LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 5/15 pp. 9-13
  • Faħħar lil Jehovah għall-Għemejjel Kbar Tiegħu!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Faħħar lil Jehovah għall-Għemejjel Kbar Tiegħu!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xandar l-​Għemejjel taʼ Jehovah Għaliex Jixirqilhom Tifħir!
  • Faħħru lil Jah!
  • Għemejjel Marbutin maʼ l-​Iskop Etern t’Alla
  • Eluf Jinġabru għall-​Qima Vera
  • Maqtugħin Apparti Biex Nagħtu Tifħir mad-Dinja Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • “Min Hu Bħal Jehovah Alla Tagħna?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Żgħażagħ, Faħħru lil Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Jehovah Jixraqlu Tifħir Etern
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 5/15 pp. 9-13

Faħħar lil Jehovah għall-​Għemejjel Kbar Tiegħu!

“Ruħi tfaħħar il-​kobor tal-​Mulej . . . għax is-​setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.”—LUQA 1:​46-49.

1. Għal liema għemejjel kbar huwa xieraq li nfaħħru lil Jehovah?

JEHOVAH jixraqlu li jkun imfaħħar għall-​għemejjel kbar tiegħu. Meta l-​profeta Mosè rrakkonta dwar il-​ħelsien taʼ Iżrael mill-​Eġittu, hu ddikjara: “Intom rajtu b’għajnejkom l-​opri kbar kollha li għamel il-​Mulej.” (Dewteronomju 11:​1-7) Bl-​istess mod, meta l-​anġlu Gabrijel qal lit-​tfajla verġni Marija dwar il-​wasla tat-​twelid taʼ Ġesù, hija qalet: “Ruħi tfaħħar il-​kobor tal-​Mulej . . . għax is-​setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.” (Luqa 1:​46-49) Bħala x-​Xhieda tiegħu, aħna nfaħħru lil Jehovah għall-​għemejjel kbar tiegħu bħalma huma l-​ħelsien taʼ Iżrael mill-​jasar fl-​Eġittu u t-​tnissil mirakoluż taʼ Ibnu l-​għażiż.

2. (a) L-iskop etern t’Alla xi jfisser għall-​bnedmin ubbidjenti? (b) Xi ġralu Ġwanni meta kien fuq il-​gżira taʼ Patmos?

2 Ħafna mill-​għemejjel kbar taʼ Jehovah huma marbutin maʼ l-​iskop etern tiegħu, li jbierek lill-​bnedmin ubbidjenti permezz tal-​Messija u l-​ħakma tas-​Saltna tiegħu. (Efesin 3:​8-13) Dan l-​iskop kien qed jiżviluppa pass pass meta l-​appostlu Ġwanni, li issa kien imdaħħal sew fiż-​żmien, kellu viżjoni li fiha tħalla jittawwal minn ġo bieb miftuħ fis-​sema. Hu semaʼ leħen bħal taʼ tromba jgħid: “Itlaʼ hawn, ħa nurik x’għandu jiġri wara dan.” (Apokalissi 4:1) Waqt li kien eżiljat mill-​gvern Ruman fuq il-​gżira taʼ Patmos “minħabba l-​Kelma taʼ Alla u x-​xhieda taʼ Ġesù,” Ġwanni rċieva ‘rivelazzjoni minn Ġesù Kristu.’ Dak li l-​appostlu ra u semaʼ jgħidilna ħafna dwar l-​iskop etern t’Alla, u b’hekk jipprovdi tidwil spiritwali u inkuraġġiment f’waqtu lil kull Kristjan veru.—Apokalissi 1:​1, 9, 10.

3. Lil min jirrappreżentaw l-​24 anzjan li ra Ġwanni fil-​viżjoni?

3 Minn dak il-​bieb miftuħ fis-​sema, Ġwanni ra 24 anzjan fuq tronijiet u inkurunati bħala slaten. Huma nxteħtu quddiem Alla u qalu: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-​glorja u l-​ġieħ u s-​setgħa, għax int ħlaqt il-​ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-​rieda tiegħek.” (Apokalissi 4:11) Dawn l-​anzjani jirrappreżentaw lill-​Kristjani midlukin kollha, irxoxtati għall-​pożizzjoni għolja mwegħda minn Alla. Huma jiġu mqanqlin ifaħħru lil Jehovah minħabba l-​għemejjel kbar tiegħu fil-​ħolqien. Aħna wkoll nistagħġbu meta naraw l-​evidenza tas-​“setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-​divinità tiegħu.” (Rumani 1:20) U iktar ma nitgħallmu dwar Jehovah, iktar ikollna għalxiex infaħħruh għall-​għemejjel kbar tiegħu.

Xandar l-​Għemejjel taʼ Jehovah Għaliex Jixirqilhom Tifħir!

4, 5. Agħti eżempji taʼ kif David faħħar lil Jehovah.

4 Is-​salmista David faħħar lil Alla għall-​għemejjel kbar Tiegħu. Per eżempju, David kanta: “Għannu lill-​Mulej li joqgħod f’Sijon, xandru fost il-​popli l-​għemejjel tiegħu. Ħenn għalija, Mulej; ara n-​niket tiegħi; inti rfajtni u ħriġtni minn bibien il-​mewt; biex inxandar tifħirek kollu f’bibien il-​belt taʼ Sijon.” (Salm 9:​12, 14, 15 [9:​11, 13, 14, NW]) Wara li ta l-​pjanta tal-​bini tat-​tempju lil ibnu Salamun, David bierek u faħħar lil Alla billi qal: “Tiegħek, Mulej, il-​kobor u l-​qawwa, il-​ġieħ, is-​sebħ u t-​tifħir . . . Tiegħek is-​saltna, Mulej, int kap fuq kulħadd. . . . U issa nfaħħruk, Alla tagħna, u nsebbħu l-​isem glorjuż tiegħek.”—1 Kronaki 29:​10-13.

5 Għal darba wara l-​oħra, l-​Iskrittura tistidinna—iva, tħeġġiġna—biex infaħħru lil Alla, bħalma għamel David. Il-​ktieb tas-​Salmi fih ħafna espressjonijiet taʼ tifħir lil Alla. Hu maħsub li madwar nofs dawn l-​għanjiet inkitbu minn David. Hu kien dejjem ifaħħar u jirringrazzja lil Jehovah. (Salm 69:31 [69:​30, NW]) Iktar minn hekk, l-​għanjiet ispirati taʼ David u t’oħrajn ilhom minn żminijiet bikrin jintużaw biex ifaħħru lil Jehovah.

6. Is-​Salmi ispirati kif inhuma siewja għalina?

6 Kemm huma siewja s-​Salmi għall-​adoraturi taʼ Jehovah! Meta nkunu rridu nirringrazzjaw lil Alla għal dak kollu li qed jagħmel magħna, moħħna jistaʼ jmur mill-​ewwel fuq il-​kliem sabiħ imniżżel fis-​Salmi. Per eżempju, meta nqumu għal ġurnata ġdida nistgħu nitqanqlu biex nagħmlu espressjonijiet bħal dawn: “Tajjeb li nfaħħru l-​Mulej, li ngħannu lil ismek, inti l-​Għoli. Nxandru fil-​għodu t-​tjieba tiegħek, u billejl il-​fedeltà tiegħek . . . Għax inti, Mulej, ferraħtni b’għemilek; għal għemil idejk jien ngħanni bil-​ferħ.” (Salm 92:​2-5 [92:​1-4, NW]) Meta negħlbu xi ostaklu li jkun qed iżommna milli nagħmlu progress spiritwali, nistgħu nħossuna mqanqlin biex nesprimu l-​ferħ u l-​gratitudni tagħna fit-​talb, sewwa sew bħalma għamel is-​salmista meta kanta: “Ejjew, ħa nfaħħru bl-​hena l-​Mulej, ħa ngħajjtu bil-​ferħ lill-​blata tas-​salvazzjoni tagħna! Nersqu quddiemu b’għana taʼ radd il-​ħajr, ngħannulu b’għajat taʼ ferħ.”—Salm 95:​1, 2.

7. (a) X’inhu tajjeb li ninnotaw dwar ħafna mill-​għanjiet li jkantaw il-​Kristjani? (b) Liema hi raġuni waħda għala għandna naslu kmieni għal-​laqgħa u nibqgħu sakemm tispiċċa?

7 Taʼ spiss ngħollu leħinna f’kant taʼ tifħir lil Jehovah waqt il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet. Tajjeb li ninnotaw li ħafna minn dawn l-​għanjiet huma bbażati fuq ħsibijiet ispirati mill-​ktieb tas-​Salmi. Kemm aħna ferħanin li għandna ġabra t’għanjiet taʼ tifħir lil Jehovah li jqanqlu l-​qalb u li huma addattati għal żmienna! Il-​fatt li nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Jehovah jagħtina raġuni tajba ħafna sabiex naslu kmieni għal-​laqgħa u nibqgħu sakemm tispiċċa. B’hekk inkunu nistgħu nfaħħru lil Jehovah bil-​kant u t-​talb flimkien maʼ l-​adoraturi sħabna.

Faħħru lil Jah!

8. X’tesprimi l-​kelma “Hallelujah,” u ġeneralment kif tiġi tradotta?

8 Il-​kelma “Hallelujah” tesprimi tifħir lil Jehovah. Din hija espressjoni kif tinħass mill-​Ebrajk li ġeneralment tiġi tradotta bħala “Faħħru lil Jah.” Per eżempju, f’Salm 135:​1-3 nsibu din l-​istedina mill-​qalb li tenfasizzalna: “Hallelujah! Faħħru isem il-​Mulej, faħħruh, qaddejja tal-​Mulej, intom li qegħdin f’dar il-​Mulej, fil-​wesgħat taʼ madwar it-​tempju taʼ Alla tagħna. Faħħru l-​Mulej, għax hu tajjeb, għannu lil ismu, għax hu sabiħ.”

9. Xi jqanqalna biex infaħħru lil Jehovah?

9 Hekk kif naħsbu bir-​reqqa dwar il-​ħolqien meraviljuż t’Alla u l-​għemejjel kbar kollha li qed jagħmel għalina, qalbna timtela bl-​apprezzament u tqanqalna nfaħħruh. Meta nirriflettu fuq il-​mirakli li Jehovah għamel għall-​poplu tiegħu fil-​passat, aħna nitħeġġu biex infaħħruh bil-​kbir. U meta nimmeditaw fuq l-​għemejjel kbar li Jehovah jwegħedna li għad irid jagħmel għalina, infittxu modi kif nesprimu t-​tifħir u l-​gratitudni tagħna.

10, 11. L-istess eżistenza tagħna kif tagħtina raġuni biex infaħħru lil Alla?

10 L-​istess eżistenza tagħna tagħtina raġuni valida biex infaħħru lil Jah. David kanta: “Infaħħrek [Jehovah]; għax tal-​biżaʼ u tal-​għaġeb jien magħmul: tal-​għaġeb huma l-​egħmejjel tiegħek; u dan ruħi tafu tajjeb.” (Salm 139:​14, KŻ) Iva, aħna ‘magħmulin b’mod tal-​għaġeb’ u mżejnin b’doni prezzjużi bħalma huma d-​dawl t’għajnejna, is-​smigħ, u l-​abbiltà tal-​ħsieb. Għalhekk, m’għandniex aħna ngħixu ħajjitna b’tali mod li nġibu tifħir lill-​Ħallieq tagħna? Hekk ried jgħid Pawlu meta kiteb: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-​glorja taʼ Alla.”—1 Korintin 10:31.

11 Aħna nagħmlu kollox għall-​glorja taʼ Jehovah jekk tassew inħobbuh. Ġesù qal li l-​ewwel kmandament hu: “Int għandek tħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-​qawwa tiegħek kollha.” (Mark 12:30; Dewteronomju 6:5) Bla dubju għandna nħobbu lil Jehovah u nfaħħruh bħala l-​Ħallieq tagħna u d-​Donatur taʼ “kull ħaġa tajba . . . u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17; Isaija 51:13; Atti 17:28) Wara kollox, l-​abbiltà li għandna biex naħsbu, l-​ispiritwalità tagħna, u s-​saħħa fiżika tagħna, fil-​fatt il-​kwalitajiet u l-​abbiltajiet tagħna kollha, jiġu mingħand Jehovah. Bħala l-​Ħallieq tagħna, hu jixraqlu l-​imħabba u t-​tifħir tagħna.

12. Kif tħossok int dwar l-​għemejjel kbar taʼ Jehovah u l-​kliem li nsibu f’Salm 40:6 [40:​5, NW]?

12 L-​għemejjel kbar taʼ Jehovah jagħtuna numru bla għadd taʼ raġunijiet biex inħobbuh u nfaħħruh! “Bla għadd l-​għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi; taʼ l-​għaġeb il-​ħsibijiet tiegħek għalina,” kanta David. “Ħadd ma jħabbatha miegħek! Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; iżda huma ħafna biex insemmihom.” (Salm 40:6 [40:​5, NW]) David ma setax isemmi l-​għemejjel meraviljużi kollha taʼ Jehovah, u lanqas aħna. Imma ejja dejjem infaħħru lil Alla kulmeta niġu mfakkrin dwar xi wieħed mill-​għemejjel kbar tiegħu.

Għemejjel Marbutin maʼ l-​Iskop Etern t’Alla

13. It-​tama tagħna kif inhi marbuta maʼ l-​għemejjel kbar t’Alla?

13 It-​tama tagħna għall-​futur hija marbuta maʼ l-​għemejjel kbar u li jistħoqqilhom tifħir assoċjati maʼ l-​iskop etern t’Alla. Wara r-​ribelljoni f’Għeden, Jehovah ta l-​ewwel profezija mimlija tama. Alla qataʼ s-​sentenza fuq is-​serp billi qal: “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) It-​tama fin-​Nisel imwiegħed tal-​mara baqgħet ħajja fil-​qlub taʼ bnedmin leali wara li Jehovah għamel wieħed mill-​għemejjel kbar tiegħu billi salva lil Noè u l-​familja tiegħu mid-​Dilluvju globali li qered lid-​dinja mill-​agħar. (2 Pietru 2:5) Il-​wegħdi profetiċi li ngħataw lill-​irġiel taʼ fidi bħal Abraham u David taw iktar dehen dwar dak li Jehovah kien se jwettaq permezz tan-​Nisel.—Ġenesi 22:​15-18; 2 Samwel 7:12.

14. Liema hi l-​aqwa turija taʼ kemm Jehovah jagħmel għemejjel kbar għall-​bnedmin?

14 L-​aqwa turija taʼ kemm Jehovah jagħmel għemejjel kbar għall-​bnedmin kienet meta ta lil Ibnu l-​waħdieni—in-​Nisel imwiegħed, Ġesù Kristu—bħala sagrifiċċju għall-​fidwa. (Ġwann 3:16; Atti 2:​29-36) Il-​fidwa pprovdiet il-​bażi biex il-​bnedmin jerġgħu jagħmlu ħbieb m’Alla. (Mattew 20:28; Rumani 5:11) Jehovah ġabar flimkien l-​ewwel uħud li reġgħu għamlu ħbieb miegħu fil-​kongregazzjoni Kristjana li twaqqfet f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis, huma ppridkaw l-​aħbar tajba maʼ kullimkien. Huma wrew kif il-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù fetħu t-​triq għall-​bnedmin ubbidjenti biex jesperjenzaw barkiet eterni taħt il-​ħakma tas-​Saltna tas-​sema t’Alla.

15. Jehovah kif aġixxa b’mod taʼ l-​għaġeb fi żmienna?

15 Fi żmienna, Jehovah aġixxa b’mod taʼ l-​għaġeb biex jiġbor l-​aħħar Kristjani midlukin. L-​irjieħ tal-​qerda baqgħu miżmumin lura sabiex il-​fdal tal-​144,000, li se jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema, ikunu jistgħu jiġu siġillati. (Apokalissi 7:​1-4; 20:6) Alla ħa ħsieb li l-​Kristjani midlukin jiġu meħlusin mill-​jasar spiritwali taħt “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:​1-5) X’seta jagħmel il-​fdal midluk permezz taʼ dan il-​ħelsien fl-​1919 u l-​protezzjoni divina li gawda minn dak iż-​żmien ’il quddiem? Setaʼ jiddi u jagħti xiehda finali qabel ma Jehovah jtemm is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar taʼ Satana fit-​tribulazzjoni l-​kbira li riesqa b’ħeffa kbira.—Mattew 24:21; Danjel 12:3; Apokalissi 7:14.

16. X’inhu jiġri b’riżultat tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna li qed isir mad-​dinja kollha fi żmienna?

16 Mimlijin żelu, ix-​Xhieda midlukin taʼ Jehovah taw spinta lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna mad-​dinja kollha. B’riżultat taʼ dan, numru li dejjem jikber taʼ “nagħaġ oħra” issa qed isiru adoraturi taʼ Jehovah. (Ġwann 10:16) Aħna nifirħu li l-​ġwejdin għad għandhom l-​opportunità li jingħaqdu magħna biex ifaħħru lil Jehovah. Dawk li jwieġbu għall-​istedina biex ‘jiġu’ għandhom iċ-​ċans li jsalvaw fit-​tribulazzjoni l-​kbira, bil-​prospett li jibqgħu jfaħħru lil Jehovah għall-​eternità.—Apokalissi 22:17.

Eluf Jinġabru għall-​Qima Vera

17. (a) Jehovah kif qed jagħmel għemejjel kbar fejn tidħol l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar? (b) Żakkarija 8:23 kif qed jitwettaq?

17 Jehovah qed jagħmel għemejjel kbar u li jistħoqqilhom tifħir fejn tidħol l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar. (Mark 13:10) F’dawn l-​aħħar snin, hu ‘fetaħ bibien kbar għax-​xogħol.’ (1 Korintin 16:9) Dan għamilha possibbli li l-​aħbar tajba tixxandar f’territorji kbar ħafna fejn qabel l-​għedewwa tal-​verità kienu jipprovaw jagħmlu l-​bsaten fir-​roti. Ħafna minn dawk li darba kienu jgħixu fi dlam spiritwali issa qed iwieġbu għall-​istedina biex iqimu lil Jehovah. Dawn qed iwettqu dan il-​kliem profetiku: “Dan jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘F’dawk il-​jiem għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-​libsa tiegħu, u jgħidulu: “Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!”’” (Żakkarija 8:23) L-​“għaxart irġiel” qed ikellmu lil-​Lhud spiritwali, il-​fdal taʼ żmienna tal-​Kristjani midlukin. Ladarba n-​numru għaxra jirrappreżenta xi ħaġa sħiħa li għandha x’taqsam maʼ l-​art, l-​“għaxart irġiel” jirrappreżentaw il-​“kotra kbira” li ngħaqdet maʼ l-​“Iżrael taʼ Alla,” u li flimkien jagħmlu “merħla waħda.” (Apokalissi 7:​9, 10; Galatin 6:16) X’ferħ li tara tant uħud li qed jagħtu servizz sagru flimkien bħala adoraturi t’Alla Jehovah!

18, 19. X’evidenza għandna li Jehovah qed ibierek ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

18 Aħna rridu ntiru bil-​ferħ li għaxriet t’eluf—tabilħaqq, mijiet t’eluf—qed iħaddnu l-​qima vera. U dan minkejja li ġejjin minn pajjiżi li darba tant kienu dominati mir-​reliġjon falza li kien jidher qisu impossibbli li setgħu qatt jaċċettaw l-​aħbar tajba. Ara l-​Yearbook of Jehovah’s Witnesses li ħareġ l-​aħħar, u innota kemm hemm pajjiżi li issa qed jirrapportaw minn 100,000 sa 1,000,000 pubblikatur tas-​Saltna. Din hi evidenza ċara li Jehovah qed ibierek ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna.—Proverbji 10:22.

19 Bħala n-​nies taʼ Jehovah, aħna nfaħħru u nirringrazzjaw lil Missierna tas-​sema talli tana skop veru fil-​ħajja, xogħol premjanti fis-​servizz tiegħu, u ħarsa pożittiva lejn il-​futur. Aħna nħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien meta l-​wegħdi divini kollha se jitwettqu u aħna determinati li ‘nżommu ruħna fl-​imħabba taʼ Alla, waqt li nistennew il-​ħajja taʼ dejjem.’ (Ġuda 20, 21) Kemm aħna ferħanin li l-​kotra kbira li qed tfaħħar lil Alla issa tgħodd mas-​6,000,000! Il-​barka taʼ Jehovah tidher ċara fil-​fatt li l-​fdal midluk flimkien maʼ sħabhom in-​nagħaġ oħra huma organizzati f’91,000 kongregazzjoni f’235 pajjiż. Ilkoll kemm aħna mitmugħin tajjeb b’mod spiritwali grazzi għall-​isforzi li ma jaqtgħu xejn taʼ l-​ilsir leali u diskret. (Mattew 24:45) L-​attività tas-​Saltna hi mmexxija b’imħabba minn organizzazzjoni teokratika progressiva permezz taʼ 110 uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Aħna grati li Jehovah qanqal il-​qlub tan-​nies tiegħu biex ‘jagħtuh ġieh b’ġidhom.’ (Proverbji 3:​9, 10) B’hekk, ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar jistaʼ jkompli mad-​dinja kollha, u qed jinbnew ukoll stamperiji, djar Betel u djar missjunarji, Swali tas-​Saltna u taʼ l-​Assembleat skond il-​bżonn.

20. Kif għandna niġu effettwati meta nirriflettu fuq l-​għemejjel kbar u li jistħoqqilhom tifħir li għamel Jehovah?

20 Ma nistgħux insemmuhom kollha l-​għemejjel kbar u li jistħoqqilhom tifħir li għamel Missierna tas-​sema. Imma jistaʼ xi ħadd li għandu qalbu retta jżomm lura milli jingħaqad mal-​kotra miġbura li qed tfaħħar lil Jehovah? Dażgur li le! Għalhekk, ħalli kulmin iħobb lil Alla jgħajjat ferħan: “Hallelujah! Faħħru l-​Mulej mis-​smewwiet, faħħruh fl-​ogħla smewwiet! Faħħruh, anġli tiegħu kollha . . . iż-​żgħażagħ u x-​xbejbiet ukoll, ix-​xjuħ flimkien mat-​tfal: ħa jfaħħru isem il-​Mulej, għax ismu waħdu l-​għoli, sebħu ’l fuq mill-​art u s-​sema!” (Salm 148:​1, 2, 12, 13) Iva, issa u għal dejjem, ejja nfaħħru lil Jehovah għall-​għemejjel kbar tiegħu!

Int Kif Twieġeb?

• Liema huma xi għemejjel taʼ Jehovah li jistħoqqilhom tifħir?

• Għala tħossok imqanqal biex tfaħħar lil Jehovah?

• It-tama tagħna kif inhi marbuta maʼ l-​għemejjel kbar t’Alla?

• Jehovah kif qed jagħmel għemejjel li jistħoqqilhom tifħir fejn tidħol l-​attività taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna?

[Stampa f’paġna 10]

Tingħaqad int m’oħrajn biex tkanta b’qalbek kollha għanjiet taʼ tifħir lil Jehovah?

[Stampi f’paġna 13]

Aħna nifirħu li l-​ġwejdin għad għandhom l-​opportunità li jingħaqdu magħna biex flimkien infaħħru lil Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja