LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Attenti Minn Għalliema Foloz!
    It-Torri tal-Għassa—1997 | Settembru 1
    • l-​ewwel seklu kienu jiltaqgħu biex jieħdu gost jieklu u jassoċjaw flimkien. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum ukoll xi drabi jiltaqgħu flimkien f’okkażjonijiet soċjali, forsi f’xi tiġijiet, f’xi pikniks, jew f’xi lejla taʼ sħubija. Individwi korrotti kif jistgħu jużaw okkażjonijiet bħal dawn biex jisseduċu l-​vittmi? Pietru jikteb “Għajnejhom mimlijin kollha adulterju, . . . iqarrqu b’erwieħ li m’humiex sodi.” Huma jiffokaw lil “qalbhom imħarrġa fi ħwejjeġ tar-​regħba” fuq uħud mhux sodi spiritwalment li naqsu li jagħmlu l-​verità kompletament tagħhom infushom. Mela ħu t-​twissija minn qabel b’dak li ġara fi żmien Pietru, u oqgħod għassa! Irreżisti kwalunkwe avvanzi mhux safjin, u tiġix imqarraq mill-​kliem li jsaħħar jew mill-​attrazzjoni fiżika taʼ xi ħadd li jkun qiegħed jagħmel avvanzi immorali!—2 Pietru 2:14, KŻ.

      ‘It-​Triq Taʼ Balgħam’

      17. X’kienet it-​‘triq taʼ Balgħam,’ u din kif effettwat lil 24,000 Iżraelit?

      17 Dawn il-​“misħutin” ilhom xi ftit jafuha l-​verità. Għandhom mnejn għadhom jidhru attivi fil-​kongregazzjoni. Imma Pietru jgħid: “Tbiegħdu mit-​triq id-​dritta u ntilfu; mxew wara Balgħam, bin Bosor, li għażel qligħ il-​ħażen.” (2 Pietru 2:14, 15) It-​triq tal-​profeta Balgħam kienet li hu jagħti parir għal korsa taʼ seduzzjoni immorali għal qligħ persunali tiegħu stess. Hu qal lis-​Sultan Mowabit Balak li Alla kien se jisħet lil Iżrael jekk in-​nies setgħu jiġu mħajrin jikkommettu ż-​żína. Bħala riżultat, ħafna min-​nies t’Alla ġew sedotti minn xi nisa Mowabiti, u 24,000 ġew mogħtijin il-​mewt minħabba l-​kondotta immorali tagħhom.—Numri 25:1-9; 31:15, 16; Apokalissi 2:14.

      18. Balgħam kemm kien persistenti, u r-​riżultat x’jawgura għall-​għalliema foloz?

      18 Pietru jinnota li Balgħam ġie mfixkel meta l-​ħmar tiegħu kellmu, u madankollu Balgħam tant ħabb “qligħ il-​ħażen,” li saħansitra meta ġara dan, ma waqqafx “il-​bluha” tiegħu. (2 Pietru 2:15, 16) Kemm kien mill-​agħar! Gwaj għal kulmin ikun bħal Balgħam u jipprova jikkorrompi lin-​nies t’Alla billi jittantahom biex jikkommettu l-​immoralità! Balgħam miet minħabba l-​ħażen tiegħu, dehra bil-​quddiem taʼ dak li se jiġrilhom dawk kollha li jsegwu t-​triq tiegħu.—Numri 31:8.

      Is-​Seduzzjonijiet Djaboliċi Tagħhom

      19, 20. (a) Uħud bħal Balgħam maʼ xiex inhuma mqabblin, u għala? (b) Lil min iħajru, u kif? (c) Għala nistgħu ngħidu li s-​seduzzjonijiet tagħhom huma djaboliċi, u kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna u lil oħrajn minnhom?

      19 Waqt li jiddeskrivi wħud bħal Balgħam, Pietru jikteb: “Huma għejun [jew, bjar] bla ilma u sħab [jew, ċpar] misjuq mir-​riefnu.” Bir niexef, għal xi vjaġġatur bil-​għatx fid-​deżert, jistaʼ jfisser mewt. Mhux taʼ b’xejn li d-​“dlamijiet l-​aktar koroh hemm lesti” għal dawk li jixbhu affarijiet bħal dawn! “Għax dawn bil-​kliem kburi u fieragħ tagħhom,” ikompli Pietru, “u bil-​ġibdiet ħżiena tal-​ġisem iqarrqu b’dawk li bilkemm għadhom kemm ġew meħlusin minn maʼ dawk li jgħixu fl-​iżball.” Huma jisseduċu lil dawk bla esperjenza billi “[j]wegħduhom il-​ħelsien,” jgħid Pietru, waqt li “huma stess imjassrin mit-​taħsir.”—2 Pietru 2:17-19; Galatin 5:13.

      20 Is-​seduzzjonijiet t’għalliema korrotti bħal dawn huma djaboliċi. Jistgħu jgħidu, per eżempju: ‘Alla jaf li aħna dgħajfin u suġġetti għall-​passjoni. Mela jekk nagħtu ruħna għax-​xewqat sesswali tagħna u nissodisfawhom, Alla se juri ħniena. Jekk nistqarru d-​dnub tagħna, se jaħfrilna sewwa sew bħalma għamel meta konna għadna fil-​bidu tal-​verità.’ Ftakar li x-​Xitan uża mod pjuttost simili biex javviċina lil Eva, billi wegħedha li hi setgħet tidneb mingħajr ma tiġi kkastigata. Fil-​każ taʼ Eva, hu sostna li dnub kontra Alla kien se jagħtiha tidwil u libertà. (Ġenesi 3:4, 5) Jekk b’kumbinazzjoni niltaqgħu maʼ individwu korrott bħal dan li jkun qiegħed jassoċja mal-​kongregazzjoni, aħna fi dmir li nipproteġu lilna nfusna kif ukoll lil oħrajn billi ngħidu b’dan l-​individwu lil min hu responsabbli fil-​kongregazzjoni Kristjana.—Levitiku 5:1.

      Protetti Minn Għarfien Eżatt

      21-23. (a) X’inhuma l-​konsegwenzi taʼ li wieħed jonqos milli japplika l-​għarfien eżatt? (b) Pietru jiddiskuti liema problema oħra li se tiġi kkunsidrata issa?

      21 Pietru jikkonkludi din il-​parti taʼ l-​ittra tiegħu billi jiddeskrivi l-​konsegwenzi taʼ li wieħed jonqos milli japplika l-​għarfien li iktar kmieni qal li huwa vitali għall-​“ħajja u t-​tjieba.” (2 Pietru 1:2, 3, 8) Hu jikteb: “Għax jekk, wara li ħelsu mill-​ħażen tad-​dinja bis-​saħħa taʼ l-​għarfien [“eżatt,” “NW”] taʼ Sidna u s-​Salvatur tagħna Ġesù Kristu, reġgħu tħabblu fih u ntrebħu minnu, xortihom taʼ l-​aħħar sa tkunilhom agħar minn taʼ l-​ewwel.” (Korsiv tagħna.) (2 Pietru 2:20) X’ħasra! Uħud bħal dawn fi żmien Pietru kienu rmew it-​tama prezzjuża taʼ ħajja immortali fis-​sema għal mumenti qosra taʼ sodisfazzjon sesswali.

      22 Għalhekk Pietru jgħid: “Kien ikun aħjar għalihom li ma għarfu qatt it-​triq tas-​sewwa milli, wara li għarfuha, reġgħu lura mill-​kmandament imqaddes li ngħata lilhom. Ġralhom kif jgħid sewwa l-​proverbju: ‘Il-​kelb idur għall-​vomtu tiegħu’, u ‘Il-​ħanżira l-​maħsula titmiegħek fit-​tajn.’”—2 Pietru 2:21, 22; Proverbji 26:11.

      23 Problema oħra li kienet evidentement bdiet teffettwa lill-​Kristjani tal-​bidu kienet simili għal waħda li teffettwa lil xi wħud illum. Lura f’dak iż-​żmien, xi wħud evidentement kienu qegħdin jilmentaw dwar il-​fatt li l-​preżenza mwiegħda taʼ Kristu donnha ma kinitx se tasal. Ejjew neżaminaw kif Pietru jittratta maʼ din il-​kwistjoni. (w97 9/1)

      Tiftakar?

      ◻ Pietru liema tliet eżempji taʼ twissija jiċċita?

      ◻ Għalliema foloz kif “[i]kasbru s-​setgħa tal-​Mulej”?

      ◻ X’inhi t-​triq taʼ Balgħam, u dawk li jimxu fiha kif jipprovaw jisseduċu lil oħrajn?

      ◻ X’inhuma l-​konsegwenzi taʼ li wieħed jonqos milli japplika l-​għarfien eżatt?

  • Żomm il-Jum taʼ Jehovah Sewwa f’Moħħok
    It-Torri tal-Għassa—1997 | Settembru 1
    • Żomm il-​Jum taʼ Jehovah Sewwa f’Moħħok

      “Fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir.”—2 PIETRU 3:3.

      1. Wieħed Kristjan fi żmienna liema sens t’urġenza kellu?

      MINISTRU full-time li ilu jaqdi għal iktar minn 66 sena kiteb: “Minn dejjem ħassejt sens kbir t’urġenza. Armageddon dejjem kienet pitgħada, fil-​ħsieb tiegħi. (Apokalissi 16:14, 16) Bħal missieri, u bħal missieru qablu, għext ħajti bħalma ħeġġeġ l-​appostlu [Pietru], ‘waqt li tistennew b’ħerqa kbira [“żżommu sewwa f’moħħkom,” NW] l-​miġja tal-​Jum t’Alla.’ Id-​dinja ġdida mwiegħda dejjem qistha bħala ‘xi ħaġa reali li m’aħniex naraw.’”—2 Pietru 3:11, 12; Lhud 11:1; Isaija 11:6-9; Apokalissi 21:3, 4.

      2. X’ifisser li wieħed iżomm sewwa f’moħħu l-​jum taʼ Jehovah?

      2 L-​espressjoni “żżommu sewwa f’moħħkom,” li Pietru għamel b’referenza għall-​jum taʼ Jehovah tfisser li ma nwarrbuhx minn moħħna. M’għandniex ninsew li l-​jum meta Jehovah se jeqred lil din is-​sistema t’affarijiet bħala preliminarju biex jistabbilixxi d-​dinja ġdida mwiegħda tiegħu huwa qrib ferm. Għandu jkun tant reali għalina li narawh ċar, bħal li kieku qiegħed immedjatament quddiemna. Daqshekk kien reali għall-​profeti t’Alla tal-​qedem, u taʼ spiss tkellmu dwaru bħala li kien fil-​qrib.—Isaija 13:6; Ġoel 1:15; 2:1; Għabdija 15; Sofonija 1:7, 14.

      3. Evidentement x’kien li qanqal il-​parir taʼ Pietru rigward il-​jum taʼ Jehovah?

      3 Pietru għala ħeġġiġna biex inqisu l-​jum taʼ Jehovah bħal li kieku jistaʼjiġi, biex ngħidu hekk, “pitgħada”? Għaliex xi wħud bdew evidentement jirridikolaw l-​idea tal-​preżenza mwiegħda taʼ Ġesù li matulha l-​ħżiena se jiġu kkastigati. (2 Pietru 3:3, 4) Għalhekk f’kapitlu 3 tat-​tieni ittra tiegħu, li se nikkunsidraw issa, Pietru jwieġeb l-​akkużi taʼ dawn li jirridikolaw.

      Appell Mill-​Qalb Biex Jiftakru

      4. Pietru x’iridna niftakru?

      4 L-​affezzjoni taʼ Pietru għal ħutu hija murija billi ripetutament jindirizzahom f’dan il-​kapitlu bħala “ħuti għeżież.” Billi jappellalhom mill-​qalb biex ma jinsewx dak li kienu ġew mgħallmin, Pietru jibda: “Ħuti għeżież. . . . Nifhem inqajjem fikom ħsibijiet sbieħ billi nfakkarkom f’dak li diġà tafu. Ftakru fil-​kliem li diġà qalu l-​profeti qaddisa, u wkoll fil-​kmandament tal-​Mulej u s-​Salvatur tagħna, li wasslulkom l-​appostli tagħkom.”—2 Pietru 3:1, 2, 8, 14, 17; Ġuda 17.

      5. Xi profeti x’qalu dwar il-​jum taʼ Jehovah?

      5 Pietru liema “kliem li diġà qalu l-​profeti qaddisa” qiegħed iħeġġeġ lill-​qarrejja biex jiftakru? Iva, dak dwar il-​preżenza taʼ Kristu fil-​qawwa tas-​Saltna u dwar il-​ġudizzju taʼ dawk li jiċħdu lil Alla. Pietru kien qabel ġibed l-​attenzjoni lejn dan il-​kliem. (2 Pietru 1:16-19; 2:3-10) Ġuda jirreferi għal Enok, li kien l-​ewwel profeta ddokumentat li wissa dwar il-​ġudizzju avvers t’Alla fuq il-​ħżiena. (Ġuda 14, 15) Profeti oħrajn segwew lil Enok, u Pietru ma jridniex ninsewh dak li kitbu huma.—Isaija 66:15, 16; Sofonija 1:15-18; Żakkarija 14:6-9.

      6. Liema kliem taʼ Ġesù u l-​appostli tiegħu jitfaʼ dawl fuq il-​jum taʼ Jehovah?

      6 Iżjed minn hekk, Pietru jgħid lill-​qarrejja tiegħu biex jiftakru “fil-​kmandament tal-​Mulej u s-​Salvatur tagħna.” Il-​kmandament taʼ Ġesù jinkludi l-​eżortazzjoni: ‘Oqogħdu attenti, li ma titmewtilkomx qalbkom, li ma ssibuhx dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda.’ “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-​waqt.” (Luqa 21:34-36; Mark 13:33) Pietru jħeġġiġna wkoll biex nagħtu kas il-​kliem taʼ l-​appostli. L-​appostlu Pawlu, per eżempju, kiteb: “Jum il-​Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl. Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-​oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-​qjies.”—1 Tessalonikin 5:2, 6.

      Ix-​Xewqat Taʼ Dawk Li Jirridikolaw

      7, 8. (a) X’tip taʼ nies huma dawk li jirridikolaw il-​messaġġi taʼ twissija t’Alla? (b) X’isostnu dawk li jirridikolaw?

      7 Bħalma ġie nnotat qabel, ir-​raġuni għat-​twissija taʼ Pietru hija li xi wħud bdew iwaqqgħu għaċ-​ċajt twissijiet bħal dawn, saħansitra bħalma l-​Iżraeliti tal-​qedem kienu żżuffjettaw bil-​profeti taʼ Jehovah. (2 Kronaki 36:16) Pietru jispjega: “Dan għandkom tkunu tafu, l-​ewwelnett: li fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-​żufjett, nies li jaġixxu skond ix-​xewqat ħżiena tagħhom.” (Korsiv tagħna.) (2 Pietru 3:3) Ġuda jgħid li x-​xewqat taʼ dawn li jirridikolaw huma għal “ġibdiet ħżiena tagħhom.” Hu jsejħilhom “nies li jgħixu ħajja taʼ din l-​art [“annimalistiċi,” “NW”], li m’għandhomx l-​Ispirtu fihom.” (Korsiv tagħna.)—Ġuda 17-19.

      8 L-​għalliema foloz li Pietru qal “li jgħixu skond il-​ġibdiet tal-​ġisem” huma x’aktarx fost dawk li jirridikolaw u li m’għandhom ebda spiritwalità. (2 Pietru 2:1, 10, 14) Biż-​żuffjett jistaqsu lil Kristjani leali: “Fejn hi l-​wegħda tal-​miġja tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqaʼ miexi kif kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.”—2 Pietru 3:4.

      9. (a) Għala dawk li jirridikolaw jipprovaw idgħajfu s-​sens t’urġenza li jinsab ħafna fil-​Kelma t’Alla? (b) Li nibqgħu nżommu sewwa f’moħħna l-​jum taʼ Jehovah kif inhu taʼ protezzjoni għalina?

      9 Għala dan l-​irridikolar? Għala qed jiġi ssuġġerit li l-​preżenza taʼ Kristu għandha mnejn li qatt ma se sseħħ, li Alla qatt ma interviena fil-​kwistjonijiet umani u qatt ma se jintervieni? Sewwa, billi jdgħajfu s-​sens t’urġenza li jinsab ħafna fil-​Kelma t’Alla, dawn li jirridikolaw annimalistiċi jfittxu li jbennu lil oħrajn għal ġo stat t’apatija spiritwali u b’hekk jagħmluhom priża faċli għal seduzzjonijiet egoistiċi. X’inkuraġġiment qawwi għalina llum biex nibqgħu mqajmin spiritwalment! Jalla nibqgħu nżommu sewwa f’moħħna l-​jum taʼ Jehovah u dejjem niftakru li għajnejh huma fuqna! B’hekk niġu mqanqlin biex naqdu lil Jehovah b’żelu u nżommu s-​safa morali tagħna.—Salmi 11:4; Isaija 29:15; Eżekjel 8:12; 12:27; Sofonija 1:12.

      Apposta u Taʼ Min Jistmerrhom

      10. Pietru kif jagħti prova li dawk li jirridikolaw huma żbaljati?

      10 Uħud bħal dawn li jirridikolaw jinjoraw fatt vitali. Huma jinjorawh deliberatament u jipprovaw iġagħlu lil oħrajn jinsewh. Għala? Sabiex ikunu jistgħu jisseduċu lin-​nies iżjed faċilment. “Għax iridu,” jikteb Pietru, “dawn jinsew.” Liema fatt? “Li sa minn żmien ilu kienu s-​smewwiet u l-​art, li saret mill-​ilma u żżomm bl-​ilma bis-​saħħa tal-​kelma taʼ Alla; kien ukoll bl-​ilma li d-​dinja taʼ dak iż-​żmien tgħarrqet u ntilfet.” (Korsiv tagħna.) (2 Pietru 3:5, 6) Iva, Jehovah ħelisha l-​art mill-​ħażen matul id-​Dilluvju fi żmien Noè, fatt li Ġesù enfasizzah ukoll.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja