenauer stqarr: “Is-​sigurtà u l-​kwiet sparixxew mill-​ħajjiet tal-​bnedmin mill-​1914 ’il hawn.”

6 Illum, bħal fi żmien Ġeremija, l-​avviċinar lejn it-​tmiem taʼ sistema taʼ affarijiet huwa mmarkat bit-​tixrid taʼ oċeani taʼ demm innoċenti, l-​iktar fiż-​żewġ gwerer dinjin taʼ dan is-​seklu. Fil-​biċċa l-​kbira tagħhom, dawn il-​gwerer ġew miġġildin, minn ġnus tal-​Kristjaneżmu, li jsostnu li jqimu lil Alla tal-​Bibbja. X’ipokrezija! Mhux taʼ b’xejn li Jehovah bagħat lix-​Xhieda tiegħu għandhom, igħidilhom, fi kliem Ġeremija 25:5, 6: “Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed mill-​mogħdija ħażina tiegħu u mill-​ħażen taʼ l-​aġir tagħkom . . . U timxux wara allat oħrajn sabiex taqduhom u biex tmilu quddiemhom, biex tistgħu ma toffendux lili bix-​xogħol taʼ jdejkom, u biex nistaʼ ma nikkaġunax hemm għalikom.”

7. Liema evidenza hemm li l-​Kristjaneżmu injora t-​twissijiet taʼ Jehovah?

7 Madankollu, il-​ġnus tal-​Kristjaneżmu naqsu li jduru lura. Dan ġie muri billi għamlu iktar sagrifiċċji lil alla tal-​gwerra fil-​Korea u fil-​Vjetnam. U jkomplu jiffinanzjaw lin-​negozjanti tal-​mewt, dawk li jimmanifatturaw l-​armamenti. L-​artijiet tal-​Kristjaneżmu pprovdew l-​akbar parti min-​nefqa taʼ kważi triljun dollaru f’armamenti kull sena matul is-​snin tmenin. Kull sena mill-​1951 sa l-​1991, l-​ispiża militari taʼ l-​Istati Uniti biss kienet iktar mill-​profitti kollha tal-​korporazzjonijiet Amerikani kollha flimkien. Mill-​għajta pproklamata taʼ tmiem il-​gwerra bierda ’l hawn sar tnaqqis fuq l-​armamenti nukleari antikwati, imma ħażniet enormi taʼ armi qattilin oħrajn jitħallew u jkomplu jiġu żviluppati. Xi darba dawn jistgħu jiġu wżati.

Ġudizzju Kontra L-​Qasam Permissiv Tal-​Kristjaneżmu

8. Il-​kliem taʼ Ġeremija 25:8, 9 kif se jiġi mwettaq fuq il-​Kristjaneżmu?

8 Il-​kliem li jsegwi taʼ Jehovah, misjub f’Ġeremija 25:8, 9, issa japplika speċifikament għall-​Kristjaneżmu, li naqas li jżomm il-​livelli Kristjani taʼ tjieba: “Għalhekk dan hu dak li Jehovah taʼ l-​armati qal, ‘Għar-​raġuni li m’obdejtux il-​kliem tiegħi, hawn jien qiegħed nibgħat u se nieħu l-​familji kollha tat-​Tramuntana,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘saħansitra qiegħed nibgħat lil Nebukadneżżar is-​sultan taʼ Babilonja, il-​qaddej tiegħi, u se nġibhom kontra din l-​art u kontra l-​abitanti tagħha u kontra dawn il-​ġnus kollha taʼ madwar; u se niddedikahom għall-​qerda u nagħmilhom oġġett taʼ stagħġib u xi ħaġa biex issaffrilha u postijiet imħarbtin għal żmien indefinit.’” B’hekk, billi tibda mill-​hekk imsejjaħ poplu t’Alla, il-​Kristjaneżmu, it-​tribulazzjoni l-​kbira taqbad ir-​rotta, billi finalment testendi maʼ l-​art kollha, lejn “il-​ġnus kollha taʼ madwar.”

9. Il-​qagħda spiritwali tal-​Kristjaneżmu b’liema modi saret agħar fi żmienna?

9 Kien hemm żmien fil-​Kristjaneżmu meta l-​Bibbja kienet irrispettata, meta ż-​żwieġ u l-​ħajja tal-​familja kienu kważi b’mod universali meqjusin bħala sors taʼ hena, meta n-​nies bakkru u sabu sodisfazzjon fix-​xogħol taʼ kuljum tagħhom. Ħafna rrifreskaw irwieħhom billi jaqraw u jistudjaw il-​Kelma t’Alla għad-​dawl tal-​lampa fil-​għaxija. Imma llum, is-​sess bla rażan, id-​divorzju, l-​abbuż tad-​drogi u s-​sokor, id-​delinkwenza, ir-​regħba, id-​drawwiet taʼ għażż fix-​xogħol, is-​sigħat twal quddiem it-​TV, u vizzji oħrajn ikkorrompew il-​ħajja sa grad allarmanti. Dan iseħħ bi tħejjija għall-​ħerba li Alla Jehovah wasal biex jesegwixxi fuq il-​qasam permissiv tal-​Kristjaneżmu.

10. Iddeskrivi l-​kundizzjoni tal-​Kristjaneżmu wara l-​esekuzzjoni tal-​ġudizzji taʼ Jehovah.

10 Jehovah jiddikjara, kif naqraw f’Ġeremija kapitlu 25 versi 10 u 11: “Se neqred minn ġo fihom il-​ħoss taʼ eżaltar u l-​ħoss taʼ ferħ, il-​leħen taʼ l-​għarus u l-​leħen taʼ l-​għarusa, il-​ħoss tal-​mitħna taʼ l-​id u d-​dawl tal-​lampa. U din l-​art kollha trid issir post imħarbat, oġġett taʼ stagħġib.” Se jkun tabilħaqq taʼ stagħġib meta t-​tempji setgħana u l-​palazzi lussużi tal-​Kristjaneżmu jibdew jiġġarrfu għar-​rovina tagħhom. Kemm se tkun estensiva din il-​qerda? Fi żmien Ġeremija, il-​ħerba taʼ Ġuda u tal-​ġnus ġirien damet sejra għal 70 sena, li Salm 90:10 jiddeskrivihom bħala għomor tipiku taʼ bniedem. L-​esekuzzjoni taʼ ġudizzju minn Jehovah illum se tkun kompluta, għal dejjem.

Ġudizzju Kontra Babilonja L-​Kbira

11. Min se jkun strumentali f’li jeqred lill-​Kristjaneżmu? Għala?

11 Bħalma hu mbassar f’​Rivelazzjoni 17:12-17, iż-​żmien se jasal meta Jehovah jibda l-​att stramb tiegħu billi jpoġġiha fil-​qlub taʼ “l-​għaxart iqran”​—il-​membri militarizzati tal-​Ġnus Magħquda—​“li jwettqu l-​ħsieb tiegħu” taʼ li jagħmlu ħerba mill-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Dan kif se jsir? Hemm bosta modi li bihom “l-​għaxart iqran” taʼ Rivelazzjoni kapitlu 17 jistgħu, fil-​kliem taʼ vers 16, jibdew “jobogħdu lill-​mara żienja u . . . jaħarquha għalkollox bin-​nar.” Veru, l-​armi nukleari żdiedu u għadhom jiżdiedu b’rata mgħaġġla f’ħafna nħawi perikolużi fuq l-​art. Imma rridu nistennew u naraw kif Jehovah se jpoġġiha fi qlub il-​ħakkiema politiċi biex jesegwixxu l-​vendetta tiegħu.

12. (a) Xi ġralha Babilonja wara li qerdet lil Ġerusalemm? (b) X’se jiġrilhom il-​ġnus wara l-​qerda tal-​Kristjaneżmu?

12 Fi żmien l-​antik kien imiss lil Babilonja biex tesperjenza r-​rabja taħraq taʼ Jehovah. Għaldaqstant, billi nibdew b’Ġeremija kapitlu 25, vers 12, il-​profezija tħares lejn l-​affarijiet minn ħarsa li iktar tard inbidlet. Billi m’għadhomx iktar fl-​irwol taʼ l-​Esekutur taʼ Jehovah, Nebukadneżżar u Babilonja huma issa inklużi fost il-​ġnus dinjin kollha. Dan hu simili għas-​sitwazzjoni tal-​lum. “L-​għaxart iqran” taʼ Rivelazzjoni kapitlu 17 se jagħmlu ħerba mir-​reliġjon falza, imma iktar tard huma nfushom se jsofru qerda flimkien mas-​‘slaten l-​oħra kollha taʼ l-​art,’ kif inhu deskritt f’​Rivelazzjoni kapitlu 19. Ġeremija 25:13, 14 jiddeskrivi kif Babilonja, flimkien mal-​“ġnus kollha” li ħadu vantaġġ mill-​poplu taʼ Jehovah, tidħol f’ġudizzju. Jehovah kien uża lil Nebukadneżżar bħala esekutur f’li jikkastiga lil Ġuda. Madankollu kemm hu kif ukoll is-​slaten li ġew warajh taʼ Babilonja bdew bil-​kburija kollha jgħollu lilhom infushom kontra Jehovah innifsu, kif muri, per eżempju, bis-​sagrileġġ fuq ir-​reċipjenti tat-​tempju taʼ Jehovah. (Danjel 5:22, 23) U meta l-​Babilonjani qerdu lil Ġerusalemm, il-​ġnus ġirien taʼ Ġuda​—Moab, Ammon, Tir, Edom, u oħrajn—​eżaltaw u waqqgħu għaċ-​ċajt lill-​poplu t’Alla. Huma wkoll iridu jaħsdu l-​ħlas xieraq mingħand Jehovah.

Ġudizzju Kontra “L-​Ġnus Kollha”

13. X’inhu mfisser b’“dan il-​kies taʼ l-​inbid tad-​dagħdigħa,” u x’jiġrilhom dawk li jixorbu l-​kies?

13 Għalhekk, Ġeremija jiddikjara, kif inhu mniżżel f’kapitlu 25, versi 15 u 16: “Dan hu dak li Jehovah dak Alla taʼ Iżrael qalli: ‘Ħu dan il-​kies taʼ l-​inbid tad-​dagħdigħa minn idi, u trid iġġiegħel lill-​ġnus kollha li għandhom qiegħed nibagħtek jixorbuh. U huma jridu jixorbu u jixxenglu lura u ’l quddiem u jaġixxu bħal irġiel imġienen minħabba fis-​sejf li qiegħed nibgħat fosthom.’” Għala huwa ‘kies taʼ l-​inbid tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah’? F’​Mattew 26:39, 42 u Ġwann 18:11, Ġesù tkellem dwar “kies” bħala li jissimbolizza r-​rieda t’Alla għalih. Bl-​istess mod, kies huwa wżat biex jissimbolizza r-​rieda taʼ Jehovah għall-​ġnus biex jixorbu mill-​vendetta divina tiegħu. Ġeremija 25:17-26 jagħti lista taʼ dawn il-​gruppi nazzjonali li jiffiguraw bil-​quddiem lill-​ġnus illum.

14. Skond il-​profezija taʼ Ġeremija, min jiġi li jixrob mill-​kies taʼ l-​inbid tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah, u dan x’jissimbolizza għal żmienna?

14 Wara li l-​Kristjaneżmu, bħal Ġuda, jintgħamel “post imħarbat, oġġett taʼ stagħġib, xi ħaġa biex issaffrilha u maledizzjoni,” qerda hemm tistenna lill-​bqija taʼ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Imbagħad, id-​dinja kollha kemm hi, kif inhi ssimbolizzata mill-​Eġittu, trid tixrob mill-​kies taʼ l-​inbid tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah! Iva, “[i]s-slaten kollha tat-​Tramuntana li qegħdin qrib u ’l bogħod, wieħed wara l-​ieħor, u s-​saltniet l-​oħrajn kollha taʼ l-​art li qegħdin fuq il-​wiċċ taʼ l-​art” iridu jixorbu. Fl-​aħħarnett, “[i]s-sultan taʼ Xexak innifsu se jixrob warajhom.” U min hu dan “[i]s-sultan taʼ Xexak”? Xexak huwa isem simboliku, kriptogramma, jew kodiċi, għal Babilonja. Sewwa sew bħalma Satana kien is-​sultan inviżibbli fuq Babilonja, hekk ukoll hu “l-​ħakkiem tad-​dinja” sal-​ġurnata tal-​lum, kif inhu indikat minn Ġesù. (Ġwann 14:30) B’hekk, Ġeremija 25:17-26 jimxi id f’id maʼ Rivelazzjoni kapitli 18 sa 20 f’li jiċċara s-​segwenza taʼ ġrajjiet hekk kif il-​kies tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah igħaddi minn id għal oħra. L-​ewwel, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza jrid jinqered, u mbagħad il-​qawwiet politiċi, u wara Satana nnifsu jrid jiġi mitfugħ fl-​abbiss.—Rivelazzjoni 18:8; 19:19-21; 20:1-3.

15. X’se jiġri meta tinstemaʼ l-​għajta taʼ “paċi u sigurtà”?

15 Kien hemm ħafna tlablib dwar il-​paċi u s-​sigurtà mindu suppost li ntemmet l-​Gwerra Bierda, u fadal biss superpotenza waħda. Kif inhu mistqarr f’​Rivelazzjoni 17:10, dik is-​superpotenza, is-​sebaʼ ras tal-​bhima selvaġġa, trid ‘tibqaʼ għal żmien qasir.’ Imma dak iż-​“żmien qasir” wasal biex jintemm. Dalwaqt, l-​għajtiet kollha taʼ “paċi u sigurtà” politika se jċedu posthom lil ‘qerda f’daqqa li se tkun minnufih fuqhom.’ Hekk jistqarr l-​appostlu Pawlu.—1 Tessalonkin 5:2, 3.

16, 17. (a) Jekk xi wħud jipprovaw jaħarbu mill-​ġudizzju taʼ Jehovah, x’se jirriżulta? (b) Ir-​rieda taʼ Jehovah fuq l-​art se tiġi magħmula dalwaqt b’liema mod distruttiv?

16 Is-​sistema dinjija taʼ Satana kollha kemm hi, billi tibda mill-​Kristjaneżmu, trid tixrob mill-​kies tal-​vendetta taʼ Jehovah. Il-​kmand li jkompli jagħti lil Ġeremija, miktub f’kapitlu 25, versi 27 sa 29, jikkonferma dan: “Trid tgħidilhom, ‘Dan hu dak li Jehovah taʼ l-​armati, dak Alla taʼ Iżrael, qal: “Ixorbu u siru xurbana u rremettu u aqgħu sabiex ma tistgħux tqumu minħabba s-​sejf li qiegħed nibgħat fostkom.”’ U jrid jiġri li fil-​każ li huma jirrifjutaw li jieħdu l-​kies minn idek biex jixorbu, int trid ukoll tgħidilhom, ‘Dan hu dak li Jehovah taʼ l-​armati qal: “Intom se tixorbu bla ma tfallu. Għax, ħares! huwa fuq il-​belt li fuqha ismi huwa msejjaħ li jien qiegħed nibda f’li nġib hemm, u għandkom intom infuskom b’xi mod teħilsu mill-​kastig?”’ ‘M’intomx se teħilsu mill-​kastig, għax hemm sejf li jien qiegħed insejjaħ kontra l-​abitanti kollha taʼ l-​art,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah taʼ l-​armati.”

17 Dak huwa kliem iebes​—tabilħaqq, kliem li jqanqal il-​biżaʼ, għax huwa mlissen mill-​Mulej Sovran taʼ l-​univers kollu, Alla Jehovah. Matul millennji taʼ żmien, hu ssaporta bil-​paċenzja d-​dagħa, it-​tmaqdir, u l-​mibgħeda li ġew miġmugħin fuq l-​isem qaddis tiegħu. Iż-​żmien sa fl-​aħħar wasal, iżda, għalih biex iwieġeb it-​talba taʼ l-​Iben maħbub tiegħu, Ġesù Kristu, li għallem lid-​dixxipli tiegħu waqt li kien għadu fuq l-​art: “Tridu titolbu, allura, b’dan il-​mod: ‘Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-​rieda tiegħek, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.’” (Mattew 6:9, 10) Hija r-​rieda taʼ Jehovah li Ġesù jaġixxi bħala s-​sejf Tiegħu f’li jesegwixxi vendetta.

18, 19. (a) Min se jgħaddi riekeb biex jikkonkwista f’isem Jehovah, u għal liema ħaġa jistenna qabel ma jwettaq għalkollox il-​konkwista tiegħu? (b) Meta l-​anġli jitilqu l-​irjieħ taʼ maltempata tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah, liema ġrajjiet tal-​biżaʼ se jiġru fuq l-​art?

18 F’​Rivelazzjoni kapitlu 6, naqraw l-​ewwel dwar li Ġesù għaddej riekeb ’il quddiem fuq żiemel abjad ‘biex jikkonkwista u biex iwettaq għalkollox il-​konkwista tiegħu.’ (Vers 2) Dan beda malli tpoġġa fuq it-​tron bħala Sultan tas-​sema fl-​1914. Żwiemel u rikkieba oħrajn isegwuh, billi jagħtu stampa tal-​gwerra totali, tal-​ġuħ, u tal-​pesti li minn dak iż-​żmien ’il hawn impestaw l-​art tagħna. Imma dan it-​taqlib kollu meta se jintemm? Rivelazzjoni kapitlu 7 jinformana li erbaʼ anġli qegħdin iżommu ssikkati lill-​“erbat irjieħ taʼ l-​art” sakemm Iżrael spiritwali u folla kbira minn kull ġens jiġu miġburin għas-​salvazzjoni. (Vers 1) Imbagħad?

19 Ġeremija kapitlu 25, fil-​versi 30 u 31, ikompli: “‘Mill-​għoli Jehovah innifsu se jgħajjat bħal iljun, u mill-​post qaddis fejn igħammar se joħroġ leħnu. Bla ma jfalli hu se jgħajjat bħal iljun fuq il-​post fejn joqgħod. Għajta bħal dik taʼ dawk li qegħdin jirfsu l-​magħsar taʼ l-​inbid hu se jkanta kontra l-​abitanti kollha taʼ l-​art. Ħoss ċertament li se jiġi dritt sa l-​iktar parti ’l bogħod taʼ l-​art, għax hemm kontroversja li Jehovah għandu mal-​ġnus. Hu jrid personalment iqiegħed lilu nnifsu f’ġudizzju mal-​laħam kollu. Rigward dawk li huma mill-​agħar, irid jagħtihom lis-​sejf,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah.” L-​ebda ġens ma se jiskappa milli jixrob b’dan il-​mod mill-​kies tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah. Huwa urġenti, għalhekk, li n-​nies kollha li għandhom qalbhom tħobb is-​sewwa jisseparaw lilhom infushom mill-​ħażen tal-​ġnus qabel ma l-​erbaʼ anġli jitilqu r-​riħ taʼ maltempata tempestuża tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah. Tempestuża tabilħaqq, għax il-​profezija taʼ Ġeremija tkompli fil-​versi 32 u 33:

20. Liema xenarju jenfasizza l-​ħruxija tal-​ġudizzju taʼ Jehovah, imma din l-​azzjoni għala hija neċessarja?

20 “Dan hu dak li Jehovah taʼ l-​armati qal, ‘Ħares! Hemm (gwaj) sejjer minn ġens għal ġens, u tempesta kbira nfisha se titqajjem mill-​partijiet l-​iktar imbegħdin taʼ l-​art. U dawk maqtulin minn Jehovah ċertament li se jiġu li jkunu f’dak il-​jum minn tarf wieħed taʼ l-​art dritt sat-​tarf l-​ieħor taʼ l-​art. M’humiex se jkunu mibkijin, lanqas ma se jiġu miġburin jew jiġu midfunin. Bħal demel fuq wiċċ l-​art se jsiru.’” Verament xenarju taʼ orrur, imma din l-​azzjoni hija neċessarja sabiex titnaddaf l-​art mill-​ħażen kollu qabel ma tiddaħħal il-​Ġenna tal-​wegħda t’Alla.

Ragħajja Biex Inewħu u Jgħajtu

21, 22. (a) F’​Ġeremija 25:34-36, min kienu r-​“ragħajja” taʼ Iżrael, u għala ġew sfurzati biex inewħu? (b) Liema ragħajja taʼ żmien modern ħaqqhom ir-​rabja taʼ Jehovah, u għala tant tistħoqqilhom?

21 Versi 34 sa 36 ikomplu jitkellmu dwar il-​ġudizzju taʼ Jehovah, billi jgħidu: “Newħu, intom ir-​ragħajja, u għajtu! U tmiegħku ’l hawn u ’l hinn, intom il-​maestużi tal-​merħla, għaliex il-​jiem tagħkom għal tbiċċir u għat-​tixrid tagħkom ġew imwettqin, u tridu taqgħu bħal reċipjent mixtieq! U post biex jaħarbu għal ġo fih sparixxa mingħand ir-​ragħajja, u mezz taʼ ħarba mill-​maestużi tal-​merħla. Isimgħu! L-​għajta tar-​ragħajja, u t-​tinwiħ tal-​maestużi tal-​merħla, għax Jehovah qiegħed iħarbat il-​mergħa tagħhom.”

22 Min huma dawn ir-​ragħajja? M’humiex il-​mexxejja reliġjużi, li diġà xorbu mir-​rabja taʼ Jehovah. Huma r-​ragħajja militaristiċi, deskritti wkoll f’​Ġeremija 6:3, li jiġimgħu l-​armati tagħhom fi qtajja bi sfida lejn Jehovah. Dawn huma l-​ħakkiema politiċi, li saru sinjuri għas-​spejjeż taʼ dawk maħkumin. Ħafna minn dawn huma wħud li javanzaw l-​interessi tagħhom stess, esperti tal-​korruzzjoni. Ħaduha bil-​lajma biex isibu serħan mill-​ġuħ li qered lil partijiet kbar minn popli sħaħ f’artijiet żvantaġġjati. Huma jagħmlu sinjuri lill-​“maestużi tal-​merħla,” bħalma huma l-​barunijiet taʼ l-​armamenti u l-​qerrieda rgħiba taʼ l-​ambjent, waqt li jċaħħdu għajnuna medika u ikel nutrijenti li b’nefqa tant żgħira jistgħu jsalvaw lil għaxriet taʼ miljuni taʼ tfal li qegħdin imutu.

23. Iddeskrivi l-​kundizzjoni tad-​dominju taʼ Satana wara l-​atti distruttivi taʼ Jehovah.

23 Mhux taʼ b’xejn li Ġeremija kapitlu 25 jikkonkludi, fil-​versi 37 u 38, billi jgħid dwar dawn li b’mod egoist fittxew il-​paċi għalihom infushom: “[I]l-postijiet mimlijin paċi fejn joqogħdu ġew magħmulin bla ħajja minħabba r-​rabja taħraq taʼ Jehovah. Hu ħalla l-​kenn tiegħu sewwa sew bħal iljun żgħir muxgħar, għax l-​art tagħhom saret oġġett taʼ stagħġib minħabba s-​sejf li qiegħed jimmaltratta u minħabba r-​rabja taħraq tiegħu.” Stagħġib tabilħaqq! Madankollu, ir-​rabja taħraq taʼ Jehovah se tiġi espressa b’ċertezza permezz taʼ Dak deskritt f’​Rivelazzjoni 19:15, 16 bħala s-​“Sultan tas-​slaten u l-​Mulej tal-​mulejiet,” li jirgħa l-​ġnus b’virga tal-​ħadid. U x’jiġri wara?

24. Il-​qerda tar-​reliġjon falza u tal-​bqija tad-​dinja taʼ Satana se ġġib liema barkiet lill-​umanità taʼ tjieba?

24 Qatt esperjenzajt xi uragan jew tifun? Din tistaʼ tkun esperjenza li twerwrek. Imma l-​għada fil-​għodu, għalkemm forsi tara t-​tifrik madwarek, l-​arja ġeneralment tant tkun ċara u l-​kalma tant tkun rifreskanti li tistaʼ tirringrazzja lil Jehovah għal ġurnata sabiħa mhix tas-​soltu. Bl-​istess mod, hekk kif l-​irjieħ tal-​maltempata tat-​tribulazzjoni l-​kbira jbattu, tistaʼ tħares għal fuq l-​art b’ringrazzjament li int għadek ħaj u lest li tieħu sehem f’iktar xogħol mingħand Jehovah taʼ li tbiddel l-​art imnaddfa f’ġenna glorjuża. Il-​kontroversja taʼ Jehovah mal-​ġnus tkun inġabet għall-​konklużjoni grandjuża tagħha, billi tqaddes ismu u tnaddaf il-​mogħdija biex ir-​rieda tiegħu sseħħ fuq l-​art taħt il-​Ħakma Millennjali tas-​Saltna Messjanika. Jalla dik is-​Saltna tiġi malajr! [w94 03/01]

Reviżjoni taʼ paragrafi 5-24 taʼ dan l-​artiklu

◻ Liema modi ipokriti tal-​Kristjaneżmu issa ġew għall-​ġudizzju?

◻ Liema dehra iktar ċara tal-​ġudizzju tiġi murija f’Ġeremija 25:12-38?

◻ Liema kies taʼ vendetta jiġi mgħoddi lill-​ġnus kollha?

◻ Min huma r-​ragħajja li jnewħu u jgħajtu, u għala huma inkwetati?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja