LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 21 pp. 184-191
  • L-Iskop taʼ Jehovah Jirnexxi b’Mod Glorjuż

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Iskop taʼ Jehovah Jirnexxi b’Mod Glorjuż
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iżrael Jitlef il-​Pożizzjoni Favorita
  • Jiġbor “Kull ma Hu fis-​Sema”
  • Jiġbor “Kull ma Hu fl-​Art”
  • Libertà Meraviljuża Quddiemna
  • L-Iskop taʼ Jehovah Jikseb Suċċess Glorjuż
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
  • Amministrazzjoni biex Jitwettaq l-Iskop t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Dak li Se Tagħmel is-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 21 pp. 184-191

Kapitlu Wieħed U Għoxrin

L-​Iskop taʼ Jehovah Jirnexxi b’Mod Glorjuż

1, 2. (a) X’inhu l-​iskop taʼ Jehovah rigward il-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu? (b) Min kien inkluż fil-​familja magħquda t’aduraturi t’Alla?

L-​ISKOP kollu mħabba taʼ Jehovah hu li l-​ħlejjaq intelliġenti kollha jkunu magħqudin flimkien fil-​qima taʼ l-​uniku Alla veru, u li lkoll kemm huma jgawdu libertà glorjuża bħala wliedu. Dawk li jħobbu s-​sewwa wkoll huma ħerqanin biex jaraw dan jitwettaq.

2 Jehovah beda jwettaq dan l-​iskop grandjuż meta beda x-​xogħlijiet tiegħu taʼ ħolqien. L-​ewwel ħolqien tiegħu kien Iben li minn mindu ġie rxoxtat hu “d-​dija tal-​glorja taʼ Alla u x-​xbieha taʼ l-​essenza tiegħu.” (Lhud 1:​1-3) Dan l-​Iben kien uniku għax ġie maħluq minn Alla personalment. Wara dan, kien permezz taʼ dan l-​Iben li l-​oħrajn kollha saru jeżistu: l-​ewwel l-​anġli fis-​sema, imbagħad il-​bnedmin fuq l-​art. (Ġob 38:7; Luqa 3:38) Dawn kollha kienu jifformaw familja universali waħda. Jehovah kien għalihom ilkoll Alla, is-​Sovran Universali, u Missierhom kollu mħabba.

3. (a) Ilkoll kemm aħna xi writna mingħand l-​ewwel ġenituri tagħna? (b) Liema mezz taʼ mħabba pprovda Jehovah għan-​nisel taʼ Adam?

3 Meta l-​ewwel ġenituri umani tagħna ġew kundannati għall-​mewt talli dinbu apposta, huma tkeċċew mill-​Għeden u ġew imwarrbin minn Alla. Huma ma baqgħux jagħmlu parti mill-​familja universali tiegħu. (Ġenesi 3:​22-​24; Dewteronomju 32:​4, 5) Aħna lkoll dixxendenti tagħhom, u għalhekk twelidna b’tendenzi midinbin. Imma Jehovah kien jaf li xi wħud minn fost id-​dixxendenti taʼ Adam u Eva kienu se jħobbu s-​sewwa. Għalhekk, b’imħabba, Hu pprovda mezz li bih dawn setgħu jiksbu “l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:​20, 21.

Iżrael Jitlef il-​Pożizzjoni Favorita

4. Jehovah liema privileġġ ta lil Iżrael tal-​qedem?

4 Xi 2,500 sena wara li nħoloq Adam, Jehovah ta l-​privileġġ lil ċerti bnedmin li jkollhom relazzjoni speċjali Miegħu. Hu għażel lil Iżrael tal-​qedem biex ikun il-​poplu tiegħu u tah il-​Liġi tiegħu. (Ġenesi 12:​1, 2) Hu fformah f’ġens u użah fi qbil maʼ l-​iskop tiegħu. (Dewteronomju14:​1, 2; Isaija 43:1) Madankollu, kienu għadhom taħt il-​jasar tad-​dnub u l-​mewt, u għalhekk ma gawdewx il-​libertà glorjuża li kellhom oriġinalment Adam u Eva.

5. L-​Iżraelin kif tilfu r-​relazzjoni speċjali li kellhom m’Alla?

5 Minkejja dan, l-​Iżraelin kellhom l-​approvazzjoni u l-​favur t’Alla. Huma kellhom ukoll ir-​responsabbiltà li jirrispettaw lil Jehovah bħala Missierhom u li jaħdmu fi qbil maʼ l-​iskop tiegħu. Ġesù enfasizza l-​importanza li huma jwettqu dan l-​obbligu. (Mattew 5:​43-48) Madankollu, il-​ġens taʼ Iżrael naqas li jagħmel dan. Filwaqt li dawk il-​Lhud kienu jgħidu “Missier wieħed għandna, lil Alla,” Ġesù ddikjara li l-​azzjonijiet tagħhom u l-​ispirtu li kienu juru ma kienu jaqblu xejn maʼ dak li kienu jgħidu. (Ġwann 8:​41, 44, 47) Fis-​sena 33 E.K., Alla temm il-​Liġi, u r-​relazzjoni speċjali li Iżrael kellu miegħu spiċċat. Imma kien ifisser dan li n-​nies qatt ma setgħu jgawdu relazzjoni favorita m’Alla?

Jiġbor “Kull ma Hu fis-​Sema”

6. X’inhu l-​iskop taʼ l-​‘amministrar’ li Pawlu semma f’Efesin 1:​9, 10?

6 L-​appostlu Pawlu wera li xi wħud minn fost il-​bnedmin setgħu jgawdu relazzjoni speċjali m’Alla. Per eżempju, rigward l-​arranġament taʼ Jehovah li bih dawk li jeżerċitaw fidi jistgħu jsiru membri tad-​dar Tiegħu, Pawlu kiteb: “[Alla] għarrafna l-​misteru tar-​rieda tiegħu; il-​pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ [‘amministrar,’ NW] meta tasal il-​milja taż-​żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-​sema u kull ma hu fl-​art.” (Efesin 1:​9, 10) Dan l-​‘amministrar’ jiċċentra fuq Ġesù Kristu. Permezz tiegħu, il-​bnedmin jinġabu f’kundizzjoni approvata quddiem Alla. Għadd limitat minnhom għandu l-​prospett li jkun fis-​sema. Għadd ferm akbar se jgħix fuq l-​art għal dejjem.

7. “Kull ma hu fis-​sema” lil min jinkludi?

7 L-​ewwelnett, b’seħħ minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K., ngħatat l-​attenzjoni lil “kull ma hu fis-​sema,” jiġifieri, lil dawk li se jkunu werrieta sħab maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema. Fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fil-​valur tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma ġew dikjarati ġusti minn Alla. (Rumani 5:​1, 2) Maż-​żmien, kienu inklużi Lhud u Ġentili, u l-​għadd taʼ “kull ma hu fis-​sema” kellu jitlaʼ għal 144,000. (Galatin 3:​26-​29; Apokalissi 14:1) Fdal biss minnhom għadu fuq l-​art.

Jiġbor “Kull ma Hu fl-​Art”

8. “Kull ma hu fl-​art,” lil min jinkludi u x’inhi r-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah?

8 L-​istess amministrazzjoni qed tiġbor ukoll lil “kull ma hu fl-​art.” Miljuni taʼ nies issa qed jinġabru bil-​prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Magħqudin mal-​fdal tal-​werrieta tas-​Saltna, huma qed ifaħħru bil-​kbir l-​isem taʼ Jehovah u jeżaltaw il-​qima tiegħu. (Isaija 2:​2, 3; Sofonija 3:9) Huma jindirizzaw ukoll lil Jehovah bħala “Missier” għax jirrikonoxxu li huwa s-​sors tal-​ħajja. U jgawdu l-​approvazzjoni tiegħu fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fid-​demm imxerred taʼ Ġesù. (Apokalissi 7:​9, 14) Imma ladarba għadhom imperfetti, għadhom ma ġewx rikonoxxuti bis-​sħiħ bħala wlied Alla; dan se jseħħ fil-​futur.

9. Liema wegħda tippreżenta l-​iskrittura taʼ Rumani 8:21 għall-​umanità?

9 Dawn li t-​tama tagħhom hi li jgħixu fuq l-​art issa jinsabu ħerqanin waqt li qed jistennew iż-​żmien meta l-​ħolqien uman se ‘jkun meħlus mill-​jasar tat-​taħsir.’ (Rumani 8:21) Dan il-​ħelsien se jibda wara li Kristu u l-​armati tiegħu fis-​sema jtemmu t-​tribulazzjoni l-​kbira, li tilħaq il-​quċċata tagħha f’Armageddon. Dan se jkun ifisser il-​qerda tas-​sistema t’affarijiet mill-​agħar taʼ Satana kollha kemm hi, u wara se jiġu l-​barkiet tar-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu fil-​qawwa tas-​Saltna.—Apokalissi 19:​17-​21; 20:6.

10. Il-​qaddejja taʼ Jehovah se jgħannu liema għanja taʼ tifħir?

10 X’hena se jkun hawn meta l-​qaddejja taʼ Jehovah fuq l-​art se jingħaqdu biex jidwu s-​sentimenti tal-​qaddejja tiegħu fis-​sema, li b’ferħ kbir jipproklamaw: “Kbar u taʼ l-​għaġeb l-​għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tistaʼ kollox; ġusti u veri t-​triqat tiegħek, Sultan tal-​ġnus. Min, Mulej, ma jibżax minnek u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis; il-​ġnus kollha jiġu u jinxteħtu quddiemek, għax il-​ġudizzji tiegħek intwerew.” (Apokalissi 15:​3, 4) Iva, il-​qaddejja kollha taʼ Jehovah se jingħaqdu flimkien fil-​qima taʼ l-​uniku Alla veru. Saħansitra l-​mejtin se jiġu rxoxtati u jingħataw l-​opportunità li jingħaqdu biex jgħollu leħinhom ħalli jfaħħru lil Jehovah.—Atti 24:15.

Libertà Meraviljuża Quddiemna

11. Liema libertà meraviljuża se jgawdu dawk li se jsalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira?

11 Wara li t-​tribulazzjoni l-​kbira, li tilħaq il-​quċċata tagħha f’Armageddon, tkun naddfet l-​art mill-​ħażen, Satana x-​Xitan mhux se jkun iktar “l-​alla taʼ din id-​dinja.” L-​aduraturi taʼ Jehovah mhux se jkollhom għalfejn jissieltu iktar kontra l-​influwenza mill-​agħar taʼ Satana. (2 Korintin 4:4; Apokalissi 20:​1, 2) Ir-​reliġjon falza mhix se tirrappreżenta ħażin lil Jehovah iktar u mhix se sservi iktar bħala influwenza li tifred lis-​soċjetà umana. Il-​qaddejja t’Alla veru mhux se jesperjenzaw iktar l-​inġustizzja u ma jiġux sfruttati iktar minn awtoritajiet umani. X’libertà meraviljuża se titgawda!

12. Kif se jinħeles kulħadd mid-​dnub u mill-​effetti tiegħu?

12 Bħala “l-​Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-​dnub tad-​dinja,” Ġesù se japplika l-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu biex iħassar id-​dnubiet tal-​bnedmin. (Ġwann 1:29) Meta Ġesù kien fuq l-​art u ħafer id-​dnubiet taʼ xi individwu, hu ta prova taʼ dan billi kien ifejqu. (Mattew 9:​1-7; 15:​30, 31) Bl-​istess mod, Kristu Ġesù, bħala s-​Sultan tas-​sema tas-​Saltna t’Alla, se jfejjaq mirakolożament lill-​għomja, lill-​imbikkmin, lit-​torox, lil dawk immankati fiżikament, lil dawk morda mentalment, u lil dawk b’xi mard ieħor. (Apokalissi 21:​3, 4) Dawk kollha li huma ubbidjenti se jinħelsu mil-​“liġi tad-​dnub” sabiex il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħhom isiru jogħġbu, kemm lilhom infushom u kemm lil Alla. (Rumani 7:​21-23) Sa tmiem il-​Millennju, se jkunu twasslu għall-​perfezzjoni umana, fuq “is-​sura u x-​xbieha” taʼ l-​uniku Alla veru.—Ġenesi 1:26.

13. Fit-​tmiem tal-​Ħakma Millennjali, liema azzjoni jieħu Kristu, u b’liema riżultat?

13 Meta Kristu jkun wassal lill-​umanità għall-​perfezzjoni, hu mbagħad se jagħti lura lil Missieru l-​awtorità li ngħatatlu għal dan ix-​xogħol: “Jerħi s-​saltna f’idejn Alla l-​Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan ‘sa ma jqiegħed l-​għedewwa kollha taħt riġlejh.’” (1 Korintin 15:​24, 25) Il-​Ħakma Millennjali tas-​Saltna se twettaq bis-​sħiħ l-​iskop tagħha, u għalhekk mhux se jkun hemm iktar bżonn li dan il-​gvern sekondarju jibqaʼ bejn Jehovah u l-​bnedmin. U ladarba d-​dnub u l-​mewt se jitneħħew kompletament u l-​umanità tkun mifdija, jintemm il-​bżonn li Ġesù jkun Feddej. Il-​Bibbja tispjega: “Imbagħad l-​Iben stess jitqiegħed taħt Alla li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.”—1 Korintin 15:28.

14. Minn xiex se jgħaddu l-​bnedmin perfetti kollha, u għala?

14 Wara dan, il-​bnedmin perfetti se jingħataw l-​opportunità biex juru li għażlu li jaqdu lill-​uniku Alla veru għal dejjem. Għaldaqstant, qabel ma jadottahom kompletament bħala wliedu, Jehovah se jgħaddi lill-​bnedmin perfetti kollha minn prova finali. Satana u d-​demonji tiegħu se jinħallu mill-​abbiss. Dan mhux se jġib ħsara dejjiema għal dawk li tassew iħobbu lil Jehovah. Imma kulmin iħalli lilu nnifsu jiżvija u b’nuqqas taʼ lealtà ma jobdix lil Jehovah, se jinqered għal dejjem, flimkien mar-​ribell oriġinali u d-​demonji tiegħu.—Apokalissi 20:​7-10.

15. Liema sitwazzjoni se terġaʼ teżisti fost il-​ħlejjaq intelliġenti kollha taʼ Jehovah?

15 Imbagħad, Jehovah se jadotta lill-​bnedmin perfetti kollha bħala wliedu talli jkunu appoġġaw is-​sovranità tiegħu matul il-​prova finali. Minn dakinhar ’il quddiem, huma se jgawdu bis-​sħiħ il-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla bħala parti mill-​familja universali tiegħu. Il-​ħlejjaq intelliġenti kollha fis-​sema u fuq l-​art se jerġgħu jingħaqdu flimkien biex iqimuh bħala l-​uniku Alla veru. L-​iskop taʼ Jehovah se jkun irnexxa b’mod glorjuż! Tixtieq tkun parti minn dik il-​familja ferħana, dejjiema, u universali? Jekk iva, ninkuraġġuk tagħti kas dak li tgħid il-​Bibbja fl-​1 Ġwann 2:17: “Id-​dinja bil-​ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• Qabel ma seħħet ir-​ribelljoni fl-​Għeden, liema relazzjoni kellhom l-​aduraturi kollha taʼ Jehovah miegħu?

• Liema responsabbiltà għandhom dawk li huma qaddejja t’Alla?

• Min huma dawk li għad iridu jsiru wlied Alla, u dan kif għandu x’jaqsam maʼ l-​iskop taʼ Jehovah rigward il-​qima f’unità?

[Stampa f’paġna 190]

Il-​bnedmin ubbidjenti se jgawdu ħajja f’ġenna taʼ l-​art globali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja